Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2018 minn Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-14 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-831/14, Alfamicro vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-14/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Alfamicro - Sistemas de computadores, Sociedade Unipessoal, Lda. (rappreżentanti: G. Gentil Anastácio u D. Pirra Xarepe, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2017, mogħtija fil-kawża T-831/14;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, sabiex tiġi deċiża skont l-Artikolu 263 TFUE.

tikkundanna lill-Kummissjoni għat-totalità tal-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Alfamicro ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ddikjarat infondata l-azzjoni ppreżentata minn Alfamicro, fejn ikkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 277 849.93, inkrementat b’EUR 26.88 ta’ interessi għal kull ġurnata ta’ dewmien fil-ħlas. Alfamicro tqis li l-Qorti Ġenerali jmissha ddeċidiet il-kawża billi bbażat lilha nnifisha fuq l-Artikolu 263 TFUE, u mhux fuq l-Artikolu 272 TFUE. Barra minn hekk, Alfamicro tqis li l-Kummissjoni, bħall-Qorti Ġenerali, ma osservatx, fid-deċiżjoni tagħha, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni amministrattiva, il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ bona fide, u ta’ ċertezza legali.

Alfamicro ssostni li, kemm l-analiżi kif ukoll il-kuntest, tal-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014, juru li din l-ittra tikkostitwixxi att amministrattiv deċiżjonali, jiġifieri deċiżjoni amministrattiva. Il-kliem li bih huwa redatt, il-fatt li huwa bbażat fuq verifika tal-Qorti tal-Awdituri, il-fatt li l-Kummissjoni siltet konklużjonijiet mill-verifika għall-ftehimiet kollha li fihom hija parti l-appellanti, l-aġġustamenti mwettqa mill-Kummissjoni, kollha jindikaw li din hija kwistjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tirrifletti l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li tattribwixxi lill-azzjoni ppreżentata l-kwalità ta’ azzjoni dikjaratorja u mhux ta’ azzjoni li tikkontesta deċiżjoni amministrattiva, tillimita serjament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Barra minn hekk, Alfamicro tqis li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod serju l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet u l-prinċipju ta’ ekwilibriju kuntrattwali.

Billi naqqset iktar minn 93 % mill-għajnuna miftehma mal-appellanti, il-Kummissjoni ma adottatx il-miżuri xierqa, hekk kif kien jimponi l-ftehim ta’ għajnuna, u b’dan il-mod kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi ma kkundannatx dan l-aġir tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tosservax u taffettwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minbarra dan, il-Kummissjoni, li kellha tadotta l-miżuri xierqa, adottat miżuri li ma kinux xierqa, li kienu arbitrarji, u għaldaqstant ma hemmx ċertezza legali. Billi ma kkundannatx dan l-aġir tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wkoll ma tosservax il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

____________