Language of document : ECLI:EU:T:2011:358

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Parteċipazzjoni fl-akkordju – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑44/07,

Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka), inizjalment irrappreżentata minn M. Powell u K. Kuik, sussegwentement minn M. Powell, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Kellerbauer, V. Bottka u O. Weber, sussegwentement minn M. Kellerbauer, V. Bottka u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża għall-annullament, f’dak li jikkonċerna Kaučuk a.s., tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Kaučuk,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, I. Wiszniewska-Białecka u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq.

2        L-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma:

–        Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja);

–        The Dow Chemical Company, stabbilita f’Midland, Michigan (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”);

–        Dow Deutschland Inc., stabbilita f’Schwalbach (il-Ġermanja);

–        Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (li kienet Dow Deutschland GmbH & Co. OHG), stabbilita f’Schwalbach;

–        Dow Europe, stabbilita f’Horgen (l-Isvizzera);

–        Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja);

–        Polimeri Europa SpA, stabbilita fi Brindisi (l-Italja) (iktar ’il quddiem “Polimeri”);

–        Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Shell Nederland BV, stabbilita f’Den Haag;

–        Shell Nederland Chemie BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi);

–        Unipetrol a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka);

–        Kaučuk a.s., stabbilita fi Kralupy nad Vltavou (ir-Repubblika Ċeka);

–        Trade-Stomil sp. z o.o., stabbilita f’Łódź (il-Polonja) (iktar ’il quddiem “Stomil”).

3        Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe huma kkontrollati kompletament, direttament jew indirettament, minn Dow Chemical (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dow”) (premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        L-attività ta’ Eni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kienet inizjalment żgurata minn EniChem Elastomeri Srl, li hija kkontrollata indirettament minn Eni, permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA (iktar ’il quddiem “EniChem SpA”). Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA. Eni kienet tikkontrolla 99.97 % minn EniChem SpA. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha (inkluża l-attività marbuta mal-gomma butadiene u mal-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) lis-sussidjarja tagħha, Polimeri, li hija 100 % proprjetà tagħha. Eni bdiet tikkontrolla direttament u kompletament lil Polimeri mill-21 ta’ Ottubru 2002. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, EniChem SpA biddlet isimha għal Syndial SpA (premessi 26 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tuża l-isem “EniChem” b’riferiment għal kull kumpannija proprjetà ta’ Eni (iktar ’il quddiem “EniChem”) (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Shell Nederland Chemie hija sussidjarja ta’ Shell Nederland, li min-naħa tagħha hija kkontrollata totalment minn Shell Petroleum (premessi 38 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Kaučuk inħolqot fl-1997, wara l-amalgamazzjoni bejn Kaučuk Group a.s. u Chemopetrol Group a.s. Fil-21 ta’ Lulju 1997, Unipetrol akkwistat l-attiv, drittijiet u obbligi kollha tal-impriżi li amalgamaw. Unipetrol iżżomm 100 % mill-ishma ta’ Kaučuk (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, Tavorex s.r.o. (iktar ’il quddiem “Tavorex”), stabbilita fir-Repubblika Ċeka, irrappreżentat lil Kaučuk (u lill-predeċessur tagħha Kaučuk Group) fl-esportazzjoni li saret mill-1991 sat-28 ta’ Frar 2003. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, sa mill-1996 Tavorex irrappreżentat lil Kaučuk waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lill-produttriċi Pollakka Chemical Company Dwory S.A. (iktar ’il quddiem “Dwory”) fl-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni għal madwar 30 sena, sa tal-inqas is-sena 2001. Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata, Stomil irrappreżentat lil Dwory, bejn l-1997 u l-2000, waqt il-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-perijodu kkunsidrat għat-tul tal-ksur japplika mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Bayer, Eni u Polimeri), mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999 (għal Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie), mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Chemical), mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001 (għal Dow Deutschland), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Unipetrol u Kaučuk), mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000 (għal Stomil), mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 (għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft) u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 (għal Dow Europe) (premessi 476 sa 485 u l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Il-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene maħduma bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”) huma gomom sintetiċi li jintużaw essenzjalment fil-produzzjoni ta’ tajers. Dawn iż-żewġ prodotti huma reċiprokament sostitwibbli u jistgħu jiġu sostitwiti wkoll b’gomom sintetiċi oħra kif ukoll b’gomma naturali (premessi 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Minbarra l-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, hemm produtturi oħra li jinsabu fl-Asja u fil-Lvant tal-Ewropa li biegħu kwantitajiet limitati ta’ GB u GSB fit-territorju taż-ŻEE. Barra minn hekk, parti kbira mill-GB hija prodotta direttament mill-produtturi l-kbar tat-tajers (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), fir-rigward tal-GB u tal-GSB. Għal dak li jirrigwarda l-GSB, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fl-14 ta’ Jannar 2003, Bayer ipprovdiet dikjarazzjoni orali li tiddeskrivi kif jaħdem l-akkordju għal dak li jirrigwarda l-GB. Din id-dikjarazzjoni orali ġiet irrekordjata fuq kasett. Bayer ipprovdiet ukoll il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat GB tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lil Bayer bid-deċiżjoni tagħha li tagħtiha l-immunità kondizzjonali mill-multi (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 [81 KE] u 86 (82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) fil-bini ta’ Dow Deutschland & Co. (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Bejn ix-xahar ta’ Settembru 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland & Co. iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dik il-laqgħa, saret preżentazzjoni orali ta’ kif jaħdem l-akkordju għal GB u għal GSB. Din il-preżentazzjoni orali ġiet irrekordjata. Infetaħ ukoll fajl li fih iddaħlu dokumenti li jirrigwardaw l-akkordju (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċedilha tnaqqis fil-multa ta’ bejn wieħed u ieħor 30 sa 50 % (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura u bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata – ħlief għal Unipetrol – kif ukoll lil Dwory. L-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata wkoll fil-konfront ta’ Tavorex, iżda ma ġietx notifikata lilha, inkwantu Tavorex kienet ilha falluta mix-xahar ta’ Ottubru 2004. Il-proċedura li kienet tikkonċernaha ġiet għaldaqstant magħluqa (premessi 49 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma kellhom ukoll aċċess għall-fajl, fil-forma ta’ CD-ROM, u għad-dikjarazzjonijiet orali u għad-dokumenti relatati magħhom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-3 ta’ Novembru 2005, il-Manufacture française des pneumatiques Michelin (iktar ’il quddiem “Michelin”) talbet li tintervjeni. Hija ppreżentat kummenti bil-miktub fit-13 ta’ Jannar 2006 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward l-impriżi kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fit-12 ta’ Mejju 2006, Michelin ressqet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief għal Stomil, kif ukoll Michelin, ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fl-akkordju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fil-konfront tagħha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċedura fil-konfront ta’ Syndial (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Barra minn hekk, għalkemm inizjalment kienu ntużaw żewġ numri ta’ każijiet differenti (wieħed għal GB u l-ieħor għal GSB) (COMP/E-1/38.637 u COMP/E-1/38.638), il-Kummissjoni użat, wara l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, numru uniku (COMP/F/38.638) (premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

27      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE, billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB:

a)      Bayer, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

b)      Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Dow Deutschland, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001; Dow Deutschland Anlagengesellschaft, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002; Dow Europe, mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002;

ċ)      Eni, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002; Polimeri, mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002;

d)      Shell Petroleum, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999; Shell Nederland Chemie, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999;

e)      Unipetrol, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002; Kaučuk, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002;

f)      Stomil, mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-22 ta’ Frar 2000.

28      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet legali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkulat skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

29      L-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-multi li ġejjin:

a)      Bayer: EUR 0;

b)      Dow Chemical: EUR 64.575 miljun, li minnhom:

i)      EUR 60.27 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland;

ii)      EUR 47 355 miljun, in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe;

ċ)      Eni u Polimeri, in solidum: EUR 272.25 miljun;

d)      Shell Petroleum, Shell Nederland u Shell Nederland Chemie, in solidum: EUR 160 875 miljun;

e)      Unipetrol u Kaučuk, in solidum: EUR 17.55 miljun;

f)      Stomil: EUR 3.8 miljun.

30      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordna lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 li jtemmu immedjatament il-ksur deskritt f’dan l-istess artikolu, jekk huma ma għamlux dan diġà, u li ma jirrepetu l-ebda att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 kif ukoll kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett ekwivalenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2007, Kaučuk ippreżentat din il-kawża.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, N. Wahl ġie nominat biex jikkompleta l-Awla sussegwentement għall-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha.

33      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din stiednet lill-Kummissjoni sabiex tikkomunika ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fit-terminu mogħti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2009.

36      Kaučuk titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, kompletament jew parzjalment, sa fejn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jimponi fuq Kaučuk multa ta’ EUR 17.55 miljun u tiffissa multa sostanzjalment iżgħar;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Kaučuk għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Ir-rikors ta’ Kaučuk huwa bbażat fuq seba’ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Kaučuk issostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta imputatilha l-aġir ta’ Tavorex. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Kaučuk issostni li ma teżistix prova tal-parteċipazzjoni ta’ Tavorex fil-ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-taqssim tas-suq. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Tavorex fl-akkordju, meta pparagunat mas-soluzzjoni adottata għal Dwory. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għal Tavorex u għal Kaučuk. Permezz tal-ħames motiv tagħha, Kaučuk issostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Kaučuk fi ksur li jikkonċerna l-GB. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ ksur minħabba negliġenza jew aġir intenzjonat. Fl-aħħar nett, permezz tas-seba’ motiv tagħha, Kaučuk tinvoka żball manifest ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida.

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem minn Kaučuk.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova tal-parteċipazzjoni ta’ Tavorex fi ftehim dwar l-iffissar ta’ prezzijiet u t-tqassim tas-suq

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti ta’ Kaučuk

40      L-ewwel nett, Kaučuk tfakkar il-ġurisprudenza dwar l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija ssostni li d-depożizzjonijiet tal-impriżi, li jkunu ppreparati wara konsulti esterni, fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni għandhom jiġu ttrattati bi prudenza.

41      Sussegwentement, Kaučuk tirrileva essenzjalment li d-deċiżjoni kkontestata ftit fiha elementi preċiżi li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ Tavorex fl-akkordju. B’mod partikolari, Kaučuk issemmi l-premessi 125, 141, 155 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata u ssostni li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu hemmhekk huma vagi. Dawn jikkuntrastaw ukoll mal-fatti.

42      Fit-tieni lok, Kaučuk tikkontesta l-involviment dirett ta’ T. (Tavorex) f’akkordju fil-15 u fis-16 ta’ Novembru 1999. B’mod partikolari, hija ssostni li ċ-ċifri li jikkonċernawha u li jidhru fin-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) kif ukoll il-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ Dow ma humiex eżatti. Filwaqt li tipprovdi tabella f’dan ir-rigward, Kaučuk tenfasizza b’mod partikolari l-inkoerenzi li jidhru fir-rigward tal-bejgħ reali li sar liż-żewġ kumpanniji, Bridgestone u Michelin, fl-1999 u fl-2000. Jeżistu wkoll differenzi kbar fil-konfront ta’ klijenti oħra. Minn dan Kaučuk tikkonkludi li dawn in-noti jirriflettu x’aktarx stimi personali ta’ N.. Barra minn hekk, Kaučuk tirrileva li, b’kuntrast ma’ dak li tafferma Dow, il-provi li jinsabu fil-fajl juru li fis-16 ta’ Novembru 1999 ma nżammet ebda laqgħa informali. B’mod iktar speċifiku, Kaučuk tirrileva li P. (Bayer) telaq minn Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Novembru 1999 fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Kaučuk tippreżumi li, jekk kienet inżammet laqgħa informali, din inżammet fil-15 ta’ Novembru 1999 filgħaxija. Ebda dokument ma juri li T. kien preżenti f’dak il-mument. T. ipparteċipa biss fil-laqgħa uffiċjali tas-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, Kaučuk tenfasizza li l-fatt li Bayer tikkonferma d-dikjarazzjoni ta’ Dow ma għandu ebda valur probatorju fil-konfront ta’ Tavorex u għaldaqstant fil-konfront tagħha stess.

43      Fit-tielet lok, Kaučuk issostni li ma teżisti ebda prova ta’ ksur wieħed kontinwu li jikkonċernaha b’effett mill-15 u s-16 ta’ Novembru 1999. Kaučuk tfakkar, f’dan ir-rigward, li wara li semmiet il-punt deċiżiv tal-laqgħa tax-xahar ta’ Novembru 1999, li suppost nibbtet il-ksur li jikkonċerna l-GB u l-GSB, il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq tliet laqgħat li suppost seħħew fl-2000, tnejn fl-2001 u tnejn fl-2002. Madankollu, fir-rigward tal-laqgħat tal-31 ta’ Awwissu u tal-1 ta’ Settembru 2000 fi Praga, tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2000 fi Frankfurt am Main, tat-30 u 31 ta’ Awwissu 2001 fi Frankfurt am Main u tas-26 u 27 ta’ Novembru 2001 f’Hamburg (il-Ġermanja), il-Kummissjoni ma tikkonstatax il-parteċipazzjoni ta’ Kaučuk fid-diskussjonijiet illegali. Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tat-2 u 3 ta’ Settembru 2002 fi Praga, Kaučuk tirrileva li, minkejja l-parteċipazzjoni ta’ Dwory fil-laqgħa msemmija, il-Kummissjoni ma kkonstatatx il-parteċipazzjoni ta’ Dwory fil-ksur waħdieni u kontinwu (nota ta’ qiegħ il-paġna 161 tad-deċiżjoni kkontestata). Kaučuk issostni li l-Kummissjoni kellha tasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, it-tweġibiet li taw l-impjegati ta’ Dow huma vagi u ambigwi, jew anki inkompatibbli mal-ewwel dikjarazzjonijiet li ngħataw indipendentement. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tat-28 u 29 ta’ Novembru 2002 f’Londra (ir-Renju Unit), ma saret ebda diskussjoni illegali. Minn dan Kaučuk tikkonkludi li l-Kummissjoni ma waslitx biex tistabbilixxi ksur wieħed u kontinwu għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Novembru 1999 sax-xahar ta’ Novembru 2002 f’dak li jikkonċernaha. Il-provi huma wisq dgħajfa biex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ Tavorex u, bl-istess mod, ta’ Kaučuk.

–       L-argumenti tal-Kummissjoni

44      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħti l-interpretazzjoni tagħha dwar l-oneru tal-prova li hija għandha, fid-dawl tal-ġurisprudenza u ssostni li, f’dan il-każ, jekk jingħaddu l-elementi kollha flimkien, dawn juru b’mod konvinċenti l-parteċipazzjoni ta’ Tavorex/Kaučuk fl-akkordju għaż-żmien imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi magħmula fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni huma elementi probatorji.

45      Sussegwentement, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssemmi l-elementi li hemm fil-fajl li jikkorroboraw, fil-fehma tagħha, il-parteċipazzjoni ta’ Tavorex/Kaučuk fil-ksur inkwistjoni. Il-Kummissjoni ssemmi, b’mod partikolari, il-laqgħat tal-akkordju li jikkonċernaw lil Kaučuk kif ukoll il-laqgħa tat-2 u t-3 ta’ Settembru 1999 f’Richmond-on-Thames (ir-Renju Unit). Minbarra ċerti ċaħdiet ta’ Kaučuk, ebda element ma juri li din tal-aħħar ma pparteċipatx fl-akkordju. Ebda element ma juri wkoll li Kaučuk ħarġet mill-akkordju. Kaučuk ma tiċħadx li T. kien preżenti fil-laqgħat settorali kollha bejn l-1999 u l-2002. Il-laqgħat tal-akkordju seħħew barra mil-laqgħat uffiċjali. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti mressqa minn Kaučuk fir-rigward tal-premessi 125, 141 u 155 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata.

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-involviment dirett ta’ T. (Tavorex) fil-laqgħa informali tal-15 u s-16 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni tenfasizza li Kaučuk ma kkontestatx il-post li fih kien jinsab T. fit-tweġibiet tagħha għall-ewwel u t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija qatt ma affermat li dan tal-aħħar ma setax ikun preżenti għal-laqgħa, kif ġie deskritt fid-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti mressqa minn Kaučuk quddiem il-Qorti Ġenerali huma, f’dan ir-rigward, inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521). Fil-mertu, il-Kummissjoni tammetti li d-dettalji tad-dikjarazzjoni ta’ Dow ma jidhrux li huma eżatti f’dak li jikkonċerna d-data tal-laqgħa informali (jiġifieri, skont Dow, is-16 ta’ Novembru 1999 filgħaxija). Madankollu, l-elementi fil-fajl juru li l-laqgħa informali nżammet matul il-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Novembru 1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hemm provi numerużi li jikkonfermaw il-preżenza ta’ T. fil-laqgħa, anki jekk in-nota tal-ispejjeż ta’ P. (Bayer) ma ssemmix lil T. fost il-parteċipanti. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, skont Kaučuk stess, kien hemm probabbiltajiet kbar li T. kien fi Frankfurt am Main lejliet is-16 ta’ Novembru 1999, peress li huwa dejjem uża l-vettura privata tiegħu meta ġie minn Praga. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li Dow issemmi lil T. fost il-parteċipanti f’din il-laqgħa. Dow, li l-kummenti tagħha ġew ikkonfermati minn Bayer, tiddikjara wkoll li l-parteċipanti kollha, inkluż T., instemgħu fis-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-prezzijiet u taw ċerti ċifri. In-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) fihom iċ-ċifri inkwistjoni taħt it-taqsima “KRA” (għal “Kralupy”, li huwa l-post tal-produzzjoni ta’ Kaučuk). Hija ma tippretendix, fid-deċiżjoni kkontestata, li ċ-ċifri tal-bejgħ imsemmija huma korretti, iżda li fi kwalunkwe każ, ix-xhieda ta’ Dow u ta’ Bayer kif ukoll in-noti ta’ N. huma prova dwar il-fatt li T. ipparteċipa fil-laqgħa illegali li nżammet filgħaxija fil-15 ta’ Novembru 1999.

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kontestazzjoni, min-naħa ta’ Kaučuk, tal-eżistenza ta’ ksur wieħed u kontinwu, il-Kummissjoni tippreċiża li, fir-rigward tal-laqgħa tal-21 u 22 ta’ Frar 2000, hija ma sabitx prova tal-ftehim illegali. Għal dak li jikkonċerna l-laqgħa tal-31 ta’ Awwissu u l-1 ta Settembru 2000 fi Praga, il-Kummissjoni ma timputax lil Kaučuk bi ftehim fil-kuntest tal-akkordju f’din l-okkażjoni, iżda tikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li Dow skambjat informazzjoni dwar il-prezzijiet li tikkonċerna b’mod partikolari lil Kaučuk. Fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2000 fi Frankfurt am Main, id-dikjarazzjoni ta’ Bayer ma timplikax direttament lil Kaučuk bħala parteċipanta. Madankollu, l-akkordju kien segwit. Fir-rigward tal-laqgħa tat-30 u 31 ta’ Awwissu 2001 li nżammet fi Frankfurt am Main, il-Kummissjoni rrikonoxxiet in-nuqqas ta’ involviment dirett ta’ Kaučuk, iżda tenfasizza li d-dikjarazzjoni ta’ Dow issaħħaħ l-akkuża u li Kaučuk kienet bla ebda dubju preżenti għal-laqgħa uffiċjali. Fir-rigward tal-laqgħa tas-26 u 27 ta’ Novembru 2001 li nżammet f’Hamburg, mill-posta elettronika ta’ I. (Dow) jirriżulta li l-akkordju kien qiegħed jiġi segwit b’mod ġenerali. Fir-rigward tal-laqgħa li nżammet fi Praga fit-2 u 3 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni tirrileva li l-persuni kollha inkarigati mill-GSB f’Bayer jakkużaw direttament u unanimament lil T. (Tavorex) bil-fatt li pparteċipa fil-ftehim dwar il-prezzijiet. B’mod partikolari, ix-xhieda ta’ Bayer (P.) hija bbażata fuq posta elettronika interna, li ġiet ippreżentata bħala prova fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-laqgħa tat-28 u 29 ta’ Novembru 2002 li nżammet f’Londra, il-Kummissjoni tinterpreta d-dikjarazzjoni ta’ P. bħala li tinkludi wkoll lil T. Fl-aħħar nett, xejn ma jindika li Kaučuk (jew Tavorex) kienu tbiegħdu b’mod ċar mill-akkordju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

48      Għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58 u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86). Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256). L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni ipprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, suffiċjentement skont il-liġi, jekk ikun għadu jippersisti dubju fil-ħsieb tagħha dwar din il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

49      Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehim antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien sar kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

50      F’dan il-każ, fir-rigward tal-laqgħat tal-akkordju (taqsima 4.3 tad-deċiżjoni kkontestata), Kaučuk tikkontesta, fl-ewwel lok, il-parteċipazzjoni ta’ T. (Tavorex) fi ftehim illegali tal-15 u 16 ta’ Novembru 1999 fi Frankfurt am Main. Kaučuk tikkontesta, fit-tieni lok, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-konfront tagħha, l-eżistenza ta’ ksur fil-perijodu bejn is-16 ta’ Novembru 1999 sat-28 ta’ Novembru 2002.

51      L-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-laqgħa tat-2 u 3 ta’ Settembru 1999 li nżammet f’Richmond-on-Thames (premessi 189 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li din il-laqgħa ma tidħolx fil-perijodu tal-ksur kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ Kaučuk.

52      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-15 u 16 ta’ Novembru 1999, li nżammet fi Frankfurt am Main, il-Kummissjoni kkonstatat li nżammet laqgħa tal-akkordju, barra mil-laqgħa uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, “filgħaxija u fil-lejl tas-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-laqgħa illegali involviet lil P. (Bayer), F., N., V. (Dow), L. (Stomil), L. (EniChem) u T. (Tavorex). Il-persuni kkonċernati l-ewwel iltaqgħu fil-bar tal-lukanda, qabel ma krew sala għal-laqgħat (premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-provi li jinsabu fil-fajl jirriżulta li, kif issostni Kaučuk, P. (Bayer) ma kienx preżenti fis-16 ta’ Novembru 1999 filgħaxija fi Frankfurt am Main. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-fatt.

54      Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi kontradizzjonijiet fir-rigward tal-mument eżatt li fih inżammet il-laqgħa illegali inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tgħid, fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, “filgħaxija u [...] fil-lejl tas-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali], abbażi tad-dikjarazzjoni ta’ Dow. Il-Kummissjoni tikkonstata wkoll, fil-premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-laqgħa illegali inkwistjoni inżammet fil-“lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Novembru 1999” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, it-taqsima 4.3.8 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-15 u s-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, id-dispożittiv ta’ din tal-aħħar issemmi d-data tas-16 ta’ Novembru 1999 bħala l-bidu tal-ksur fir-rigward ta’ Kaučuk.

55      Fit-tielet lok, diversi elementi materjali jiżvelaw ukoll kontradizzjonijiet fir-rigward tal-allegata data tal-laqgħa illegali inkwistjoni u fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet l-oħra possibbli mogħtija mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, in-nota tal-ispejjeż ta’ P. (Bayer) li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-ħlas magħmul fil-bar tal-lukanda għall-ammont ta’ 84.5 marki Ġermaniżi (DEM) jirreferi għad-data tal-15 ta’ Novembru 1999. Min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-kirja ta’ sala għal-laqgħat fl-ammont ta’ DEM 436 ġie, min-naħa tiegħu, irreġistrat fis-16 ta’ Novembru 1999. Barra minn hekk, in-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow) isemmu biss id-data tas-16 ta’ Novembru 1999. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-laqgħa illegali saħħet wara l-laqgħa uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika, li nżammet fis-16 ta’ Novembru filgħodu.

56      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma tikkontestax, kif tindika Kaučuk fl-iskritturi tagħha, li T. (Tavorex) kien imur għal-laqgħat tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-gomma sintetika bil-karozza (ħlief għal-laqgħat fir-Renju Unit) u li l-vjaġġ bejn Praga u Frankfurt am Main kien jieħu madwar ħames siegħat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli, anki jekk din l-ipotesi tinvolvi sforz partikolari, li T. mar direttament fi Frankfurt am Main fis-16 ta’ Novembru 1999 filgħodu. Fi kwalunkwe każ, ma hemm ebda prova fil-fajl li tikkontradixxi din l-ipotesi. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-kontestazzjoni min-naħa ta’ Kaučuk fir-rigward tal-preżenza ta’ T. fil-15 ta’ Novembru filgħaxija hija inammissibbli, huwa biżżejjed li jiġi rilevat li Kaučuk ma tagħmilx ħlief tikkontesta l-ipotesi – ġdida fir-rigward tal-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata – li l-laqgħa illegali setgħet inżammet fil-15 ta’ Novembru 1999 filgħaxija. L-argumenti tal-Kummissjoni għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

57      Fil-ħames lok, id-dikjarazzjoni ta’ Dow imsemmija fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li P. (Bayer), F., N., V. (Dow), L. (Stomil), L. (EniChem) u T. (Tavorex) iltaqgħu fil-bar tal-lukanda, qabel ma krew sala għal-laqgħat. Issa, in-nota tal-ispejjeż ta’ P., dwar ix-xorb li nxtara, ma ssemmix lil T. fost il-parteċipanti tal-laqgħa fil-bar tal-lukanda.

58      Fis-sitt lok, fir-rigward tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. (Dow), huwa paċifiku li r-responsabbiltà ta’ Kaučuk ma ġietx ikkonstatata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju li jirrigwarda l-GB. Il-parti tan-noti miktubin bl-idejn ta’ N. li tikkonċerna lill-GB ma tistax għaldaqstant ikollha forza probatorja fil-konfront ta’ Kaučuk. Għal dak li jikkonċerna l-parti tan-noti miktubin bl-idejn li tirrigwarda l-GSB, għandu jiġi rilevat li, barra mill-produtturi tal-akkordju, hemm produtturi oħra li ma jagħmlux parti mill-akkordju li jissemmew bħala fornituri ta’ ċerti klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma jistax jiġi eskluż li saru ċerti stimi ta’ kunsinni bejn ċerti produtturi biss, mingħajr ma hu possibbli li jiġi stabbilit bi preċiżjoni jekk Kaučuk (permezz ta’ Tavorex) kinitx waħda minnhom, u dan fid-dawl b’mod partikolari tal-kontradizzjonijiet li jeżistu fir-rigward tad-data preżunta tal-laqgħa illegali inkwistjoni.

59      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi speċifiċi kollha meħuda flimkien f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeżisti dubju fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ T. (Tavorex) f’laqgħa illegali fi Frankfurt am Main fil-15 u 16 ta’ Novembru 1999. Dan id-dubju għandu jkun għall-benefiċċju ta’ Kaučuk.

60      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħat li nżammu wara x-xahar ta’ Novembru 1999, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk Tavorex ipparteċipatx direttament f’laqgħa tal-akkordju.

61      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ssemmiex lil Tavorex fost l-impriżi li kkonkludew ftehim waqt il-laqgħa tal-31 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru 2000, fi Praga (premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2000 li nżammet fi Frankfurt am Main (premessi 222 sa 225 tad-deċiżjoni kkontestata), hemm dubju dwar jekk il-ftehim inkwistjoni setax jiġi konkluż ma’ Tavorex fil-karozza ta’ W. (Bayer), u dan meħud kont, b’mod partikolari, tal-fatt, li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, li T. (Tavorex) kien imur bil-karozza personali tiegħu għal-laqgħat li kienu jinżammu fi Frankurt. Fir-rigward tal-laqgħa tat-30 u l‑31 ta’ Awwissu 2001, li nżammu wkoll fi Frankfurt am Main (premessi 226 sa 230 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jsemmux espressament lil Tavorex jew Kaučuk. Fir-rigward tal-laqgħa tas-26 u 27 ta’ Novembru 2001 (premessi 231 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma tikkonkludix li kien hemm ftehim speċifiku, iżda li l-ftehim inkwistjoni kienu komplew sa dakinhar.

62      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tat-2 u 3 ta’ Settembru 2002 li nżammet fi Praga (premessi 238 sa 245 tad-deċiżjoni kkontestata), l-elementi mressqa mill-Kummissjoni jidhru li juru, mad-daqqa ta’ għajn, li kienu ġew konklużi ftehim illegali. Madankollu, hemm dubju dwar kemm T. (Tavorex) ipparteċipa fil-laqgħa illegali msemmija. Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq dikjarazzjoni ta’ Bayer, imsemmija fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata b’mod partikolari fuq indikazzjonijiet mogħtija minn P., fejn jingħad li T. kien involut direttament fil-kuntest tal-laqgħa illegali inkwistjoni. Issa, Bayer indikat ukoll, fid-dikjarazzjoni msemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata wkoll fuq indikazzjonijiet ta’ P., li T. kien ipparteċipa fil-laqgħat informali barra mil-laqgħat uffiċjali bejn ix-xahar ta’ Novembru 1996 u “tmiem l-1999”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant teżisti ċerta kontradizzjoni bejn iż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ Bayer. Din il-kontradizzjoni tqajjem dubju fir-rigward tal-parteċipazzjoni effettiva ta’ T. għal laqgħa illegali tat-2 u 3 ta’ Settembru 2002 fi Praga. Dan id-dubju għandu jkun favur Kaučuk.

63      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-28 u d-29 ta’ Novembru 2002 li nżammet f’Londra, il-Kummissjoni ma tikkonstatax li ġie konkluż ftehim illegali bejn l-impriżi kkonċernati f’dawn id-dati.

64      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha meħudin flimkien f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-elementi msemmija fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-laqgħat tal-akkordju, inkwantu jikkonċernaw lil Tavorex (u għaldaqstant lil Kaučuk), ma humiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li din l-impriża pparteċipat fil-ftehim illegali inkwistjoni.

65      L-elementi msemmija fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda d-deskrizzjoni tal-akkordju (taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jistgħux jannullaw din il-konklużjoni.

66      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, anki jekk xi elementi msemmija fit-taqsima 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jkollhom ċerta valur probatorju, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni ġenerali ta’ Bayer imsemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ma humiex suffiċjenti, fid-dawl tal-elementi speċifiċi rrilevati qabel li jikkonċernaw il-laqgħat tal-akkordju u d-dubju li għandu jkun favur ir-rikorrenti, biex jiġġustifikaw il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur li jikkonċerna lil Kaučuk.

67      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħhom, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Tavorex (u għaldaqstant ta’ Kaučuk) fl-akkordju.

68      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, inkwantu tikkonċerna lil Kaučuk, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati motivi oħra mressqa insostenn tar-rikors, u b’mod partikolari l-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji prinċipali u l-intermedjarji fil-kuntest tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet ta’ Kaučuk.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), hija annullata inkwantu tikkonċerna lil Kaučuk a.s.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.