Language of document : ECLI:EU:C:2014:317

Kawża C‑131/12

Google Spain SL

u

Google Inc.

vs

Agencia Española de Protección de Datos (AEPD)

u

Mario Costeja González

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional)

“Data personali — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 2, 4, 12 u 14 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u territorjali — Muturi ta’ tfittxija fuq l-internet — Ipproċessar tad-data li tkun tinsab f’siti tal-internet — Tfittxija, elenkar f’indiċi u ħażna ta’ din id-data — Responsabbiltà tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija — Stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru — Portata tal-obbligi ta’ dan l-operatur u tad-drittijiet tas-suġġett tad-data — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7 u 8”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Mejju 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46, Artikolu 2 — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett — Attività ta’ mutur ta’ tfittxija li tikkonsisti fit-tfittxija għal informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar f’indiċi ta’ din l-informazzjoni, fil-ħażna tagħha u fit-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet — Inklużjoni — Kontrollur — Kunċett — Operatur ta’ mutur ta’ tfittxija — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(b) u (d))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Rispett tal-ħajja privata u protezzjoni tad-data personali — Bilanċ ġust bejn id-dritt għal informazzjoni u d-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46, Artikolu 4 — Dritt nazzjonali applikabbli — Ipproċessar ta’ data fil-kuntest tal-attivitajiet tal-istabbiliment ta’ operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru — Portata — Promozzjoni u bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar indirizzati lir-residenti ta’ dan l-Istat Membru u proposti minn dan il-mutur ta’ tfittxija permezz tal-imsemmi stabbiliment — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 4(1)(a))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46, Artikoli 12 u 14 — Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data personali u dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar ta’ din id-data — Dritt li tintalab it-tneħħija mil-lista ta’ riżultati tal-konnessjonijiet lejn paġni tal-internet — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46, Artikoli 12 u 14 — Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data personali u dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar ta’ din id-data — Tfittxija mwettqa permezz ta’ mutur ta’ tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna — Preżentazzjoni ta’ lista ta’ riżultati — Dritt li jintalab li din l-informazzjoni ma tibqax titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 6(1)(ċ) sa (e), u 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14)

1.        L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija li tikkonsisti fit-tisjib ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar b’mod awtomatiku ta’ din l-informazzjoni f’indiċi, fil-ħażna temporanja ta’ din l-informazzjoni u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari għandha titqies li hija pproċessar ta’ data personali meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li d-data kienet diġà s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet u ma tkunx mibdula minn dan il-mutur ta’ tfittxija. Fil-fatt, l-operazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala tali pproċessar anki fil-każ fejn jikkonċernaw esklużivament informazzjoni li tkun diġà ppubblikata bħala tali fil-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Barra minn hekk, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu jitqies li huwa l-kontrollur tal-imsemmi pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, sa fejn l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija tista’ tolqot, b’mod sinjifikattiv u b’mod addizzjonali meta mqabbla mal-attività tal-edituri ta’ siti tal-internet, id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni ta’ data personali, l-operatur ta’ dan il-mutur, bħala l-persuna li tiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ din l-attività, għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li din l-attività tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 b’tali mod li l-garanziji previsti minn din id-direttiva jkun jista’ jkollhom l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom.

(ara l-punti 29, 30, 38, 41 u d-dispożittiv 1)

2.        Ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jista’ jolqot b’mod sinjifikattiv id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali meta t-tfittxija permezz ta’ dan il-mutur titwettaq fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika, peress li l-imsemmi pproċessar jippermetti lil kull utent tal-internet jikseb, permezz tal-lista ta’ riżultati, stampa ġenerali strutturata tal-informazzjoni dwar din il-persuna li tista’ tinstab fuq l-internet, informazzjoni li potenzjalment tista’ tikkonċerna diversi aspetti tal-ħajja privata tiegħu u li, mingħajr l-imsemmi mutur ta’ tfittxija, kien ikun impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġu konnessi flimkien, u li b’hekk tali utent ikun jista’ jibni profil ftit jew wisq iddettaljat tas-suġġett tad-data. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-internet u l-muturi ta’ tfittxija jagħtu lill-informazzjoni li tkun tinsab f’tali lista ta’ riżultati natura omnipreżenti. Fid-dawl tal-gravità potenzjali ta’ din l-interferenza, din l-interferenza ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi biss tal-interess ekonomiku li tali pproċessar jirrappreżenta għall-operatur ta’ tali mutur. Għandu jipprova jintlaħaq bilanċ ġust b’mod partikolari bejn l-interess leġittimu tal-utenti tal-internet li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 36, 38, 80, 81 u 97)

3.        L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar fit-territorju ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija joħloq fi Stat Membru fergħa jew sussidjarja maħsuba sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar proposti minn dan il-mutur u li l-attività tagħha tkun orjentata lejn ir-residenti ta’ dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-attivitajiet tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija u dawk tal-istabbiliment tiegħu li jkun jinsab fi Stat Membru, għalkemm distinti, ikunu marbuta b’mod inseparabbli peress li l-attivitajiet marbuta mal-ispazji ta’ reklamar jikkostitwixxu l-mezz sabiex il-mutur ta’ tfittxija inkwistjoni jkun ekonomikament profittabbli u peress li, fl-istess ħin, dan il-mutur huwa l-mezz li permezz tiegħu jistgħu jitwettqu dawn l-attivitajiet.

(ara l-punti 51, 55, 56, 60 u d-dispożittiv 2)

4.        L-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet u sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu effettivament issodisfatti, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat ineħħi mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, il-konnessjonijiet lejn paġni tal-internet, ippubblikati minn terzi u li jinkludu informazzjoni dwar din il-persuna, anki fil-każ fejn dan l-isem jew din l-informazzjoni ma jkunux tneħħew preċedentement jew simultanjament minn dawn il-paġni tal-internet, u dan, jekk ikun il-każ, anki meta l-pubblikazzjoni tagħhom fuq dawn il-paġni tkun, fiha nnifisha, leġittima.

F’dan ir-rigward, sa fejn l-inklużjoni fil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, ta’ paġna tal-internet u tal-informazzjoni li tkun tinsab f’din il-paġna dwar din il-persuna tiffaċilita b’mod kunsiderevoli l-aċċessibbiltà għal din l-informazzjoni minn kull utent tal-internet li jwettaq tfittxija dwar is-suġġett tad-data u jista’ jkollha rwol deċiżiv fir-rigward tad-diffużjoni ta’ din l-informazzjoni, l-ipproċessar ta’ data mwettaq mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jista’ jikkostitwixxi interferenza iktar sinjifikattiva fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tas-suġġett tad-data milli tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni mill-editur ta’ din il-paġna tal-internet.

(ara l-punti 87, 88 u d-dispożittiv 3)

5.        Minn dawn ir-rekwiżiti, previsti fl-Artikolu 6(1)(ċ) sa (e) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, jirriżulta li anki pproċessar inizjalment leġittimu ta’ data eżatta jista’ jsir, biż-żmien, inkompatibbli ma’ din id-direttiva meta din id-data ma tkunx iktar neċessarja fir-rigward tal-finijiet li għalihom tkun inġabret jew tkun ġiet ipproċessata. Għaldaqstant, fil-każ li jiġi kkonstatat, wara talba mis-suġġett tad-data taħt l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, li l-inklużjoni fil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tiegħu, tal-konnessjonijiet lejn paġni tal-internet, ippubblikati legalment minn terzi u li jinkludu informazzjoni personali li hija vera, tkun, attwalment, inkompatibbli mal-imsemmi Artikolu 6(1)(ċ) sa (e), minħabba l-fatt li din l-informazzjoni tidher, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-każ ineżami, li hija inadegwata, li ma hijiex jew ma għadhiex rilevanti jew li hija eċċessiva fir-rigward tal-finijiet tal-ipproċessar inkwistjoni mwettaq mill-operatur tal-mutur ta’ tfittxija, l-informazzjoni u l-konnessjonijiet ikkonċernati tal-imsemmija lista ta’ riżultati għandhom jitħassru.

F’dan il-kuntest, sabiex issir il-konstatazzjoni ta’ dritt tas-suġġett tad-data li l-informazzjoni dwar il-persuna tiegħu ma tibqax marbuta ma’ ismu permezz ta’ lista ta’ riżultati ma huwiex meħtieġ li l-inklużjoni tal-informazzjoni inkwistjoni fil-lista ta’ riżultati tikkawża preġudizzju għas-suġġett tad-data.

Peress li s-suġġett tad-data jista’, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tiegħu taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jitlob li l-informazzjoni inkwistjoni ma tibqax imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali permezz tal-inklużjoni tagħha f’tali lista ta’ riżultati, dawn id-drittijiet, bħala regola ġenerali, jipprevalu mhux biss fuq l-interess ekonomiku tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija, iżda wkoll fuq l-interess ta’ dan il-pubbliku li jsib l-imsemmija informazzjoni meta jwettaq tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ dan is-suġġett tad-data. Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk jidher, għal raġunijiet partikolari, bħalma huwa r-rwol li l-imsemmi suġġett tad-data jkollu fil-ħajja pubblika, li l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tiegħu tkun iġġustifikata mill-interess superjuri tal-imsemmi pubbliku li jkollu, minħabba din l-inklużjoni, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 93, 94, 96-99 u d-dispożittiv 4)