Language of document : ECLI:EU:C:2015:640

Kawża C‑290/14

Proċeduri kriminali

vs

Skerdjan Celaj

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Firenze)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Deċiżjoni li tordna r-ritorn flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin – Ksur tal-projbizzjoni fuq id-dħul – Ċittadin ta’ pajjiż terz li kien tneħħa preċedentement – Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ dħul mill-ġdid illegali fit-territorju nazzjonali – Kompatibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2015

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Deċiżjoni ta’ ritorn, fir-rigward ta’ tali ċittadin, flimkien ma projbizzjoni fuq id-dħul għal tliet snin – Ksur tal-projbizzjoni fuq id-dħul minn dan iċ-ċittadin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq tali ċittadin – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 11)

Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jirrisjedi irregolarment li, wara li rritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn preċedenti, jerġa’ jidħol mill-ġdid b’mod irregolari fit-territorju tal-imsemmi Stat bi ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

Madankollu, sa fejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, li wasslet għat-tneħħija li ġiet qabel id-dħul mill-ġdid irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali hija ammessa biss taħt il-kundizzjoni li l-projbizzjoni fuq id‑dħul fil-konfronti tal-imsemmi ċittadin tkun konformi mal-Artikolu 11 ta’ din id‑direttiva, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fl-aħħar nett, l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni kriminali hija wkoll suġġetta għar-rispett totali kemm tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll, fejn japplika, tal-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjati, u b’mod partikolari tal-Artikolu 31(1) tagħha.

(ara l-punti 31-33 u d-dispożittiv)