Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Frar 2008 - UEFA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-55/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Union des associations européennes de football (UEFA) (Nyon, L-Iżvizzera) (rappreżentanti: A. Bell u K. Learoyd, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn hija tapprova, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, l-elenkar fir-Renju Unit ta' l-EURO kollu kemm hu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż ta' l-UEFA fir-rigward ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE1 Stat Membru jista' jfassal lista ta' avvenimenti sportivi jew oħrajn li huma meqjusa bħala avvenimenti ta' 'importanza kbira għas-soċjetà'. L-avvenimenti fuq il-lista ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' drittijiet esklużivi ta' xandir li jċaħżdu lil proporzjoni sostanzjali tal-pubbliku f'dak l-Istat Membru milli jsegwi l-avveniment permezz ta' xandira diretta jew differita fuq it-televiżjoni mingħajr ħlas.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE tas-16 ta' Ottubru 20072 li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-lista mfassla mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/552/KEE, li telenka it-Turnew tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew tal-Futbol ta' l-UEFA kollu kemm hu - il-EURO, kienet kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

In sostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissottometti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni:

-    ma ġietx adottata billi ġiet segwita proċedura ċara u trasparenti kif meħtieġ skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE;

-    ma tipprovdix dikjarazzjoni ta' raġunijiet adegwata;

-     hija bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-logħob li ma jinvolvi l-ebda tim tal-pajjiż li qed jilgħab f'daru fil-EURO jista' jitqies bħala avvenimenti ta' importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit;

-    ma fihiex analiżi xierqa tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tal-moviment liberu tas-servizzi u twassal għal distorsjoni spoporzjonata u mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti u għal restrizzjoni tal-provvista bla ħlas tas-servizzi tax-xandir;

-    tikser id-drittijiet ta' proprjetà tar-rikorrenti, peress li tirriżulta f'restrizzjoni tal-mod kif ir-rikorrenti tista' tikkummerċjalizza d-drittjiet tat-televiżjoni għall-EURO;

-    tikser il-prinċipju ta' proporżjonalità, peress li la hija xierqa u lanqas neċessarja għall-għanijiet li tfittex li tilħaq; u

-    tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali, peress li tiżvantaġġa lir-rikorrenti meta mqabbla ma' detenturi oħrajn tad-drittijiet.

____________

1 - Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU 1989 L 298, p. 23).

2 - Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730 tas-16 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU 2007 L 295, p. 12).