Language of document : ECLI:EU:C:2018:218

DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Eżami mill-Ġdid)

19 ta’ Marzu 2018 (*)

“Eżami mill-ġdid”

Fil-Kawża C-141/18 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fit-22 ta’ Frar 2018


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Eżami mill-Ġdid),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1        Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22). B’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Ġunju 2016, FV vs Il-Kunsill (F-40/15, EU:F:2016:137), li biha huwa kien ċaħad rikors intiż għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit għall-perijodu li jmur mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2013. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-fatt, li l-Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kienet tat din l-aħħar sentenza ma kinitx ġiet ikkostitwita b’mod regolari.

2        Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq appelli mid-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni jiġi mittiefes.

3        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 62 ta’ dan l-istatut jipprevedi li l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

4        Issa, filwaqt li espona raġunijiet partikolari li wassluh jitlob lill-Awla tal-Eżami mill-Ġdid, l-Avukat Ġenerali Ewlieni qed jindika, fil-proposta ta’ eżami mill-ġdid li biha ressaq it-talba lil din tal-aħħar, li huwa jqis li “s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22), ma tippreżentax, fil-raġunament ġuridiku tagħha, riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”.

5        Għaldaqstant, mill-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali ewlieni jirriżulta li l-kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ikunu preżenti sabiex l-Awla tal-Eżami mill-Ġdid tkun tista’ tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk din is-sentenza tippreżentax riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, jekk hemmx lok li jsir eżami mill-ġdid tagħha, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Eżami mill-Ġdid) taqta’ u tiddeċiedi:

Ma hemmx lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat-23 ta’ Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill (T-639/16 P, EU:T:2018:22).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.