Language of document : ECLI:EU:C:2012:276

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑44/11

Finanzamt Frankfurt am Main V-Höchst

vs

Deutsche Bank AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja)]

“VAT — Servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio — Eżenzjoni — Servizz prinċipali u servizz anċillari — Post ta’ provvista”






1.        Skont id-Direttiva tal-VAT (2), ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji huma eżenti mill-VAT. Meta l-fornitur u l-konsumatur ma jkunux stabbiliti fl-istess pajjiż, il-post ta’ provvista tas-servizzi bankarji u finanzjarji huwa dak tan-negozju jew tar-residenza tal-konsumatur.

2.        Il-Bundesfinanzhof Ġermaniża (il-Qorti Federali tal-Finanzi) tixtieq tkun taf kif dawn ir-regoli japplikaw għal servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio fejn, fil-kuntest ta’ strateġija magħżula, il-konsumatur jagħti lill-bank id-diskrezzjoni kollha sabiex jixtri u jbiegħ titoli f’ismu u għan-nom tiegħu, għal ħlas ikkalkolat bħala perċentwali mill-valur tat-titoli. Hija titlob ukoll li tingħata kjarifiki fuq il-kwistjoni dwar jekk l-elementi li jikkostitwixxu dawn is-servizzi għandhomx jiġu ttrattati separatament jew flimkien u, f’dan l-aħħar każ, liema huwa l-element li għandu jippredomina għal skopijiet ta’ klassifikazzjoni.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (l-“UE”)

3.        Fl-2008, is-sena finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 56(1) tad-Direttiva tal-VAT kien jipprovdi, sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża:

“Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[...]

(e)      operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni li jinkludu ri-assigurazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ kiri ta’ kaxxiforti;

[...] (3)”.

4.        Skont l-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw ċertu numru ta’ attivitajiet ta’ natura finanzjarja:

“(a)      assigurazzjoni u tranżazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers tal-assigurazzjoni u l-aġenti tal-assigurazzjoni;

(b)      l‑għoti jew in‑negozjar ta’ kreditu u l‑immaniġġjar tal‑kreditu mill‑persuna li tagħtih;

(ċ)      in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;

(d)      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

(e)      transazzjoniet, inkluż negozjar, li jikkonċerna l-munita, karti tal-flus u muniti użati bħala valuta legali, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti tal-kollezzjoni, jiġifieri, deheb, fidda u muniti oħrajn tal-metall jew karti tal-flus li normalment m’humiex użati bħala valuta legali jew muniti b’interess numismatiku;

(f)      transazzjonijet, inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar jew iż-żamma fiż-żgur, f’ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, obbligazzjonijiet (debentures) u sigurtajiet oħrajn, iżda esklużi dokumenti li jistabbilixxu titolu għal merkanzija, u d-drittijiet jew sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) [(4)];

(g)      maniġġjar ta’ fondi speċjali [komuni] ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri [(5)];

[...]”.

5.        Minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-punti (f) u (g) (6) huma dawk rilevanti għal din il-kawża. L-eżenzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 135(1) huma: (h) il-provvista b’valur nominali ta’ bolol tal-posta validi, bolli fiskali u bolli validi oħrajn; (i) imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob tal-azzard; (j) il-provvista ta’ bini u tal-art li jinsab fuqha; (k) il-provvista ta’ art li ma nbnietx ħlief il-provvista ta’ art għall-bini; u (l) l-kiri ta’ proprjetà immobbli.

6.        L-Artikolu 135(2)(d) jeskludi l-kiri ta’ kaxxiforti mill-eżenzjoni msemmija l-aħħar, prevista fl-Artikolu 135(1)(l). Tali tranżazzjonijiet huma għalhekk suġġetti għall-VAT.

7.        Fi Frar tal-2008, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Kunsill proposta għal emenda tad-Direttiva tal-VAT, u proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri għall-implementazzjoni tagħha, fir-rigward tas-sistema tal-VAT applikabbli għas-servizzi ta’ assigurazzjoni u għas-servizzi finanzjarji (7). Dawn il-proposti, li jiddefinixxu t-termini użati biex jindikaw is-servizzi finanzjarji, għadhom qegħdin jiġu diskussi attivament fi ħdan il-Kunsill, li għadu ma wasalx għal ftehim (8). Meta ppreżentat il-proposti tagħha, il-Kummissjoni stqarret li d-definizzjonijiet ta’ servizzi finanzjarji kienu skaduti u kienu wasslu għal interpretazzjoni u applikazzjoni irregolari mill-Istati Membri. L-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet tat-taxxa kienu kkonfrontati b’kumplessità legali kunsiderevoli, minħabba prattiċi amministrattivi li jvarjaw li wasslu għal inċertezza legali, li sussegwentement tat lok għal żieda fil-litigazzjoni u fl-imposti amministrattivi.

 Id-dritt nazzjonali

8.        Fl-2008, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3a(3), 3a(4)(6)(a) u 4(8)(e) u (h) tal-liġi Ġermaniża tal-2005 fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (Umsatzsteuergesetz 2005, iktar ’il quddiem l-“UStG”), meħuda flimkien, kien jirriżulta, essenzjalment, fir-rigward tat-“tranżazzjonijiet fin-negozju ta’ titoli, inkluż negozjar iżda mhux iż-żamma fiż-żgur jew l-immaniġġjar ta’ titoli” u l-“immaniġġjar ta’ fondi ta’ investiment skont il-liġi Ġermaniża fuq l-investimenti (Investmentgesetz) u ta’ skemi ta’ pensjonijiet skont il-liġi Ġermaniża dwar is-superviżjoni tal-assigurazzjoni (Versicherungsaufsichtsgesetz)” li: (i) dawn it-tranżazzjonijiet kellhom ikunu eżenti mill-VAT; (ii) fejn il-konsumatur kien negozjant, is-servizz tqies li ġie pprovdut fil-post tan-negozju jew fl-istabbiliment permanenti tiegħu, skont iċ-ċirkustanzi; u (iii) fejn il-konsumatur ma kienx negozjant u kien residenti jew kellu s-sede tiegħu fit-territorju ta’ xi pajjiż ieħor, is-servizz tqies li ġie pprovdut f’dan il-pajjiż.

9.        Madankollu, skont ċirkulari maħruġa mill-ministeru federali tal-finanzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, l-Artikoli 3a(3) u (4)(6)(a) tal-UStG ma kellhomx jiġu applikati biex jiġi stabbilit il-post tal-provvista ta’ servizzi ta’ immaniġġjar ta’ assi. Lanqas ma kien possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT, li ma kienx jindika li kien maħsub sabiex ikopri tranżazzjonijiet differenti minn dawk elenkati. Fir-rigward tal-eżenzjoni, l-Artikolu 135(1) tal-imsemmija direttiva kien ċar u preċiż u ma kienx jagħmel riferiment għall-immaniġġjar ta’ assi. L-immaniġġjar ta’ assi, inkwantu servizz wieħed, kien għalhekk suġġett għat-taxxa u ma kienx eżenti mit-taxxa taħt l-Artikolu 4(8)(e) tal-UStG.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi rrinvjati

10.      Id-Deutsche Bank jipprovdi servizzi li bihom l-investituri jagħtuh struzzjonijiet biex jimmaniġġjalhom drittijiet ta’ titoli, skont id-diskrezzjoni tiegħu u mingħajr ma jikseb struzzjonijiet minn qabel, imma konformi ma’ strateġija magħżula mill-investitur, u biex jieħu l-miżuri kollha xierqa għal dan il-għan. Id-Deutsche Bank jista’ jiddisponi mit-titoli f’isem u għan-nom tal-investitur. L-investitur iħallas remunerazzjoni annwali ekwivalenti għal 1.8 % tal-valur tal-assi mmaniġġjati, li tinkludi parti għall-immaniġġjar ekwivalenti għal 1.2 % tal-imsemmi valur u parti għax-xiri u l-bejgħ ta’ titoli ekwivalenti għal 0.6 % tal-assi. Din ir-remunerazzjoni tkopri wkoll l-amministrazzjoni tal-kont kurrenti u tad-depożiti, kif ukoll il-kummissjoni fuq l-akkwist ta’ unitajiet tal-fond komuni ta’ investiment. L-investituri jirċievu rapporti regolari dwar l-andament u jistgħu jtemmu l-mandat ta’ mmaniġġjar fi kwalunkwe ħin b’effett immedjat.

11.      Fid-dikjarazzjoni provviżorja tiegħu għax-xahar ta’ Mejju 2008, id-Deutsche Bank assuma li s-servizzi li huwa kien jeżegwixxi fil-kuntest tal-immaniġġjar ta’ drittijiet ta’ titoli kienu eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 4(8) tal-UStG meta jkunu pprovduti lil investituri fil-Ġermanja u fl-UE u, skont l-Artikolu 3a(4)(6)(a) tal-UStG, ma humiex taxxabbli meta jiġu pprovduti lil investituri fi Stati terzi. L-awtorità tat-taxxa ma qablitx ma’ dan, u l-kwistjoni issa tinsab quddiem il-Bundesfinanzhof f’appell fuq punt ta’ dritt.

12.      Il-Bundesfinanzhof tistaqsi:

“1.      [L-immaniġġjar ta’ portfoll], li hija attività remunerattiva fejn persuna taxxabbli tieħu deċiżjonijiet awtonomi dwar xiri u bejgħ ta’ titoli u teżegwixxi dawn id-deċiżjonijiet permezz tax-xiri u tal bejgħ ta’ titoli, hija eżenti mit-taxxa

–        biss bħala [immaniġġjar] tal-fondi ta’ investiment għal numru ta’ investituri kollettivament, skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva [2006/112/KE], jew ukoll

–        bħala ġestjoni [immaniġġjar] ta’ portafoll individwali għal ċerti investituri skont l Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva [2006/112] (tranżazzjoni ta’ titoli jew bħala negozjar ta’ tali tranżazzjoni)?

2.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-servizz prinċipali u tas-servizz anċillari, liema importanza għandha tingħata lill-kriterju li jipprovdi li s-servizz anċillari ma jikkostitwixxix għall-klijentela għan fih innifsu, iżda mod kif wieħed jibbenefika bl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur, fir rigward ta’ fatturazzjoni separata tas-servizz anċillari u tal-possibbiltà li s servizz anċillari jista’ jiġi pprovdut minn terz?

3.      L-Artikolu 56(1)(a) tad-Direttiva [2006/112] japplika biss għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tad-Direttiva [2006/112] jew jinkludi wkoll [l-immaniġġjar ta’ portafoll), anki jekk din it-tranżazzjoni ma taqax taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar?

13.      Id-Deutsche Bank, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012, l-awtorità tat-taxxa, id-Deutsche Bank, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

14.      Jeżisti qbil ġenerali li s-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwixxux “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT.

15.      Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-fondi komuni, li fihom bosta investimenti jinġabru u jitqassmu fuq serje ta’ titoli, li jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv sabiex jittejbu r-riżultati, u li fihom l-investimenti individwali jistgħu jkunu relattivament baxxi; dawn il-fondi jimmaniġġjaw l-investimenti tagħhom f’isimhom u għan-nom tagħhom, filwaqt li kull investitur ikollu sehem fil-fondi (unità waħda jew iktar mill-fondi) imma mhux l-investimenti tal-fondi nfushom. Is-servizzi inkwistjoni, min-naħa l-oħra, jikkonċernaw ġeneralment l-assi ta’ persuna unika, li għandhom ikunu ta’ valur totali għoli sabiex l-immaniġġjar tagħhom iħalli qligħ; dak li jimmaniġġja l-portfolio jixtri u jbiegħ l-investimenti f’isem u għan-nom tal-investitur, u dawn jibqgħu proprjetà tiegħu matul il-perijodu kollu tal-kuntratt, u meta l-imsemmi kuntratt jintemm.

16.      Jeżisti qbil ġenerali wkoll li t-titoli inkwistjoni ma humiex “dokumenti li jistabbilixxu t-titolu għal merkanzija” jew “drittijiet jew titoli msemmija fl-Artikolu 15(2)”, peress li t-tranżazzjonijiet f’dawn huma esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT. Is-servizzi inkwistjoni lanqas ma huma limitati biss għaż-żamma fiż-żgur ta’ titoli, li hija wkoll tranżazzjoni eskluża mill-eżenzjoni.

17.      Il-kwistjoni ċentrali fl-ewwel żewġ domandi hija jekk is-servizzi kkonċernati humiex “tranżazzjonijiet” f’titoli, “inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar”, li huma eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(f).

18.      Mit-talba għad-domanda preliminari u mill-osservazzjonijiet tad-Deutsche Bank innifsu, dawn is-servizzi jaqgħu taħt tliet kategoriji li huma, fil-qosor: (a) id-deċiżjoni, abbażi ta’ għarfien u osservazzjoni esperta tas-swieq, dwar liema titoli għandhom jinxtraw jew jinbiegħu, u meta huwa l-aħjar żmien biex dan isir; (b) l-implementazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet billi jinxtraw u jinbiegħu t-titoli (9); u (ċ) serje ta’ servizzi ta’ natura iktar amministrattiva marbuta mad-detenzjoni tat-titoli.

19.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-kategoriji (a) u (b), meħuda flimkien, jaqgħux taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, se jkun neċessarju li wieħed jeżamina inter alia, jekk is-servizzi pprovduti “ikkunsidrati globalment, jifformawx unità distinta, li għandha bħala effett li tissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz deskritt f’din id-dispożizzjoni (10)”.

20.      Fit-tieni domanda — dejjem bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-possibbiltà ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 135(1)(f) — il-qorti nazzjonali titlob preċiżjonijiet dwar il-ġurisprudenza li tikkonċerna s-sistema tal-VAT applikabbli għas-servizzi relatati f’każijiet fejn servizz wieħed jista’ jitqies bħala “prinċipali” u l-ieħor (jew l-oħrajn) bħala “anċillari”, b’tali mod li, meħuda flimkien, dawn għandhom jitqiesu bħala provvista waħda (11). Mill-kliem tagħha, id-domanda tidher li tikkonċerna prinċipalment ir-relazzjoni bejn is-servizzi fil-kategoriji (a) u (b) iddefiniti hawn fuq, li l-ħlasijiet għalihom jiġu kkalkolati b’mod separat mid-Deutsche Bank. Madankollu, il-motivi fit-talba għal deċiżjoni preliminari jissuġġerixxu li l-qorti nazzjonali hija interessata wkoll fis-servizzi fil-kategorija (ċ), li l-ħlasijiet għalihom jidhru li huma inklużi ma’ dawk fatturati għas-servizzi (a) u (b).

21.      Teżisti rabta ċara u mill-qrib bejn iż-żewġ kwistjonijiet. Tabilħaqq, dawn jistgħu jitqiesu essenzjalment bħala domanda waħda. Għalhekk se nibda billi neżaminahom flimkien, u b’hekk jiġi ttrattat wieħed mill-aspetti tal-ewwel domanda u tingħata risposta għat-tieni domanda. Imbagħad ser nindirizza l-kwistjoni prinċipali fl-ewwel domanda u, fl-aħħar nett, it-tielet domanda, li tikkonċerna dispożizzjoni differenti tad-Direttiva tal-VAT.

 Ir-relazzjoni bejn is-servizzi deskritti (l-ewwel u t-tieni domanda)

22.      Dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jaqblu li l-immaniġġjar ta’ portfolio, kif deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitqies bħala operazzjoni ekonomika waħda jew, mill-inqas, ikun is-suġġett ta’ trattament tal-VAT mhux iddifferenzjat, abbażi tas-servizz prinċipali pprovdut. Huma jammettu li jista’ jsir tqassim f’komponenti bħall-istrutturar tal-portfolio, l-analiżi tas-swieq, ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli, iż-żamma ta’ kontijiet, eċċ, imma jsostnu li l-“prodott” mibjugħ jinkludi dawn is-servizzi kollha, u huwa fl-interess tal-konsumatur li jibbenefika minn provvista waħda pjuttost milli minn għadd kbir ta’ servizzi komponenti. Huma jaqblu wkoll li l-komponenti amministrattivi tas-servizz huma sekondarji jew anċillari u ma għandhomx jaffettwaw l-klassifikazzjoni globali.

23.      Jien ukoll naqbel ma’ dan.

24.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta tranżazzjoni hija kkostitwita minn għadd ta’ elementi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx żewġ provvisti jew iktar li huma distinti jew jekk teżistix provvista waħda. Għalkemm kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti, tranżazzjoni li hija kkostitwita minn provvista waħda fuq il-livell ekonomiku ma għandhiex tinqasam artifiċjalment, sabiex ma jinbidilx il-funzjonament tas-sistema tal-VAT. Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, diversi provvisti li huma distinti formalment, u li jistgħu jiġu pprovduti separatament għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni waħda peress li ma humiex indipendenti. Ikun hemm provvista waħda (i) fejn żewġ elementi jew iktar li jiġu pprovduti jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw provvista ekonomika waħda u indiviżibbli u jkun artifiċjali li dawn jinqasmu, jew (ii) meta element wieħed jew iktar jikkostitwixxu provvista prinċipali, filwaqt li l-oħrajn ikunu anċillari. B’mod partikolari, provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala anċillari għal provvista prinċipali meta din ma tikkostitwixxix għan minnu nnifsu għad-destinatarju tagħha, iżda l-mezz sabiex wieħed jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali pprovdut. Filwaqt li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi s-sitwazzjoni fattwali f’każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil dik il-qorti kwalunkwe gwida rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ assistenza għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha (12).

25.      Il-qorti tar-rinviju donnha tqis li s-servizz tax-xiri u l-bejgħ ta’ titoli [servizz li jiena kklassifikajt fil-kategorija (b) fil-punti 18 et seq hawn fuq] għandu jitqies bħala anċillari għas-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ assi [li jiena kklassifikajt fil-kategorija (a)] kieku mhux għall-fatt li, fis-sentenza RLRE Tellmer Property (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfasizzat li servizz ta’ tindif li hija kkunsidrat bħala distint mill-kiri ta’ appartamenti seta’ jiġi pprovdut minn terzi u/jew jiġi ffatturat b’mod separat.

26.      Fil-fehma tiegħi, l-approċċ korrett ma huwiex li wieħed jibda billi jikkunsidra liema wieħed miż-żewġ servizzi li jiena kklassifikajt, rispettivament, fil-kategorija (a) u fil-kategorija (b) jista’ jkun is-servizz prinċipali u liema dak anċillari iżda, pjuttost, li jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk humiex daqshekk marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda u indiviżibbli, li l-qsim tagħha jkun artifiċjali. Fil-fehma tiegħi, ikkunsidrati b’dan il-mod, dawn huma marbuta mill-qrib.

27.      Il-Gvern Ġermaniż osserva li, fil-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni dwar jekk żewġ elementi jew iktar jifformawx provvista ekonomika waħda saret mill-perspettiva tal-konsumatur tipiku jew medju (14). Jiena naqbel ma’ dan l-approċċ. Anki jekk, f’uħud minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja użat ukoll il-kelma “oġġettivament” f’dan il-kuntest, il-perspettiva ta’ konsumatur medju fir-rigward ta’ tip ta’ provvista hija, mid-definizzjoni tagħha stess, kriterju oġġettiv komparat mal-fehma suġġettiva ta’ konsumatur partikolari fir-rigward ta’ tranżazzjoni speċifika. Ngħid ukoll li, fis-sentenza Bog, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“elementi li huma predominanti, fuq il-livell kwalitattiv” mill-perspettiva tal-konsumatur (15).

28.      Mill-perspettiva tal-klijent tipiku għal servizzi bħal dawk inkwistjoni — individwu li għandu disponibbli kapital suffiċjenti għall-investiment imma li ma jkollux il-ħin u/jew il-kompetenza meħtieġa sabiex jimmaniġġjah b’mod xieraq huwa stess — is-servizzi maqgħuda li għamilt riferiment għalihom bħala (a) u (b), kif huma deskritti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jifformaw provvista waħda u indiviżibbli.

29.      Ma nsostnix li (a) u (b) huma servizzi daqstant inseparabbli li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jiġi offrut waħdu. Bil-kontra, investitur li jixtieq ikun jaf kif l-aħjar jimmaniġġja l-portfolio tiegħu, imma li huwa lest li jagħti bidu għat-tranżazzjonijiet huwa stess, jista’ jitlob għal servizz ta’ pariri u wara jieħu d-deċiżjonijiet konkreti huwa stess. Bil-maqlub, investitur li jaf liema xiri u bejgħ jixtieq jagħmel u meta, imma li jixtieq jevita l-inkwiet li jwettaq dawn it-tranżazzjonijiet, jista’ jqabbad intermedjarju għal dan l-iskop biss. B’kuntrast ma’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-kuntratt ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio offrut mid-Deutsche Bank, kif deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa maħsub għal dawk li qegħdin ifittxu servizz globali.

30.      Barra minn hekk, anki jekk jistgħu jiġu offruti b’mod separat, la (a) u lanqas (b) ma għandhom sens waħedhom. Biex wieħed jiddeċiedi dwar l-aħjar strateġija għax-xiri, il-bejgħ jew iż-żamma ta’ titoli, jkun inutli jekk din l-istrateġija qatt ma titqiegħed fis-seħħ; u li wieħed jagħmel — jew ma jagħmilx, skont il-każ — bejgħ jew xiri mingħajr proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni razzjonali u informat ikun ifisser li l-affarijiet jitħallew, fil-biċċa l-kbira, għax-xorti. Id-deċiżjoni li wieħed jixtri jew ibiegħ, jew li joqgħod lura milli jagħmel dan, hija daqstant marbuta mill-qrib mal-azzjoni meħuda jew le, skont il-parir, li t-tnejn, huma fil-fatt normalment iż-żewġ uċuh tal-istess munita. Għalhekk huwa għal kollox razzjonali li investitur li huwa stess ma għandux ir-riżorsi neċessarji jafda kemm id-deċiżjoni u anki l-implementazzjoni tagħha f’idejn persuna ta’ fiduċja.

31.      Is-sempliċi fatt li l-kuntratt standard tad-Deutshe Bank jistabbilixxi perċentwali separata għas-servizz (a) u għas-servizz (b) ma jbiddilx l-evalwazzjoni tiegħi. Fis-sentenza RLRE Tellmer Property (16), il-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx il-fatt li s-servizzi ġew iffatturati b’mod separat bħala kriterju biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm provvista waħda jew diversi provvisti distinti. Minflok, hija indikat dak il-fatt bħala wieħed li jikkonferma d-differenza fin-natura tal-kiri ta’ appartamenti lil kerrejja u tat-tindif tal-partijiet komuni tal-bini inkwistjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza Bog (17), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fejn caterer jipprovdi ikel, platti, pożati, imwejjed u wejters, l-eżistenza ta’ tranżazzjoni waħda hija indipendenti mill-fatt li l-caterer joħroġ fattura waħda li tkopri l-elementi kollha jew, bil-kontra, fattura separata għal elementi differenti. U — għalkemm dan huwa punt li għadu jrid jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali kompetenti — id-Deutsche Bank iddikjara waqt is-seduta li r-remunerazzjoni totali tiegħu kienet maqsuma għal raġunijiet storiċi marbuta mat-tassazzjoni tal-profitti, b’tali mod li dan il-qsim tar-remunerazzjoni tiegħu ma kienx jirrifletti l-valur relattiv tal-elementi li fir-rigward tagħhom kien teoretikament iffatturat.

32.      Jekk is-servizzi li jaqgħtu taħt il-kategoriji (a) u (b), meta jinġabru flimkien, għandhom jitqiesu bħala provvista ekonomika waħda u indiviżibbli li l-qsim tagħha jkun artifiċjali — filwaqt li xorta jistgħu jkunu pprovduti bħala servizzi separati f’ċirkustanzi oħra — dawn jifformaw biċ-ċar provvista prinċipali li għaliha s-servizzi iktar amministrattivi li jiena kklassifikajt fil-kategorija (ċ) huma anċillari. Dawn is-servizzi jinkludu, skont il-proċess tal-kawża, it-twettiq ta’ ħlas relatat ma’ tranżazzjonijiet, il-ġbir ta’ imgħaxijiet fuq titoli miżmuma, u kontabbiltà tat-tnejn lill-klijent. Dawn huma offruti flimkien mas-servizz prinċipali għal raġunijiet ta’ konvenjenza — bħala “mezz kif wieħed jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet” minn dan is-servizz, fi kliem il-ġurisprudenza. Għalhekk dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess trattament fir-rigward tal-VAT.

33.      Madankollu, id-domanda hija jekk is-servizzi (a) u (b), meħudin flimkien, jaqgħux taħt l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT.

 Il-klassifikazzjoni tas-servizzi fid-dawl tal-Artikolu 135(1)(f) (l-ewwel domanda)

34.      Id-Deutsche Bank u l-Kummissjoni jsostnu li s-servizzi inkwistjoni huma eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT; l-awtorità tat-taxxa u l-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi Baxxi u tar-Renju Unit isostnu li dan ma huwiex il-każ. L-osservazzjonijiet jindirizzaw, inter alia, il-prinċipji li jirregolaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-VAT u, f’dan il-kuntest, l-iskop tal-eżenzjoni inkwistjoni bħala waħda mill-eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet finanzjarji.

35.      Skont ġurisprudenza konstanti, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikoli 131 sa 137 tad-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw differenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor. Il-kliem użat għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn huma eċċezzjonijiet mill-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull prodott u servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni tagħhom għandha tkun konsistenti mal-għanijiet segwiti u għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT, li tipprekludi li provvisti simili, li huma f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti għal skopijiet ta’ VAT (18). Għalhekk interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati se jkunu interpretati b’mod li l-eżenzjonijiet jiċċaħħdu mill-effett maħsub tagħhom (19).

36.      La fil-preambolu tad-Direttiva tal-VAT jew f’dak tas-Sitt Direttiva, li ġiet qabilha, u lanqas fix-xogħol preparatorju rispettiv tagħhom, ma tinstab indikazzjoni ċara tal-effett mixtieq permezz tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 135(1)(b) sa (g) tad-Direttiva tal-VAT [li qabel kien l-Artikolu 13B(d)(1) sa (6) tas-Sitt Direttiva]. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-iskop tagħhom huwa li jtaffu d-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli u l-ammont ta’ VAT li tista’ titnaqqas u biex tiġi evitata żieda fl-ispiża tal-kreditu għall-konsumatur (20). B’mod iktar partikolari, l-għan tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment taħt l-Artikolu 135(1)(g) huwa li jiġi ffaċilitat l-investiment f’titoli minn investituri żgħar permezz ta’ korpi ta’ investiment. Din hija intiża sabiex tiżgura li s-sistema komuni ta’ VAT tkun fiskalment newtrali fir-rigward tal-għażla bejn investiment dirett f’titoli u investiment permezz tal-intermedjarju ta’ korpi ta’ investiment kollettiv (21).

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni komparabbli f’dak li jirrigwarda l-iskop speċifiku tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT. Madankollu hija ddefiniet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni. Biex jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, is-servizzi pprovduti għandhom jifformaw unità distinta, evalwata b’mod globali, li effettivament taqdi l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz deskritt f’din id-dispożizzjoni. Huma biss it-tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ titoli li huma eżentati, bl-esklużjoni tas-servizzi amministrattivi li ma jibdlux din is-sitwazzjoni jew attivitajiet ta’ informazzjoni finanzjarja. Il-kelma “negozjar” tirreferi għall-attività pprovduta minn intermedjarju li ma jokkupax il-pożizzjoni ta’ parti f’kuntratt dwar prodott finanzjarju, u li l-attivitajiet tiegħu huma differenti mis-servizzi kuntrattwali tipikament ipprovduti mill-partijiet f’tali kuntratti. Dan huwa servizz mogħti lil parti f’kuntratt u remunerat minnha inkwantu attività distinta ta’ intermedjazzjoni (22).

38.      Jien wasalt għall-konklużjoni li s-servizzi inkwistjoni jifformaw unità distinta, evalwata b’mod globali. Din l-unità effettivament taqdi l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ servizz deskritti fl-Artikolu 135(1)(f)? Huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta ċara. Il-prattika tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, b’effetti li jagħmlu ħsara għall-armonizzazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT u għall-kompetizzjoni fi ħdan l-UE.

39.      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura ta’ din l-“unità distinta”, l-awtorità tat-taxxa u l-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit iqisu li l-essenza tal-immaniġġjar tal-portfolio tinsab fil-kompetenza teknika li tistabbilixxi l-istruttura tal-portfolio u li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda, kif xieraq, li jinxtraw jew jinbiegħu titoli jew li jżommuhom, skont il-każ. L-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza teknika jista’ jagħti lok għal tranżazzjonijiet li joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ titoli, imma tali tranżazzjonijiet huma biss inċidentali għall-funzjoni prinċipali, li hija dik li jiġi żgurat il-qligħ mixtieq mill-investiment, u/jew żieda fil-valur ta’ dan l-investiment.

40.      Madankollu, għad-Deutsche Bank u għall-Kummissjoni, l-essenza tas-servizz inkwistjoni tinstab fit-tranżazzjoni attiva ta’ xiri u bejgħ ta’ titoli b’mod konformi mal-istrateġija magħżula. Il-kompetenza teknika nfisha, għalkemm essenzjali, hija biss prerekwiżit għal din l-attività, filwaqt li l-interess tal-konsumatur huwa li jitwettqu t-tranżazzjonijiet neċessarji. Id-Deutsche Bank jgħid ukoll li l-obbligu kuntrattwali huwa li tiġi applikata l-istrateġija magħżula, mhux li jinkiseb qligħ definit jew żieda fil-valur. Barra minn hekk, anki meta tittieħed deċiżjoni biex titolu jinżamm temporanjament, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza teknika, potenzjalment, għad jista’ jibdel is-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet ikkonċernati (23).

41.      Skont l-analiżi tiegħi tar-relazzjoni bejn id-diversi aspetti tas-servizz globali pprovdut, huwa s-servizz fit-totalità tiegħu li għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi stabbilit jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT.

42.      Parti minn dan is-servizz globali tinvolvi tranżazzjonijiet li joħolqu, jibdlu jew itemmu effettivament id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ titoli. Il-parti li jifdal (l-użu tal-kompetenza finanzjarja rilevanti), minkejja li tista’ twassal għal azzjonijiet li joħolqu, jibdlu jew itemmu dawn id-drittijiet u l-obbligi, tista’ wkoll ma jkollhiex dan l-effett.

43.      Jiena naqbel mal-awtorità tat-taxxa u mal-Gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom li hija din tal-aħħar li tiddefinixxi n-natura tas-servizz globali mill-perspettiva tal-konsumatur. Konsumatur li jagħżel strateġija ta’ investiment partikolari għandu interess li din l-istrateġija tiġi applikata. Jekk effettivament jinxtrawx jew jinbiegħux titoli huwa inqas importanti għalih mill-assigurazzjoni li l-investiment tiegħu huwa, f’kull mument, strutturat biex jipproduċi l-eżitu mixtieq. Huwa jixtieq ikun ċert li t-tranżazzjonijiet li jsiru jitwettqu fil-mument propizju, iżda wkoll li ma jkun hemm ebda xiri jew bejgħ meta jkun aħjar li wieħed ma jiċċaqlaqx. Kif ġie enfassizat waqt is-seduta, ir-rwol predominanti tal-“kompetenza teknika”, iktar milli t-“tranżazzjonijiet”, bħala element tas-servizz huwa kkonfermat mill-fatt li r-remunerazzjoni hija kkalkolata biss fuq il-valur tal-investiment ikkonċernat, indipendentement min-numru jew mill-volum tat-tranżazzjonijiet imwettqa.

44.      Fit-tieni lok, ma huwiex ikkontestat li, filwaqt li s-servizzi inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-VAT (li jeżenta l-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment), dawn huma essenzjalment il-kontroparti ta’ tali mmaniġġjar, imma fir-rigward ta’ assi individwali pjuttost milli ta’ fondi komuni. Madankollu din l-unanimità tat lok għal linji ta’ argumentazzjoni diverġenti.

45.      Id-Deutsche Bank u l-Kummissjoni josservaw li investitur li jixtieq li jittieħed ħsieb tal-assi tiegħu b’mod kompetenti għandu l-għażla bejn l-immaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni (għall-inqas sakemm għandu kapital biżżejjed biex tali servizz ikun utli) u investiment f’fond komuni (indipendentement mill-ammont tal-kapital), u ż-żewġ għażliet huma alternattiva flok investiment dirett f’titoli. Għalkemm diversi fatturi jistgħu jinfluwenzaw l-għażla tiegħu, differenza fit-trattament tal-VAT tista’ tħajru jagħżel is-soluzzjoni li ma tiġix intaxxata. Dan joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn servizzi simili, li jmur kontra l-prinċipju tan-newtralità tal-VAT. Peress li l-immaniġġjar ta’ fondi komuni huwa eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(g) u l-investiment dirett huwa eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(f), l-immaniġġjar individwali ta’ portfolio għandu wkoll ikun eżenti taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

46.      Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit iqisu li eżenzjoni espliċita tal-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment timplika neċessarjament li l-immaniġġar individwali ta’ portfolio jaqa’ taħt il-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tkun imposta fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli, u li, jekk l-immaniġġjar ta’ assi b’mod ġenerali kienet koperta bl-Artikolu 135(1)(f), ma kien ikun hemm l-ebda eżenzjoni espliċita għall-fondi komuni fl-Artikolu 135(1)(g). Huma jirreferu wkoll għas-sentenza Abbey National (24), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) hija intiża sabiex tiffaċilita investimenti f’titoli minn investituri żgħar permezz ta’ korpi ta’ investiment sabiex tenfasizza li ma hemm l-ebda ħsieb li jiġi ffaċilitat investiment minn dawk li għandhom kapital biżżejjed biex jirrikorru għal servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio.

47.      Filwaqt li nifhem kompletament il-loġika wara l-pożizzjoni tad-Deutsche Bank u tal-Kummissjoni, u filwaqt li ma nikkunsidrax li s-soluzzjoni li huma jipproponu ma hijiex raġjonevoli, jiena pjuttost tal-fehma li, fl-istat attwali tal-affarijiet, l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT ma jeżentax is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni f’din il-kawża. Huwa possibbli li ’l quddiem emenda tiddetermina l-kwistjoni biċ-ċar favur l-eżenzjoni, iżda huwa l-Kunsill, li fi ħdanu għadhom qed jiġu diskussi attwalment il-proposti tal-Kummissjoni, li għandu jiddeċiedi dwar il-kwistjoni (25).

48.      L-opinjoni tiegħi hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

49.      L-ewwel nett, huwa minnu li s-servizz ipprovdut, ikkunsidrat bħala unità, jinkludi tranżazzjonijiet f’titoli, inkluż in-negozjar tagħhom. Dawn l-aspetti, ikkunsidrati b’mod iżolat, huma eżenti skont l-Artikolu 135(1)(f). Madankollu, is-servizz inkwistjoni huwa kkaratterizzat pjuttost bl-element l-ieħor tiegħu, jiġifieri l-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni dwar is-suq, flimkien ma’ għarfien u kompetenza teknika pre-eżistenti, sabiex jittieħdu deċiżjonijiet informati f’dak li jirigwarda l-immaniġġjar ta’ kull portfolio ta’ titoli b’mod konformi mal-istrateġija individwali adottata. Ma huwiex ikkontestat li dan l-aħħar aspett, jekk huwa previst bħala servizz indipendenti, ma jistax jiġi eżentat taħt l-Artikolu 135(1)(f).

50.      Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa possibbli li jiġi konkluż li, evalwati b’mod globali, is-servizzi inkwistjoni jifformaw unità distinta, li fl-essenza tagħha taqdi effettivament il-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali deskritti f’din id-dispożizzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(f) huwa, prima facie, limitat għat-twettiq ta’ jew in-negozjar ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi fir-rigward ta’ titoli (26). Is-servizz inkwistjoni jifforma unità distinta, u għalhekk ma jistax jiġi assimilat biss ma’ xi wieħed mill-elementi li jikkostitwixxuh. Madankollu, minħabba l-fatt li l-aspett predominanti tiegħu huwa l-akkwist u l-użu ta’ kompetenza teknika biex jittieħdu deċiżjonijiet informati, dan ma jaqax fl-ambitu tal-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali deskritti fl-Artikolu 135(1)(f).

51.      It-tieni nett, huwa diffiċli li wieħed jasal għal interpretazzjoni teleoloġika ċara tal-Artikolu 135(1)(f) li minnha jista’ jiġi dedott li din id-dispożizzjoni — kemm jekk tittieħed b’mod iżolat, fil-kuntest tal-grupp ta’ eżenzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji jew fil-kuntest tal-lista sħiħa ta’ eżenzjonijiet fl-Artikolu 135 — hija intiża li tkopri s-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52.      Jekk jittieħed b’mod iżolat, l-Artikolu 135(1)(f) ma jinkludi l-ebda indikazzjoni rigward l-iskop tiegħu. L-uniku ħjiel — li ma huwiex, però, ta’ wisq għajnuna — huwa li t-tranżazzjonijiet f’titoli dwar proprjetà tanġibbli huma esklużi mill-eżenzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat biss li l-eżenzjoni hija limitata għat-twettiq jew għan-negozjar ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu drittijiet u obbligi.

53.      Fir-rigward tal-għanijiet ġenerali identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji (27), ma jidhirlix li s-servizzi inkwistjoni jippreżentaw l-inqas diffikultà marbuta mad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli jew l-ammont li jista’ jitnaqqas [b’mod differenti mit-tranżazzjonijiet fit-titoli sottostanti, li huma espliċitament eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(f)], u t-tassazzjoni tagħhom ma twassal għall-ebda żieda fl-ispiża tal-kreditu tal-konsumatur. Barra minn hekk (għal darb’oħra b’mod differenti mit-tranżazzjonijiet sottostanti), l-immaniġġjar ta’ portfolio ma jidhirx li jifforma parti, fi kliem l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo, minn “tranżazzjonijiet li, minħabba l-frekwenza u n-natura abitwali tagħhom, huma komponent ċentrali tas-sistemi finanzjarji u, għalhekk, tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Istati Membri (28)”. Min-naħa l-oħra, jekk l-iskop oriġinali kien li jiġu pperpetwati l-eżenzjonijiet li qabel kienu fis-seħħ fl-Istati Membri (29), jista’ jiġi osservat li l-immaniġġjar ta’ portfolio kien intaxxat fl-Istati Membri oriġinali kollha qabel l-1972 (30).

54.      Meta l-lista ta’ eżenzjonijiet fl-Artikolu 135(1) tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha, huwa ċar li ma jista’ jiġi dedott l-ebda għan komuni. Il-provvisti kkonċernati, minbarra t-“tranżazzjonijiet finanzjarji” li diġà ġew eżaminati, jinkludu attivitajiet daqstant diversi bħall-kunsinna ta’ bolol tal-posta, logħob tal-azzard, provvisti ta’ beni immobbli u l-leasing u l-kiri ta’ beni immobbli.

55.      Min-naħa l-oħra, minkejja s-sottomissjoni tal-Kummissjoni waqt is-seduta, ma jidhirlix li x-xogħol preparatorju tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva huwa partikolarment informattiv f’dan ir-rigward. Ir-riżerva “Din l-eżenzjoni ma tkoprix il-provvisti ta’ servizzi relatati ma’ tali tranżazzjonijiet”, li ma kinitx inkluża fil-proposta oriġinali, ġiet tabilħaqq introdotta (31), milli jidher fuq inizjattiva tal-Parlament, qabel ma ġiet irtirata mill-Kunsill. Madankollu, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni iktar espliċita, dan it-tibdil fil-pożizzjoni jista’ jiġi interpretat li ma huwa konsistenti mal-ebda waħda mill-pożizzjonijiet.

56.      Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipju li l-eżenzjonijiet jiġu interpretati b’mod strett, inkwantu huma jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-VAT għandha tiġi imposta fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli, jien ma nistax nikkonkludi li l-għan segwit permezz tal-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT jirrikjedi li l-immaniġġjar individwali ta’ portfolio jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni li huwa jipprevedi.

57.      Madankollu tibqa’ l-kwistjoni tan-newtralità fiskali, bejn l-Artikolu 135(1)(f) u l-Artikolu 135(1)(g).

58.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju tan-newtralità fiskali, inerenti fis-sistema komuni tal-VAT, jipprekludi trattament differenti, f’dak li għandu x’jaqsam mal-VAT, ta’ provvisti simili li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, u li l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 135(1)(g) hija maħsuba sabiex tiżgura din in-newtralità fir-rigward tal-għażla bejn investiment dirett f’titoli u investiment permezz ta’ korpi ta’ investiment kollettiv (32).

59.      Nammetti wkoll li l-immaniġġjar individwali ta’ portfolio jidħol f’kompetizzjoni, għall-inqas sa ċertu punt, ma’ dawn iż-żewġ modi ta’ investiment. Madankollu, kif deher iktar biċ-ċar waqt is-seduta, l-għażla li jagħmel kull investitur — meta jkollu biżżejjed assi biex ikun f’pożizzjoni li jagħmel għażla — tista’ tiddependi fuq numru kunsiderevoli ta’ fatturi, u t-trattament fir-rigward tal-VAT huwa biss wieħed minnhom (33). Barra minn hekk, anki jekk it-trattament fir-rigward tal-VAT jista’, f’ċerti każijiet, jiġi kkunsidrat fl-għażla magħmula, ma huwiex ċert li t-tassazzjoni, bil-korollarju tagħha tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input, tkun neċessarjament ħafna inqas vantaġġjuża għall-konsumatur, fl-aħħar mill-aħħar, mill-eżenzjoni, bil-VAT tal-input integrata b’mod irrevokabbli fil-prezz tas-servizzi. Kif ġie osservat waqt is-seduta, kemm l-immaniġġjar ta’ portfolio kif ukoll il-fondi komuni ta’ investiment jiġbdu l-investituri l-kbar, li jistgħu jkunu persuni taxxabbli li jgawdu dritt ta’ tnaqqis.

60.      Barra minn dan, filwaqt li l-prinċipju tan-newtralità fiskali fil-qasam tal-VAT jista’ jispjega r-rabta bejn l-eżenzjonijiet espliċiti mogħtija kemm għall-investiment dirett u għall-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment, ma naqbilx li dan jista’ jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni espliċita fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara f’dak is-sens. Kif osserva l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, ma huwiex prinċipju fundamentali jew regola ta’ dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat flimkien ma’ — u bħala limitazzjoni fuq — il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ta’ eżenzjonijiet. Huwa ċar mill-ġurisprudenza li l-attivitajiet huma sa ċertu punt simili, u li huma għaldaqstant sa ċertu punt f’kompetizzjoni bejniethom jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti għal skopijiet ta’ VAT fejn id-differenza fit-trattament hija prevista b’mod espliċitu (34). Barra minn hekk, jekk l-attivitajiet kollha li jkunu parzjalment f’kompetizzjoni bejniethom kellhom jirċievu l-istess trattament fir-rigward tal-VAT, dan iwassal finalment għall-eliminazzjoni tad-differenzi kollha fit-trattament għall-iskopijiet tal-VAT, peress li prattikament kull attività tikkoinċidi sa ċertu punt ma’ oħra. Dan ikun evidentement assurd, u (wieħed jippreżumi) iwassal għall-eliminazzjoni tal-eżenzjonijiet kollha, għaliex is-sistema tal-VAT teżisti biss biex tintaxxa t-tranżazzjonijiet.

61.      Bil-kontra, jidhirli li ż-żewġ argumenti konnessi tal-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnuti mill-awtorità tat-taxxa u mir-Renju Unit li, minn naħa, l-eżenzjoni għall-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment timplika li l-immaniġġjar individwali ta’ assi ma huwiex eżenti u, min-naħa l-oħra, jekk l-immaniġġjar ta’ assi b’mod ġenerali kien kopert mill-Artikolu 135(1)(f), ma kienx ikun meħtieġ li jiġi eżentat l-immaniġġjar ta’ fondi komuni, huma partikolarment konvinċenti.

62.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni madankollu ssuġġeriet li, filwaqt li l-immaniġġjar ta’ fondi komuni ta’ investiment (jiġifieri, l-ekwivalenti tal-immaniġġjar ta’ portfolio inkwistjoni f’din il-kawża) huwa — skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni — diġà eżentat bl-Artikolu 135(1)(f), l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 135(1)(g) hija neċessarja sabiex jiġu eżentati tranżazzjonijiet bħall-ħruġ u r-rimbors ta’ ishma (unitajiet) fil-kapital tal-imsemmija fondi, meta ma jkunux negozjati f’suq irregolat. Madankollu, ma nara l-ebda raġuni biex nassumi li, mis-sempliċi fatt li tali tranżazzjonijiet huma speċifiċi għall-fond komuni ta’ investiment u li ma hemm l-ebda ekwivalenti għalihom fl-immaniġġjar individwali ta’ portfolio, dawn ma kinux ikunu koperti bl-eżenzjoni taħt l-Artikolu 135(1)(f) jekk din l-eżenzjoni fil-fatt kienet tkopri s-servizzi ġenerali ta’ mmaniġġjar ta’ assi, indipendentement mill-forma tal-investiment — kif għandu jkun il-każ, jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni sal-konklużjoni loġika taghha.

63.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li s-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f).

 Il-post tal-provvista (it-tielet domanda)

64.      Fil-mument tal-fatti li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT kien jipprovdi li l-post tal-provvista ta’ “tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni”, meta jiġu pprovduti lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħall-fornitur, kellu jkun, essenzjalment, il-post tan-negozju jew tar-residenza tal-konsumatur.

65.      Il-Bundesfinanzhof, bħal dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqis li “tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 56(1)(e) jinkludu t-tranżazzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g). Jekk, b’mod konformi mal-konklużjonijiet tiegħi, is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni ma jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn l-eżenzjonijiet, għandu jiġi stabbilit jekk dawn humiex, madankollu, ukoll koperti mill-Artikolu 56(1)(e).

66.      Il-biċċa l-kbira ta’ dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet iqisu li s-servizzi inkwistjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 56(1)(e). Ir-raġunament tagħhom huwa bbażat fuq il-kliem ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni u fuq in-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment għall-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva jew għal xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tillimita l-portata tal-frażi użata.

67.      Il-Gvern Ġermaniż huwa l-uniku li ma jaqbilx ma’ dan. Huwa jirreferi għas-sentenza Swiss Re Germany Holding (35), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-tħaddim tajjeb u l-interpretazzjoni uniformi tas-sistema komuni tal-VAT jimplikaw li l-kunċetti ta’ “operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] ta’ assigurazzjoni” u ta’ “ri-assigurazzjoni” li jinsabu fid-dispożizzjonijiet li mbagħad saru, fiż-żmien tal-fatti, l-Artikoli 56(1)(e) u l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ma humiex iddefiniti b’mod differenti skont jekk humiex użati f’waħda jew fl-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa jqis li dan ir-raġunament għandu japplika b’analoġija għat-“tranżazzjonijiet finanzjarji”. Hija biss din l-interpretazzjoni, applikata b’mod uniformi, li tista’ tiżgura ċertezza legali suffiċjenti sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja jew ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni.

68.      Dan ir-raġunament ma kkonvinċiniex.

69.      Il-motivazzjoni fis-sentenza Swiss Re Germany Holding hija marbuta mal-fatt li l-Artikolu 56(1)(e) u l-Artikolu 135(1)(a) jużaw essenzjalment termini identiċi fir-rigward tal-assigurazzjoni: “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni inkluż re-assigurazzjoni” u “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u re-assigurazzjoni”. Tali termini identiċi għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda parallel simili bejn tranżazzjonijiet “bankarji” u “finanzjarji” fl-Artikolu 56(1)(e) u xi waħda mit-tranżazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 135(1)(b) sa (g). L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-aħħar ma tuża l-kliem ‘bankarja’ jew ‘finanzjarja’. It-tranżazzjonijiet elenkati huma evidentement ta’ natura finanzjarja u ħafna minnhom probabbilment jistgħu jsiru minn banek, imma mhux b’mod esklużiv; barra minn hekk, huma assolutament ma jirrappreżentawx lista eżawrjenti tat-tranżazzjonijiet kollha li jistgħu jitwettqu minn bank jew li jistgħu jiġu kklassifikati bħala finanzjarji.

70.      Barra minn hekk, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1)(e) kien jikkoinċidi eżattament ma’ dak tal-Artikolu 135(1)(a) sa (g), dan huwa ftit li xejn rilevanti. Fil-fatt, il-provvisti kollha koperti minn dan l-artikolu tal-aħħar huma eżenti b’mod espliċitu mill-VAT. Peress li l-ebda taxxa ma tista’ tiġi imposta jew titnaqqas fuq dawn is-servizzi, il-post tal-provvista tagħhom huwa pjuttost irrilevanti għall-iskopijiet tal-VAT.

71.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta li, peress li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn issir il-provvista li għandhom jistabbilixxu jekk din hijiex eżentata, qabel kollox għandu jiġi stabbilit il-post tal-provvista. Madankollu, jidhirli li dan huwa raġunament ċirkulari, peress li jimplika li l-ewwel tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-provvista kkonċernata hijiex eżentata [billi jiġi deċiż jekk taqax jew le taħt l-Artikolu 135(1)(a) sa (g)] sabiex jiġi stabbilit, imbagħad, l-Istat Membru li l-awtoritajiet huma kompetenti sabiex jistabbilixxu jekk il-provvista hijiex eżentata. Min-naħa l-oħra, ir-raġunament tal-Gvern Ġermaniż lanqas ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, taħt l-Artikolu 56(1)(e), il-post tal-provvista jista’ jkun barra mill-Komunità. Fi kwalunkwe każ, ma tantx jidher probabbli li l-leġiżlatur adotta regola speċifika bl-iskop waħdieni li tiġi stabbilita l-awtorità kompetenti biex tiddikjara provvista bħala eżenti, meta din il-provvista hija diġà eżenti fl-Istati Membri kollha.

72.      Fl-aħħar nett, il-qari flimkien tal-Artikoli 56(1)(e) u 135(1)(l) u (2)(d) jindika li l-kiri ta’ kaxxaforti jitqies li jaqa’ taħt “tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni” għall-iskopijiet tal-Artikolu 56, u taħt “leasing jew kiri ta’ proprjetà immobbli” għall-iskopijiet tal-Artikolu 135.

73.      Minn dan niddeduċi li l-Artikolu 56(1)(e) ikopri mill-inqas ċerti tranżazzjonijiet li ma humiex elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g). Il-kwistjoni hija jekk dawn jinkludux is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni f’din il-kawża.

74.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 56(1)(e) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. L-immaniġġjar ta’ portfolio huwa servizz ta’ natura finanzjarja. L-Artikolu 56(1)(e) huwa redatt f’termini wiesgħa, u jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biss il-kiri ta’ kaxxiforti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva [il-ħames inċiż tiegħu kien identiku għall-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva tal-VAT applikabbli f’din il-kawża] ma għandux jiġi interpretat b’mod strett (36). Konsegwentement ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu s-servizzi ta’ natura finanzjarja minbarra l-kiri ta’ kaxxiforti (jekk, tabilħaqq, dak huwa servizz ta’ natura finanzjarja). Lanqas ma hemm lok, kif ġie osservat mill-Kummissjoni meta enfasizzat li l-kunċetti awtonomi inklużi fid-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT biss, li wieħed ifittex gwida f’att ieħor tal-Unjoni bħalma hija, pereżempju, id-Direttiva 2004/39 (37), li jsir riferiment għaliha mill-qorti nazzjonali.

 Konklużjoni

75.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof kif ġej:

1)      Is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali jifformaw provvista waħda għall-iskopijiet tal-VAT.

2)      Dawn is-servizzi ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

3)      Fl-Artikolu 56(1)(e) tad-Direttiva 2006/112/KE, it-“tranżazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ assigurazzjoni” ma humiex limitati għal dawk elenkati fl-Artikolu 135(1)(a) sa (g) tal-imsemmija direttiva iżda jinkludu, inter alia, is-servizzi ta’ mmaniġġjar ta’ portfolio tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).


3 —      Ara, qabel, l-Artikolu 9(2)(e), il-ħames inċiż tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”); ara, issa, l-Artikolu 59(e) tad-Direttiva tal-VAT, li japplika biss għall-klijenti barra mill-UE.


4 —      L-Artikolu 15(2) jagħmel riferiment għal ċerti drittijiet f’beni immobbli.


5 —      Minkejja li diversi verżjonijiet lingwistiċi jużaw kelma ekwivalenti għal “komuni” jew “kollettiv” pjuttost milli “speċjali”, huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-fondi komuni ta’ investiment (ara pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra I‑4027, punt 53 et seq); ara wkoll il-punt 15 hawn taħt.


6 —      Li kien l-Artikolu 13B(d)(5) u (6) tas-Sitt Direttiva.


7 —      COM(2007) 747 finali u COM(2007)746 finali, rispettivament.


8 —      Ara l-Fajl Interistituzzjonali 2007/0267 (CNS) fuq http://register.consilium.europa.eu. Ir-rapport l-iktar reċenti tal-Presidenza dwar x’progess sar rigward il-proposti għal direttiva u regolament tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema tal-VAT applikabbli għas-servizzi ta’ assigurazzjoni u għas-servizzi finanzjarji (dokument tal-Kunsill Nru 18650/11, tal-14 ta’ Diċembru) jesprimi ċerta sodisfazzjon bil-progress li diġà sar u fl-istess waqt determinazzjoni biex jiġu segwiti sforzi biex jintlaħaq ftehim komuni.


9 —      Ma huwiex ikkontestat li x-xiri u l-bejgħ minnhom infushom huma “tranżazzjonijiet […] f’[…] titoli” eżenti taħt l-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT. Is-servizz inkwistjoni hawnhekk huwa dak li titwettaq it-tranżazzjoni għan-nom tal-konsumatur.


10 —      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C‑242/08, Ġabra p. I‑10099, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 —      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog (C‑497/09, C‑499/09, C‑501/09 u C‑502/09, Ġabra p. I‑1457) punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 —      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, Ġabra I‑9433, punti 19 sa 23); tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra I‑2697, punti 21 sa 23); tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere (li qabel kienet T‑Mobile UK) (C‑276/09, Ġabra p. I‑12359, punti 21 sa 26) u Bog, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 51 sa 55.


13 —      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property (C‑572/07, Ġabra p. I‑4983, punti 22 sa 24).


14 —      Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, Ġabra p. I‑973, punt 29); Levob Verzekeringen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 hawn fuq, punti 20 u 22; tal-21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig (C‑453/05, Ġabra p. I‑5083, punt 17); tal-11 ta’ Frar 2010, Graphic Procédé (C‑88/09, Ġabra p. I‑1049, punt 20); u Everything Everywhere, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 hawn fuq, punt 26.


15 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq, punt 76. Huwa minnu li dan il-motiv tas-sentenza Bog kien jikkonċerna l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni bħala provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, imma fil-fehma tiegħi l-istess kriterju huwa rilevanti wkoll għall-klassifikazzjoni bħala provvista waħda jew bħala provvisti distinti.


16 —      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 hawn fuq.


17 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 hawn fuq; ara l-punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18 —      Il-kunċett ta’ newtralità huwa użat f’żewġ sensi fil-kuntest tal-VAT: minn naħa, il-VAT hija newtrali fl-effett tagħha fuq il-persuni taxxabbli, fis-sens li huma ma għandhomx ibatu huma nfushom il-piż tat-taxxa; min-naħa l-oħra, bħalma huwa l-każ hawnhekk, din ma għandhiex tkun imposta b’mod differenzjat b’mod li tiġi distorta l-kompetizzjoni bejn provvisti komparabbli.


19 — Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken (C‑540/09, Ġabra p. I‑1509), punti 19 u 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Everything Everywhere, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 hawn fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 —      Ara s-sentenza Skandinaviska Enskilda Banken, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 hawn fuq, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’din is-sentenza, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-punti 24 u 25 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża CSC Financial Services (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, C‑235/00, Ġabra p. I‑10237), l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo kkonkluda li l-intenzjoni kienet li jiġu eżentati t-“tranżazzjonijiet li, minħabba l-frekwenza u n-natura abitwali tagħhom, huma komponent ċentrali tas-sistemi finanzjarji u, għalhekk, tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Istati Membri”. Il-kummentaturi esprimew il-fehma li, jekk wieħed iqishom fid-dettall, l-eżenzjonijiet previsti fis-Sitt Direttiva essenzjalment jirriflettu d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ (partikolarment fi Franza) qabel l-1977 — ara, pereżempju, C. Amand, u V. Lenoir, “Pro rata deduction by financial institutions — gross margin or interest?”, International VAT Monitor 2006, p. 17; R. de la Feria, “The EU VAT treatment of insurance and financial services (again) under review”, EC Tax Review 2007, p. 74;
O. Henkow, Financial Activities in European VAT, Kluwer Law International, 2008, p. 87 sa 90.


21 —      Jiġifieri, il-“fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g). Ara s-sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 hawn fuq, punt 62. Ir-referenza għall-investituri żgħar tħalliet barra mis-sentenza sussegwenti tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse (C‑363/05, Ġabra p. I-5517, punt 45). Ir-rapport l-iktar reċenti tal-Presidenza dwar il-progess li sar fuq il-proposta ta’ emenda tad-direttiva (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 hawn fuq) jindika li “[ċ]erti Stati Membri huma tal-fehma li l-eżenzjoni għandha tkun limitata għall-fondi ta’ investiment li jiġbru tfaddil ta’ investituri żgħar”.


22 —      Ara s-sentenza CSC (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 hawn fuq, punti 25, 28, 38 u 39).


23 —      Ara s-sentenza Skandinaviska Enskilda Banken, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 hawn fuq, punti 31 u 32.


24 —      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 hawn fuq, punt 62.


25 —      Ara l-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 hawn fuq.


26 —      Ara l-punt 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 hawn fuq.


27 —      Ara l-punt 36 hawn fuq.


28 —      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 hawn fuq.


29 —      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 hawn fuq.


30 —      Ara G. Hutchings, Les opérations financières et bancaires et la taxe sur la valeur ajoutée, Commission des Communautés européennes, Collection études, Série concurrence — Rapprochement des législations n° 22, Brussels, 1973.


31 —      Ara l-emendi proposti fil-ĠU 1974, C 121, p. 34, fil-p. 37.


32 —      Ara l-punt 36 hawn fuq.


33 —      L-analoġija, li saret minn diversi partijiet, mad-differenza bejn ħwejjeġ magħmula fuq il-qies u ħwejjeġ lesti, tgħin sabiex turi s-sitwazzjoni parzjalment kompetittiva bejn dawn iż-żewġ għażliet ta’ investiment, iżda tissemplifika wisq l-affarijiet.


34 —      Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C‑174/08, Ġabra p. I‑10567, punt 36 et seq) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’din il-kawża, punti 47 sa 54.


35 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 hawn fuq, punti 31 u 32.


36 —      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (C‑327/94, Ġabra p. I‑4595, punt 21) u Levob Verzekering, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 hawn fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


37 —      Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 115).