Language of document : ECLI:EU:C:2013:524

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza – Fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ mogħtija lil ċittadin ta’ Stat Membru għal studju fi Stat Membru ieħor – Rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ oriġini matul, minn tal-inqas, tliet snin qabel il-bidu tal-istudju”

Fil-Kawżi magħquda C‑523/11 u C-585/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentati mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Ġermanja) u mill-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ottubru u tas-16 ta’ Novembru 2011 rispettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru u fl-24 ta’ Novembru 2011, fil-proċeduri

Laurence Prinz

vs

Region Hannover (C-523/11),

u

Philipp Seeberger

vs

Studentenwerk Heidelberg (C-585/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala mħallef tat-Tielet Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Seeberger, minn Y. Popper, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Papagianni, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere u J. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Stege u U. Persson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid kif ukoll minn D. Roussanov u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, L. Prinz, ċittadina Ġermaniża, u r-Region Hannover (Reġjun ta’ Hanover, Dipartiment tal-Fondi għall-Edukazzjoni u għat-Taħriġ, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun ta’ Hanover”) u, min-naħa l-oħra, bejn P. Seeberger, ċittadin Ġermaniż ukoll, u l-iStudentenwerk Heidelberg, Amt für Ausbildungsförderung (Amministrazzjoni tal-Istudenti ta’ Heidelberg, Uffiċċju tal-Fondi għall-Edukazzjoni u għat-Taħriġ, iktar ’il quddiem l-“iStudentenwerk”), dwar id-dritt għal fondi għall-edukazzjoni fi stabbilimenti edukattivi fi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Taħt it-Titolu “Edukazzjoni u Taħriġ barra l-pajjiż”, l-Artikolu 5 tal-Liġi Federali dwar l-assistenza għall-edukazzjoni u għat-taħriġ lill-istudenti [Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (Bundesausbildungsförderungsgesetz)], kif emendata, fl-1 ta’ Jannar 2008, permezz tat-tnejn u għoxrin liġi li temenda l-Liġi Federali dwar l-assistenza għall-edukazzjoni u għat-taħriġ lill-istudenti (BGB1. I, p. 3254, iktar ’il quddiem il-“BaföG”), jipprovdi:

“1.      Id-domiċilju permanenti għall-finijiet ta’ din il-liġi għandu jiġi stabbilit fil-post fejn, b’mod li ma huwiex biss temporanju, il-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-interessi tagħha, mingħajr ir-rekwiżit li tali persuna jkollha l-intenzjoni li tistabbilixxi r-residenza permanenti tagħha hemmhekk.

2. “L-istudenti li r-residenza permanenti tagħhom tinsab fit-territorju Ġermaniż u li jsegwu studji fi stabbiliment edukattiv barrani għandhom jibbenefikaw minn għajnuna għat-taħriġ meta:

[...]

3)       l-istudent jibda jew ikompli l-edukazzjoni jew it-taħriġ tiegħu fi stabbiliment edukattiv li jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fl-Isvizzera.

[...]”

4        L-Artikolu 6 tal-BAföG, intitolat “Assistenza lil ċittadini Ġermaniżi barra l-pajjiż”, jipprovdi li ċittadini Ġermaniżi, li jkollhom ir-residenza permanenti tagħhom barra l-Ġermanja, jistgħu jingħataw fondi għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ sabiex jistudjaw fil-post fejn jgħixu jew fi Stat ġar jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali.

5        L-Artikolu 16 tal-BaföG, intitolat “Tul tal-fondi għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ barra l-pajjiż”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-edukazzjoni jew għal taħriġ barra mill-pajjiż fis-sens tal-Artikolu 5(2)(1) jew (5), il-fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ għandhom jingħataw għal tul massimu ta’ sena [...]

[...]

3      Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5(2)(2) u 5(2)(3), il-fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ ma humiex suġġetti għal-limitu temporali previst fl-Artikolu 5(1) u (2); madankollu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(3), il-fondi jingħataw għal iktar minn sena biss jekk, fil-bidu ta’ soġġorn barra mill-pajjiż wara l-31 ta’ Diċembru 2007, l-istudent kien jirrisjedi b’mod permanenti fil-Ġermanja, minn tal-inqas, matul it-tliet snin preċedenti.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-523/11

6        L. Prinz, imwielda fil-Ġermanja fl-1991, għexet mal-familja tagħha fit-Tuneżija matul għaxar snin, fejn missierha kien jaħdem ma’ kumpannija Ġermaniża. Meta rritornat il-Ġermanja f’Jannar 2007, il-persuna kkonċernata temmet l-istudji tagħha fi Frankfurt (il-Ġermanja), fejn kisbet il-baccalaureat (“Abitur”) f’Ġunju 2009. Hija bdiet tistudja fl-Università Erasmus ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1 ta’ Settembru 2009.

7        B’risposta għal talba għal fondi għall-istudji preżenti, għas-sena universitarja 2009/2010, li tressqet minn L. Prinz fit-18 ta’ Awwissu 2009, ir-Reġjun Hannover, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, awtorizza tali fondi għall-perijodu minn Settembru 2009 sa Awwissu 2010.

8        Min-naħa l-oħra, it-talba għal fondi mressqa minn L. Prinz għas-sena universitarja 2010/2011 ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, minħabba li, fid-dawl tal-fatt li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita mill-BaföG, tali persuna ma setgħetx titlob fondi għal studji għal żmien indeterminat, peress li d-drittijiet tagħha kienu, skont l-Artikolu 16(3) ta’ din il-liġi, limitati għal sena.

9        Fl-1 ta’ Ġunju 2010, L. Prinz appellat minn din id-deċiżjoni. Hija sostniet li kienet tissodisfa l-imsemmija kundizzjoni peress li kienet irrisjediet fil-Ġermanja minn Settembru 1993 sa April 1994 u minn Jannar 2007 sa Awwissu 2009, jiġifieri għal perijodu ta’ tliet snin u erba’ xhur. Hija sostniet ukoll li l-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita mill-BaföG kienet tmur kontra l-Artikolu 21 TFUE u invokat ir-rabtiet li hija kellha mal-Istat Membru kkonċernat, billi esponiet li hija twieldet il-Ġermanja u kellha nazzjonalità Ġermaniża, u li hija telqet minn dan l-Istat Membru minħabba l-kollokament ta’ missierha u li dejjem żammiet rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Skont L. Prinz, residenza ta’ erba’ xhur addizzjonali ma kinitx ser issaħħaħ b’mod sostanzjali dawn ir-rabtiet.

10      Ir-Reġjun Hannover isostni li t-tul minimu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 16(3) tal-BaföG jikkorrispondi neċessarjament ma’ perijodu kontinwu. Din il-liġi b’ebda mod ma tikser id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, peress li dan id-dritt ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu fondi liċ-ċittadini tagħhom stess mingħajr limitu.

11      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tikkunsidra li, l-istess bħall-kundizzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-tnejn u għoxrin liġi li temenda l-Liġi Federali dwar l-assistenza għall-edukazzjoni u għat-taħriġ lill-istudenti, jiġifieri l-obbligu li tkun studjat fi stabbiliment edukattiv Ġermaniż minn tal-inqas għal sena, il-kundizzjoni inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali tista’ tiskoraġġixxi ċittadin tal-Unjoni milli jibda studji fi Stat Membru ieħor, peress li, wara sena, huwa ma jirċevix iktar fondi għall-edukazzjoni jew għal studju. Skont din il-qorti, għalkemm l-Istat Membru jista’ jagħti fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ biss lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, il-kriterju bbażat fuq residenza kontinwa ta’ tliet snin fil-Ġermanja qabel il-bidu ta’ residenza barra mill-pajjiż, ma huwiex ta’ natura li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ din l-integrazzjoni.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Hannover iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Tkun tikkostitwixxi restrizzjoni fuq id-dritt għal-libertà tal-moviment u tar-residenza mogħti liċ-ċittadini tal-[UE] bl-Artikoli 20 u 21 TFUE, li mhijiex ġustifikata skont id-dritt tal-UE, jekk, konformi mal-[liġi dwar l-assistenza lill-istudenti] ċittadina Ġermaniża, li għandha r-residenza permanenti tagħha fil-Ġermanja u li tattendi fi stabbiliment edukattiv fi Stat Membru tal-UE, tiġi mogħtija fondi għall-edukazzjoni talli attendiet dak l-istabbiliment edukattiv barra l-pajjiż għal sena waħda biss ‘il għaliex meta bdiet is-soġġjorn tagħha barra l-pajjiżi hija kienet għad m’għandhiex ir-residenza permanenti tagħha fil-Ġermanja għal tal-inqas tlett snin?”

 Il-Kawża C-585/11

13      P. Seeberger, imwieled fil-Ġermanja fl-1983, għex hemmhekk sal-1994 mal-ġenituri tiegħu, ċittadini Ġermaniżi wkoll. Huwa attenda skola primarja f’München (il-Ġermanja) mill-1989 sal-1994, u sussidjarjament skola sekondarja. Mill-2004 sa Diċembru 2005, P. Seeberger rrisjeda mal-ġenituri tiegħu f’Majorca (Spanja), fejn missieru kien jeżerċita l-attività ta’ konsulent tan-negozju b’mod indipendenti.

14      Matul Jannar 2006, il-ġenituri ta’ P. Seeberger stabbilixxew ruħhom f’Köln (il-Ġermanja). Għalkemm P. Seeberger ġie inkluż fir-reġistru tal-popolazzjoni ta’ München mis-26 ta’ Ottubru 2009, huwa jiddikjara li, minn Jannar 2006, ir-residenza permanenti tiegħu kienet fil-Ġermanja.

15      Matul Settembru 2009, P. Seeberger beda l-istudji tiegħu fl-Ekonomija fl-Università ta’ Baléares, f’Palma de Majorca (Spanja), u ppreżenta applikazzjoni għal fondi għall-edukazzjoni quddiem l-iStudentenwerk.

16      L-iStudentenwerk ċaħdet din l-applikazzjoni abbażi tal-fatt li peress li P. Seeberger ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 16(3) tal-BaföG, dan kien jipprekludih milli jirċievi fondi skont il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi.

17      Filwaqt li invoka d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni, P. Seeberger ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġiet miċħuda mill-iStudentenwerk, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010.

18      F’rikors ippreżentat quddiem il-Verwaltungsgericht Karlsruhe, P. Seeberger sostna li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 16(3) tal-BAföG kienet tikser id-dritt tiegħu għall-moviment liberu, peress li kienet tobbligah jirrinunzja r-residenza permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor jew jistabbilixxi ruħu mill-ġdid fi żmien xieraq fil-Ġermanja, taħt piena ta’ telf tal-għoti tal-fondi għall-istudji tiegħu fi Spanja. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-ammissjoni tiegħu għal studji ogħla hija biss irrikonoxxuta fi Spanja u li huwa jixtieq ikompli bl-istudji tiegħu f’dan l-Istat Membru.

19      L-iStudentenwerk isostni li, sa fejn l-obbligu ta’ residenza previst mill-BaföG japplika bl-istess mod għaċ-ċittadini kollha, dan jista’ japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħra li jibbenefikaw mid-dritt għall-moviment liberu. Dan l-obbligu sempliċement jikkonkretizza l-interess leġittimu tal-Istat Membru li jħallas il-benefiċċji soċjali li jiżgura li dawn il-benefiċċji, mogħtija minn fondi ffinanzjati minn taxxi, ikunu riżervati lil kategoriji ta’ persuni li jistgħu juru rabta minima li torbothom mal-Istat Membru li jipprovdi tali benefiċċji.

20      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Verwaltungsgericht Karlsruhe tikkonstata li l-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tapplikax għal fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ fil-Ġermanja. Hija tirrileva li tali kundizzjoni ta’ residenza, minħabba inkonvenjenzi personali, spejjeż addizzjonali u l-possibbiltà ta’ dewmien li timplika, tista’ tiskoraġġixxi lil ċittadini tal-Unjoni milli jitilqu mill-Ġermanja sabiex isegwu studji fi Stat Membru ieħor. Din il-qorti tesprimi dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżit li l-applikant tal-fondi għandu jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu fil-Ġermanja minn tal-inqas għal tliet snin meta huwa jibda l-istudji huwiex iġġustifikat, u tistaqsi jekk ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru li dan tal-aħħar jista’ leġittimament jeżiġi jistax jiġi rrikonoxxut fil-kawża prinċipali abbażi tal-fatt li l-applikant, ċittadin Ġermaniż, trabba mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja u attenda skola hemmhekk sas-sitt klassi, minħabba l-fatt li missieru kien eżerċita d-drittijiet tiegħu li huwa silet mill-Artikolu 45 TFUE u 49 TFUE. Skont l-imsemmija qorti, kriterju bbażat fuq data speċifika u fuq perijodu ta’ tliet snin qabel il-bidu tal-edukazzjoni jew it-taħriġ barra l-pajjiż huwa prima facie inadatt sabiex tiġi pprovata l-integrazzjoni meħtieġa.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Karlsruhe ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna għall-edukazzjoni u taħriġ għal studji fi Stat Membru ieħor sempliċement għax, meta beda l-istudji tiegħu, l-istudent li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, ma kellux ir-residenza permanenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għal mill-inqas tliet snin?”

 Fuq id-domandi preliminari

22      Permezz ta’ dawn id-domandi, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, matul perijodu ta’ iktar minn sena, ta’ fondi għall-edukazzjoni jew għal studji fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni unika, bħal dik prevista fl-Artikolu 16(3) tal-BAföG, li l-applikant jkollu r-residenza permanenti tiegħu, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, fit-territorju nazzjonali għal minn tal-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-istudji tiegħu.

23      Għandu qabelxejn jitfakkar li, bħala ċittadini Ġermaniżi, L. Prinz u P. Seeberger igawdu, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u jistgħu għalhekk jinvokaw, inkluż jekk ikun il-każ fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, drittijiet marbuta ma’ tali status (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punt 19, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I‑9161, punt 22).

24      Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, li jagħti l-possibbiltà lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat TFUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31, u tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 28 u tal-21 ta’ Frar 2013, L.N. C-46/12, punt 27).

25      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (sentenzi Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; u tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, Ġabra p. I‑6849, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrilevaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, għalkemm l-Istati Membri għandhom kompetenza, skont l-Artikolu 165(1) TFUE, fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbilita mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara s-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżvantaġġa ċerti ċittadini sempliċement minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I‑6947, punt 39; Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

28      Fil-fatt, il-possibbiltajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba ostakoli magħmula fir-rigward tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba l-fatt biss li huwa jkun eżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 19, kif ukoll Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

29      Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet imħaddna mill-Artikolu 6(e) TFUE u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-inċentivazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (ara s-sentenza ċċitati iktar ’il fuq D’Hoop, punt 32; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 44, kif ukoll Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

30      Konsegwentement, fil-każ li Stat Membru jipprovdi sistema ta’ fondi għall-edukazzjoni u għal taħriġ li tagħti l-possibbiltà lil studenti jibbenefikaw minn tali għajnuna meta jistudjaw fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jiżgura li l-kundizzjonijet tal-għoti ta’ tali fondi ma joħolqux restrizzjoni inġusta tal-imsemmi dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

31      Għandu jiġi kkonstatat li kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ tliet snin, kif prevista fl-Artikolu 16(3) tal-BAföG, minkejja li tapplika bl-istess mod fir-rigward taċ-ċittadini Ġermaniżi u ta’ ċittadini oħra tal-Unjoni, tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza li jgawdu ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE.

32      Tali kundizzjoni tista’ tiskoraġġixxi ċittadini nazzjonali, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, fid-dawl tar-rilevanza li dan l-eżerċizzju tal-libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għal fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni li tista’ tipprekludi liberta’ fundamentali ggarantita mit-Trattat tista’ biss tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u jekk hija tkun proporzjonata mal-għan leġittimament imħaddan mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq De Cuyper, punt 40; Tas-Hagen u Tas, punt 33, kif ukoll Morgan u Bucher, punt 33). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun adatta għat-twettiq tal-għan inkwistjoni, ma tkunx tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenzi De Cuyper, iċċitati iktar ’il fuq, punt 42; Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C-379/11, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-kawżi preżenti, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-BAföG hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, l-Artikolu 16(3) ta’ din il-liġi jiggarantixxi li fondi għall-kors ta’ studju komplet barra l-pajjiż jingħata biss lil studenti li jiġġustifikaw grad suffiċjenti ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Ġermaniża. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ livell minimu ta’ integrazzjoni jippreżerva s-sistema nazzjonali ta’ fondi għall-edukazzjoni jew taħriġ barra l-pajjiż billi jipproteġi l-Istat li jagħti l-fondi minn piż ekonomiku irraġonevoli.

35      Skont l-imsemmi Gvern, huwa għalhekk leġittimu li jingħataw fondi, għal kors ta’ studju komplet barra l-pajjiż, lil studenti li jkunu pproduċew prova ta’ grad suffiċjenti ta’ integrazzjoni fil-Ġermanja, liema prova tkun invarjabbilment prodotta minn student li jkun f’pożizzjoni li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ tliet snin.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jista’ jkun leġittimu għal Stat Membru, sabiex jiżgura li l-għoti ta’ fondi intiżi li jkopru l-ispejjeż ta’ għajxien ta’ studenti minn Stati Membri oħra ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ fondi li jistgħu jingħataw minn dan l-Istat, li jagħti biss fondi lil studenti li jkunu wrew ċertu grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dak l-Istat u li, jekk hemm riskju li Stat Membru jista’ jbati piż irraġonevoli, jistgħu japplikaw kunsiderazzjonijiet simili fir-rigward tal-għoti minn tali Stat Membru ta’ fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ lil studenti li jixtiequ jistudjaw fi Stati Membri oħra (sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova meħtieġa minn Stat Membru sabiex tiġi invokata l-eżistenza ta’ rabta ġenwina ta’ integrazzjoni ma għandhiex tkun wisq esklużiva, jew tiffavorixxi indebitament fattur li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-grad ġenwin u effettiv tar-rabta bejn l-applikant u dan l-Istat Membru, bl-esklużjoni ta’ kull fattur ieħor rappreżentattiv (ara sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; u tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart C‑503/09, Ġabra p. I‑6497, punt 95, u tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija C-75/11, punt 62).

38      Minkejja li l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ integrazzjoni tista’ titqies li hija sodisfatta permezz tal-konstatazzjoni li, matul ċertu perijodu, student ikun irrisjeda fl-Istat Membru fejn ikun talab li jibbenefika minn fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ, kundizzjoni unika ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha r-riskju, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, li teskludi mill-fondi lil studenti li, minkejja li ma jkunux irrisjedew fil-Ġermanja matul perijodu kontinwu ta’ tliet snin immedjatament qabel ma jkunu bdew jistudjaw barra l-pajjiż, għandhom madankollu rabtiet li jorbtuhom b’mod suffiċjenti mas-soċjeta Ġermaniża. Dan jista’ jkun il-każ meta student ikollu n-nazzjonalità tal-Istat Membru inkwisjtoni u jkun attenda skola hemmhekk matul perijodu sinjifikattiv, jew minħabba fatturi oħra, bħal, b’mod partikolari, il-familja tiegħu, ix-xogħol tiegħu, il-konoxxenzi lingwistiċi tiegħu jew l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali jew ekonomiċi oħra. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħtu huma stess il-possibbiltà li fatturi distinti ta’ residenza tal-applikant għall-fondi jistgħu jkunu rilevanti kemm sabiex jiġi stabbilit iċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-persuna kkonċernata kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-fondi humiex sodisfatti fil-każ ta’ ċittadini nazzjonali li jkunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom barra l-pajjiż.

39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tevalwa jekk il-persuni kkonċernati jistgħux jiġġustifikaw rabta suffiċjenti mas-soċjetà Ġermaniża li tista’ tipprova l-integrazzjoni tagħhom f’din tal-aħħar.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li kundizzjoni unika ta’ residenza kontinwa ta’ tliet snin, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġenerali u esklużiva wisq u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imħaddna u, konsegwentement, ma tistax titqies li hija proporzjonata.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, matul perijodu ta’ iktar minn sena, ta’ fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ, għall-finijiet ta’ studju fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni unika, bħal dik prevista fl-Artikolu 16(3) tal-BAföG, li l-applikant ikollu r-residenza permanenti tiegħu fis-sens ta’ din il-liġi, fit-territorju nazzjonali, matul perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin qabel ma jibda tali studji.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti, matul perijodu ta’ iktar minn sena, ta’ fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ, għall-finijiet ta’ studju fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni unika, bħal dik prevista fl-Artikolu 16(3) tal-Liġi Federali dwar l-assistenza għall-edukazzjoni u għat-taħriġ lill-istudenti [Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung (Bundesausbildungsförderungsgesetz)], kif emendata, fl-1 ta’ Jannar 2008, permezz tat-tnejn u għoxrin liġi li temenda l-Liġi Federali dwar l-assistenza għall-edukazzjoni u għat-taħriġ lill-istudenti, li l-applikant ikollu r-residenza permanenti tiegħu fis-sens ta’ din il-liġi, fit-territorju nazzjonali, matul perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin qabel ma jibda tali studji.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.