Language of document : ECLI:EU:C:2010:248

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C-499/08

Ole Andersen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret Daniża)

“Direttiva 2000/78/KE – Trattament ugwali fl-impjieg u fil‑kundizzjonijiet tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta – Allowance ta’ tkeċċija – Rifjut tad-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija fil-każ li jkun jeżisti d-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija – Ġustifikazzjoni – Politika tax-xogħol – Faċilitazzjoni tat‑trasferiment għal impjieg ġdid – Telf finanzjarju fil-każ ta’ rtirar kmieni (‘tnaqqis minħabba rtirar kmieni’)”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tkeċċija tal-ħaddiema anzjani (2). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħdha tiġi għall-ewwel darba mitluba ukoll tieħu pożizzjoni fuq id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq l-età.

2.        Is-suġġett ineżami huwa dispożizzjoni tad-dritt tax-xogħol Daniż, li tipprovdi li l-ħaddiema li jkunu impjegati b’mod kontinwat ma’ min iħaddimhom għal perijodu ta’ żmien twil għandhom jingataw kumpens fil-każ li jitkeċċew. Madankollu, din l-allowance ta’ tkeċċija ma tingħatax lil persuni li jkunu jistgħu jirċievu pensjoni tax-xjuħija. Dan japplika ukoll fil-każ li l-ħaddiem inkwistjoni jkollu l-intenzjoni li jfittex xogħol ġdid u, fil-każ ta’ rtirar immedjat, ikollu jaċċetta telf finanzjarju fil-pensjoni tiegħu, pereżempju fil-forma ta’ tnaqqis dovut minħabba l-irtirar kmieni.

3.        Fil-każ ineżami ma għandha ebda importanza l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età prevista fid-dritt tal-Unjoni jistax ikollha effetti diretti anki fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (3) (“effett dirett orizzontali”). Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda relazzjoni ġuridika “vertikali”, bejn ħaddiem u persuna li tħaddem irregolata mid-dritt pubbliku (4).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-kuntest ġuridiku li taħtu jaqa’ l-każ ineżami mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni, huwa d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (5). Din id-direttiva, skont l-Artikolu 1 tagħha, hija intiża li

“tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali]”.

5.        Fit-titolu “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi kif ġej:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

[...]”

6.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ġie stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[...]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]”

7.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 li jittratta l-“ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[...]”

8.        L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi t-2 ta’ Diċembru 2003 bħala terminu għat-traspożizzjoni tal-istess direttiva.

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

9.        Għal dak li jirrigwarda d-dritt Daniż, il-kuntest ġuridiku li taħtu jaqa’ l-każ ineżami huwa l-Lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer (Funktionærlov; iktar ’il quddiem l-“FL”) (6).

10.      L-Artikolu 2a tal-FL jipprovdi kif ġej:

“1.       Fil-każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat, li jkun ilu fl-impjieg mal-istess impriża b’mod kontinwat għal 12, 15 jew 18-il sena, il-persuna li timpjega trid tħallsu somma, fil-mument tat-tmiem tal-impjieg, li tkun ekwivalenti għal paga ta’ xahar, xahrejn,jew tliet xhur rispettivament.

2.      Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1 ma tapplikax jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impjegat jirċievi xi benefiċċju soċjali.

3.      L-allowance ta’ tkeċċija ma titħallasx jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, l-impjegat jirċievi mingħand il-persuna li timpjegah pensjoni tax-xjuħija u jekk l-impjegat ikun daħal fis-sistema tal-pensjoni inkwistjoni qabel ma jagħlaq ħamsin sena.

[...]

5.      Il-paragrafu 1 japplika b’analoġija fil-każ ta’ tkeċċija inġusta”

11.      Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-Højesteret Daniża (7), f’ġurisprudenza stabbilita (8), tinterpreta l-Artikolu 2a(3) tal-FL fis-sens li l-possibbiltà li wieħed jirċievi pensjoni tax-xjuħija teskludi d-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija, u dan indipendentement minn jekk l-impjegat imkeċċi jkollux effettivament l-intenzjoni li jibbenefika minn pensjoni jew le. Dan japplika ukoll meta l-ħlas fil-mument tat-tkeċċija jinvolvi tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija meta mqabbel mal-ammont li kien jitħallas fil-każ ta’ rtirar sussegwenti (tnaqqis minħabba rtirar kmieni).

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

12.      O. Andersen, li twieled fil-31 ta’ Mejju 1943, kien impjegat għal 27 sena, mill-1 ta’ Jannar 1979, mar-Region Syddanmark (9) (li kienet Sønderjyllands Amtsråd (10)) bħala uffiċjal amministrattiv. B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2006, ir-Region Syddanmark itterminat ir-relazzjoni ta’ impjieg b’effett mill-aħħar ta’ Awwissu tal-istess sena, fejn invokat n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità ta’ O. Andersen li jwettaq xogħolu b’mod sodisfaċenti u imparzjali. Sussegwentement, f’deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġie deċiż madankollu li O. Andersen ma kienx ħati tan-nuqqasijiet invokati fil-konfront tiegħu, u għaldaqstant ingħata kumpens ekwivalenti għal erba’ xhur paga minħabba tkeċċija inġusta (11).

13.      Wara t-tkeċċija tiegħu, O. Andersen, b’messaġġ bil-posta elettronika tat-2 ta’ Ottubru 2006, talab allowance ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 2a(1) tal-FL f’ammont ekwivalenti għal tliet xhur paga, fejn sostna li kien impjegat għal iktar minn 18-il sena mar-Region Syddanmark. B’ittra tal-14 ta’ Ottubru 2006, ir-Region Syddanmark ċaħdet il-ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija abbażi tal-Artikolu 2a(3) tal-FL. Fl-ittra tagħha hija sostniet li O. Andersen ma kellux jitħallas dan il-pagament peress li fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, huwa kien diġà għalaq 63 sena u għaldaqstant seta’ jitlob li jitħallas il-pensjoni tax-xjuħija.

14.      Matul l-impjieg tiegħu mar-Region Syddanmark, O. Andersen kien jaqa taħt sistema ta’ pensjoni regolata bi ftehim kollettiv. Terz mill-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni li kellhom jitħallsu kull xahar kien jitħallas minn O. Andersen, mentri r-Region Syddanmark kienet tħallas żewġ terzi. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sistema ta’ pensjoni, O. Andersen seta’ jagħżel li malli jagħlaq 60 sena jirtira u jibda jirċievi pensjoni tax-xjuħija.

15.      L-ammont tal-pensjoni previst fil-ftehim kollettiv jiddependi, inter alia, mill-mument li fih l-persuna intitolata għaliha tiddeċiedi li tirtira bil-pensjoni. Jekk hija tipposponi l-irtirar, hija tista’ tiksen ħlas mensili ogħla. Fil-każ ineżami, skont ma affermat ir-Region Syddanmark quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ġiet kontestata fuq dan il-punt (12), is-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata kif ġej: fil-każ ta’ sospensjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fl-1 ta’ Awwissu 2006 u ta’ rtirar immedjat, il-pensjoni annwali tax-xjuħija ta’ O. Andersen kienet tammonta għal DKK 125 374; fil-każ ta’ kontinwazzjoni tal-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet tal-istess ammont sal-1 ta’ Ġunju 2008, flimkien mal-posponiment tal-irtirar sa dik id-data, l-ammont tal-pensjoni kien jitla’ għal DKK 152 611 (13).

16.      O. Andersen, wara li tkeċċa, ma kellux l-intenzjoni li jirtira u rreġistra fil-fatt bħala li qiegħed ifittex xogħol.

17.      Fit-12 ta’ Lulju 2007, l-Ingeniørforeningen i Danmark (14), li, bħala unjoni tirrappreżenta l-interessi tal-inġiniera fid-Danimarka, fetħet kawża f’isem O. Andersen kontra r-Region Syddanmark fejn talbet il-ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija ekwivalenti għal tliet xhur paga. Il-kwistjoni tinsab pendenti quddiem il-Vestre Landsret, li hija l-qorti tar-rinviju. Ir-rikorrenti essenzjalment ssostni li d-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2a(3) tal-FL, li abbażi tagħha ġie rifjutat l-allowance ta’ tkeċċija ta’ O. Andersen, tinvolvi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Il-konvenuta tikkontesta din l-allegazzjoni.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      B’digriet tal-14 ta’ Novembru 2008 li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2008, il-Vestre Landsret issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età li tinsab fl-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi Stat Membru milli jżomm fis-seħħ sistema legali li tipprovdi li l-persuna li timpjega, wara li tkeċċi ħaddiem impjegat li kien jaħdem b’mod kontinwat mal-istess kumpannija għal 12, 15 jew 18-il sena, għandha, malli jiġi tterminat l-impjieg tal-ħaddiem impjegat, tħallas ammont ekwivalenti għal xahar, xahrejn jew tliet xhur paga rispettivament, iżda li dan il-kumpens ma għandux jitħallas meta l-ħaddiem impjegat, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg, ikun intitolat li jirċievi pensjoni tax-xjuħija minn skema ta’ pensjoni li għaliha tkun ikkontribwixxiet il-persuna li timpjega?

19.      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern tad-Danimarka u tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Fil-fażi tal-proċeduri bil-miktub, ipparteċipaw ukoll il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Ungerija.

V –    Evalwazzjoni

20.      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħaddiema mkeċċija ma jingħatawx kumpens għat-tkeċċija prevista mil-liġi, meta huma, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ mpjieg, jkunu diġà intitolati għal pensjoni tax-xjuħija, tmurx kontra l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78

1.      Definizzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

21.      Kif ġie dikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja (15), id-Direttiva 2000/78 fiha nnifisha ma tistabbilixxix il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, iżda – skont it-titolu u l-Artikolu 1 tagħha - hija “sempliċement intiża sabiex fir-rigward ta’ dawn l-istess oqsma tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet differenti, fosthom l-età”. Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandu jitqies bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

22.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’żewġ kawżi mressqa quddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja ibbażat ruħha direttament fuq il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (16), u affermat li jekk ikum meħtieġ il-qorti nazzjonali għandha “ma tapplikax” id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra dan il-prinċipju (17). F’dan ir-rigward, madankollu jidher li dawn il-kawżi jirrigwardaw kunċett maħluq biex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn individwi, li għalihom, id-Direttiva 2000/78 ma tistax tapplika b’mod dirett u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt ċivili jew tax-xogħol (18).

23.      L-analiżi u verifika tal-bażi dottrinali tal-effett dirett orizzontali kontroversjali tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali bejn individwi tkun utli (19), iżda f’dan il-każ, tkun eċċessiva. Fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha effettivament quddiemha relazzjoni ġuridika vertikali fejn O. Andersen, bħala ħaddiem, jista’ bla ebda dubju jinvoka direttament kontra l-persuna li tħaddem irregolata mid-dritt pubbliku l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fid-Direttiva 2000/78 (20). Konsegwentement, biex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Vestre Landsret, huwa biżżejjed li wieħed jagħmel riferiment biss għall-imsemmija direttiva, li hija espressjoni konkreta tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet f’dan is-sens anki f’każijiet reċenti li kienu jinvolvu wkoll il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fejn kien hemm ukoll involuti relazzjonijiet ġuridiċi vertikali (22).

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, ratione materiae, u ratione temporis tad-Direttiva 2000/78

24.      Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, l-istess direttiva tapplika “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità [...] għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda [...] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji [tkeċċijiet] u paga” (23).

25.      Inkwantu impjegat ta’ organizzazzjoni lokali Daniża, O. Andersen kien impjegat “fis-settur pubbliku” jew ma’ “korp[...] pubbli[ku]” u kien jidħol għaldaqstant fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2000/78.

26.      Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2a tal-FL tirregola d-dritt għal allowance ta’ tkeċċija fil-każ li l-persuna li timpjega tittermina r-relazzjoni ta’ impjieg. Hawnhekk għandna każ ta’ ħlas finanzjarju marbut max-xogħol u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, li l-evalwazzjoni ġuridika tiegħu ma tiddependix fuq il-klassifikazzjoni tiegħu bħala li marbut mal-kundizzjonijiet tat-tkeċċija jew mal-ħlas. Il-fatt li tali kumpens jitħallas biss wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ma jipprekludix li huwa jiġi kklassifikat bħala ħlas finanzjarju bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg, l-istess bħall-fatt li dan il-kumpens huwa bbażat fuq dispożizzjoni leġiżlattiva (24). Għaldaqstant, id-direttiva tapplika ukoll ratione materiae.

27.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 huma applikabbli għall-kawża prinċipali anki mill-aspett temporali, peress li O. Andersen tkeċċa fit-22 ta’ Jannar 2006, jiġifieri iktar minn tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (ara l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva).

B –    Fuq l-evalwazzjoni ta’ dispożizzjoni bħalma hija dik tad-Danimarka fid-dawl tad-Direttiva 2000/78

28.      Skont l-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2(1), id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għal dak li jirrigwarda l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Id-diskriminazzjoni hija trattament differenti li mhuwiex iġġustifikat (25). Għaldaqstant, biex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL, tinvolvix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jeħtieġ li qabel xejn jiġi verifikat jekk tali dispożizzjoni għandhiex l-effett li toħloq trattament differenti ibbażat fuq l-età (f’dan ir-rigward, ara s-sezzjoni 1 iktar ’l isfel); fil-każ ta’ risposta affermattiva, għandu jiġi analizzat jekk dan it-trattament differenti huwiex iġġustifikat (f’dan ir-rigward, ara s-sezzjoni 2 iktar ’l isfel) (26).

1.      Trattament differenti skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78

29.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2(1), id-Direttiva 2000/78 tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kemm dik diretta kif ukoll dik indiretta, għal dak li jirrigwarda l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

30.      Ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78 meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili [Artikolu 2(2)(a), flimkien mal-Artikolu 1] (27); għaldaqstant it-trattament differenti li fuqu hija bbażata huwa marbut direttament mal-età. Min-naħa l-oħra, għandu jtiqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età biss meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom età partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra [Artikolu 2(2)(b)].

31.      Id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta hija importanti mill-aspett ġuridiku speċjalment peress li l-possibbiltà li d-diskriminazzjoni tkun iġġustifikata tiddependi minn jekk it-trattament differenti li fuqu hija tkun ibbażata jkunx marbut mal-età direttament jew indirettament (28). Il-possibbiltajiet sabiex diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tiġi kkunsidrata ġġustifikata huma indikati b’mod ġenerali ħafna fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 (“oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu”), filwaqt li t-trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età jista’ jkun iġġustifikat biss minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (29), minħabba ħtiġiet determinanti tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (30) jew inkella minħabba rekwiżiti ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva. Minn dan isegwi li l-għanijiet potenzjali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi ġġustifikat trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età huma inqas varji minn dawk li jistgħu jiġġustifikaw id-diskriminazzjoni indiretta, fejn ir-rekwiżiti inerenti għat-test tal-proporzjonalità huma sostanzjalment l-istess.

32.      L-impjegati msemmija fl-Artikolu 2a(3) tal-FL jinsabu kollha kemm huma fl-istess sitwazzjoni: wara servizz kontinwat għal diversi snin ta’ mill-inqas 12-il sena, huma jkunu tkeċċew minn min iħaddimhom. Madankollu, dawn jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-allowance ta’ tkeċċija inkwistjoni fil-każ ineżami, skont jekk huma jkunux intitolati diġà għal pensjoni tax-xjuħija kofinanzjata minn min iħaddimhom.

33.      Prima facie, distinzjoni ta’ dan it-tip li hija bbażata fuq jekk ikunx jeżisti d-dritt eżiġibbli għall-pensjoni, jindika biss trattament differenti bbażat fuq l-età liema indirett. Filwaqt li tirreferi għal dan id-dritt għall-pensjoni, fil-fatt, id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2a(3) tal-FL tidher li hija bbażata fuq kriterju newtrali li huwa biss mill-aspett tal-effetti prattiċi tagħha li hija taffettwa iktar b’mod negattiv lill-ħaddiema anzjani.

34.      Madankollu, din l-interpretazzjoni, sostnuta fil-każ ineżami speċjalment mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni, hija wisq restrittiva. Hija tinjora l-fatt li jista’ jkun hemm diskriminazzjoni diretta anki meta t-trattament differenti jkun ibbażat fuq kriterju li, għalkemm prima facie jidher newtrali, fir-realtà jkun marbut inseparabbilment ma’ motiv ta’ diskriminazzjoni projbit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet pereżempju li jkun hemm diskriminazzjoni diretta – u allura mhux biss indiretta – bbażata fuq is-sess, meta l-miżuri adottati mill-persuna li tħaddem ikunu marbutin mal-fatt jekk il-mara tkunx tqila jew le (31). It-tqala, fil-fatta, hija marbuta inseparabbilment mas-sess ta’ ħaddiema nisa.

36.      Din il-ġurisprudenza li nħolqot fil-qasam tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa tapplika għall-prinċipju – inkwistjoni f’din il-kawża – tat-trattament ugwali fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (32). Għaldaqstant jista’ jkun hemm trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età mhux biss meta persuna tiġi b’mod espliċitu trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili, iżda ukoll jekk hija tingħata dan it-trattament minħabba kriterju marbut inseparabbilment mal-età, assoluta jew relattiva (33).

37.      Dan iseħħ fil-każ ta’ dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 2a(3) tal-Fl, jiġifieri dispożizzjoni li ma tagħtix id-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija lill-impjegati li jkunu diġà intitolati għall-pensjoni tax-xjuħija. Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, tirrigwarda esklużivament il-ħaddiema li laħqu diġà l-età minima biex jirċievu l-pensjoni tax-xjuħija (età tal-irtirar minima). B’mod konkret, kemm fis-sistema tal-pensjoni regolata mill-ftehim kollettiv, li kienet tkopri lill-O. Andersen, kif ukoll fil-parti l-kbira tas-sistemi ta’ dan it-tip fid-Danimarka (34), huma biss dawk l-impjegati li jkunu għalqu tal-inqas 60 sena li jirċievu pensjoni tax-xjuħija. Għaldaqstant, huma biss dawk l-impjegati li jkunu laħqu ċerta età li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 2a(3) tal-FL. Huma biss dawn l-impjegati li ma jibbenefikawx mill-allowance ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 2a(1) tal-FL. Min-naħa l-oħra, l-impjegati li ma jkunux laħqu din l-età tal-irtirar minima jinsbu, skont l-anzjanità, id-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija.

38.      L-istess bħalma r-riferiment għat-tqala jista’ jikkonċerna biss l-impjegati ta’ sess femminil, ir-riferiment tal-leġiżlatur Daniż għall-intitolament għall-pensjoni tax-xjuħija jista’ jkollu effett biss fuq l-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar minima, u għaldaqstant età partikolari. Għaldaqstant, il-kriterju dwar jekk ikunx jeżisti d-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija, li fuqu jiddependi t-teħid tal-allowance ta’ tkeċċija min-naħa tal-impjegat li jkun ilu impjegat b’mod kontinwat għal diversi snin, mhuwiex kriterju distintiv oġġettiv, iżda kriterju li huwa marbut direttament mal-età tal-persuna inkwistjoni.

39.      B’dan il-mod, dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 2a(3) tal-FL, tinvolvi trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 (35).

2.      Ġustifikazzjoni għat-trattament differenti

40.      Dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 2a(3) tal-FL tista’ madankollu tinvolvi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li hija pprojbita mid-Direttiva 2000/78 biss jekk it-trattament differenti dirett minħabba l-età li hija tkun tinvolvi ma jkunx iġġustifikat. Ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ dan it-trattament differenti joħorġu mill-Artikoli 2(5), 4(1) u 6 tad-Direttiva 2000/78 (36). Hija biss din l-aħħar dispożizzjoni, u b’mod partikolari s-subparagrafu 1 tagħha li hija rilevanti għall-każ ineżami.

a)      Rekwiżiti li huma inerenti għall-ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

41.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”.

42.      B’din il-formulazzjoni pjuttost abbundanti, id-Direttiva 2000/78 tiddefinixxix biss, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rekwiżiti ġenerali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, li jikkonċernaw il-ġustifikazzjoni tat-trattament differenti. F’dan ir-rigward, il-formula introduttiva “objettivament [oġġettivament] u raġonevolment”, mill-aspett tal-kontenut, tispjega biss il-parti sussegwenti tal-frażi “iġġustifikat b’għan leġittimu [...] approprjati u neċessarji” (37).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-avverbju “raġonevolment” (38) fl-espressjoni “objettivament [oġġettivament] u raġonevolment” fl-ewwel parti tal-frażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, waħedha hijiex ta’ sinjifikat partikolari għall-analiżi tal-ġustifikazzjoni (39).

44.      Hemm ukoll espressjonijiet oħra użati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva li jesprimu, fl-aħħar mill-aħħar, affarijiet ovvji.

45.      B’hekk, it-terminu “objettivament [oġġettivament]” huwa intiż li jenfasizza li l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet invokati biex jiġi ġġustifikat trattament differenti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati. Barra minn hekk, mit-terminu “oġġettivament” wieħed jista’ jifhem li mhuwiex permess li jiġu invokati kunsiderazzjonijiet irrilevanti għall-kwistjoni, u b’mod partikolari dawk li huma strettament marbutin mal-kriterji ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, biex jiġi ġġustifikat xi trattament differenti bbażat fuq l-età. Pjuttost, fi kwalunkwe każ, trattament differenti bħal dan jista’ jkollu biss “għan leġittimu”(40) u l-Artikolu 6(1) tad-direttiva jipprovdi diversi eżempji ta’ dan.

46.      L-espressjonijiet “approprjati u neċessarji” msemmija fit-tieni parti tal-frażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippreċiżaw, fl-aħħar nett, l-analiżi tal-proporzjonalità, ħaġa normali fid-dritt tal-Unjoni.

47.      Bħala konklużjoni, il-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2000/78 teżiġi għaldaqstant li l-miżura inkwistjoni tkun ibbażata fuq għan leġittimu u tgħaddi mit-test tal-proporzjonalità.

b)      Għan leġittimu

48.      Il-kliem stess tal-liġi ma jgħidu xejn fuq l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 2a(3) tal-FL. Minn imkien ma jirriżultaw ir-raġunijiet għaliex l-impjegati mkeċċija, li jkunu intitolati diġà għall-pensjoni tax-xjuħija ffinanzjata minn min iħaddimhom, ma għandhomx jirċievu l-allowance ta’ tkeċċija.

49.      Madankollu, dan ma jfissirx li dispożizzjoni bħalma hija dik tad-Danimarka hija assolutament eskluża milli tkun ġustifikata fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, anki elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tad-dispożizzjoni leġiżlattiva, jistgħu jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara dik id-dispożizzjoni (41).

50.      Fil-każ ineżami, ix-xogħolijiet preparatorji (42), li ssemmew kemm mill-Vestre Landsret kif ukoll minn xi wħud mill-partijiet fil-proċeduri, jgħinu biex jiġi ċċarat l-għan imfittex mill-Artikolu 2a(3) tal-Fl. Skont dawn ix-xogħolijiet, il-leġiżlatur Daniż telaq mill-premessa li l-impjegati mkeċċija li jistgħu jirċievu pensjoni tax-xjuħija normalment jabbandunaw is-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, huma ma għandhomx jibbenefikaw mill-allowance ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 2a(1) tal-FL, kumpens li huwa intiż li “jiffaċilita ċ-ċaqliq [t-trasferiment] għal impjieg ieħor” tal-“impjegati anzjani” li jkunu ħadmu għal ħafna snin għall-istess persuna li tħaddem.

51.      Bil-għan li jiffaċilita d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u jirrendi soċjalment sostenibbli t-trasferiment għal impjieg ieħor tal-impjegati anzjani li, wara li dawn ikunu tilfu involontarjament il-post tax-xogħol tagħhom, ikunu jeħtieġu post tax-xogħol ġdid, il-leġiżlatur Daniż għandu bla ebda dubju għan leġittimu ta’ politika soċjali fis-setturi tal-politika soċjali u tas-suq tax-xogħol. Abbażi ta’ dan l-għan, it-trattament differenti bbażat fuq l-età jista’, bħala prinċipju, ikun iġġustifikat fid-dawl tal-kundizzjonijiet tat-tkeċċija u tal-ħlas [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) flimkien mat-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78] (43).

c)      Analiżi tal-proporzjonalità

52.      Jifdal madankollu li jiġi verifikat jekk il-fatt li wieħed jillimita ċ-ċirku ta’ persuni intitolati fil-kuntest tal-Artikolu 2a tal-FL, għall-impjegati li, wara li jitilqu l-impriża, jkunu għadhom ma jistgħux jirċievu l-pensjoni tax-xjuħija, kif jirriżulta mill-Artikolu 2a(3) tal-FL kif interpretat mill-ġurisprudenza Daniża, kienx proporzjonat ma’ dan l-għan leġittimu. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-limitazzjoni fiċ-ċirku tal-persuni intitolati, kif imwettqa mil-leġiżlatur Daniż, kinitx “approprjat[a] u neċessarj[a]” biex jintlaħaq l-għan ta’ politika soċjali, u jekk hijiex ta’ preġudizzju eċċessiv għal dawk l-impjegati li jiġu mċaħħda mill-allowance ta’ tkeċċija (44).

i)      In-natura approprjata (natura mhux manifestament inadegwata tal-miżura)

53.      L-istrument użat mil-leġiżlatur nazzjonali – fil-każ ineżami, il-limitazzjoni tad-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija għal dawk il-persuni biss li jkunu għadhom mhumiex intitolati għall-pensjoni tax-xjuħija – ikun “approprjat” fis-sens tat-tieni parti tal-frażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk ikun idoneu biex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, li jikkonsisti fil-fatt li mill-aspett finanzjarju jiġi faċilitat t-trasferiment għal impjieg ġdid tal-impjegati anzjani li, wara li jkunu tkeċċew, jkunu jixtiequ xogħol ieħor (45).

54.      Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa paċifiku li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi (46). Fid-dawl ta’ din il-prerogattiva fl-evalwazzjoni tal-Istati Membri, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat li tiggarantixxi li l-miżuri adottati ma jkunux irraġonevoli (47), jew inkella, fi kliem ieħor – li l-miżuri adottati ma jkunux manifestament inapproprjati biex jintlaħaq l-għan imfittex.

55.      Dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL tiżgura li jkunu biss dawk l-impjegati li għadhom mhumiex intitolati għall-pensjoni tax-xjuħija li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-allowance ta’ tkeċċija. Għaldaqstant, il-persuni intitolati huma biss dawk li jkun hemm probbabiltà għolja li jkunu ser jibqgħu disponibbli fis-suq tax-xogħol u li jkunu ser ifittxu impjieg ġdid. Ma hemmx dubju li umpens għal tkeċċija li jingħata biss lil dan iċ-ċirku partikolari ta’ persuni jilħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur, li jikkonsisti fil-fatt li jkunu megħjuna biss dawk il-ħaddiema li jkunu ilhom impjegati għal ħafna snin ma’ xi impriża, ħaddiema li effettivament isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ trasferiment għal impjieg ġdid. Fl-istess ħin, b’dan il-mod l-użu illeġittimu jew abbużiv tal-allowance ta’ tkeċċija jitnaqqas għall-minimu f’dak li jirrigwarda l-individwi li fir-realtà ma jkunux għadhom qegħdin ifittxu xogħol u li jkunu jixtiequ jistrieħu fuq il-pensjoni tax-xjuħija tagħhom.

56.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jeċċepixxu li, b’kuntrast mal-għan espress imfittex mil-leġiżlatur Daniż, mill-kumpens imsemmi fl-Artikolu 2a(1) tal-Fl jibbenefikaw mhux biss l-“impjegati anzjani”, iżda ukoll l-impjegati iżgħar li jkunu bdew il-karriera tagħhom relattivament kmieni u li jkunu jistgħu jinvokaw il-fatt li jkunu ilhom fis-servizz għal diversi snin mal-istess persuni li jħaddmu. Konsegwentement, meta impjegat ikun beda jaħdem relattivament kmieni u mingħajr interruzzjonijiet mal-persuna li tħaddmu, huwa jkun jista’ jilħaq is-snin ta’ anzjanità ta’ 12, 15 jew 18-il sena meħtieġa biex jakkwista d-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija anki qabel ma jagħlaq l-40 sena. Din l-eċċezzjoni tippreġudika l-koerenza tad-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2a tal-FL.

57.      Huwa minnu li dispożizzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat “jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku” (48). Kieku l-leġiżlatur Daniż ried verament jipproteġi mill-aspett finanzjarju lil dawk l-impjegati biss li, fil-perijodu tat-trasferiment għal impjieg ġdid, jkunu diġà laħqu età relattivament avvanzata, ma kienx ikun, fil-fatt, koerenti li jippermetti li l-allowance ta’ tkeċċija jingħata wkoll lill-impjegati iżgħar li għandhom servizz daqstant twil.

58.      Kif ġie ċċarat madankollu mir-Region Syddanmark u mill-Gvern Daniż fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-realtà, mill-allowance ta’ tkeċċija għandhom jibbenefikaw l-impjegati kollha li ħadmu għal perijodu relattivament twil għall-istess persuna li tħaddem, peress li għal dawn jirriżulta li huwa partikolarment diffiċli li, indipendentement mill-età, jittrasferixxu ruħhom għal impjieg ġdid. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx dubju fir-rigward tal-koerenza ta’ dispożizzjoni bħalma hija dik tad-Danimarka (49).

59.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, ma jidhirx li dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL, hija manifestament inapproprjata biex tilħaq l-għan ta’ politika soċjali mfittex mil-leġiżlatur. Konsegwentement, hija “approprjat[a]” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

ii)    In-neċessità

60.      Dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL hija wkoll “neċessarj[a]” biss jekk l-għan leġittimu ma kienx ikun jista’ jintlaħaq permezz ta’ strument inqas oneruż iżda li huwa daqstant approprjat.

61.      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-leġiżlatur Daniż ma jipprovdix b’mod ġenerali d-dritt għal allowance ta’ tkeċċija lill-impjegati intitolati għal pensjoni eżiġibbli, jirriżulta li huwa problematiku, u dan indipendentement mill-intenzjoni tal-persuni kkonċernati li jkunu jridu jirtiraw jew ikomplu minflok bix-xogħol tagħhom.

62.      Kif diġà kien hemm okkażjoni li jingħad, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi (50). Din is-setgħa diskrezzjonali tinkludi wkoll, bħala prinċipju, il-possibbiltà li għal motivi ta’ prattiċità, wieħed jitlaq mill-analiżi ta’ każ waħdieni u minflok jikklassifika l-impjegati permezz ta’ approwċ li jaħdem permezz ta’ kriterji ġenerali (51), anki jekk dan imur kontra l-prinċipju ta’ ekwità f’xi każ partikolari.

63.      Madankollu, il-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-qasam tal-politika soċjali ma jistax ikollu bħala effett li jneħħi kull sinjifikat mill-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età (52).

64.      Huwa proprju dan li ġara fil-każ ineżami. Dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL, li teżenta awtomatikament lill-persuna li timpjega mill-obbligu li tħallas allowance ta’ tkeċċija malli l-persuna tkun intitolata għal pensjoni eżiġibbli, tħajjarha saħansitra tkeċċi lil dawk l-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar minima. Għalll-persuna li timpjega jkun finanzjarjament iktar konvenjenti li, fost l-impjegati bl-istess tul ta’ servizz, tkeċċi lil dawk li jkunu għalqu ċerta età, jiġifieri l-età tal-irtirar minima.

65.      Indipendentement minn dan, kienu jeżistu modi inqas restrittivi li jiggarantixxu li mill-allowance ta’ tkeċċija jibbenefikaw dawk l-impjegati biss li jkunu għadhom disponibbli fis-suq tax-xogħol u li jkunu qegħdin ifittxu xogħol ġdid. Pereżempju, il-leġiżlatur Daniż seta’ jissuġġetta l-ħlas tal-allowance ta’ tkeċċija għall-fatt li l-impjegat inkwistjoni jkun reġistrat fil-lista tan-nies li jkunu qegħdin ifittxu xogħol għal ċertu perijodu minimu u għall-fatt li sal-iskadenza ta’ dak il-perijodu jkunu għadhom ma applikawx biex jitħallsu l-pensjoni tax-xjuħija. Biex fl-istess ħin l-persuna li timpjega ma tkunx suġġetta għal piż amministrattiv eċċessiv, seta’ jinħoloq obbligu fuq l-impjegat li jipproduċi l-provi relatati b’mod spontanju u f’termini stabbiliti. Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-impjegat seta’ kien obbligat ukoll jirrifondi l-kumpens li jinkiseb b’mod illeġittimu jew abbużiv.

66.      F’dan il-kuntest, dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġi garantit li, kif irid il-leġiżlatur, il-ħlas tal-allowance ta’ tkeċċija isir biss lil dawk li, jekk jitkeċċew, ikunu għadhom jixtiequ post tax-xogħol ġdid.

iii) Preġudizzju eċċessiv għad-detriment tal-impjegati

67.      Madankollu, anki kieku dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL kellha titqies li hija neċessarja biex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlatur nazzjonali, xorta waħda jifdal li jiġi verifikat jekk tali dispożizzjoni tirriżultax li hija eċċessivament ta’ preġudizzju għall-aspettattivi leġittimi tal-impjegati.

68.      Dan il-kriterju addizzjonali li ssemma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Palacios de la Villa (53), huwa fil-fatt espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-atti adottati, għalkemm approprjati u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi, ma għandhomx jikkaġunaw inkonvenjenzi li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet ikkontemplati (54) (imsejħa “proporzjonalità fis-sens strett”). Fi kliem ieħor, sa fejn huwa possibbli jrid jinsab bilanċ bejn l-għan ta’ politika soċjali mfittex fuq livell nazzjonali u l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (55), u l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat “isib[...] bilanċ ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni” (56).

69.      Fost l-interessi tal-impjegati inkwistjoni jista’ jkun hemm dak biex jitkompla x-xogħol bil-paga anki wara li l-impjegati jitilfu l-post tax-xogħol li huma kellhom għal ħafna snin, minkejja li jkun twieled id-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jingħad li bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol [Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (57)]. Dan id-dritt fundamentali Ewropew japplika anki għall-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, pereżempju, meta jimplementaw id-Direttiva 2000/78 inkwistjoni f’dan il-każ [Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. Anki meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ ikunu qegħdin jiġu interpretati u applikati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet li jkunu għadhom mhux konklużi (58).

70.      Dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL, tagħmilha diffiċli li impjegati li jkunu diġà intitolati jirċievu pensjoni tax-xjuħija jkomplu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu, peress li fil-mument tat-trasferiment għal impjieg ġdid – b’kuntrast ma’ dak li jiġri fil-każ ta’ impjegati oħra bl-istess tul ta’ servizz – ma jistgħux ikunu sostnuti finanzjarjament permezz ta’ allowance ta’ tkeċċija. Din is-sistema lanqas ma tippermetti li jintlaħaq l-għan li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2000/78, jiġifier l-fatt li l-impjegati anzjani jiġu megħjuna billi tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja professjonali (59).

71.      L-interess li l-impjegati inkwistjoni għandhom li jkomplu jwettqu x-xogħol tagħhom irid naturalment jiġi bbilanċjat b’mod ġust ma interessi oħra. Għaldaqstant, fis-sentenza Palacios de la Villa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-motivi ta’ politika tax-xogħol jistgħu jiġġustifikaw, biex ngħidu hekk, “l-irtirar obbligatorju” tal-impjegati minħabba li jkunu laħqu l-limitu ta’ età previst (60).

72.      Iktar minn hekk, l-Istati Membri – kif ukoll l-imsieħba soċjali – ma jistgħux jiġu preklużi, bħala prinċipju, milli jadottaw miżuri inqas restrittivi mill-irtirar obbligatorju: dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL ma jipprekludix lill-impjegati li jkollhom dritt eżiġibbli għall-pensjoni milli jkomplu bix-xogħol tagħhom. Fil-fatt l-individwi inkwistjoni sempliċiment ma jibqgħux ikunu sostnuti finanzjarjament huma u jfittxu impjieg ġdid bl-istess mod bħal impjegati oħra li ma jkunux intitolati għal pensjoni tax-xjuħija. B’dan il-mod, bħalma enfasizzaw il-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Ġermanja, jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, l-interess leġittimu li l-persuni li jħaddmu għandhom li l-obligu finanzjarju tagħhom jiġi llimitat fil-każijiet ta’ tkeċċija (61).

73.      Madankollu, anki t-telf ta’ sempliċi dritt għal sostenn finanzjarju fil-mument tat-trasferiment għal impjieg ġdid jista’ jippreġudika serjament l-interessi ta’ impjegat imkeċċi. Dan jiġri meta l-irtirar immedjat tal-impjegat inkwistjoni jkun jinvolvi tnaqqis konsiderevoli tal-pensjoni minħabba l-irtirar kmieni jew tnaqqis konsistenti ieħor fir-rigward tal-ammont massimu ta’ pensjoni li huwa seta jirċievi. F’dan il-każ, l-interess tiegħu li jkompli jwettaq xogħolu jieħu importanza partikolarment konsiderevoli. Fil-fatt, normalment, jekk huwa jaħdem iktar il-pensjoni tax-xjuħija tiegħu għandha tkun proporzjonalment ikbar u inqas għandu jkun it-tnaqqis mill-pensjoni dovut għal irtirar kmieni li huwa jkollu eventwalment jaċċetta.

74.      L-eżempju ta’ O. Andersen juri biċ-ċar dan li ġej: kieku dan, fil-mument tat-terminazzjoni tar-rapport tal-impjieg f’Awwissu 2006, kien għażel l-irtirar immedjat, huwa kien ikollu dritt għal pensjoni annwali tax-xjuħija ta’ DKK 125 374 (62). Kieku baqa’ jħallas il-kontribuzzjonijiet għal ammont fiss sal-1 ta’ Ġunju 2008, flimkien ma’ posponiment tal-irtirar sa dik id-data, il-pensjoni annwali tiegħu kienet tiżdied u titla’ għal DKK 152 611 fis-sena (63), jiġifieri, wara sentejn biss, il-valur nominali kien jiżdied b’iktar minn 20 %.

75.      Ma hemmx dubju li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-leġiżlatur nazzjonali (jew l-imsieħba soċjali), li għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-qasam tal-politika soċjali u tax-xogħol, li għandu jevalwa sa fejn l-impjegati ikollhom jaċċettaw tnaqqis fil-pensjoni marbut mal-irtirar kmieni u tnaqqis ieħor fil-pensjoni massima li tkun tista’ tittieħed. Jidher li l-leġiżlatur Daniż ftit li xejn kien jaf b’din il-problema u dan kemm meta introduċa l-Artikolu 2a(3) tal-FL inkwistjoni f’din il-kawża (64), kif ukoll meta ttraspona d-Direttiva 2000/78 (65). Il-leġiżlatur Daniż ma għamel ebda użu tal-marġni ta’ diskrezzjoni korrispondenti tiegħu.

76.      L-Artikolu 2a(3) tal-Fl, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn impjegati li laħqu l-età tal-pensjoni ordinarja u dawk li jistgħu juru li laqħu l-età tal-pensjoni minima. Madankollu, iż-żewġ gruppi ma jistgħux sempliċiment “jitpoġġew fl-istess keffa” peress li hemm element essenzjali li jiddistingwihom: qabel ma tintlaħaq l-età tal-pensjoni ordinarja, il-pensjoni tax-xjuħija tkun normalment akkumpanjata minn tnaqqis konsiderevoli marbut mal-irtirar kmieni, ħaġa li tista’ tinvolvi telf finanzjarju għall-individwi inkwistjoni. Barra minn hekk, iktar ma impjegat ikun ’il bogħod mill-età tal-pensjoni minima inqas ikunu l-aspettattivi tiegħu għall-ammont tal-pensjoni.

77.      Huwa minnu li, minn mindu ġie emendat l-Artikolu 2a(3) tal-FL fl-1996, l-istess artikolu jillimita r-rifjuti tal-allowance ta’ tkeċċija għall-każijiet fejn l-impjegat imkeċċi jkun daħal fis-sistema tal-pensjoni tiegħu qabel ma jkun għalaq il-ħamsin sena. Madankollu, dan ifisser biss li l-aspettattivi għal dawk li jissejħu “pensjonijiet minimi” ma jaffettwawx id-dritt għal allowance ta’ tkeċċija. Min-naħa l-oħra, mhuwiex eskluż li impjegat ikollu jaċċetta tnaqqis fil-pensjoni marbut mal-irtirar kmieni. F’każijiet estremi, dan jista’ jfisser li impjegat li jkun daħal fis-sistema tal-pensjoni ta’ 49 sena u li jitlef il-post tax-xogħol tiegħu ta’ 61 sena, jitlef id-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija skont l-Artikolu 2a(1) tal-FL, minkejja li huwa, wara li jkun ħallas il-kontribuzzjonijiet għal tnax-il sena, ikun intitolat biss għall-pensjoni tax-xjuħija prevista fil-ftehim kollettiv li tkun relattivament imnaqqsa, li fil-każ li din tintalab immedjatament, ikun irid jiġi aċċettat tnaqqis marbut mal-irtirar kmieni.

78.      Għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 2a(3) tal-FL hija espressjoni ta’ bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni. Din tiżvantaġġa eċċesivament l-impjegati kkonċernati inkwantu tippreżumi b’mod assolut li huma jkunu ser jabbandunaw is-suq tax-xogħol anki akkost li jsofru telf finanzjarju sostanzjali fir-rigward tal-ammont ta’ pensjoni individwali li huma jkunu jistgħu jiksbu. Madankollu, impjegat għandu interess leġittimu biex ikompli jeżerċita x-xogħol tiegħu meta huwa, fil-każ ta’ rtirar immedjat, ikollu jaċċetta tnaqqis sostanzjali minħabba l-irtirar kmieni jew tnaqqis konsistenti ieħor fl-ammont massimu tal-pensjoni li huwa jkun jista’ jikseb.

79.      B’dan il-mod, il-każ ineżami huwa wkoll sostanzjalment differenti mill-każ Palacios de la Villa, fejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi u tal-ftehim kollettiv Spanjoli applikabbli ma jagħmlux riferiment għall-età tal-pensjoni minima iżda għall-età tal-pensjoni ordinarja, u r-rikorrent kien diġà intitolat għall-pensjoni fl-ammont massimu li huwa seta’ jikseb (66).

iv)    Konklużjoni parzjali

80.      Dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 2a(3) tal-FL mhijiex meħtieġa biex jintlaħaq l-għan imfittex minnha. Hija tippreġudika b’mod eċċessiv l-interessi tal-impjegati inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ aspetti, it-trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età li din id-dispożizzjoni tinvolvi ma jistax ikun ġustifikat fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

3.      Il-konsegwenzi fuq il-kawża prinċipali

81.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha, sa fejn possibbli, tinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tal-kliem u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex tilħaq ir-riżultat previst minnha u, konsegwentement, tikkonforma ruħha mal-Artikolu 288(3) TFUE (67).

82.      Dan l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-direttiva huwa ċertament limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (68).

83.      Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva jeżiġi wkoll li l-qrati nazzjonali, fil-kunsiderazzjoni tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ applikazzjoni tiegħu, jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom sabiex jiggarantixxu l-effettività totali tad-direttiva kkonċernata u sabiex jiksbu riżultat li jikkorrispondi mal-għan tad-direttiva (69). F’dan ir-rigward, huma marbutin li jużaw b’mod sħiħ id-diskrezzjoni mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali (70).

84.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tivverifika jekk u sa fejn l-Artikolu 2a(3) tal-FL jista’ jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 imsemmija iktar ’il fuq. Mingħajr ma nixtieq nantiċipa l-evalwazzjoni tal-Vestre Landsret, li hija l-unika qorti kompetenti biex tinterpreta d-dritt intern (71), jidher li huwa kompletament possibbli li tingħata interpretazzjoni konformi mad-direttiva. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni restrittiva attwali tad-dispożizzjoni derogatorja tal-Artikolu 2a(3) tal-FL hija bbażata biss fuq interpretazzjoni maħruġa mill-ġurisprudenza Daniża. Il-kliem użat minnha (“jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, l-impjegat jirċievi [...] pensjoni tax-xjuħija [...])” jista’ jiġi interpretat ukoll fis-sens li d-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi biss għal dawk l-individwi li jkunu ser jibbenefikaw effettivament mill-pensjoni tax-xjuħija tagħhom, mingħajr ma jkunu inklużi ukoll b’mod awtomatiku l-individwi li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija (72).

85.      Fil-każ li l-Artikolu 2a(3) tal-FL ma jkunx jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-direttiva, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi applikata fil-kawża prinċipali (73), bil-konsegwenza li anki persuna li tkun fis-sitwazzjoni ta’ O. Andersen għandha tingħata l-allowance ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 2a(1) tal-FL. Fil-fatt, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ jiġi żgurat biss billi l-persuni tal-kategorija żvantaġġata jingħataw l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata (74).

4.      Osservazzjonijiet finali

86.      Bil-għan li l-qorti tar-rinviju tingħata soluzzjoni utli għat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat dan li ġej.

87.      Il-fatt li l-Artikolu 2a(1) tal-FL jorbot il-ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija mal-fatt li l-impjegat irid ikun ilu, b’mod kontinwat, fis-servizz mal-persuna li tħaddem għal diversi snin, jista’ jfisser li r-ratio u l-għan ta’ dan il-kumpens ma jikkonsistux biss fis-sostenn finanzjarju fil-każ ta’ trasferiment għal xogħol ġdid. Pjuttost, tali allowance ta’ tkeċċija tista’ tinftiehem li hija intiża biex tikkumpensa wkoll – tal-inqas parzjalment – il-fedeltà murija mill-impjegat fil-konfront tal-impriża.

88.      Wara mistoqsija f’dan is-sens magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ma qablux dwar jekk l-element ta’ allowance ta’ fedeltà għall-impriża kienx inerenti fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 2a tal-FL. Filwaqt li l-Gvern Daniż, ir-Region Syddanmark u l-Kummissjoni ċaħdu dan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni bil-kontra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward (75).

89.      Jekk jiġi deċiż li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2a tal-FL hija intiża li tikkumpensa, tal-inqas parzjalment, il-fedeltà ta’ ħafna snin tal-impjegat fil-konfront tal-impriża, dan ikun motiv imperattiva ieħor biex ma jiġix miċħud l-allowance ta’ tkeċċija lill-impjegati minħabba l-fatt biss li huma jkunu diġà intitolati għall-pensjoni. Fir-rigward tal-allowance ta’ fedeltà passata tal-impjegati fil-konfront tal-impriża, fil-fatt, ma tagħmel l-ebda differenza jekk fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, impjegat jista’ jew ma jistax jirċievi pensjoni tax-xjuħija.

VI – Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Vestre Landsret kif ġej:

Meta impjegati li jkunu ilhom fis-servizz tal-persuna li tħaddem għal diversi snin jingħataw, fil-każ ta’ tkeċċija, kumpens previst mil-liġi biex t-trasferiment tagħhom għal xogħol ġdid ikun faċilitat finanzjarjament, l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78/KE jipprekludu dispożizjoni li tipprovdi li dan il-kumpens ma għandux jingħata lill-impjegati li fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg ikunu jistgħu jirċievu pensjoni tax-xjuħija sa fejn ma jittiħdux inkunsiderazzjoni

–        il-punt dwar jekk l-impjegat inkwistjoni ikunx ser jirċievi effettivament, f’dak il-mument, pensjoni tax-xjuħija jew inkella jkun ikunx għadu disponibbli fis-suq tax-xogħol u

–        il-punt dwar jekk l-irtirar f’dak il-mument ikunx jinvolvi li l-impjegat inkwistjoni jsofri tnaqqis sostanzjali tal-pensjoni minħabba l-irtirar kmieni u jew telf finanzjarju sostanzjali ieħor li jaffettwa l-ammont tal-pensjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Fuq dan il-punt, ara essenzjalment, is-sentenza, tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531).


3 – Sentenzi, tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, b’mod partikolari l-punt 77), kif ukoll, tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra, p. I-365 b’mod partikolari l-punt 51); fuq il-kritika ta’ din il-ġurisprudenza ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, ippreżentati fil-15 ta’ Frar 2007, fil-kawża Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 79-97 u 105-139) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008, fil-kawża Bartsch (C‑427/06, Ġabra p. I‑7245, b’mod partikolari l-punti 31 sa 65 u 79 sa 93).


4 – Differenti hija s-sitwazzjoni fil-kawża Rosenbladt (C‑45/09), li għadha pendenti fil-preżent, li ġiet ittrattata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum bħal din il-kawża u li fiha l-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentat il-konklużjonijiet tagħha fit-28 ta’ April 2010.


5 – ĠU L 303, p. 16.


6 – Liġi fuq ir-relazzjonijiet ta’ impjieg, kif emendata bil-liġi Nru 224, tad-19 ta’ Mejju 1971, u mil-liġi Nru 287, tal-24 ta’ April 1996 (ara f’dan ir-rigward id-digriet Nru 68, LBK, tal-21 ta’ Jannar 2005).


7 – Qorti tal-Kassazzjoni Daniża.


8 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Højesteret, tas-7 ta’ Diċembru 1988, Ugeskrift for Retsvæsen, 1989, p. 123 H.


9 – Reġjun tad-Danimarka ta’ Isfel.


10 – Distrett tal-Jutland ta’ Isfel.


11 – Skont l-indikazzjonijiet konkordanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, dan il-kumpens huwa bbażat fuq l-Artikolu 2b tal-FL u jista’ jiżdied mal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 2a tal-FL (f’dan ir-rigward ara ukoll l-Artikolu 2(5) tal-FL).


12 – Ir-Region Syddanmark jirreferi, f’dan ir-rigward, għal informazzjoni tal-fond tal-pensjoni Danske civil- og akademiingeniørers mibgħuta mill-avukat ta’ O. Andersen fit-30 ta’ Jannar 2008.


13 – B’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, l-assigurat seta’ jidħol f’sistema ta’ pensjoni ġdida, ħaġa li għal O. Andersen kienet tfisser li b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2008 kien ikollu żieda fil-pensjoni tax-xjuħija, u b’mod partikolari kienet tiżdied għal DKK 167 411 fis-sena fil-każ ta’ sospensjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-1 ta’ Awwissu 2006 u għal DKK 176 544 fis-sena kieku l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet baqgħu għaddejjin sal-1 ta’ Ġunju 2008.


14 – Assoċjazzjoni ta’ inġiniera fid-Danimarka.


15 – Sentenzi Mangold (punti 74 u 75) u Kücükdeveci (punti 20 u 21), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


16 – Fuq il-kwistjoni dwar il-bażi ta’ dan il-prinċipju ġenerali ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, tat-30 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 83 u 84) ; tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 79 sa 97) ; tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bartsch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 79 sa 93) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi, tad-29 ta’ April 2010, fil-kawża Akzo u Akcros vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 96).


17 – Sentenzi Mangold (punt 77) u Kücükdeveci (punt 51), iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


18 – Sentenza Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – F’dan ir-rigward, ara pereżempju l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 83, 84 u 100) ; tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 133 sa 138), kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bartsch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 79 sa 93) u l-ġurisprudenza ċċitata kull darba.


20 – Skont ġurisprudenza stabbilita, f’kull każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jidhru, mill-aspett sostantiv, mhux kundizzjonati u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu jkunu invokati mill-individwi fil-konfront tal-Istat, anki fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, (152/84, Ġabra p. 723, punt 49 ; tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt. 57) kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, kawżi magħquda C‑378/07 sa C 380/07, Angelidaki et, Ġabra, p. I-3071, punt 193]. Dan jiġri spiss fil-każ tal-projbizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni regolati mid-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħi, tad-9 ta’ Jannar 2008, fil-kawża Impact u b’mod partikolari fuq l-applikabbiltà diretta ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ tkeċċija, ara s-sentenza li għadha kemm ġiet iċċitata Marshall, punti 52 sa 55).


21 – Sentenza Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 21).


22 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I-5325) kif ukoll is-sentenzi, tat-12 ta’ Ġunju 2010, Wolf (C‑229/08, Ġabra p. I-1) u Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I-47).


23 – F’dan ir-rigward ara ukoll is-sentenza Hütter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 34).


24 – Dwar l-inklużjoni ta’ ħlasijiet ta’ flus magħmula wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ara s-sentenza, tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, Ġabra p. I‑1757, punti 40 sa 44). Fuq il-ħlasijiet ta’ flus magħmula mill-persuna li timpjega bis-saħħa ta’ xi liġi, ara b’mod partikolari s-sentenzi, tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, Ġabra p. I‑1889, punti 16 sa 18); tas-17 ta’ Frar 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑173/91, Ġabra p. I‑673, punt 17), u tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑220/02, Ġabra p. I‑5907, punt 36); din il-ġurisprudenza tal-aħħar, għalkemm ġiet żviluppata fir-rigward tal-prinċipju tal-ħlas ugwali bejn impjegati rġiel u impjegati nisa, tapplika bla ebda dubju ukoll għad-Direttiva 2000/78.


25 – F’dan ir-rigward ara l-aħħar frażi tal-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 : “Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati [...] u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita”; f’sens simili ara s-sentenzi Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58), Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 52) u Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 33).


26 – Il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet b’dan il-mod, inter alia, fis-sentenzi Wolf (punt 25) u Petersen (punt 31) iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


27 – Ara ukoll is-sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 50); tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 33); Hütter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 37); Wolf (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 28); Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 34) kif ukoll Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 28).


28 – F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, b’mod partikolari l-punti 58, 62 u 65).


29 – Ara s-sentenzi Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, l-ewwel sentenza tal-punti 46,u punti 49 u 52) u Hütter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 41), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara li l-“għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ‘leġittimi’ fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonal” (il-korsiv huwa tiegħi).


30 – Sentenza Wolf (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, b’mod partikolari l-punti 35 u 45).


31 – Sentenzi, tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punti 12 u 17); Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 13), kif ukoll, tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C‑320/01, Ġabra p. I‑2041, punt 39), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 55).


32 – F’sens simili ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, tal-25 ta’ Ġunju 2009, fil-kawża Bressol et (C‑73/08, Ġabra p. I-2735, punt 53), li fihom id-definizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta, kif żviluppata fir-rigward tat-trattament differenti bejn l-irġiel u n-nisa, tista’ tkun addattata għad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq kwalunkwe raġuni li hija projbita.


33 – Fuq id-distinzjoni bejn età assoluta u relattiva, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bartsch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 96 u 97 kif ukoll 104 u 105).


34 – F’dan ir-rigward ara l-affermazzjonijiet mhux kontestati li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għamel fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


35 – F’dan is-sens ara s-sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 63) li fiha r-riferiment għall-“età ta’ rtirar” ġie meqjus bħala “forma ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78”.


36 – Fuq l-artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78 bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni approprjata għat-trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età ara s-sentenza Wolf (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22); fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni għat-trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età ara s-sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, u b’mod partikolari l-punt 62); anki fis-sentenzi Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), Hütter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22), kif ukoll fis-sentenza Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat każijiet ta’ trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età mill-aspett tal-ġustifikazzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 6 tad-direttiva.


37 – Il-formula “objettivament [oġġettivament] u raġonevolment iġġustifikat” (bl-Ingliż: “objectively and reasonably justified”, bil-Franċiż: “objectivement et raisonnablement justifiées”) probabbilment twieldet fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 14 KEDB, fejn tintuża wkoll biss bħala formula introduttiva għall-verifika tal-għan leġittimu u tal-proporzjonalità: “Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti [Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem], distinzjoni tkun diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 14 [KEDB] jekk ‘tkun nieqsa minn ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli’, jiġifieri jekk ma jkollhiex ‘għan leġittimu’ jew jekk ma jkunx hemm ‘rapport raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex’” (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Gaygusuz vs L-Awstrija, tas-16 ta’ Settembry 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996-IV, p. 1141, § 42).


38 – Fil-verżjoni Ingliża “reasonably”, fil-verżjoni Franċiża “raisonnablement”.


39 – Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 56 u 57), kif ukoll Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 65 u 67).


40 – Id-distinzjoni terminoloġika bejn “għan leġittimu” u “politika leġittima” toħroġ minħabba partikolarità fil-verżjoni Taljana; distinzjoni simili teżisti fil-verżjoni Ġermaniża (“legitimes Ziel” e “rechtmäßige Ziele”). Min-naħa l-oħra, fil-verżjonijiet kollha l-oħra tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari f’dik Bulgara, Ċeka, Daniża, Ingliża, Griega, Spanjola, Estonjana, Franċiża, Litwana, Ungeriża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża, din il-problema ma tqumx: hemm biss okkażjoni waħda fejn hemm aġġettiv li jista’ jiġi tradott b’“leġittimu” u “ġustifikat”, xi drabi jintuża l-istess aġġettiv darbtejn.


41 – Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 56 u 57), Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 44 u 45), kif ukoll Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 39 u 40).


42 – Espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi fir-rigward tal-inklużjoni tad-dispożizzjoni kkontestata fl-FL fil-każ ineżami (Folketingstidende 1970-1971, Anness A, kolonna 1334). Il-kunsiderazzjonijiet li saru dakinhar ġew ikkonfermati reċentement fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi L 92 (Folketingstidende 2004-2005 [Ġabra 1], Anness A, p. 2686, 2701), li finalment wasslet għall-adozzjoni tal-liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004,.


43 – F’dan is-sens ara s-sentenzi Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 59 sa 61); Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 65 u 66) u Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 35 u 36).


44 – Fir-rigward tar-rekwiżit li ssemma l-aħħar, ara, b’analoġija, is-sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 73).


45 – L-użu tal-aġġettiv “angemessen” fil-verżjoni Ġermaniża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma huwiex normali. Jekk wieħed iħares lejn verżjonijiet lingwistiċi oħra (l-Ingliż: “appropriate”, il-Franċiż “appropriés”, it-Taljan “appropriati”, l-Ispanjol “adecuados”, il-Portugiż “apropriados”, l-Olandiż “passend”), wieħed jinduna li kien ikun iktar korrett li fil-verżjoni Ġermaniża jintuża l-aġġettiv “geeignet”. L-użu tal-kelma “geeignet” setgħat twassal biex tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-espressjoni żbaljata “angemessen” fl-ewwel u t-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, kif irnexxielhom jagħmlu l-verżjonijiet l-oħra.


46 – Sentenzi Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 63), Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 68), Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 51), Hütter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 45) u Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 38); f’dan is-sens ara ukoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78, fejn it-trattament differenti jeħtieġ “dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri” (iċċitata fis-sentenza Palacios de la Villa, punt 69).


47 – Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 72) u Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 70).


48 – F’dan ir-rigward, ara b’mod ġenerali, is-sentenzi, tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55), kif ukoll, tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (“Sardegna”, C‑169/08, Ġabra p. I-10821, punt 42 fl-aħħar), kif ukoll, għal dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bbażati fuq l-età, is-sentenzi Petersen (punt 53) u Hütter (punti 46 u 47, li fihom isir riferiment għan-natura kuntradittorja u għan-nuqqas ta’ koerenza interna tal-leġiżlazzjoni nazzjonali), it-tnejn li huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


49 – Fil-ġurisprudenza iktar reċenti tagħha, anki l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza għall-fatt li l-impjegati jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tat-tul ta’ servizz tagħhom, u dan indipendentement mill-età ta’ meta’ jkunu ġew ingaġġati (ara s-sentenzi Hütter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punti 47 sa 50, u Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punti 29 sa 31 u 40 sa 42).


50 – Ara l-punt 54 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46.


51 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi, tal-1 ta’ April 2004 fil-kawża Hlozek (C‑19/02, Ġabra p. I‑11491, punti 57 u 58).


52 – Sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 51); fl-istess sens is-sentenzi, tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, Ġabra p. I‑623, punt 75), tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer (C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punt 57), kif ukoll, tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération générale du travail et (C‑385/05, Ġabra p. I‑611, punt 29); ara ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hlozek (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 59).


53 – F’dan is-sens ara s-sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 73).


54 – Ġurisprudenza stabbilita, ara b’mod partikolari s-sentenzi, tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman und van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 47), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p. I-2007, punt 86).


55 – Sentenzi, tad-19 ta’ Marzu 2002, Lommers (C‑476/99, Ġabra p. I‑2891, punt 39, fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-impjegati rġiel u tal-impjegati nisa), kif ukoll Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 65, fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali tad-Direttiva 2000/78).


56 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 71).


57 – Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem ġiet proklamata solennement l-ewwel f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1) u sussegwentement fi Strasbourg fit-12 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 303, p. 1).


58 – F’dan is-sens ara l-ġurisprudenza stabbilita, fejn jingħad li d-dispożizzjoni ġdida tapplika immedjatament għall-effetti fututi ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot meta kienet fis-seħħ id-dispożizzjoni preċedenti; ara s-sentenzi, tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, Ġabra p. 1433, punt 8), tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 50), tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punt 43), kif ukoll, tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg (C‑226/08, Ġabra p. I-131, punt 46). Din l-ispjegazzjoni ssir ukoll peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 22) u tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, Ġabra p. I-1839, punt 44), irreferiet għall-Karta bħala dritt primarju vinkolanti.


59 – Premessa 9 tad-Direttiva 2000/78.


60 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, b’mod partikolari l-punt 73).


61 – Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni tal-persuna li timpjega, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività” ma humiex approprjati, bħala tali, biex jiġġustifikaw trattament differenti dirett ibbażat fuq l-età. Fl-istess ħin hija ma eskludietx li tikkunsidra ukoll l-interessi tal-persuna li timpjega meta tkun qed tfittex għanijiet ta’ interess ġenerali marbutin mal-politika tas-suq tax-xogħol u tal-impjieg. Għaldaqstant, kien leġittimu li l-leġiżlatur Daniż jieħu inkunsiderazzjoni ukoll l-interess tal-persuna li timpjega biex jevitalha piż finanzjarju eċċessiv meta kien qed jistabbilixxi d-dritt għall-allowance ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 2a tal-FL; ara f’dan ir-rigward is-sentenza Age Concern England (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 51). Anki fis-sentenza Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3) il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma skartat bħala irrilevanti għanijiet bħalma huma l-“flessibbiltà ikbar fl-amministrazzjoni tal-persunal” u t-tħaffif tal-oneru tal-persuna li timpjega fir-rigward tat-tkeċċija ta’ dawk il-ħaddiema (punt 39); min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li d-dispożizzjoni magħżula mil-leġiżlatur “mhijiex approprjata sabiex jintlaħaq dan il-għan” (punt 40).


62 – Fil-31 ta’ Awwissu 2006 dan kien isarraf f’valur ta’ EUR 16 807.64, jiġifieri madwar EUR 1 400 fix-xahar.


63 – Fl-1 ta’ Ġunju 2008 dan kien isarraf f’valur ta’ EUR 20 460.56, jiġifieri madwar EUR 1 705 fix-xahar.


64 – Oriġinarjament it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a tal-FL.


65 – Kif jirriżulta mill-atti, il-leġiżlatur Daniż, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, illimita ruħu li jivverifika jekk, fir-rigward tal-Artikolu 2a tal-FL, kienx oġġettivament ġustifikat li l-impjegati żgħar fl-età ma jingħatawx allowance ta’ tkeċċija. Ma jidhirx madankollu li kien ikkontestat li l-impjegati anzjani li diġà kienu intitolati li jirċievu pensjoni tax-xjuħija kienu jiġu ddiskriminati abbażi tal-età permezz tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2a(3) tal-FL (ara ukoll n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq).


66 – Sentenza Palacios de la Villa (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 24, 27 u 30).


67 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26), tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra 2004, I‑8835, punt 113), Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 98), Angelidaki et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 197) u Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 47).


68 – Sentenzi, tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punti 44 u 47), Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 100) u Angelidaki et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 199).


69 – Sentenzi Pfeiffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punti 115, 116, 118 u 119), Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 101) u Angelidaki et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 200); bl-istess mod, is-sentenza, tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-qorti nazzjonali “trid tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tal-kliem u tal-għan tad-direttiva”.


70 – Sentenza von Colson u Kamann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 28); ara wkoll is-sentenzi, tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et (157/86, Ġabra p. 673, punt 11), u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 68).


71 – Sentenzi, tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 103), tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punt 34), kif ukoll Angelidaki et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 48).


72 – Kif irrileva l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-ġurisprudenza żviluppata fil-preżent fir-rigward tal-Artikolu 2a(3) tal-FL hija bbażata fuq interpretazzjoni teleoloġika restrittiva tad-dispożizzjoni, li bis-saħħa tagħha il-verb Daniż “vil” irid jinftiehem fis-sens ta’ “kan”.


73 – Ġurisprudenza stabbilita; ara pereżempju, is-sentenza Marshall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 55 u 56), fejn jingħad li l-prinċipju ta’ trattament ugwali “jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ korp statali li jaġixxi bħala persuna li tħaddem biex jimpedixxi l-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mal-istess [prinċipju]”; ara wkoll is-sentenzi ITC (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 69) u Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 80 u 81).


74 – Ġurisprudenza stabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenza, tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, Ġabra p. I‑5149, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75 – Sentenza Petersen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 42).