Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta' Frar 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Galicia - Spanja) - Concepción Salgado González vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

(Kawża C-282/11) 

(Artikolu 48 TFUE - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 - Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt - Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija - Kalkolu tal-benefiċċji)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Concepción Salgado González

Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal Superior de Justicia de Galicia - Interpretazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE, tal-Artikolu 3 u tal-Anness VI(D)(4) (attwalment l-ittra G) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) u tal-Artikolu 87(5) u tal-Anness XI(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) - Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt - Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija - Kalkolu tal-benefiċċji - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-benefiċċju abbażi ta' bażi ta' kontribuzzjoni medja matul perijodu ta' riferiment ta' ħmistax-il sena.

Dispożittiv

L-Artikoli 48 TFUE, 3, 46(2)(a) u 47(1)(g) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' April 2006, kif ukoll il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, huwa kkalkolat dejjem mill-bażijiet ta' kontribuzzjonijiet ta' dan il-ħaddiem fuq perijodu ta' riferiment stabbilit li jippreċedi l-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni tiegħu f'dan l-Istat, li għalihom huwa applikat diviżur stabbilit, mingħajr la t-tul ta' dan il-perijodu u lanqas dan id-diviżur ma jistgħu jiġu adattati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

____________

1 - ĠU C 269, 10.09.2011