Language of document : ECLI:EU:T:2009:190

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑300/02,

Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), stabbilita f’Ġenova (l-Italja), irrappreżentata minn L. Radicati di Brozolo u M. Merola, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

ASM Brescia SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Caia, V. Salvadori, N. Pisani u F. Capelli, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal_Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), hija kumpannija b’kapital azzjonarju u 51.01 % mill-kapital tagħha huwa miżmum mill-Komun ta’ Ġenova (l-Italja). Hija ġiet stabbilita fl-1995 wara li ġiet ittrasformata l-impriża muniċipali li kellha l-istess isem u hija attiva kemm fis-settur tal-enerġija, b’mod partikolari bħala fornitur ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ gass, ta’ installazzjoni ta’ tisħin, ta’ distribuzzjoni ta’ sħana prodotta minn impjanti ta’ koġenerazzjoni, kif ukoll fis-settur tal-ilma, partikolarment inkwantu tipprovdi servizzi ta’ distribuzzjoni, ta’ ġbir u ta’ pproċessar ta’ ilma użat. Hija teżerċita dawn l-attivitajiet fil-Komun ta’ Ġenova.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”).

3        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

4        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem “l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

 Il-proċeduri amministrattivi

5        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

7        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1999, C 220, p. 14).

8        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

9        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħar-rikorrenti, kif ukoll ACEA SpA u AEM SpA, li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (Kawżi T‑297/02 u T‑300/2), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

10      L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

12      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

13      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

14      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, u għalhekk l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ riferiment użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Jannar 2003, ASM Brescia SpA talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza (kompożizzjoni preċedenti) awtorizza dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini stabbiliti.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Fl-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

22      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana wkoll ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bir-referenza C‑290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u dawk fil-kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02 u T‑189/03.

23      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi r-rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 5, p. 85). Huwa b’hekk li din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

24      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirrinvija d-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għas-sentenza finali.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet, bil-miktub, domandi lill-partijiet, u dawn irrispondewhom fit-terminu stabbilit.

26      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

28      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti inkwantu din mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

31      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali inkwantu tikkonċerna skema ta’ għajnuna u b’hekk numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi definiti skont kriterju ġenerali, bħall-fatt li huma parti minn kategorija ta’ impriżi. Fil-fehma tagħha, ma għandhomx jitqajmu dubji dwar il-portata ġenerali, u b’hekk in-natura leġiżlattiva, ta’ att minħabba l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika f’mument partikolari, kemm-il darba jkun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu.

32      Skont il-Kummissjoni, sabiex individwu jkun ikkonċernat individwalment minn att ta’ portata ġenerali, dan l-att għandu jippreġudika d-drittijiet speċifiċi tiegħu jew l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu għandha tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni tal-imsemmi individwu. Il-Kummissjoni tikkunsidra madankollu li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kollha li bbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, ma nkisrux drittijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi li jistgħu jiġu ddivrenzjati mill-impriżi l-oħrajn kollha li huma benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ impriża preċiża. La d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà u lanqas l-ordni ta’ rkupru li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħmlu riferiment għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji individwali.

33      Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li tgħid li l-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li l-imsemmi benefiċjarju huwa kkonċernat individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

34      Kawżi iktar reċenti ma jqajmux dubji dwar din il-ġurisprudenza stabbilita. Skont il-Kummissjoni, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sardegna Lines”), ma tistax tiġi applikata għar-rikorsi kollha ppreżentati minn benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli u li jkun ġie ordnat l-irkupru tagħha. Din il-konklużjoni għandha tinsilet b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun ġiet eżaminata b’mod astratt. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sardegna Lines, ir-rikorrenti fil-fatt ibbenefikat minn għajnuna individwali, peress li l-vantaġġ ingħata permezz ta’ att adottat abbażi ta’ liġi reġjonali kkaratterizzata minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġiet eżaminata bir-reqqa matul il-proċedura formali ta’ eżami.

35      Il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti wkoll minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alzetta”), inkwantu, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru eżatt u lanqas l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma kellhiex l-informazzjoni kollha rilevanti u ma kinitx taf l-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’kull wieħed mill-każijiet. Barra minn hekk, fil-każ preżenti, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tapplika b’mod awtomatiku, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Alzetta kienet ingħatat permezz ta’ att ulterjuri.

36      Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, mhuwiex il-fatt li tkun magħrufa l-identità ta’ impriża li huwa importanti għall-finijiet tal-eżami tal-ammissibbiltà, iżda l-fatt li tkun inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi karatteristiċi tal-każ inkwistjoni li jkunu tali li jiġġustifikaw eżami individwali. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija ma kienet ingħatat ebda informazzjoni li turi li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna jew kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni.

37      Fi kwalunkwe każ, la l-fatt li pparteċipat fil-proċedura formali ta’ eżami previst mill-Artikolu 88(2) KE, u lanqas l-ordni ta’ rkupru li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata mhuma biżżejjed, skont il-Kummissjoni, biex jindividwalizzaw lir-rikorrenti. Fil-fatt, billi r-rikorsi ppreżentati mill-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata mhumiex ammissibbli skont l-Artikolu 230 KE, l-istess għandu japplika għal dawk ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata.

38      Fl-aħħar lok, il-fatt li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti f’dan il-każ jiġi ddikjarat inammissibbli ma jiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rimedji legali previsti mill-Artikoli 241 KE u 234 KE huma biżżejjed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677).

39      Ir-rikorrenti tafferma li hija individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-230 KE, inkwantu hija kumpannija tal-Liġi Nru 142/90, u għaldaqstant hija impriża koperta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li fir-rigward tagħha ġie ordnat l-irkupru.

40      Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna numru indeterminat u indeterminabbli ta’ impriżi hija żbaljata. Fil-fatt, skontha, din tinvolvi għall-kuntrarju grupp fiss, jiġifieri dak tal-impriżi muniċipali li saru kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li bdew l-attivitajiet tagħhom qabel il-31 ta’ Diċembru 1999. In-numru tagħhom huwa iktar limitat jekk wieħed iqis il-fatt li, minnu nnifsu, il-vantaġġ li joħroġ mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin seta’ japplika biss fir-rigward ta’ impriżi li, matul dan il-perijodu, għamlu profitt.

41      Ir-rikorrenti żżid li jekk stess id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi kkunsidrata bħala att ta’ portata ġenerali, hija għandha xorta waħda tiġi kkunsidrata bħala li hija individwalment ikkonċernata minnha. Il-Kummissjoni kellha tqis is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, peress li l-miżura inkwistjoni affettwat b’mod differenti kull waħda mill-persuni li għalihom din ġiet applikata u peress li s-sitwazzjoni ta’ kull benefiċjarju kienet tvarja konsiderevolment.

42      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar, partikolarment mis-sentenza Sardegna Lines, li huma individwalment ikkonċernati l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali li ngħatat skont skema ġenerali ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupu tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet magħrufa mill-Kummissjoni, u tant dan huwa l-każ li r-rikorrenti ġiet espressament imsemmija f’diversi okkażjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata.

43      L-argument tal-Kummissjoni dwar id-distinzjoni bejn l-għajnuna nnotifikata u l-għajnuna mhux notifikata ma jqegħidx f’dubju lil din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, hija biss id-distinzjoni bejn l-għajnuna mogħtija u dik mhux mogħtija li hija rilevanti.

44      L-intervenjenti taqbel, essenzjalment, mal-pożizzjoni u l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

46      Fir-rigward tar-rabta individwali rikjesta mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C‑321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28).

47      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15, u s-sentenza Alzetta, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fil-punti 34 u 35 tas-sentenza Sardegna Lines li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża inkwanti impriża tas-settur marittimu f’Sardenja, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna għall-armaturi Sardi, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet ikkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Alzetta, punt 39).

49      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna settorjali u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 70).

50      Mir-risposta tar-Repubblika Taljana u minn dik tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, jirriżulta li matul il-perijodu kkonċernat ir-rikorrenti għamlet biss telf. Għaldaqstant, ladarba r-rikorrenti ma bbenefikatx mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, hija mhijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

52      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

53      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA) hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha u kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

3)      ASM Brescia SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.