Language of document : ECLI:EU:C:2015:709

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2010/13/UE — Kunċetti ta’ ‘programm’ u ta’ ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ — Determinazzjoni tal-għan prinċipali ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva — Paragunabbiltà tas-servizz max-xandir televiżiv — Inklużjoni ta’ vidjos qosra f’sezzjoni ta’ sit ta’ gazzetta disponibbli fuq l-internet”

Fil-Kawża C‑347/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (Qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

New Media Online GmbH

vs

Bundeskommunikationssenat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, fil-funzjoni tagħha ta’ President tat-Tieni Awla, K. Lenaerts (Relatur), President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal New Media Online GmbH, minn M. Hetzenauer, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u N. Otte Widgren, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u A. Marcoulli, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a)(i) u (b) tad-Direttiva 2010/13/UE, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (“Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva”) (ĠU L 95, p. 1.)

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn New Media Online GmbH, stabbilita f’Innsbruck (l-Awstrija), u l-Bundeskommunikationssenat dwar id-deċiżjoni tal-awtorità Awstrijaka tal-komunikazzjonijiet (Kommunikationsbehörde Austria) li tikklassifika parti mis-servizzi proposti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala “servizz tal-media awdjoviżiva on-demand” suġġetta, konsegwentement, għall-obbligu ta’ notifika previst mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 1, 11, 12, 15, 28 u 31 tad-Direttiva 2000/78:

“(10)          Is-servizzi tal-media awdjoviżiva tradizzjonali - bħat-televiżjoni - u s-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand emerġenti joffru opportunitajiet sinifikanti ta’ impjieg fil-Komunità, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku u l-investiment. Filwaqt li jinżamm preżenti l-importanza ta’ parità u suq veru Ewropew għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, il-prinċipji bażiċi tas-suq intern, bħall-kompetizzjoni libera u t-trattament ugwali, għandhom jiġu rrispettati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà fis-swieq għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u sabiex jinkisbu ostakli baxxi għad-dħul.

(11)      Sabiex tiġi evitatata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li titjieb iċ-ċertezza legali, tiġi megħjuna t-tkomplija tas-suq intern u ffaċilitata l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni, li tal-inqas livell bażiku ta’ regoli kkoordinati jiġu applikati, għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha, kemm xandir televiżiv (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva lineari) kif ukoll servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva non-lineari).

[...]

(21)      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tkopri biss is-servizzi tal-media awdjoviżiva, kemm jekk xandir televiżiv kif ukoll jekk on-demand, li huma media tal-massa, jiġifieri, li huma maħsuba għal riċezzjoni minn, u li jista’ jkollhom impatt ċar fuq, proporzjon sinifikattiv tal-pubbliku ġenerali. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jkun limitat għal servizzi kif definiti mit-Trattat u għalhekk għandu jkopri kwalunkwe forma ta’ attività ekonomika, inkluża dik ta’ impriżi tas-servizz pubbliku, iżda m’għandux ikopri attivitajiet li huma primarjament non-ekonomiċi u li mhumiex f’kompetizzjoni max-xandir televiżiv, bħal websites privati u servizzi li jikkonsistu fil-forniment jew id-distribuzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv iġġenerat minn utenti privati għall-finijiet tal-kondiviżjoni u l-iskambju f’komunitajiet ta’ interess.

(22)      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tkopri l-media tal-massa fil-funzjoni tagħhom li jagħtu informazzjoni, intratteniment u edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali, u tinkludi l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva iżda teskludi kwalunkwe forma ta’ korrispondenza privata, bħalma huma l-posta elettronika mibgħuta lil numru limitat ta’ riċevituri. Dik id-definizzjoni għandha teskludi wkoll is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom mhuwiex dak li jipprovdu programmi, jiġifieri fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa purament inċidentali għas-servizz u mhux il-fini prinċipali tiegħu. L-eżempji jinkludu websites li fihom elementi awdjoviżivi b’mod anċillari biss; bħal elementi grafiċi animati, spots qosra ta’ reklami jew informazzjoni relatata mal-prodott jew servizz mhux awdjoviżiv. Għal dawn ir-raġunijiet il-logħob tax-xorti li jinvolvu riskju li jirrappreżenta somma flus, inklużi l-lotteriji, l-imħatri u forom oħra ta’ servizzi ta’ l-azzard, kif ukoll logħob on-line u muturi ta’ riċerka, iżda mhux xandiriet dedikati għal-logħob ta’ l-azzard jew logħob tax-xorti għandhom ikunu wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[...]

(24)      Hija karatteristika tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand li dawn huma ‘simili għat-televiżjoni’, jiġifieri li jikkompetu għall-istess udjenza bħax-xandiriet bit-televiżjoni u n-natura u l-mezzi ta’ aċċess għas-servizz iwasslu lill-utent b’mod raġonevoli biex jistenna protezzjoni regolatorja fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. In vista ta’ dan u sabiex ikunu evitati disparitajiet fir-rigward tal-moviment liberu u l-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ ‘programm’ għandu jiġi interpretat b’mod dinamiku b’kont meħud ta’ żviluppi fix-xandir televiżiv.

[...]

(28)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’ għandux ikopri verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/13, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

i)      servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE. Tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu;

ii)      komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

b)      ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

[...]

g)      ‘servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

5        L-Artikolu 2 tal-liġi dwar is-servizzi tal-medja awdjoviżiva (Audiovisuelle Mediendienste-Gesetz, BGBl. I, 84/2001), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti prinċipali (iktar 'il quddiem l-“AMD-G”), intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi,

[...]

3.      ‘servizzi tal-medja awdjoviżiva’ għandha tfisser servizz bħal dak iddefinit fl-Artikoli 56 u 57 TFUE taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-medja, li jkollu bħala l-għan prinċipali tiegħu, il-provvista ta’ programmi bil-għan li jinforma, jiddiverti jew li jeduka lill-pubbliku ġenerali, permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [punt 11 tal-Artikolu 3 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz) tal-2003]. Għandhom jaqgħu taħt din id-definizzjoni x-xandir televiżiv u s-servizzi tal-medja awdjoviżiva on‑demand;

4.      ‘servizz tal-medja awdjoviżiva on-demand’ għandha tfisser servizz tal-medja awdjoviżiva pprovdut minn fornitur tas-servizzi tal-medja għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali abbażi ta’ katalgu ta’ programmi magħżula mill-fornitur tas-servizzi tal-medja (servizz on-demand);

[...]”

6        L-Artikolu 9 tal-AMD-G, intitolat “Servizzi suġġetti għall-obbligi ta’ notifika”, previst, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sa fejn ma humiex suġġetti għal awtorizzazzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(1), ix-xandara televiżivi, bħall-fornituri ta’ servizzi tal-medja on‑demand, għandhom jinnotifikaw l-attività tagħhom lill-awtoritajiet regolatorji mhux iktar tard minn ġimagħtejn qabel ma jingħata bidu għall-attività.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipprovdi, mis-sit internet http://www.tt.com, il-gazzetta on-line “Tiroler Tageszeitung online”. F’dan is-sit tal-internet, li jinkludi prinċipalment artikoli tal-istampa bil-miktub, kien hemm, fid-data tal-fatti prinċipali, ħolqa lejn is-sub-sezzjoni, http://video.tt.com, intitolata “Vidjo” (iktar 'il quddiem is-“sub-sezzjoni”), li kienet twassal għal paġna li fiha kien possibbli, bis-saħħa ta’ katalgu ta’ tfittxija, li jinkiseb aċċess għal iktar minn 300 vidjo.

8        Għalhekk, il-vidjos magħmula disponibbli on-line kienu jipprovdu aħbarijiet tat-tip editorjali ta’ tulijiet differenti, minn 30 sekonda sa diversi minuti, marbuta ma suġġetti varji, bħal, b’mod partikolari, manifestazzjonijiet u avvenimenti lokali, mistoqsijiet magħmula lill-pubbliku dwar temi attwali, manifestazzjonijiet sportivi, trejlers tal-films, avviżi tal-għodd tal-idejn għat-tfal u vidjos magħżula mill-bord editorjali. Kienu ftit dawk il-vidjos proposti fis-sub-sezzjoni li kienu marbuta mal-artikoli fis-sit tal-internet tal-gazzetta Tiroler Tageszeitung.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2012, l-awtorità Awstrijaka tal-komunikazzjonijiet ikkonstatat li, fir-rigward tas-sub-sezzjoni vidjos, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet qiegħda tipprovdi servizz tal-medja awdjoviżiva on-demand, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 3 u 4 tal-Artikolu 2 tal-AMD-G, suġġett għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 9(1) tal-AMD-G. Is-sub-sezzjoni vidjos kienet ta’ natura televiżiva u kienet tissodisfa funzjoni awtonoma meta mqabbla mal-kumplament tas-sit tal-internet tal-gazzetta Tiroler Tageszeitung. Hija kienet tissodisfa l-kriterju li għandu jkollha bħala l-għan prinċipali tagħha, il-provvista ta’ programmi bil-għan li jinformaw, jiddivertu jew li jedukaw lill-poplu. Konsegwentement, skont l-awtorità Awstrijaka tal-komunikazzjonijiet, is-sub-sezzjoni vidjos kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-AMD-G u tar-rekwiżiti regolatorji tagħha.

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din l-evalwazzjoni u ppreżentat rikors quddiem il-Bundeskommunikationssenat. Din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2012 għar-raġunijiet invokati mill-awtorità Awstrijaka tal-komunikazzjonijiet.

11      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu l-kawża tagħhom quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. Quddiem din il-qorti, hija sostniet li l-kontenut awdjoviżiv aċċessibbli fis-sub-sezzjoni vidjos huwa biss anness tas-sit internet prinċipali tagħha u ma għandux il-forma ta’ servizz tal-medja awdjoviżiva. Barra minn hekk, hija allegat li l-vidjos qosra pprovduti fil-kuntest tas-sub-sezzjoni vidjos ma humiex paragunabbli, fil-forma u fil-kontenut tagħhom, mal-offerta ta’ xandir televiżiv.

12      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-vidjos proposti jistgħux jiġu kklassifikati bħala “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13 u, b’mod iktar preċiż, jekk il-katalgu tal-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali josservax ir-rekwiżit stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li l-forma u l-kontenut tiegħu għandhom ikunu paragunabbli ma’ dawk tax-xandir televiżiv. Hija titlaq mill-premessa li tista’ tiġi preżunta paragunabbiltà tas-servizz eżaminat max-xandir televiżiv meta tali servizz jiġi propost minn dan tal-aħħar. Madankollu, id-dubji tagħha jirriżultaw mill-fatt li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti fil-proposta ta’ vidjos qosra li ma jikkorrispondux għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni u li, taħt din il-forma, ma jeżistux fit-televiżjoni “klassiku”.

13      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux l-“għan ewlieni” li jipprovdi lill-pubbliku programmi ta’ informazzjoni, ta’ divertiment jew ta’ edukazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, id-Direttiva 2010/13 ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala servizz ta’ medja awdjoviżiva fid-dawl tal-“għan ewlieni” tiddependix fuq il-firxa kollha ta’ servizzi tal-fornitur jew jekk huwiex prevedibbli eżami separat ta’ kull servizz. Madankollu, fl-opinjoni tagħha l‑finalità ta’ din id-direttiva timmilita favur it-tieni approċċ, sa fejn, fil-każ kuntrarju, billi jkabbar il-firxa tas-servizzi tiegħu, fornitur jista’ b’hekk jevita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-prolazzjoni tas-sentenza u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva [2010/13] għandu jiġi interpreat fis-sens li jista’ jiġi stabbilit li l-forma u l-kontenut ta’ servizz inkwistjoni huma paragunabbli, bil-mod meħtieġ, ma’ dawk tax-xandir televiżiv meta tali servizzi huma proposti wkoll mix-xandir televiżiv, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala medja tal-massa, li huma intiżi għal riċezzjoni minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku ġenerali, u li jista’ jkollhom impatt ċar fuqu?

2.      L-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva [2010/13] għandu jiġi interpreat fis-sens li, għall-finijiet li jiġi evalwat l-għan prinċipali ta’ servizz offert fil-każ ta’ verżjonijiet elettroniċi tal-gazzetti, tista’ tiġi kkunsidrata parti minn sezzjoni, fejn hija pprovduta fil-parti l-kbira ġabra ta’ vidjos qosra li, f’sezzjonijiet oħra ta’ dan is-sit tal-internet tal-mezz elettroniku inkwistjoni, jintużaw unikament sabiex jikkompletaw artikoli tal-gazzetta online?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiskopri, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-għoti tad-dispożizzjoni, f’sub-sezzjoni tas-sit tal-internet ta’ gazzetta, ta’ vidjos qosra li jikkorrispondu għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni lokali, marbuta mal-isport jew mad-divertiment.

16      Jeħtieġ qabel xejn li jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għal bullettini ta’ informazzjoni ta’ tulijiet differenti u li huma marbuta ma’ suġġetti varji. Dawn il-vidjos huma marbuta ma’ rapportaġġi li jirrigwarda avvenimenti lokali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-politika, tal-kultura, tal-isport u tal-ekonomija.

17      F’dan il-kuntest, il-Qorti tar-rinviju tesprimi dubji fuq il-punt dwar jekk l-għoti tal-aċċess għall-vidjos qosra li jikkorrispondu għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni lokali, tal-isport jew ta’ divertiment huwiex paragunabbli max-“xandir televiżiv” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, peress li tali konglomerazzjoni ta’ vidjos qosra, s’issa, ma ġietx proposta bħala tali mix-xandir televiżiv tradizzjonali.

18      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont id-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, il-kunċett ta’ “programm” jipprevedi “sett ta’ immaġini jiċċaqilqu [...] li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv”.

19      L-imsemmija dispożizzjoni b’hekk tirrikjedi l-paragunabbiltà tas-sekwenzi tal-vidjos, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv, u mhux il-paragunabbiltà ta’ konglomerazzjoni sħiħa ta’ vidjos qosra ma’ tabella jew katalgu sħiħ/a ta’ vidjos stabbiliti minn operatur tax-xandir televiżiv.

20      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma qosra ma hijiex ta’ natura li twarrab il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13. Fil-fatt din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda rekwiżit marbut mat-tul tal-assjem ta’ immaġni kkonċernat. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, l-offerta tax-xandir televiżiv tinkludi, flimkien ma’ programmi twal jew ta’ tul medju, ukoll programmi qosra.

21      Fir-rigward tal-possibbiltà, tal-utent tal-internet, li jaċċedi għall-vidjo li jinteressah fil-mument magħżul u fuq domanda individwali abbażi ta’ katalgu stabbilit mill-amministratur ta’ gazzetta on-line, li tippermetti kemm it-tfittxija skont is-sezzjonijiet kif ukoll it-tfittxija tal-vidjos l-iktar li jintalab aċċess għalihom jew l-iktar attwali, din ma tnaqqas xejn mill-fatt li, bħal programm tax-xandir televiżiv, il-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali jindirizzaw lill-pubbliku ġenerali u jista’ jkollhom fuq dan tal-aħħar impatt manifest fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 2010/13. Għall-bqija, tali possibbiltà tikkorrispondi ma’ dik prevista espliċitament fid-definizzjoni tas-servizz tal-medja awdjoviżiva on-demand, inkluża fl-Artikolu 1(1)(g) tad-Direttiva 2010/13. Konsegwentement, il-mod kif jintgħażlu l-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex differenti minn dak propost fil-kuntest tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

22      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 11, 21 u 24 tad-Direttiva 2010/13, il-finalità ta’ din id-direttiva tikkonsisti fl-applikazzjoni, f’kuntest tal-medja partikolarment kompetittiv, tal-istess regoli fir-rigward ta’ atturi li jindirizzaw lill-istess pubbliku, u hija intiż sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn is-servizzi tal-medja awdjoviżiva on-demand, bħal-librerija tal-vidjos inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’kompetizzjoni żleali mat-televiżjoni tradizzjonali.

23      F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li parti mill-vidjos aċċessibbli fis-sub-sezzjoni vidjos hija prodotta minn xandar reġjonali, Tirol TV, u hija aċċessibbli wkoll fuq is-sit tal-internet ta’ dan tal-aħħar. L-imsemmija vidjos b’hekk jidħlu f’kompetizzjoni mas-servizzi ta’ informazzjoni offruti mix-xandara reġjonali. Tali konstatazzjoni tgħodd ukoll għall-vidjos qosra li ma humiex marbuta ma’ aħbarijiet lokali, iżda ma’ avvenimenti kulturali jew sportivi jew ma’ rappurtaġġi rekreattivi, u li huma f’kompetizzjoni mal-kanali tal-mużika, kanali sportivi u mal-programmi tad-divertiment.

24      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-kunċett ta’ “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-għoti tal-aċċess, f’sub-sezzjoni ta’ sit tal-internet ta’ gazzetta, għal vidjos qosra li jikkorrispondu għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni lokali, tal-isports jew ta’ divertiment.

 Fuq it-tieni domanda

25      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, abbażi ta’ liema kriterji jeħtieġ li jiġi ddeterminat l-għan ewlieni, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13, ta’ servizz tal-għoti ta’ aċċess għal videos offrut fil-kuntest tal-verżjoni elettronika ta’ gazzetta.

26      F’dan ir-rigward, mid-Direttiva 2010/13 jirriżulta li l-verżjoni elettronika ta’ gazzetta, minkejja l-elementi awdjoviżivi inklużi fiha, ma għandhiex titqies li hija servizz awdjoviżiv jekk dawn l-elementi awdjoviżivi jkunu sekondarji u jservu biss sabiex jikkompletaw l-offerta tal-artikoli tal-istampa bil-miktub.

27      Il-premessa 22 tad-Direttiva 2010/13 b’hekk tiddikjara l-prinċipju li “servizzi li l-fini ewlieni tagħhom mhuwiex dak li jipprovdu programmi, jiġifieri fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa purament inċidentali għas-servizz u mhux il-fini prinċipali tiegħu” ma jissodisfawx id-definizzjoni tas-“servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva. Il-premessa 28 tagħha tispeċifika, min-naħa tagħha, li l-“verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines” huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. L-awtoritajiet Awstrijaċi b’hekk iddeċidew li ma jikklassifikawx is-sit tal-internet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, bħala servizz tal-medja awdjoviżiva.

28      Madankollu, il-premessa 28 tad-Direttiva 2010/13 ma tistax tinftiehem, f’dan is-sens, li servizz awdjoviżiv għandu sistematikament jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sempliċement peress li l-amministratur tas-sit tal-internet li fih jaqa’ dan is-servizz hija kumpannija editriċi ta’ gazzetta on-line. Sezzjoni tal-vidjos li, fil-kuntest ta’ sit tal-internet uniku, tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala servizz tal-medja awdjoviżiva on-demand, ma titlifx din il-karatteristika sempliċement minħabba li hija aċċessibbli mis-sit tal-internet ta’ gazzetta jew peress li hija proposta fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar.

29      Fil-fatt, approċċ li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, b’mod ġenerali, is-servizzi ġestiti mill-edituri tal-gazzetti ta’ kuljum on-line minħabba n-natura tagħhom ta’ multimedja, mingħajr ma ssir evalwazzjoni abbażi ta’ każ b’każ tal-“għan ewlieni” tas-servizz inkwistjoni, ma jkunx jieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-diversità tas-sitwazzjonijiet prevedibbli u jinvolvi r-riskju li operaturi li jipprovdu effettivament servizzi tal-medja awdjoviżiva, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a)(i) ta’ din id-Direttiva, ikunu jistgħu jużaw portal ta’ informazzjoni tal-multimedja sabiex jevitaw il-leġiżlazzjoni li hija applikabbli għalihom f’dan il-qasam.

30      Barra minn hekk, approċċ tat-tip personali, ibbażat fuq il-kwalità tal-operatur, li jkun jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi kollha li huma offruti minn dan tal-aħħar bil-għan li ssir evalwazzjoni tas-suġġett rispettiv tagħhom u li jkun iwassal sabiex dan l-operatur, fir-rigward tas-servizzi kollha li huwa jipproponi permezz tas-sit tal-internet tiegħu, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, jew li ma jaqax, ma jippermettix li jinftiehmu korrettement is-sitwazzjonijiet partikolari bħal dawk li fihom impriża teżerċita f’diversi setturi ta’ attività, testendi s-setturi tal-attivitajiet jew tingħaqad ma’ impriża oħra.

31      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li waħda mill-finalitajiet prinċipali tad-Direttiva 2010/13 tikkonsisti, skont il-premessa 10 ta’ din tal-aħħar, li jintlaħqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fis-suq tas-servizzi tal-medja awdjoviżiva. Isegwi li l-klassifikazzjoni tal-“għan prinċipali” ta’ sit tal-internet ma tistax tiġi suġġetta għall-kwistjoni dwar jekk is-sit tal-internet ikkonċernat, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, huwiex marbut mal-attività prinċipali ta’ impriża jew ma’ attività li għandha, għal din tal-aħħar, rwol aċċessorju.

32      Il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumaturi ma jistax, fil-fatt, ikun dipendenti fuq il-fatt dwar jekk l-istess kontenut televiżiv huwiex offrut minn impriża li għaliha dan il-kontenut għandu biss rwol minuri jew minn impriża li għaliha l-imsemmi kontenut jirrappreżenta t-totalità tal-offerta tagħha.

33      Jeħtieġ, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi privileġġat approċċ materjali li jikkonsisti, skont l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13, fl-eżaminazzjoni dwar jekk is-servizz inkwistjoni, bħala tali u indipendentement mill-kuntest li fih dan jiġi propost, għandux l-għan ewlieni li jipprovdi programm bil-għan li jinforma, jiddiverti jew li jeduka lill-pubbliku inġenerali.

34      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk is-servizz propost fis-sub-sezzjoni vidjos għandux kontentut u funzjoni awtonomi meta mqabbla ma’ dawk tal-artikoli tal-istampa bil-miktub tal-editur tal-gazzetta on-line. Jekk dan ikun il-każ, dan is-servizz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13. Jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmi servizz jidher bħala aċċessorju indiviżibbli mill-attività ġurnalistika ta’ dan l-editur, b’mod partikolari minħabba rabtiet li jkollha l-offerta awdjoviżiva mal-offerta testwali, dan ma jkunx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-fatt li l-offerta awdjoviżiva inkwistjoni hija ppreżentata fis-sezzjoni prinċipali tas-sit tal-internet ikkonċernat jew f’sub-sezzjoni ta’ din tal-aħħar ma jistax ikun determinanti, u dan sabiex ma tinfetaħx it-triq sabiex jiġu evitati r-regoli tad-Direttiva 2010/13 permezz tal-arkitettura ta’ dan is-sit tal-internet maħluq għal dan l-għan.

36      Fil-kawża prinċipali, jidher li jirriżulta, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huma ftit ħafna l-artikoli tal-istampa li huma marbuta mas-sekwenzi tal-vidjos inkwistjoni. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-maġġorparti ta’ dawn il-vidjos hija aċċessibbli u konsultabbli indipendentement mill-konsultazzjoni tal-artikoli tal-verżjoni elettronika tal-gazzetta. Dawn l-elementi jimmilitaw favur l-indikazzjoni li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jitqies li għandu kontenut u funzjoni awtonomi meta mqabbla ma’ dawk tal-attività ġurnalistika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, bħala li jikkostitwixxi servizz distint mis-servizzi l-oħra offruti minn din tal-aħħar. Tali evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-għan prinċipali ta’ servizz tal-għoti tal-aċċess għall-vidjos offrut fil-kuntest tal-verżjoni elettronika ta’ gazzetta għandha teżamina jekk dan is-servizz bħala tali għandux kontenut u funzjoni awtonomi meta mqabbla ma’ dawk tal-attività ġurnalistika tal-amministratur tas-sit tal-internet inkwistjoni, u ma huwiex biss element indiviżibbli ta’ din l-attività, b’mod partikolari minħabba rabtiet li jkollha l-offerta awdjoviżiva mal-offerta testwali. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 2010/13/UE, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (“Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva”), għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi l-għoti tal-aċċess, f’sub-sezzjoni ta’ sit tal-internet ta’ gazzetta, għal vidjos qosra li jikkorrispondu għal sekwenzi qosra estratti minn bullettini ta’ informazzjoni lokali, tal-isports jew ta’ divertiment.

2)      L-Artikolu 1(a)(i) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-għan prinċipali ta’ servizz tal-għoti tal-aċċess għall-vidjos offrut fil-kuntest tal-verżjoni elettronika ta’ gazzetta għandha teżamina jekk dan is-servizz bħala tali għandux kontenut u funzjoni awtonomi meta mqabbla ma’ dawk tal-attività ġurnalistika tal-amministratur tas-sit tal-internet inkwistjoni, u ma huwiex biss element indiviżibbli ta’ din l-attività, b’mod partikolari minħabba rabtiet li jkollha l-offerta awdjoviżiva mal-offerta testwali. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.