Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fil-11 ta’ Ġunju 2013 – X

(Kawża C-318/13)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7/KEE 1 (id-Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju dovut minħabba f’inċident fuq il-post tax-xogħol, l-użu, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattivi tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa, fejn l-użu ta’ dan il-fattur iwassal għall-ħlas ta’ kumpens f’daqqa taħt din id-dispożizzjoni li meta jingħata lil raġel, huwa inqas minn dak li tirċievi mara tal-istess età u f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-kumplament?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, hemm f’dan il-każ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħala kundizzjoni għall-implementazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-fatt li

il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament, fil-ġurisprudenza tagħha, dwar il-legalità ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fid-determinazzjoni tal-benefiċċji mħallsa taħt sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7;

il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, Ġabra p. I-773), li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 2 (Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi), li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatturi, kien invalidu, iżda dan kien ser ikun hekk biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni, u li

il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttivi 2004/113/KE u 2006/54/KE 3 (Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol), approva taħt ċerti kundizzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji msemmija taħt dawn id-direttivi, li għalhekk iħalli lil-leġiżlatur nazzjonali jassumi li dawn il-fatturi setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.

2 ĠU 2006, L 153M, p. 294.

3 ĠU L 204, p. 23.