Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2017 – Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-591/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentant: G. Hesse, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Billi introduċiet it-tariffa fuq il-vetturi permezz tal-liġi relatata mat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBI. I p 904), fil-verżjoni tal-Artikolu 1 tal-liġi tat-18 ta’ Mejju 2017 (BGBI. I p. 1218), flimkien ma’ eżenzjoni mit-taxxa għall-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, introdotta fil-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi, fil-verżjoni skont l-avviż tas-26 ta’ Settembru 2002 (BGBI. I p. 3818) permezz tat-tieni liġi li temenda t-taxxa fuq it-trasport tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBI. I p. 901) u kif emendata fl-aħħar lok permezz tal-liġi li temenda t-tieni liġi li temenda t-taxxa fuq it-trasport tas-6 ta’ Ġunju 2017 (BGBI. I p. 1493), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità permezz tal-kumpens tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura bl-eżenzjoni mit-taxxa għall-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja

Il-liġi dwar it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura tobbliga lill-utenti kollha tan-netwerks ta’ awtostradi bi ħlas Ġermaniżi jħallsu tariffa għall-użu tal-infrastruttura, ikkalkolata skont l-iskala tal-kategoriji ta’ emissjonijiet tal-vettura. Madankollu, l-utenti tat-toroq residenti fil-Ġermanja jirċievu rimbors ta’ mill-inqas l-istess ammont permezz ta’ eżenzjoni mit-taxxa stabbilita mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi. Il-konnessjoni temporali u materjali bejn it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi ta’ ammont (mill-inqas) ekwivalenti twassal sabiex, fil-fatt, huma biss l-utenti tat-toroq barranin li huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura.

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija tal-fehma li dawn iż-żewġ miżuri, abbażi tan-natura inseparabbli temporali u materjali tagħhom, għandhom jiġu evalwati flimkien fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni twassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li skont l-Artikolu 18 TFUE, teħtieġ ġustifikazzjoni. Fil-fehma tar-Repubblika Awstrijaka ma teżistix ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni kontra sewwieqa barranin. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tikser l-Artikolu 18 TFUE.

Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità permezz tat-tfassil tat-tariffa għall-użu ta’ infrastruttura

Differenza fit-trattament bejn utenti tat-toroq nazzjonali u barranin tirriżulta wkoll mill-fatt li l-kontroll tal-obbligu ta’ ħlas kif ukoll sanzjonijiet abbażi ta’ tariffa għall-użu tal-infrastruttura mhux imħallsa jew mhux imħallsa korrettament japplikaw b’mod predominanti fil-konfront ta’ sewwieqa barranin, peress li sewwieqa Ġermaniżi jiġu imposti awtomatikament il-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura.

Ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE

Fil-fehma tar-Repubblika Awstrijaka, hemm ukoll, barra minn hekk, ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn il-leġiżlazzjoni taffettwa l-kunsinna transkonfinali ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi żgħar ta’ piż totali ta’ inqas minn 3.5 tunnellati suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura kif ukoll il-provvista ta’ servizzi minn persuni mhux residenti u l-provvista ta’ servizzi lil persuni mhux residenti. Għalhekk din għandha – minbarra li titqies ukoll bħala diskriminazzjoni diġà pprovata – ukoll tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni inammissibbli tal-libertajiet fundamentali hawn fuq imsemmija, li ma tistax tiġi ġġustifikata.

Ksur tal-Artikolu 92 TFUE

Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni tikser l-Artikolu 92 TFUE, sa fejn din testendi għal trasport kummerċjali bil-karozzi tal-linja jew għal trasport ta’ merkanzija permezz ta’ vetturi ta’ piż inqas minn 3.5 tunnellati. L-Artikolu 92 TFUE ma jipprevedix possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, b’mod li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 92 TFUE twassal sabiex il-leġiżlazzjoni tikser id-dritt tal-Unjoni.

____________