Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

(Kawża C-116/18)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, L. Nicolae u G. von Rintelen, aġenti)

Konvenuta: Ir-Rumanija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma adottatx, sal-10 ta’ April 2016, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern 1 , jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx tali miżuri lill-Kummissjoni, ir-Rumanija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43(1) ta’ tali direttiva;

tikkundanna lir-Rumanija, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ multa ekwivalenti għal EUR 42 377, 60 għal kull jum ta’ dewmien dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża odjerna, peress li naqset mill-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE;

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE, l-Istati Memrbi huma obbligati jadottaw u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari, u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ tali direttiva bejn l-10 ta’ April 2016, kif ukoll li jikkomunikaw tali miżuri lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt intern fit-terminu stabbilit minn din tal-aħħar u li jikkomunikaw tali miżuri lill-Kummissjoni.

Barra minn dan, il-Kummissjoni tipproponi l-impożizzjoni fuq ir-Rumanija ta’ multa ekwivalenti għal EUR 42 377,60 għal kull jum ta’ dewmien dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża odjerna, peress li naqset mill-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE. Il-portata ta’ tali multa ġiet stabbilita billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu kif ukoll in-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv tal-multa, fuq il-bażi tal-kapaċità kontributtiva ta’ tali Stat Membru.

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt intern skada fl-10 ta’ April 2016.

____________

1 GU 2014 L 84, p. 72.