Language of document : ECLI:EU:C:2013:816

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawża C‑288/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data — Artikolu 28(1) — Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittermina qabel it-tmiem tal-mandat ta’ sitt snin tal-kummissarju għall-protezzjoni tad-data — Ħolqien ta’ awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u għall-moviment liberu tal-informazzjoni u l-ħatra, għal mandat ta’ disa’ snin, ta’ persuna minbarra l-kummissarju għall-protezzjoni tad-data fil-kariga ta’ president tal-imsemmija awtorità”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tar-rikors tagħha tal-24 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li l-Ungerija, billi temmet b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data, naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tallega li l-Ungerija kisret l-indipendenza tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data kif rikjesta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva.

2.        Bħall-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (3), u tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (4), il-kawża odjerna tikkonċerna l-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva li jippreskrivi li dawn tal-aħħar għandhom jistabbilixxu awtorità jew awtoritajiet ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data personali li “għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom”.

II – Id-dritt tal-Unjoni

3.        Id-direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE) u hija intiża sabiex tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar l-ipproċessar tad-data personali.

4.        Il-premessa 62 tad-direttiva tipprovdi:

“Billi t-twaqqif fi Stati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’independenza sħiħa, huwa kondizzjoni essenzjali għall-protezzjoni ta’ individwi fl-ipproċessar ta’ data personali”.

5.        L-Artikolu 28(1) tad-direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.”

III – Il-kuntest ġuridiku Ungeriż u l-fatti

6.        Sal-31 ta’ Diċembru 2011 u b’applikazzjoni tal-liġi Nru LXIII tal-1992 dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-aċċess għad-data ta’ interess ġenerali (iktar ʼil quddiem il-“liġi l-antika dwar il-protezzjoni tad-data”), l-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data fl-Ungerija, kif rikjesta mill-Artikolu 28 tad-direttiva, kien il-kummissarju għall-protezzjoni tad-data (5) (iktar ʼil quddiem il-“kummissarju”). L-Artikolu 23 tal-liġi l-antika dwar il-protezzjoni tad-data kien jipprevedi li l-kummissarju jiġi elett mill-Parlament Ungeriż, filwaqt li l-Artikoli 24 u 25 tal-liġi l-antika dwar il-protezzjoni tad-data kienu jiddefinixxu l-funzjonijiet tiegħu. Il-kontinwazzjoni u t-tmiem tal-mandat tiegħu kienu rregolati mil-liġi Nru LIX tal-1993 dwar il-kummissarju parlamentari responsabbli għad-drittijiet taċ-ċittadini (iktar ʼil quddiem il-“liġi Nru LIX tal-1993”). L-Artikolu 4(5) ta’ din il-liġi, fl-aħħar verżjoni tagħha fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2011, kien jipprevedi li l-kummissarju jiġi elett għal sitt snin u jista’ jerġa’ jiġi elett mill-ġdid darba biss. L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi kien jirregola t-tmiem tal-mandat.

7.        Abbażi tal-liġi l-antika dwar il-protezzjoni tad-data, Jóri ġie elett kummissarju u assuma l-funzjonijiet tiegħu fid-29 ta’ Settembru 2008. Il-mandat tiegħu kien ta’ sitt snin u għaldaqstant kellu jiskadi fix-xahar ta’ Settembru 2014.

8.        Skont l-Artikolu VI(3) tal-liġi fundamentali tal-Ungerija, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 (iktar ʼil quddiem il-“liġi fundamentali”), “awtorità indipendenti stabbilita permezz ta’ liġi qafas għandha tissorvelja r-rispett tad-drittijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data personali u mal-aċċess għal data ta’ interess ġenerali”.

9.        Fl-1 ta’ Jannar 2012, daħlet fis-seħħ il-liġi Nru CXII tal-2011 dwar l-awtodeterminazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni (iktar ʼil quddiem il-“liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data”). Din il-liġi ħassret il-liġi l-antika dwar il-protezzjoni tad-data u ħolqot simultanjament l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-informazzjoni (iktar ʼil quddiem l-“awtorità”). Il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data ittrasferixxiet il-funzjonijiet tal-kummissarju lill-awtorità. Skont l-Artikolu 40(1) u (3) tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data, il-president tal-awtorità għandu jinħatar mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Prim Ministru, għal mandat ta’ disa’ snin.

10.      L-Awtorità bdiet ix-xogħol tagħha fl-1 ta’ Jannar 2012.

11.      Il-mandat ta’ Jóri, li inizjalment kien jiskadi fix-xahar ta’ Settembru 2014, spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2011 b’applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad‑dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi fundamentali li jipprovdi li “[i]d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fundamentali jġib fi tmiemu l-mandat tal-[kummissarju] […]”.

12.      Jóri ma ntgħażilx sabiex ikun president tal-awtorità. Fuq proposta tal-Prim Ministru, il-President tar-Repubblika ħatar lil Péterfalvi bħala president tal-awtorità għal disa’ snin.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija. F’din l-ittra, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija kisret l-Artikolu 28(1) u (2) tad-direttiva minn tliet lati differenti. Fl-ewwel lok, l-Ungerija temmet b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju. Fit-tieni lok, hija ma kkonsultatx lill-kummissarju dwar l-abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-protezzjoni tad-data, kif kienet obbligata li tagħmel. Fit-tielet lok, minn naħa, il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data kienet toffri wisq possibbiltajiet sabiex jintemm il-mandat tal-president tal-awtorità u, min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-President tar-Repubblika u tal-Prim Ministru fit-tmiem ta’ dan il-mandat kien jippermetti lill-eżekuttiv tal-pajjiż li jeżerċita influwenza fuq il-president tal-awtorità.

14.      Il-Kummissjoni stiednet lill-Ungerija sabiex tibgħatilha r-risposta tagħha f’terminu ta’ xahar.

15.      Fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Frar 2012, l-Ungerija kkontestat il-ksur allegat relatat mat-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju billi rrilevat, partikolarment, li dan kien konsegwenza tat-tibdil tal-mudell Ungeriż. Hija indikat li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha ppubblikati fl-istampa, il-kummissarju ma kienx jixtieq isir il-president tal-awtorità. Barra minn hekk, dak l-Istat Membru ppreċiża li, peress li l-ħatra ta’ president tal-awtorità kienet saret, ma kienx possibbli iktar, qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2020, li l-kummissarju jokkupa dak l-istess post, peress li t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-president attwali tikser ir-regoli tad-dritt li jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu.

16.      Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-kummissarju, l-Ungerija tikkonferma li kienu saru konsultazzjonijiet u ttrażmettiet dokumenti dwar dan lill-Kummissjoni.

17.      Dwar il-motivi possibbli għat-tmiem tal-mandat tal-president tal-awtorità, l-Ungerija kkontestat il-ksur allegat iżda pproponiet li temenda l-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data bil-għan li tirrispondi għat-tħassib espress mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett u b’mod iktar preċiż li tħassar id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-irtirar mhux volontarju u r-riżenja mhux volontarja tal-president tal-awtorità kif ukoll bil-għan li tiġi prevista possibbiltà ta’ rimedju ġudizzarju fil-każijiet kollha fejn il-president tal-awtorità jikkontesta d-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika fuq proposta tal-Prim Ministru li għandu jintemm il-mandat tiegħu.

18.      Fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija li fiha hija rrepetiet it-tħassib tagħha dwar it-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju u stiednet lill-Ungerija sabiex tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ dik l-opinjoni f’terminu ta’ xahar min-notifika tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni irtirat ir-riżervi tagħha dwar il-konsultazzjoni minn qabel tal-kummissarju dwar l-abbozz ta’ liġi ġdida. Fl-aħħar, fir-rigward tal-motivi possibbli għat-tmiem il-mandat tal-president tal-awtorità, il-Kummissjoni indikat li, jekk, fit-terminu mogħti stabbilit mill-opinjoni motivata, l-Ungerija tadotta l-emendi leġiżlattivi proposti fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, hija tqis bħala mitmum il-ksur f’dan rigward.

19.      Fit-30 ta’ Marzu 2012, l-Ungerija rrispondiet għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni billi tenniet l-opinjoni tagħha dwar it-tmiem tal-mandat tal-kummissarju, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta din il-kawża.

20.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Jannar 2013, il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD) ġie awtorizzat jintervjeni insosenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21.      Waqt is-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni, l-Ungerija u l-KEPD ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali.

V –    Fuq ir-rikors

A –    Fuq l-ammissibblità

1.      L-argumenti tal-partijiet

22.      L-Ungerija ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli.

23.      Skont l-Ungerija, l-uniku mod konċepibbli sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità allegata huwa li jintemm b’mod antiċipat il-mandat tal-president tal-awtorità u li dan jiġi sostitwit mill-kummissarju, li jikkonsisti, essenzjalment, f’ripetizzjoni tal-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sentenza li tikkonstata nuqqas li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrimedja biss permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija żżid li l-adozzjoni ta’ tali miżura twassal ukoll għal sitwazzjoni antikostituzzjonali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-awtorità previst mil-liġi fundamentali.

24.      Barra minn hekk, hija tirrileva li t-tibdil tal-mudell tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-protezzjoni tad-data personali jimplika neċessarjament, peress li kienet intemmet il-funzjoni ta’ kummissarju, it-tmiem ukoll tal-mandat tal-persuna li kienet teżerċita din il-funzjoni. Issa, skont l-Ungerija, it-tmiem mingħajr tibdil istituzzjonali tal-mandat tal-president attwali tal-awtorità ma jistax jiġi ġġustifikat minn motiv normattiv simili.

25.      L-Ungerija ssostni wkoll li l-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data kienet tiggarantixxi b’mod sħiħ l-indipendenza tal-president tal-awtorità u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti tad-direttiva inkwistjoni. Fl-opinjoni tagħha, anki jekk jiġi preżunt li t-tmiem tal-mandat tal-kummissarju jikkostitwixxi nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu fir-rigward tar-rekwiżit tal-indipendenza, tali nuqqas ma inċidiex fuq l-attività ta’ kummissarju, bl-istess mod li ma jipprekludix lill-president tal-awtorità milli jeżerċita l-attività tiegħu b’mod liberu minn kull influwenza esterna. B’mod konformi mal-għan tad-direttiva, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ġiet iggarantita b’mod kontinwu u f’kull mument, fl-Ungerija, kemm qabel kif ukoll wara l-1 ta’ Jannar 2012. Hija tinnota b’sodisfazzjoni li dan huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni wkoll peress li hija tirrileva li l-leġiżlazzjoni Ungeriża żgurat il-kontinwità ġuridika billi fdat lill-awtorità b’dak kollu li kien pendenti quddiem il-kummissarju. Konsegwentement, fl-opinjoni tagħha, jekk kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan tal-aħħar ma kellux, fi kwalunkwe każ, konsegwenzi legali li għandhom jiġu rrimedjati.

26.      L-Ungerija ssostni wkoll li l-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu kien diġà pproduċa l-effetti kollha tiegħu fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u ma inċidiex, wara l-1 ta’ Jannar 2012, fuq il-funzjonament tal-awtorità, b’mod partikolari fuq l-indipendenza ta’ din tal-aħħar. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa mingħajr skop u għaldaqstant inammissibbli.

27.      Hija tqis li jekk jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni, dan ikun ifisser li l-atti kollha mwettqa mill-president attwali tal-awtorità, sa mill-1 ta’ Jannar 2012, ikunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u jwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

28.      L-Ungerija żżid li, għall-kuntrarju tal-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 33 iktar ʼil fuq, hija indikat b’mod ċar, f’din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ix-xewqa tagħha li l-konstatazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ma taffettwax il-mandat tal-president tal-awtorità attwalment inkarigat u dan anki jekk il-frażi “limitazzjoni tal-effett ratione temporis” ma tirriżultax fir-risposta.

29.      Il-Kummissjoni ssostni li din il-kawża hija ammissibbli.

30.      Hija tqis li ma huwa bl-ebda mod impossibbli li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u tqis li l-Ungerija għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex Jóri jokkupa mill-ġdid il-kariga msemmija fl-Artikolu 28 tad-direttiva sal-iskadenza normali tal-mandat tiegħu, jiġifieri sax-xahar ta’ Settembru 2014. Skont il-Kummissjoni, il-metodu kif l-Ungerija tirregola n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dak l-Istat Membru u huwa irrelevanti għal din il-kawża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija ma tistax tinvoka l-indipendenza tal-president tal-awtorità sabiex topponi id-dħul mill-ġdid ta’ Jóri fil-kariga tiegħu. Jekk tagħmel dan, hija tkun qiegħda tipprevalixxi ruħha min-nuqqas tagħha stess sabiex tiddefendi ruħha.

31.      Skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu jippersisti sa meta l-effetti tal-miżuri meħuda bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jissussistu fl-iskadenza ta’ dak it-terminu. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu huwa kkostitwit mit-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju u jippersisti minħabba li Jóri ma ġiex integrat mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu fl-iskadenza ta’ dak it-terminu.

32.      Dwar l-argument tal-Ungerija, espost, fil-punt 23 iktar ʼil fuq, li jsostni li l-fatt li rikors tal-Kummissjoni jitqies bħala ammissibbli jkun jimplika t-tmiem b’mod antiċipat tal-mandat tal-president tal-awtorità, li jista’ jwassal ukoll għal sitwazzjoni li tmur kontra l-liġi fundamentali, il-Kummissjoni tfakkar li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-riforma tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data bl-ebda mod ma tiġġustifika t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju. Hija żżid, ħaġa li ma ġietx ikkontestata mill-Ungerija fir-risposta tagħha, li kien ikun perfettament possibbli li jiġi previst fi strument tad-dritt intern, jew li l-mudell il-ġdid għandu japplika biss wara l-iskadenza tal-mandat tal-kummissarju li kien qiegħed jokkupa l-kariga, jew li l-ewwel president tal-awtorità jkun il-kummissarju għall-perijodu rimanenti tal-mandat tiegħu.

33.      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tal-Ungerija espost fil-punt 28 iktar ʼil fuq, li jsostni li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu f’dan il-każ ikollha l-effett ukoll li tirrendi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-miżuri meħuda mill-awtorità mill-1 ta’ Jannar 2012, ma għandux jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konnessjoni mal-ammissibblità tar-rikors. Dak l-argument fir-realtà jqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tas-sentenza li tikkonstata l-ksur ikoprix jew le il-perijodu ta’ qabel l-għoti tas-sentenza. Skont il-Kummissjoni, huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tillimita l-possibbiltà ta’ kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat bil-għan li tikkontesta ir-relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Hija ssostni li l-Ungerija, fir-risposta tagħha, ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha li f’din il-kawża tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-Ungerja ma pprovatx li l-kundizzjoniijet rikjesti mill-ġurisprudenza, f’dan ir-rigward, kienu ġew sodisfatti.

34.      Skont il-Kummissjoni, l-integrazzjoni mill-ġdid tal-kummissarju fil-kariga tiegħu jew il-ħatra tiegħu fil-kariga ta’ president tal-awtorità ma timplikax l‑inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-president tal-awtorità wara l-1 ta’ Jannar 2012.

35.      Il-KEPD ma tatx deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tar-rikors.

2.      Evalwazzjoni

36.      Ma nistax naqbel mal-argument tal-Ungerija relatat mal-impossibbiltà tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat. Dan l-argument jinqasam f’żewġ partijiet.

37.      Fl-ewwel lok, l-Ungerija tippretendi li l-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu kien diġà pproduċa l-effetti tiegħu fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Jien ma naħsibx li dan kien il-każ.

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem dan it-terminu (6).

39.      Peress li l-mandat tal-kummissarju kellu jkompli biss sax-xahar ta’ Settembru 2014, b’applikazzjoni tal-liġi Nru LIX tal-1993 (7), inqis li l-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ma kienx ħareġ l-effetti kollha tiegħu fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni (8) u għadu sal-lum jipproduċi effetti legali.

40.      Fit-tieni lok, l-Ungerija tinvoka l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni peress li jkun impossibbli għaliha li teżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ħlief billi tirrepeti l-istess illegalità li tkun ikkonstatat is-sentenza. Lanqas ma nikkondividi dan l-argument.

41.      Il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat, skont it-termini tal-istess Artikolu 260 TFUE, sabiex jieħu miżuri neċessarji għal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      Anki jekk, permezz tas-sentenza tagħha purament dikjaratorja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tordna lill-Istat Membru li fil-konfront tiegħu tkun ikkonstatat in-nuqqas, li jieħu miżuri determinati (9), l-entitajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat, fosthom l-awtoritajiet leġiżlattivi, ġudizzjarji u amministrattivi, għandhom l-obbligu li jiżguraw, fl-oqsma tas-setgħat rispettivi tagħhom, l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), u dan jimplika, partikolarment, il-projbizzjoni ipso jure li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u l-obbligu li jadottaw kull dispożizzjoni sabiex jiffaċilitaw it-twettiq effettiv tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (11).

43.      Barra minn hekk, l-estensjoni ta’ reġim iddikjarat bħala li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi ksur ikkaratterizzat tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) TUE, li jimplika b’mod partikolari l-obbligu tal-Istat Membru li jiddeżisti minn kull miżura li tista’ tippreġudika r-realizzazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni (12).

44.      Konsegwentment, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu f’din il-kawża, minkejja n-natura dikjaratorja tagħha, tinvolvi effetti legali importanti li jinċiedu neċessarjament fuq l-istatus tal-president attwali tal-awtorità, kif intant tenfasizza l-Ungerija (anki jekk dan tagħmlu sabiex topponi l-eventwali konstatazzjoni ta’ ksur).

45.      Fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali deskritt fil-punti 6 sa 12 iktar ʼil fuq, it-terminazzjoni antiċipata, fil-31 ta’ Diċembru 2011, tal-mandat tal-kummissarju kienet fil-fatt marbuta intrinsikament mal-ħatra tal-president tal-awtorità fl-1 ta’ Jannar 2012. Konsegwentement, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju, l-Ungerija kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva, ikun isegwi li l-ħatra tal-president tal-awtorità hija ukoll, kif issostni l-Kummissjoni, ivvizzjata b’illegalità. Fil-fatt ikun bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li, mill-1 ta’ Jannar 2012, il-president attwali tal-awtorità okkupa l-kariga tiegħu.

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-argumenti relatati mal-impossibbiltà tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas eventwali ta’ Stat li jwettaq obbligu huma infondati, peress li, kif tindika l-Kummissjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata l-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu f’dan il-każ tista’ ssir jew permezz tal-integrazzjoni mill-ġdid ta’ Jóri fil-funzjonijiet tiegħu ta’ kummissarju għal perijodu rimanenti tal-mandat inizjali tiegħu, jew inkella billi dan jiġi maħtur president tal-awtorità.

47.      Barra minn hekk, il-kwistjonijiet dwar jekk il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data tissodisfax jew le l-kriterji tad-direttiva jew dwar jekk l-awtorità taġixxix b’mod indipendenti u jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu timplikax ir-repetizzjoni tal-ksur hekk ikkonstatat (13) bl-ebda mod ma jinfluwenzaw dik dwar jekk it-terminazzjoni tal-mandat tal-kummissarju kinitx bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) (14).

48.      Jekk jiġi konkluż mod ieħor, dan ikun jippermetti lil Stat Membru li jevita kull konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ ċerti deċiżjonijiet tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, taħt il-pretest li deċiżjonijiet ulterjuri oħra, li saru possibbli biss wara l-ksur, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u ma jistgħux jiġu mmodifikati ħlief b’ripetizzjoni tal-istess ksur.

49.      Lanqas ma nsib konvinċenti l-argument tal-Ungerija li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jopponi l-ammissibblità ta’ dan ir-rikors, peress li l-konstatazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu f’dan il-każ tirrendi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni kull att imwettaq mill-president tal-awtorità wara l-1 ta’ Jannar 2012.

50.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa prinċipju komuni għall-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri li jifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi osservat mill-entitajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar il-fondatezza tat-teżi li l-konstatazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu tivvizzja l-atti adottati mill-awtorità wara l-1 ta’ Jannar 2012, ikun suffiċjenti li jiġi rrilevat li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja (15), iżda eventwalment tal-qrati nazzjonali Ungeriżi, li għandhom jagħtu deċiżjoni fuq l-eventwali ksur ta’ dan il-prinċipju f’każijiet preċiżi u li jieħdu l-miżuri adegwati, mingħajr ħsara għall-eżekuzzjoni effikaċi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51.      Sussidjarjament, inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (16) u r-Repubblika tal-Awstrija (17) naqsu mill-obbligi tagħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva minkejja l-effetti legali possibbli li tali konstatazzjonijiet jistgħu jipproduċu fuq il-miżuri adottati mill-awtoritajiet inkwistjoni.

52.      Fil-parti tal-konklużjonijiet iddedikati għall-mertu tar-rikors (18), ser neżamina it-talba tal-Ungerija dwar il-limitazzjoni tal-effetti ta’ sentenza li tikkonstata allegat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

53.      Konsegwentement, nipproponi li r-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli.

B –    Fuq il-mertu

1.      L-argumenti tal-partijiet

54.      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-Ungerija għandha d-dritt li timmodifika s-sistema tagħha ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data personali sakemm tiggarantixxi l-indipendenza totali tal-awtorità li teżerċita din is-sorveljanza, li, kif turi l-ġurisprundenza (19), tmur lil hinn mis-sempliċi indipendenza funzjonali, fejn għandha tkun eskluża kull forma ta’ influwenza, indipendentment minn jekk din tkunx ta’ natura istituzzjonali, personali jew materjali.

55.      Għall-Kummissjoni, sostnuta mill-KEPD, huwa indispensabbli li l-Istat Membru, ladarba jkun stabbilixxa l-perijodu tal-mandat ta’ din l-awtorità, jirrispettah mingħajr ma jkun jistaʼ jitterminah b’mod antiċipat, ħlief għal raġunijiet serji u oġġettivament verifikabbli. Terminazzjoni antiċipata tal-mandat toħloq ir-riskju ta’ influwenza indebita fuq l-awtorità ta’ sorveljanza fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha, li tista’ tippreġudika l-indipendenza tagħha. Skont il-Kummissjoni din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn paragun mar-regoli relatati mal-KEPD stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (20).

56.      Il-Kummissjoni tqis li r-riforma tal-awtorità ta’ sorveljanza Ungeriża ma tiġġustifikax it-terminazzjoni tal-mandat tal-kummissarju. Kien perfettament possibbli għall-Ungerija li tipprevedi fid-dritt intern tagħha, jew li l-mudell il-ġdid għandu japplika biss wara l-iskadenza tal-mandat tal-kummissarju li kien qiegħed iservi, jew li l-ewwel president tal-awtorità kellu jkun ħadd ieħor ħlief il-kummissarju għall-perijodu rimanenti tal-mandat tiegħu, u b’hekk kienet tiġi ppreservata l-indipendenza tal-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data. Hija tirrileva li l-Ungerija, f’aspetti oħra, iggarantixxiet il-kontinwità bejn l-awtorità ta’ sorveljanza l-antika u dik ġdida, partikolarment fir-rigward tal-attivitajiet pendenti u l-ipproċessar tad-data.

57.      Dejjem skont il-Kummissjoni, il-fatt li jiġi ammess li kien neċessarju li jintemm il-mandat tal-kummissarju peress li l-kariga tiegħu “ma kinitx teżisti iktar” ifisser li kull awtorità ta’ sorveljanza fl-Unjoni hija f’kull mument mhedda mill-interruzzjoni tal-mandat tagħha minn miżura leġiżlattiva li telimina lill-awtorità eżistenti u toħloq minflokha awtorità ġdida inkarigata bl-istess kompiti, kif definiti fl-Artikolu 28 tad-direttiva. Ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet politiċi jinqdew b’tali riformi sabiex jikkontrollaw u jissanzjonaw l-awtoritajiet ta’ sorveljanza li ma jkunux jaqblu magħhom. Hija tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi riskju ta’ tali influwenza hija inkompatibbli mar-rekwiżit tal-indipendenza totali tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza (21).

58.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Ungerija ma pprovatx li l-kummissarju rrifjuta li jmexxi l-awtorità u tqis li ma humiex rilevanti d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kummissajru f’dan ir-rigward waqt l-intervisti pubbliċi fl-istampa Ungeriża. Il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 15(3) tal-liġi Nru LIX tal-1993, ir-riżenja tal-kummissarju kellha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-president tal-Parlament Ungeriż. Peress li dan ma kienx il-każ, l-Ungerija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet vagi li dehru fl-istampa sabiex jiġi preżunt li l-kummissarju ma kienx għadu jixtieq jeżegwixxi l-kompiti stabbiliti mill-Artikolu 28 tad-direttiva. Il-Kummissjoni żżid li l-Ungerija qatt ma pproponiet il-funzjoni l-ġdida lil Jóri u qatt ma żguratu li ser jiġu adottati regoli tranżitorji bil-għan li jippermettulu l-estensjoni tal-mandat tiegħu sal-iskadenza normali tiegħu.

59.      L-Ungerija tqis li t-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju, sa fejn din kienet marbuta ma’ tibdil tal-mudell istituzzjonali, ma tikkostitwixxix ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva. Mill-ġurisprudenza relatata ma’ dan il-qasam jirriżulta li kemm l-Artikolu 28 tad-direttiva kif ukoll l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 45/2001 jeżiġu li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data personali, nazzjonali u ewropej għandhom jingħataw il-benefiċċju ta’ indipendenza sħiħa “fl-eżerċiżzju tal-funzjonijiet fdati lilhom”, jiġifieri minn perspettiva funzjonali. Skont l-Ungerija, jaqa’ taħt din l-“indipendenza funzjonali” kull element li jiggarantixxi li l-awtorità ta’ sorveljanza teżerċita l-funzjonijiet fdati lilha mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, li tinkludi wkoll l-elementi li jiggarantixxu l-indipendenza organizzazzjonali, baġitarja u personali li l-awtorità għandha jkollha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

60.      Hija tenfasizza li ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li l-awtorità tibbenefika, bħalma kien il-każ tal-predeċessur tagħha, minn ambjent legali li jipproteġiha minn kull influwenza esterna fl-eżerċizzju tal-attività tagħha ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data u li hija tissodisfa fi kwalunkwe mument ir-rekwiżit tal-indipendenza previst fl-Artikolu 28 tad-direttiva. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tqis li ma jista’ jsir l-ebda paragun bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ u dawk li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija. Hija tqis li, b’mod kuntrarju għall-proċess inkwistjoni, il-leġiżlazzjonijiet Ġermaniżi u Awstrijaċi ma kinux legalment eskludew ir-riskju li l-indipendenza tal-awtorità tagħhom inkarigata mis-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data tiġi affettwata fl-eżerċizzju tal-“funzjonijiet fdati lilh[a]”.

61.      Skont l-Ungerija, ir-raġuni wara r-rekwiżit tal-indipendenza prevista fl-Artikolu 28 tad-direttiva hija li f’kull Stat Membru dejjem ikun hemm awtorità għall-protezzjoni tad-data li teżerċita l-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal influwenza esterna. Hija tqis li l-kunċett ta’ indipendenza ma jagħtix lill-persuna li tkun qed tmexxi din l-awtorità dritt suġġettiv għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni. Fid-dawl tat-tibdil istituzzjonali li ġie introdott, ma tistax tiġi ġġustifikata l-istennija mil-leġiżlazzjoni l-ġdida li din tal-aħħar tagħti awtomatikament lill-kummissarju l-funzjoni ta’ president tal-awtorità. Sakemm ma tiġix affettwata l-indipendenza funzjonali tal-awtorità, ftit li xejn jimporta li tinbidel il-persuna li tkun tmexxi l-awtorità, anki jekk dan iseħħ qabel l-iskadenza tal-mandat inizjali tagħha.

62.      L-Ungerija ssostni li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-istruttura organizzazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali. Dan jimplika li l-għażla tal-entità jew tal-persuna inkarigata teżerċità l-kompetenzi tal-awtorità fi ħdan il-mudell organizzazzjonali magħżul, kif ukoll is-sostituzzjoni tagħha li sseħħ b’mod simultanju mat-tibdil tal-mudell, jaqgħu wkoll taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Hija tirrileva li l-leġiżlazzjoni relatata mal-kummissarju ġiet issostitwita fl-intier tagħha — abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi fundamentali — minn leġiżlazzjoni ġdida li ttrasferiet il-funzjonijiet, li qabel kienu eżerċitati mill-kummissarju, lil awtorità ġdida responsabbli għall-protezzjoni tad-data. Minkejja s-similitudnijiet bejn l-istatut tal-kummissarju u dak tal-president tal-awtorità, li hija dovuta għar-rekwiżit tal-indipendenza, dawn huma żewġ istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku kjarament distinti.

63.      Skont l-Ungerija, il-ħatra ta’ kummissarju f’din il-funzjoni l-ġdida kienet tkun inġustifikata u inkomprensibbli, fid-dawl ta’ diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi, minn dan tal-aħħar, li kienu jesprimu n-nuqqas ta’ qbil fil-prinċipju dwar il-mudell istituzzjonali l-ġdid u l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax tali ħatra.

2.      Evalwazzjoni

a)      Il-prinċipji

64.      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tikkontesta d-dritt tal-Ungerija li timmodifika l-mudell istituzzjonali tal-awtorità tagħha ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data billi tgħaddi minn struttura taħt it-tmexxija ta’ persuna waħda għal struttura kolleġġjali. Madankollu, hija tikkunsidra li meta l-Ungerija għamlet l-għażliet tagħha, hija naqset mill-obbligu tagħha li tirrispetta l-indipendenza tal-awtorità ta’ sorveljanza sal-iskadenza tal-mandat tagħha.

65.      Skont ġurisprudenza stabbilita r-rekwiżit tas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data personali minn awtorità indipendenti huwa element essenzjali tar-rispett tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (22) li jirriżulta, mhux biss mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva, iżda wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, partikolarment mill-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(2)TFUE (23). Fil-fatt, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 28 tad-direttiva huma gwardjani tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (24).

66.      Fis-sentenzi ċċitati tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni awtonoma (25) u wiegħsa (26) lill-frażi “b’indipendenza sħiħa”, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva. Hija bbażat din l-interpretazzjoni, minn naħa, fuq il-kliem tal-istess tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva, filwaqt li nnotat li l-kunċett ta’ “indipendenza” huwa msaħħaħ mill-aġġettiv “sħiħa”, u, min-naħa l-oħra, fuq l-għan tal-garanzija tal-indipendenza tal-awtoritajiet inkwistjoni li huwa intiż sabiex jiżgura l-effikaċja u l-affidabbiltà tas-sorveljanza tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natural personali (27).

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja wriet il-fatt li din il-garanzija ma ġietx stabbilita, bil-għan li tagħti status partikolari lil dawn l-awtoritajiet stess, kif ukoll lill-aġenti tagħhom, iżda bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet tagħhom (28). Minn dan isegwi li, waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jaġixxu b’mod oġġettiv u imparzjali u jkunu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, li tkun tista’ tinċiedi fuq id-deċiżjonijiet tagħhom (29).

68.      Ir-riskju nniffsu ta’ tali influwenza huwa biżżejjed sabiex jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva (30).

69.      F’dan ir-rigward, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq, jirriżulta b’mod ċar li kull pass li jista’ jwassal għal forma ta’ “ubbidjenza mistennija” (31) min-naħa tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data, ma jirrispettax ir-rekwiżit ta’ “indipendenza sħiħa” li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu fil-konfront tal-awtorità tagħhom ta’ sorveljanza skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva u d-dritt primarju tad-dritt tal-Unjoni.

70.      Inqis, bħall-Kummissjoni, li għalkemm huwa permess li kull Stat Membru jadotta s-sistema istituzzjonali li huwa jqis bħala l-iktar adegwata għall-pajjiż tiegħu u, konsegwentement, li jimmodifikaha ulterjorment, dan għandu jsir bil-kundizzjoni li din l-adozzjoni jew din il-modifika ulterjuri ma tippreġudikax ir-rekwiżit imperattiv ta’ “indipendenza sħiħa” imposta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva.

71.      Bħall-Kummissjoni, inqis li l-indipendenza ta’ din l-awtorità “titnissel neċessarjament mill-eżistenza ta’ mandat għal perijodu stabbilit minn qabel” (32) u mill-fatt li ma tistax titneħħa sal-iskadenza ta’ dan il-mandat, ħlief għal raġunijiet serji marbuta mat-tmexxija tagħha jew mal-kapaċità tagħha li teżerċita l-funzjonijiet tagħha, stabbiliti minn qabel mil-liġi u oġġettivament verifikabbli.

72.      Ir-rabta intrinsika bejn il-protezzjoni mit-tneħħija sal-iskadenza tal-mandat u r-rekwiżit ta’ “indipendenza sħiħa” hija inkontestabbli (33). B’analoġija, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-indipendenza ta’ ġudikant tkun irrispettata jekk jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu b’mod antiċipat, taħt il-pretest tat-tneħħija tal-qorti li jkun jifforma parti minnha u tas-sostituzzjoni tagħha b’qorti oħra, anki jekk din tkun indipendenti.

73.      Huwa dan l-istess riskju tat-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-awtorità msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva li jista’ jesponi lil din tal-aħħar “għal interventi jew pressjonijiet indebiti” (34) u jwassal għal forma ta’ “ubbidjenza mistennija” min-naħa tagħha.

74.      Isegwi li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-istruttura istituzzjonali tal-awtorità preskritta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva (35), huwa inkontestabbli li r-rekwiżit ta’ “indipendenza sħiħa” impost mid-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-eżistenza u l-osservanza ta’ regoli speċifiċi u ddettaljati, li, fil-qasam tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiiet kif ukoll tal-kawżi possibbli ta’ revoka jew tneħħija ta’ din l-awtorità, jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija awtorità fil-konfront ta’ kull influwenza esterna, kemm jekk diretta jew indiretta, li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħha (36).

b)      Applikazzjoni għall-proċess inkwistjoni

75.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-termini tal-mandat tal-kummissarju kienu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u ddettaljati fid-dritt Ungeriż. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tal-liġi Nru LIX tal-1993, huwa kien ġie elett fl-2008 għal sitt snin u seta’ jerġa jiġi elett mill-ġdid darb’oħra. L-Artikolu 15 ta’ dik il-liġi kienet tirregola u għalhekk tillimita b’mod strett ħafna l-possibbiltajiet ta’ terminazzjoni antiċipata tal-mandat tiegħu (37).

76.      Naħseb li l-kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li hija kienet itterminat il-mandat tal-kummissajru, fil-31 ta’ Diċembru 2011, mingħajr ma osservat l-Artikolu 15, tal-liġi Nru LIX tal-1993 u li l-garanziji proċedurali stabbiliti minn din il-liġi, bil-għan li jiġi protett il-mandat tiegħu, ma ġewx osservati. Barra minn hekk, waqt il-modifiki istituzzjonali li daħlu fis-seħħ fl-2012, l-Ungerija ma ħadet l-ebda miżura tranżitorja bil-għan li tirrispetta t-termini tal-mandat, u għaldaqstant l-indipendenza tal-kummissarju.

77.      L-Ungerija tenfasizza l-fatt li hija l-awtorità kostituzzjonali li ddeċidiet dwar it-“tibdil tal-mudell” li ġie introdott mil-leġiżlazzjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, u li l-president tal-awtorità minn naħa, u l-kummissarju min-naħa l-oħra, huma żewġ funzjonijiet pubbliċi kjarament distinti li ma jistgħux ikun marbuta waħda mal-oħra permezz tal-fatt li l-istess persuna teżerċitahom it-tnejn li huma.

78.      Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix.

79.      Inqis li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li l-awtorità, anki jekk għandha status legali ieħor u tiffunzjona skont modalitajiet differenti minn dawk tal-kummissarju, issuċċediet lil dan tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-kompiti attribwiti lill-awtorità ta’ sorveljanza b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-direttiva. Fil-fatt, kemm il-kummissarju kif ukoll l-awtorità ġew stabbiliti mill-Ungerija sabiex jissodisfaw l-obbligu impost minn din id-dispożizzjoni li tipprovdi għal awtorità pubblika inkarigata li tissorvelja fit-territorju tagħha d-dispożizzjonijiet adottati minn dak l-Istat Membru b’applikazzjoni tad-direttiva. Għaldaqstant, mill‑perspettiva tal-funzjoni eżerċitata b’applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, hemm identità bejn iż-żewġ entitajiet. Barra minn hekk, il-kontinwità bejn iż-żewġ entitajiet ġiet żgurata mill-Artikolu 75(1) u (2) tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data li tipprovdi li l-awtorità għandha tiġġestixxi l-fajls miftuħa mill-kummissarju qabel l-1 ta’ Jannar 2012 u tipproċessa d-data li huwa pproċessa qabel dik id-data.

80.      Dwar il-fatt li t-tibdil istituzzjonali ġie deċiż mill-awtorità kostituzzjonali, qabelxejn jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtorità nħolqot minn liġi qafas, jiġifieri, il-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data u mhux mil-liġi fundamentali (38). Barra minn hekk, il-modifiki istituzzjonali, anki permezz ta’ liġijiet kostituzzjonali, ma jistgħux jippreġudikaw l-effett utli tal-obbligu superjuri impost mid-dritt tal-Unjoni relatat mal-garanzija tal-“indipendenza sħiħa”, peress li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tapplika indipendentement mill-grad tar-regola nazzjonali inkwistjoni. Għaldaqstant huma ma jistgħux jiġġustifikaw it-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-awtorità tas-sorveljanza tad-data. Kif sostnew il-Kummissjoni u l-KEPD, kieku dan kien il-każ, awtorità, anki jekk ta’ grad superjuri, indipendentement minn jekk is-setgħa tagħha tkunx leġiżlattiva jew kostituzzjonali, tkun tista’ teżerċita influwenza esterna u indebita fuq l-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data bis-sempliċi theddida, espressa jew impliċita, ta’ tali modifiki u l-interruzzjoni antiċipata tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 28(1) tad-direttiva li possibbilment iwassal għal forma ta’ “ubbidjenza mistennija” (39).

81.      Finalment, ma naħsibx li hija rilevanti l-konferma tal-Ungerija, li tistabbilixxi li l-ħatra ta’ kummissarju fil-kwalità ta’ president ma setgħetx issir wara d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li huwa għamel sabiex jesprimi l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax tali ħatra. Minkejja l-fatt li tali dikjarazzjonijiet ippubblikati fl-istampa huma nieqsa minn kull valur ġuridiku fid-dawl tar-rekwiżiti stretti imposti mill-Artikolu 28 tad-direttiva u mill-Artikolu 15 tal-liġi Nru LIX tal-1993 (40), l-Ungerija ma sostnietx li l-kariga inkwistjoni ġiet uffiċjalment proposta lill-kummissarju. Barra minn hekk, nirrileva mill-qari tar-risposta tal-Ungerija tat-30 ta’ Marzu 2012 għall-opinjoni motivata li l-kummissarju Jóri esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data fejn żied li huwa ma kienx jaċċetta l-ħatra tiegħu bħala president tal-awtorità li kieku din ġiet proposta lilu peress li huwa kien jikkunsidra, b’mod partikolari, li l-istituzzjoni tal-awtorità ma kinitx tosserva r-rekwiżit tal-indipendenza preskritt mid-direttiva. Fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni stess, irrepetiet il-kritiki tagħha u uħud minnhom, bl-eċċezzjoni tat-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tal-kummissarju, finalment ġew meħuda inkunsiderazzjoni mill-Ungerija fl-emendi leġiżlattivi (41). Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet uffiċjali tal-kummissarju tal-10 u tat-22 ta’ Ġunju 2011 (42) li jikkonċernaw l-abbozz tal-liġi l-ġdida, fejn huwa indika li n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji jikkostitwixxu ksur tal-indipendenza tiegħu u li għaldaqstant saru fil-kuntest tal-funzjoni uffiċjali tiegħu bħala awtorità ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 28 tad-direttiva ma jistgħu fl-ebda każ jiġu attribwiti lilu u lanqas jiġu meqjusa bħala preżentazzjoni ta’ riżenja.

82.      Konsegwentment inqis li l-Ungerija, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data, naqset mill-obbligi tagħha skont id-direttiva.

83.      Inżid li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu f’din il-kawża tkun importanti ħafna, mhux biss għall-awtoritajiet maħluqa skont l-Artikolu 28(1) tad-direttiva, iżda wkoll għal kull awtorità indipendenti oħra stabbilita skont id-dritt tal-Unjoni. Billi tiżgura lil dawn l-awtoritajiet indipendenti dwar in-nuqqas ta’ tneħħija mill-mandat tagħhom sal-iskadenza prevista, ħlief għal raġunijiet serji, stabbiliti minn qabel mil-liġi u oġġettivament verifikabbli, din is-sentenza jkollha l-effett li tillimita b’mod kunsiderevoli r-riskju negattiv ta’ “ubbidjenza mistennija” lejn atturi esterni, pubbliċi jew privati. Tali sentenza tevita “x-xabla ta’ Damokli” li tirrappreżenta r-riskju paralizzanti tat-terminazzjoni antiċipata tal-mandat tagħhom.

VI – Dwar l-effetti ratione temporis ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu

84.      L-Ungerija talbet li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni, l-effetti tas-sentenza għandhom ikunu limitati ratione temporis (43) bil-għan li ma jiġix affettwat il-mandat tal-president tal-awtorità li attwalment qiegħed iservi. Hija ssostni li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jeskludu wkoll li l-każijiet li jkunu diġà ngħalqu b’mod definittiv ikunu jistgħu jinfetħu mill-ġdid.

85.      Hemm lok li “jitfakkar li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni, tillimita d-dritt li tiġi invokata dispożizzjoni li hija interpretat, bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide” (44) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis (45).

86.      Fil-fatt, “il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu tħeġġu biex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni”(46) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

87.      “Anki jekk jiġi preżunt li s-sentenzi mogħtija abbażi tal-Artikolu [258 TFUE] għandhom l-istess effetti bħal dawk mogħtija abbażi tal-Artikolu [267 TFUE] u li, għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali jistgħu jirrendu neċessarja, eċċezzjonalment, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tagħhom” (47) [traduzzjoni mhux uffiċjali], inqis li jekk jiġi preżunt li ġiet redatta b’mod korrett, it-talba tal-Ungerija għandha tiġi miċħuda.

88.      Fil-fatt, l-Ungerija bl-ebda mod ma wriet l-eżistenza ta’ riskju ta’ problemi ekonomiċi serji, u lanqas li fiż-żmien tal-adozzjoni tal-liġi li toħloq l-awtorità, hija kienet ikkonfrontata minn nuqqas oġġettiv u kbir ta’ ċertezza dwar il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva.

89.      Fil-fatt, dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà interpretat il-frażi “indipendenza sħiħa” inkluża fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva (48). Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma setax raġjonevolment jinftiehem bħala li jawtorizza lill-Ungerija tittermina b’mod antiċipat il-mandat tal-kummissarju (49).

VII – Fuq l-ispejjeż

90.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Ungerija għall-ispejjeż u li fil-fehma tiegħi, din tal-aħħar għandha titlef, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura, il-KEPD għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

VIII – Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tikkonstata li, billi tterminat b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data, l-Ungerija naqset mill-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, u

–        tikkundanna lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għall-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355, iktar ʼil quddiem id-“direttiva”.


3 – C‑518/07, Ġabra p. I‑1885.


4 – C‑614/10.


5 – Ċerti traduzzjonijiet jużaw it-termini “kontrollur għall-protezzjoni tad-data”.


6 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, (C‑362/90, Ġabra p. I‑2353, punt 10); tal-4 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑173/01, Ġabra p. I‑6129, punt 7), u tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑114/02), Rec. p. I‑3783, punt 9).


7 – Ara l-punti 6 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8 – Ara l-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑104/02, Ġabra p. I‑2689, punt 49).


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1982, Waterkeyn et (314/81 sa 316/81 u 83/82, Ġabra p. 4337, punt 16), kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑101/91, Ġabra p. I‑191, punt 24).


11 – Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1972, Il-Kummissjoni vs L-Italja (48/71, Ġabra p. 529, punt 7); tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839, punt 33), u tad-19 ta’ Jannar 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 24).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 23).


13 – Dan imur lil hinn ukoll mill-qafas ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.


14 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kumissjoni u Lagardère vs Éditions Odile Jacob (C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 51). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[i]l-kwistjoni dwar jekk [il-mandatarju fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet] aġġixxiex b’mod indipendenti tqum biss jekk ikun ġie kkonstatat preliminarjament li dan tal-aħħar kien effettivament indipendenti mill-partijiet”.


15 – Fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 258 TFUE, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li hija awtorizzata tikkonstata eventwali nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.


16 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq.


17 – Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq.


18 – Ara l-punti 84 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija.


20 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102.


21 – Sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, u l-Kummissjoni vs L-Awstrija.


22 – Is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (punti 23) u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (punt 37).


23 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (punt 36).


24 – Is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 23).


25 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (punt 40).


26 – Is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 51).


27Ibidem (punti 18 sa 25).


28 – Is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 25)


29 – Ibidem (punti 19, 25, 30 u 50) kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq (punti 41 u 43).


30 – Is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 36).


31 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 51). Fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat li “s-sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istat jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom. Minn naħa, kif osservat il-Kummissjoni, jista’ jkun hemm “ubbidjenza mistennija” ta’ dawn l-awtoritajiet fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat. Min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-gwardjani tad-dritt għall-ħajja privata li jassumu dawn l-awtoritajiet jeżiġi li d-deċiżjonijiet tagħhom, u għaldaqstant huma stess, ikunu ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità” (punt 36).


32 – Ara l-punt 66 tar-rikors tal-Kummissjoni.


33 – Ara, b’analoġija, id-digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C‑17/98, Ġabra p. I‑665, punt 11).


34 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 31).


35 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 58) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara “[l]-Istati Membri, fil-fatt, ma humiex meħtieġa li jinkludu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet simili għal dawk fil-Kapitolu V [intitolat ‘Awtorità indipendenti ta’ superviżjoni: il-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data’] tar-Regolament Nru 45/2001 sabiex jiżguraw indipendenza totali lill-awtorità (awtoritajiet) tagħhom ta’ superviżjoni u għalhekk jistgħu jipprovdu li, f’termini ta’ baġit, l-awtorità ta’ superviżjoni tiddependi minn dipartiment ministerjali speċifiku. Madankollu, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u materjali meħtieġa għal tali awtorità ma għandhiex iżżommha milli teżerċita d-dmirijiet tagħha “b’mod indipendenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva.”


36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punti 51 u 53), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, Ġabra p. I‑14093, punt 39) li jikkonċernaw ir-rekwiżit tal-indipendenza, rikjest sabiex awtorità tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq interpretazzjoni awtonoma tal-espressjoni “b’indipendenza sħiħa” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva u b’mod partikolari inkonnessjoni mal-Artikolu 267 TFUE (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 40). Madankollu, jekk entità ma tissodisfax il-kriterju tal-indipendenza rikjest mill-ġurisprudenza sabiex tiġi rikonoxxuta bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, naħseb li ċertament lanqas ma tkun tissodisfa ir-rekwiżit ta’ “indipendenza sħiħa” impost mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva.


37 – Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li l-mandat tal-kummissarju għandu jiġi tterminat f’sitt ċirkustanzi konkreti, jiġifieri l-iskadenza tal-mandat tiegħu, il-mewt tiegħu, ir-riżenja tiegħu, ippreżentata bil-miktub lill-president tal-Parlament Ungeriż, deċiżjoni tal-Parlament Ungeriż li tikkonstata kunflitt ta’ interess, l-irtirar tiegħu mhux volontarju, jekk ma jkunx kapaċi jaqdi l-funzjonijiet marbuta mal-mandat tiegħu għal iktar minn 90 ġurnata, għal raġunjiiet li ma jkunux attribwibbli lilu, u r-riżenja tiegħu mhux volontarja, jekk huwa ma jassumix il-funzjonijiet marbuta mal-mandat tiegħu matul iktar minn 90 ġurnata, għal raġunijiet li ma humiex imputabbli lilu, jekk jiddevja intenzjonalment mill-obbligu tiegħu li jiddikjara l-patrimonju tiegħu, jekk jagħmel użu intenzjonalment minn data jew minn fatti essenzjali mhux eżatti fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-patrimonju jew jekk huwa jwettaq reat ikkonstatat minn sentenza li tkun għaddiet b’ġudikat.


38 –      Fil-fatt, skont tal-Artikolu VI(3) tal-liġi fundamentali “awtorità indipendenti stabbilita permezz ta’ liġi qafas għandha tissorvelja r-rispett tad-drittijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data personali u mal-aċċess għal data ta’ interess ġeneraliˮ.


39 – Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – Skont l-Artikolu 15 tal-liġi Nru LIX tal-1993, ir-riżenja tal-kummissarju kellha tiġi ppreżentata bil-miktub lill-president tal-Parlament. Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Jóri ma rriżenjax mill-funzjonijiet tiegħu ta’ kummissarju b’mod konformi ta’ din id-dispożizzjoni.


41 – Ara l-punti 15 sa 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Ara l-punt 77 tar-rikors tal-Kummissjoni.


43 – Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et (C‑104/98, Ġabra p. I‑3625, punt 39).


45Ibidem (punt 41).


46 – Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et (C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punt 43). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑359/97, Ġabra p. I‑6355, punt 91), u tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑284/05, Ġabra p. I‑11705, punt 57).


47 – Sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑475/07, punt 61). Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑178/05, Ġabra p. I‑4185, punt 67); tas-26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑559/07, punt 78), u tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata iktar (punt 58).


48 – Is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija.


49 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Bautiaa u Société française maritime (C‑197/94 u C‑252/94, Ġabra p. I‑505, punt 50).