Language of document : ECLI:EU:T:2011:752

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Werrej tal-fajl amministrattiv ta’ proċedimenti fil-qasam tal-akkordji – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjonijiet u ta’ verifiki”

Fil-Kawża T‑437/08,

CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn R. Wirtz, sussegwentement minn R. Wirtz u S. Echement u fl-aħħar nett minn T. Funke, A. Kirschstein u D. Stein, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, K. Petkovska u S. Johannesson, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Costa de Oliveira, A. Antoniadis u O. Weber, sussegwentement minn A. Bouquet, P. Costa de Oliveira u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Evonik Degussa GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn C. Steinle, sussegwentement minn C. Steinle u M. Holm-Hadulla, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni SG.E3/MM/psi D (2008) 6658 tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Awwissu 2008, li tirrifjuta l-aċċess totali għall-werrej tal-fajl fil-Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiddefendi xi interessi u l-irkupru, permezz tal-qrati jew barra mill-qorti, ta’ djun ta’ impriżi milquta mill-akkordju ssanzjonat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.260 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni perossidu tal-idroġenu”).

2        F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li disa’ impriżi kienu pparteċipaw f’akkordju fis-suq tal-perossidu tal-idroġenu li fil-kuntest tiegħu huma kienu skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ, ftiehmu fuq il-prezzijiet u t-tnaqqis tal-kapaċità produttiva u stabbilixxew mekkaniżmu ta’ sorveljanza tal-implementazzjoni tal-ftehim b’hekk konklużi. Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet, fuq l-impriżi li pparteċipaw f’dan l-akkordju, multi li jammontaw għal EUR 388 miljun.

3        Fl-14 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għall-werrej tal-fajl tal-proċedimenti dwar id-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“werrej”).

4        Fil-11 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess għall-werrej minħabba li dan ma kienx jikkostitwixxi dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

5        Fil-15 ta’ April 2008, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti esponiet ir-raġunijiet li juru li l-werrej ġie kkunsidrat bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fis-16 ta’ April 2008, il-Kummissjoni indikat li hija ser tipproċessa din l-ittra bħala talba inizjali kompluta u mhux bħala talba konfermatorja.

6        Fis-6 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba minħabba li l-iżvelar tal-kontenut ta’ dan il-werrej jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tagħha msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

7        Fl-20 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ressqet talba konfermatorja.

8        Fit-13 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni estendiet it-terminu previst sabiex tingħata risposta għat-talba konfermatorja b’ħamest ijiem tax-xogħol addizzjonali. Fit-3 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-talba tagħha ma setgħetx tiġi pproċessata fit-terminu estiż.

9        Fit-8 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermatorja tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), iżda qiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fis-6 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat din il-proċedura.

11      Fil-15 ta’ Jannar 2009, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Fl-24 ta’ Jannar 2009, Evonik Degussa GmbH talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

12      Permezz ta’ digrieti tat-18 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi.

13      Fis-27 ta’ Mejju u fil-5 ta’ Ġunju 2009 rispettivament, ir-Renju tal-Isvezja u Evonik Degussa ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

14      B’digriet tal-15 ta’ April 2010, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċeduri f’din il-kawża sad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ġġib fi tmiem il-Kawża T‑399/07, Basell Polyolefine vs Il‑Kummissjoni. Billi din id-deċiżjoni ngħatat b’digriet ta’ tħassir tal-25 ta’ Jannar 2011, il-proċedura ssoktat f’din id-data.

15      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet emendata, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

16      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Evonik Degussa, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Fis-16 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat azzjoni quddiem il-Landgericht Dortmund (tribunal reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja) kontra għadd ta’ kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu jew lill-aventi kawża tagħhom, fosthom l-intervenjenti Evonik Degussa.

19      Fil-ħarifa tal-2009, wara ftehim konkluż ma’ Evonik Degussa, ir-rikorrenti rtirat l-azzjoni tagħha quddiem il-Landgericht Dortmund fir-rigward ta’ din il-kumpannija. Fil-preżent, l-imsemmija azzjoni għadha pendenti fir-rigward tal-kumpanniji l-oħra.

20      F’ittra tat-2 ta’ Frar 2011 indirizzata lill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat iċ-ċirkustanza fejn ir-rikorrenti setgħet diġà kellha, wara l-ftehim li hija għamlet ma’ Evonik Degussa u li wassal għall-irtirar parzjali tagħha quddiem il-Landgericht Dortmund, xi informazzjoni li hija kellha intenzjoni tislet mill-werrej u, b’mod partikolari, informazzjoni li tippermettilha li tispeċifika b’mod konkret id-dokumenti mill-fajl tal-proċedimenti dwar id-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu, sabiex titlob l-iżvelar tagħhom jew lill-Kummissjoni, jew quddiem il-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti Ġenerali sabiex tistieden lir-rikorrenti tieħu pożizzjoni dwar l-interess ġuridiku tagħha.

21      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti osservat li wara l-ftehim konkluż ma’ Evonik Degussa, hija kien għad ma kellhiex id-dokumenti kollha meħtieġa biex tkompli l-azzjonijiet tagħha għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-azzjoni tagħha quddiem il-Landgericht Dortmund jew fil-kuntest tal-ftehim tagħha ma’ Evonik Degussa, hija la kellha aċċess għall-werrej u lanqas għall-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu. Għaldaqstant, hija għadha tqis li għandha interess ġuridiku biex tkompli din il-kawża.

22      Evonik Degussa kkonfermat il-ftehim li sar filwaqt li enfasizzat li hija la żvelat il-werrej lir-rikorrenti u lanqas il-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu.

23      Konsegwentement, ir-rikorrenti għad għandha interess ġuridiku fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

 Fuq il-mertu

24      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipji fundamentali tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u r-raba’ nett, fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

25      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel żewġ motivi, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, b’mod ġenerali, li kisret il-prinċipji tad-dritt, iżda madankollu mingħajr ma torbot b’mod preċiż dawn l-ilmenti ma’ regoli ġuridiċi konkreti jew ma’ motivi partikolari tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, huwa ovvju li l-applikazzjoni konkreta tar-regoli ġuridiċi invokati fit-tielet u r-raba’ motivi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji iktar ġenerali msemmija mir-rikorrenti fl-ewwel u t-tieni motivi. Għalhekk, għandhom mill-ewwel jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motivi, filwaqt li, fejn ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni lmenti mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni motivi.

26      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata kemm fuq l-ewwel inċiż kif ukoll fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-annullament tagħha jippresupponi li t-tielet u r-raba’ motivi tar-rikorrenti huma milqugħa.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

27      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja ssostni li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika partikolari ma tapplikax għal din il-kawża sa fejn il-werrej la jirrileva sigrieti kummerċjali u lanqas sigrieti professjonali.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet ibbilanċjar b’mod żbaljat tal-interessi tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, minn naħa, u tal-interessi tal-vittmi tal-kartell, min-naħa l-oħra, peress li hija tat prijorità lill-interessi tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, dawn l-interessi ma ħaqqhom l-ebda protezzjoni partikolari.

29      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Evonik Degussa, issostni li ċerta informazzjoni li tinsab fil-werrej relatata ma’ informazzjoni oħra żvelata fil-kuntest tad-deċiżjoni perossidu tal-ossiġnu tagħha, tista’ twassal lill-vittmi tal-kartell sabiex jikkunsidraw li wħud mid-dokumenti mniżżla fil-werrej fihom iktar elementi li jinkriminaw u, għalhekk, sabiex jiddeċiedu li jibdew azzjonijiet għad-danni.

30      Il-Kummissjoni żżid li l-werrej jinkludi dokumenti li ma ġewx inklużi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu tagħha u li jaqgħu fl-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-difiża tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni, għandha tibbenefika minn protezzjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess Regolament.

31      Fir-rigward tal-kunċett ta’ sigriet professjonali, li jagħmel parti mill-kunċett iktar wiesa’ ta’ interessi kummerċjali, il-Kummissjoni tqis li r-riskju ta’ bidu ta’ azzjoni għad-danni jikkostitwixxi dannu serju, li fil-futur jista’ jwassal sabiex impriżi li jipparteċipaw f’akkordju ma jibqgħux jikkooperaw. Skont din, ma jistax jiġi aċċettat li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li jikkooperaw magħha fil-kuntest tal-proċedimenti fil-qasam tal-akkordji jkunu affettwati minn talba għal aċċess għad-dokumenti li jibbażaw ruħhom biss fuq l-interessi tad-dritt privat.

32      Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tfakkar li dan id-dritt ta’ aċċess huwa marbut man-natura demokratika tal-istituzzjonijiet.

33      Madankollu, dan id-dritt xorta huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 62; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punt 53, u tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 70).

34      B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001, fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu.

35      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrifjuta li tagħti l-aċċess għal dokument li tkun intalbet tiżvela, hija għandha l-obbligu, fil-prinċipju, li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49; Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 33 iktar ’il fuq, punt 53, u L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 72).

36      Peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, tal-pubbliku għad-dokumenti, l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Sison vs Il-Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punt 63; tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66, u L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 36 iktar ’il fuq, punt 36).

37      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, il-legalità tal-att ikkonċernat għandha tiġi evalwata skont il-provi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2000, T. Port vs Il-Kummissjoni, T‑251/97, Ġabra p. II‑1775, punt 38, u tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 248 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tilħaq ftehim ma’ waħda mill-kumpanniji li tagħhom il-Kummissjoni ppruvat tipproteġi l-interessi kummerċjali, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami.

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat kif il-Kummissjoni applikat l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      B’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika stabbilita, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

40      Fl-ewwel lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-dokument li r-rikorrenti talbet l-aċċess għalih. Fil-fatt, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li dan huwa werrej tal-fajl tal-proċedimenti tal-Kummissjoni, bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tad-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-aċċess għad-dokumenti stess li huma mniżżla fil-werrej, u b’hekk, kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar il-kontenut tad-dokumenti stess u mhux dwar il-kontenut tal-werrej ma għandhiex rilevanza f’dan il-każ.

41      It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata qieset li l-iżvelar tal-werrej jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi msemmija fiha, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-werrej jaqa’ taħt il-kunċett ta’ interessi kummerċjali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

42      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”), sabiex issostni li l-informazzjoni li tinsab fil-werrej ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju. Issa, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jirreferix għall-kunċett ta’ sigrieti tan-negozju. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punt 2 tagħha, il-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl tippreċiża li d-dritt ta’ aċċess għal fajl bħalma huwa ddefinit fil-kuntest tal-imsemmija Komunikazzjoni jiddistingwi ruħu mid-dritt ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti stabbiliti bir-Regolament Nru 1049/2001, liema dritt huwa suġġett għall-kriterji u eċċezzjonjiet differenti u għandhom għan differenti. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “interessi kummerċjali” jista’ biss jinftiehem fir-rigward tal-imsemmi regolament.

43      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma setgħetx tirreferi għall-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl sabiex tikkonstata l-invokazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

44      Għandu jiġi osservat li, minkejja li l-ġurisprudenza ma ddefinixxietx il-kunċett ta’ interessi kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi ggarantita għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑380/04, Ġabra p. II‑11, punt 93).

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-werrej, li jinkludi biss referenzi għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, ma jistax jitqies fih innifsu bħala li jaqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji msemmija fih, b’mod partikolari bħala awturi ta’ uħud minn dawn id-dokumenti. Fil-fatt, huwa biss fl-eventwalità fejn waħda mill-kolonni tal-werrej, li jindikaw b’mod partikolari, skont il-verżjoni mhux kunfidenzjali mqiegħda għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti mill-Kummissjoni, l-oriġini, id-destinatarju u d-deskrizzjoni tad-dokumenti mniżżla, tkun tinkludi, għal wieħed jew iktar mid-dokumenti msemmija, informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ negozju tal-kumpanniji kkonċernati, dwar il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom, dwar l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom, dwar il-partijiet tas-swieq jew dwar elementi simili, li l-iżvelar tal-werrej jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija kumpanniji. Il-Kummissjoni ma sostnietx li dan huwa l-każ.

46      Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li l-informazzjoni li tinsab fil-werrej setgħet tesponi lill-impriżi li fi ħdanhom hija kienet wettqet xi verifiki fuq il-post u dawk li kienu kkooperaw magħha bil-patt li l-multa tagħhom titnaqqsilhom, għal iktar azzjonijiet għal danni u interessi. Skont il-Kummissjoni, minkejja l-fatt li ċerti dokumenti ġew miksuba skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni huwa magħruf mill-pubbliku, il-werrej jinkludi iktar dettalji f’dan ir-rigward milli l-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu.

47      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom x’jaqsmu esklużivament mar-riskju li, wara l-iżvelar tal-werrej, l-intervenjenti jew kumpanniji oħra involuti fl-akkordju dwar il-perossidu tal-idroġenu jistgħu jkunu esposti għal azzjonijiet għal danni u interessi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fil-werrej, iżda ma sostnietx li din l-informazzjoni fiha nfisha, minħabba l-kontenut tagħha, tista’ tikxef xi interessi kummerċjali tal-kumpanniji inkwistjoni.

48      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-werrej huwa sempliċement inventarju ta’ dokumenti li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal danni mibdija kontra l-kumpanniji inkwistjoni, bħala tali, għandu biss valur probattiv relattiv. Minkejja li huwa minnu li dan l-inventarju jista’ jwassal lir-rikorrenti sabiex tidentifika d-dokumenti li jistgħu jkunu utli għaliha għall-finijiet ta’ din l-azzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni sabiex dawn id-dokumenti jiġu jew ma jiġux prodotti hija tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq din l-azzjoni. Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li l-iżvelar tal-werrej bħala tali, jaffettwa l-interessi li ressqet il-Kummissjoni biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut.

49      Barra minn hekk, minkejja l-fatt li azzjonijiet għad-danni kontra kumpannija jistgħu mingħajr dubju jwasslu għal spejjeż elevati, anki jekk dawn ikunu biss fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati u anki fl-eventwalità fejn azzjonijiet bħal dawn jiġu miċħuda iktar tard bħala infondati, xorta jibqa’ l-fatt li l-interess, ta’ kumpannija li tkun ipparteċipat f’akkordju, li tevita azzjonijiet bħal dawn ma jikkwalifikax bħala interess kummerċjali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess li għandu jiġi protett, partikolarment fid-dawl tad-dritt li kull persuna għandha sabiex titlob kumpens għad-danni li aġir li jista’ jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jista’ jikkawżalha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punti 24 u 26, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 59 u 61).

50      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed skont il-liġi li l-aċċess għall-werrej jirriskja li jaffettwa l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, b’mod partikolari, dawk ta’ Evonik Degussa, b’mod konkret u effettiv.

51      Konsegwentement, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

52      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni li l-Kummissjoni kellha biss tinvoka l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn fil-verżjoni mhux kunfidenzjali mqiegħda għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, hija invokat biss, għall kull wieħed mid-dokumenti mniżżla, il-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tas-sigrieti tan-negozju. Hekk kif jirriżulta mil-lista ta’ abbrevjazzjonijiet li tinsab qabel il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-rifjut tagħha għall-aċċess għall-werrej fuq il-protezzjoni tal-għan ta’ investigazzjonijiet kif imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet imposti minn din l-aħħar dispożizzjoni ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, dan minħabba li l-investigazzjonijiet, fil-kuntest tal-Każ COMP/F.38.620 ġew fi tmiemhom. Hija tippreċiża li ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn jerġgħu jsiru jekk kemm-il darba r-rikorsi ppreżentati mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju ma jirrigwardawx l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, in-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-iżvelar tal-werrej, u min-naħa l-oħra, it-tqegħid f’periklu tal-missjoni tal-Kummissjoni ta’ trażżin tal-prattiki antikompettitivi. Hija tenfasizza li, minkejja n-numru dejjem jikber ta’ azzjonijiet għad-danni, it-talbiet għal immunità ma humiex qed jonqsu.

55      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Evonik Degussa, issostni li l-investigazzjoni fil-Każ COMP/F/38.620 għandha titqies bħala li kienet għadha għaddejja, peress li d-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu għadha ma saritx definittiva.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-missjoni tagħha ta’ trażżin tal-prattiki antikompetittivi tiddependi ħafna fuq il-kooperazzjoni bejn l-impriżi, liema missjoni titqiegħed f’periklu jekk id-dokumenti prodotti minn min jagħmel talba għal klemenza jiġu żvelati. Hija ssostni li dan l-iżvelar jitfa’ lil ċerti impriżi fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ impriżi oħra, u dan mingħajr ma tali żvantaġġ ikun oġġettivament iġġustifikat.

57      Il-Kummissjoni tqis li l-interdipendenza tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni u tal-interess pubbliku tat-trażżin ta’ prattiki antikompetittivi tiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi fil-kuntest tal-eżami tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

58      Preliminarjament, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni ma bbażatx ir-rifjut tagħha għall-aċċess fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonjiet, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-argument jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-ebda wieħed mill-kodiċi msemmija fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej sabiex jiġu indikati r-raġunijiet ta’ rifjut għal aċċess ma jirrigwarda l-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet. Issa, qabelxejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-test stess tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-punt 3.2 tagħha jinvoka l-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet kif ukoll il-protezzjoni tas-suġġett tal-investigazzjonijiet bħala raġunijiet għar-rifjut ta’ aċċess. Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, l-indikazzjonijiet imdaħħla f’forma ta’ kodiċi li jidhru fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej għandhom biss natura sussidjarja. Barra minn hekk, skont ir-raġunament tal-Kummissjoni kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-risposta tagħha, l-effetti ta’ pubblikazzjoni eventwali tal-werrej fuq l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet jiddependu fuq l-effetti ta’ tali pubblikazzjoni fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, b’mod li tkun teżisti interdipendenza taż-żewġ fatturi.

59      Imbagħad, f’dak li jikkonċerna l-motiv tal-invokazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-effett ħażin fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet, jaqbel qabelxejn li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, din ma hijiex intiża li tipproteġi l-investigazzjonijiet bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet, liema għan jikkonsisti, fil-każ ta’ proċedura dwar il-kompetizzjoni, li jiġi vverifikat jekk twettaqx ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE u, jekk ikun il-każ, li jiġu ssanzjonati l-kumpanniji responsabbli. Huwa għal din ir-raġuni li d-dokumenti tal-fajl li jirrigwardaw id-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan l-għan ikun għadu ma ntlaħaqx, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess tkun ġiet fi tmiemha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 133; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 110, u, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Mġiba tal-1993, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 48).

60      Issa, f’dan il-każ, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà qatgħet, iktar minn sentejn qabel, id-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu, li kienet tikkonstata l-ksur li bih il-Kummissjoni kienet akkużat lill-impriżi kkonċernati u b’hekk temmet il-Każ COMP/F/38.620. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li f’din id-data ma kienet qed issir l-ebda investigazzjoni intiża sabiex tagħti prova tal-eżistenza tal-ksur inkwistjoni u li setgħet titqiegħed f’periklu permezz tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

61      Huwa minnu li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm xi azzjonijiet kontra d-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu li kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li, fl-ipoteżi ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, il-proċedura setgħet tinfetaħ mill-ġdid.

62      Madankollu, l-investigazzjonijiet f’kawża speċifika għandhom jitqiesu bħala mitmuma mal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, indipendentement minn annullament eventwali ulterjuri ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati, peress li huwa f’dan il-mument li l-istituzzjoni inkwistjoni stess tkun qieset il-proċedura bħala mitmuma.

63      F’dan il-kuntest għandu jitfakkar ukoll li, peress li kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għandu jiġi interpretat u applikat b’mod strett, il-fatt li d-dokumenti mitluba jikkonċernaw interess protett ma jistax minnu nnifsu jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni invokata, peress li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-iżvelar tagħhom seta’ verament iwassal sabiex tiġi ppreġudikata l-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet tagħha dwar il-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 127).

64      Barra minn hekk, l-ammissjoni li d-diversi dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet huma koperti mill-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm l-iżviluppi kollha possibbli ta’ dawn il-proċeduri jkunu ġew deċiżi, anki fil-każ fejn jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li eventwalment iwassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni, tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avvenimenti inċerti, jiġifieri għar-riżultat tal-imsemmi rikors u l-konsegwenzi li l-Kummissjoni tista’ tislet minnu. Fi kwalunkwe każ, dawn huma avvenimenti futuri u inċerti li jiddependu fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni li tissanzjona akkordju u tad-diversi awtoritajiet ikkonċernati.

65      Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija lill-pubbliku tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (sentenza API vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 140; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 112).

66      F’dan il-każ għandu jiġi miżjud li l-motivi mqajma fil-kuntest tar-rikorsi kontra d-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu ma kinux intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza tal-prattiki antikompetittivi kkonstatati mill-Kummissjoni, iżda essenzjalment illimitaw ruħhom li jinvokaw xi żbalji fir-rigward tat-tul ta’ ċerti prattiki, l-imputazzjoni tal-aġir tas-sussidjarji fuq il-kumpanniji parent tagħhom u l-kalkolu tal-multi jew il-ksur tad-drittijiet proċedurali. Għalhekk, ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fl-ebda każ ma setgħet twassal għal pożizzjoni differenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-ksur u fir-rigward tal-parteċipazzjoni tad-diversi produtturi involuti fl-akkordju dwar il-perossidu tal-idroġenu iżda setgħet, l-iktar l-iktar, twassal għal evalwazzjoni ġuridika mill-ġdid tal-fatti li hija diġà kkonstatat, fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-ksur jew fir-rigward tal-imputazzjoni ta’ ċerti kumpanniji għat-twettiq tal-ksur.

67      Minn dan isegwi li l-iżvelar tal-werrej ma setax iwassal għal preġudizzju tal-protezzjoni tal-għan tal-investigazzjonijiet fir-rigward tal-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordju dwar il-perossidu tal-idroġenu.

68      It-tieni nett, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li l-kunċett tal-għan ta’ investigazzjonijiet għandu portata iktar wiesa’, b’mod li jinkludi l-politika tal-Kummissjoni kemm dwar it-trażżin u kif ukoll dwar il-prevenzjoni tal-akkordji.

69      Skont il-Kummissjoni, essenzjalment, l-eċċezzjoni bbażata fuq dan il-kunċett hija independenti minn kull kawża speċifika konkreta u ġeneralment tista’ tiġi invokata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ kwalunkwe dokument li jista’ jippreġudika l-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji u, b’mod partikolari, fuq il-programm tagħha ta’ klemenza. B’mod partikolari, fl-eventwalità fejn dawk li jitolbu l-klemenza jibdew jibżgħu li, wara l-iżvelar ta’ dokumenti li huma jkunu ppreżentaw għat-talba tagħhom, jiġu esposti iktar għal azzjonijiet għad-danni min-naħa tal-kumpanniji leżi minn akkordju, fil-futur huma jistgħu jastjenu milli jikkooperaw mal-Kummissjoni, u dan jista’ jwassal sabiex l-effikaċità tal-programm ta’ klemenza tiġi affettwata.

70      Madankollu, l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni terġa’ twassal biex tippermetti lil din tal-aħħar li teskludi mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, u mingħajr limitu temporali, kull dokument li jinsab f’fajl dwar il-kompetizzjoni, minħabba s-sempliċi riferiment għall-possibbiltà ta’ imminar fil-futur għall-programm ta’ klemenza tagħha. Din il-kawża hija wkoll illustrazzjoni tal-applikazzjoni estensiva li l-Kummissjoni għandha fi ħsiebha li tagħmel ta’ din l-interpretazzjoni, peress li f’dan il-każ hija tirrifjuta li tiżvela dokument li ma ġiex ipprovdut minn applikant għal klemenza. Fil-fatt, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tafferma li ċertu informazzjoni li tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni perossidu tal-idroġenu tista’ tiġi assoċjata ma’ informazzjoni oħra li tinsab fil-werrej, b’mod li tippermetti li l-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi jsiru jafu liema dokumenti jistgħu jinkludu iktar provi li jinkriminaw.

71      Għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ investigazzjonijiet hija inkompatibbli mal-prinċipju li, minħabba l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 li huwa intiż, b’konformità mal-premessa 4 tiegħu, “jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti”, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq).

72      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1049/2001 li jippermetti li wieħed jassumi li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tibbenefika, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minn trattament differenti minn dak għal politiki oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jinterpreta l-kunċett tal-għan ta’ investigazzjonijiet b’mod differenti fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni milli fil-politiki oħra tal-Unjoni.

73      Barra minn hekk għandu jiġi osservat li r-raġunament żviluppat mill-Kummissjoni jirriżulta minn konfużjoni bejn l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet u dik ibbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

74      Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 59 iktar ’il fuq, skont ir-raġunament propost mill-Kummissjoni fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ żvelar eventwali tal-werrej fuq l-għanijiet tal-investigazzjonijiet tagħha jiddependu mill-effetti li tali żvelar ikollu fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, peress li, huwa sabiex jiġu protetti l-interessi kummerċjali tagħhom li, skont il-Kummissjoni, l-impriżi jistgħu jitħajru jikkooperaw inqas mal-Kummissjoni fil-futur. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi fattwali li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiġġustifika l-eżistenza ta’ preġudizzju fuq l-għanijiet tal-investigazzjoni huma essenzjalment identiċi għal dawk invokati insostenn tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-preġudizzju fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

75      Għalhekk, is-siltiet tal-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata li jitrattaw il-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet, fis-sens wiesa’, jaqraw kif ġej:

“Barra minn hekk, dan il-każ ma jistax jiġi kkunsidrat waħdu. L-iżvelar tal-lista sħiħa tad-dokumenti toħloq preċedent fis-sens li hija turi lid-dinja tan-negozju li l-Kummissjoni tista’ tiżvela xi informazzjoni fuq kawża dwar il-qasam tal-kompetizzjoni minkejja li tali żvelar jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi li jkunu s-suġġett tal-proċedimenti. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn l-impriżi jnaqqsu mill-kooperazzjoni tagħhom għall-minimu indispensabbli u jibdew joqogħdu lura milli jipprovdu l-informazzjoni, u din hija xi ħaġa essenzjali għall-ġlieda tal-Kummissjoni kontra l-akkordji. Riżultat bħal dan jaffettwa bil-qawwi l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet dwar il-qasam tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jaffettwa l-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kompiti li huma fdati lilha mit-Trattat KE.

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplika għad-data li ma hijiex żvelata fil-[verżjoni mhux kunfidenzjali tal-werrej].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

76      Issa, diġà ġie kkonstatat fil-punti 45 sa 50 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed għall-finijiet tal-liġi li l-aċċess għall-werrej jirriskja li jaffettwa, b’mod konkret u effettiv, l-interessi kummerċjali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, b’mod partikolari, dawk ta’ Evonik Degussa.

77      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-programmi ta’ klemenza u ta’ kooperazzjoni li l-Kummissjoni tfittex li tipproteġi l-effikaċità tagħhom ma humiex l-uniċi modi ta’ kif tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (sentenza Courage u Crehan, punt 50 iktar ’il fuq, punt 27).

78      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li l-werrej ġie stabbilit bl-għan biss li jippermetti lill-impriżi kkonċernati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom imur kontra l-iżvelar tiegħu, “fir-rigward tal-għan ta’ użu tad-dokumenti u tal-kunfidenzjalità li huma inerenti għall-proċedura [dwar il-qasam] tal-akkordji”, għandu jiġi kkonstatat li l-għan li għalih dokument ġie stabbilit mill-Kummissjoni huwa fatt li, fih innifsu, ma ttiħidx inkunsiderazzjoni matul id-deċiżjoni dwar l-aċċess għal dan id-dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, li jinkludi lista eżawrjenti ta’ xenarji li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, isemmi biss ċirkustanzi relatatati mal-konsegwenzi tal-iżvelar ta’ dokumenti mitluba u ma jagħmel ebda riferiment għall-għan ta’ dawn id-dokumenti. Tali kunsiderazzjoni għaldaqstant hija estranja għas-sistema tal-aċċess għad-dokumenti stipulata bir-Regolament Nru 1049/2001, tal-inqas f’dak li jikkonċerna d-dokumenti stabbiliti mill-Kummissjoni stess.

79      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-iżvelar tal-werrej iwassal għal preġudizzju konkret u effettiv għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-investigazzjonijiet. Id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

80      Konsegwentement, ir-raba’ motiv tar-rikorrenti għandu jintlaqa’.

81      Billi l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, invokati mill-Kummissjoni, ma jistgħu jkunu bażi għar-rifjut ikkontestat ta’ din tal-aħħar, hemm lok li r-rikors jintlaqa’ u li d-deċiżjoni tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

83      Ir-Renju tal-Isvezja u Evonik Degussa għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SG.E3/MM/psi D (2008) 6658 tal-Kummissjoni, tat-8 ta’Awwissu 2008, li tiċħad l-aċċess totali għall-werrej tal-fajl fil-Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide).

3)      Ir-Renju tal-Isvezja u Evonik Degussa GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż