Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2017 minn Alex SCI mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-841/16, Alex vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-696/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Alex SCI (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta’ Ottubru 2017 fl-intier tiegħu, ħlief sa fejn dan jirrikonoxxi n-natura kontestabbli tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2016

Billi tiddeċiedi mill-ġdid:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2016;

taqta’ u tiddeċiedi li l-għajuna mogħtija lill-CABAB mill-FEŻR, mill-Istat Franċiż, mill-Kunsill Reġjonali tal-Aquitaine u mill-Kunsill Ġenerali tal-Pyrénées Atlantiques hija illegali u inkompatibbli mas-suq komuni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-avukat tas-somma ta’ EUR 5 000.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ammissibbiltà

Ir-rikorrenti titlob il-konferma tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni. L-ittra tal-21 ta’ Settembru 2016 tikkostitwixxi att kontestabbli fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fir-rigward tal-locus standi u tal-interess ġuridiku ta’ Alex SCI, l-appellanti titlob il-bidla tad-digriet tal-Qorti Ġenerali. Is-sitwazzjoni kummerċjali tagħha hija affettwata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Mertu

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità esterna minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Ebda bażi legali, testwali jew ġurisprudenzjali ma hija msemmija fid-deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2016, b’mod li mal-qari tagħha biss, Alex SCI, irrappreżentata mill-amministratur tagħha, ma tifhimx din id-deċiżjoni. Peress li d-deċiżjoni hija motivata fid-dritt u fil-fatt b’mod insuffiċjenti wisq, id-deċiżjoni hija vvizzjata minn illegalità esterna.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità interna (eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u assenza ta’ notifika). Il-Communauté Agglomération Côte-basque - Adour (CABAB) xtaqet, fil-kuntest tal-istrateġija ekonomika tagħha, tiżviluppa s-sit ‘Technocité’ f’Bayonne sabiex tistabbilixxi pjattaforma speċjalizzata fil-qasam tal-aeronawtika. Għal dan l-għan, hija talbet finanzjamenti mingħand il-FEŻR, mingħand l-Istat Franċiż, mingħand il-Kunsill Reġjonali tal-Aquitaine u mingħand il-Kunsill Ġenerali tal-Pyrénées Atlantiques sabiex dawn jikkofinanzjaw il-proġett tagħha permezz tal-ħlas, minn kull wieħed minnhom, ta’ EUR 1 000 000.

Minn naħa, ladarba l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma ssodisfatti, dawn il-ħlasijiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mhux innotifikata, kuntarja għall-Artikolu 108 TFUE.

Min-naħa l-oħra, dawn il-ħlasijiet huma inkompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, il-proġett Technocité jikkostitwixxi pjattaforma industrijali u terzjarja speċjalizzata fl-iżvilupp tat-teknoloġiji l-iktar avvanzati fl-oqsma tal-aeronawtika, spazjali u tas-sistemi integrati (‘embedded systems’). Dan is-settur huwa miftuħ ħafna għall-kompetizzjoni. Din l-għajnuna għaldaqstant tmur kontra l-Artikolu 107 TFUE.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ ħlas tal-għajnuna, għandu jitfakkar li l-għan ta’ dawn il-ftehimiet huwa li jiġi ffinanzjat proġett ta’ “Ċentru Aeronawtiku Technocitéˮ, sabiex is-sit jiġi żviluppat u jsir minnu “pjattaforma speċjalizzata fir-riċerka u fl-iżvilupp tat-teknoloġiji l-iktar avvanzati fil-qasam tal-aeronawtika, spazjali u tas-sistemi integratiˮ. Iż-żona Technocité tkopri attivitajiet ta’ kull xorta li jiġu eżerċitati minn kumpanniji mhux relatati bħal Fidal, Avantis, Decra, Sepa, Trescal, KPMG, Capgemini eċċ., jiġifieri kumpanniji li jeżerċitaw f’oqsma li ma jaqgħux taħt l-aeronawtika.

Finalment, l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi annullata u s-somom għandhom jitħallsu lura (ara, b’mod partikolari, ir-Regolamenti Nru 734/2013 1 u 2988/95 2 , Artikolu 4(1) u (4); Il-Kunsill tal-Istat Franċiż (KE), 2 ta’ Ġunju 1992, Ġabra p. 165; KE, 6 ta’ Novembru 1998, Ġabra p. 397; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 11 ta’ Lulju 1996, SFEI, Kawża C-39/94).

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 204, p. 15).

2 Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).