Language of document : ECLI:EU:C:2008:212

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ April 2008 1(1)

Kawża C‑345/06

Gottfried Heinrich

“Nuqqas ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ anness ta’ regolament – Aċċess għal dokumenti – Artikoli 2(3) u 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Artikolu 254 KE”





1.        Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, l-Unabhängiger Verwaltungssenat im Land Niederösterreich (l-Awstrija) (Awla Amministrattiva Indipendenti għal-Land tal-Awstrija t’Isfel) tistaqsi jekk atti li huma meħtieġa li jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 254 KE humiex “dokumenti” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti”) (2), u jekk regolamenti jew partijiet minnhom għandhomx saħħa vinkolanti jekk, kuntrarjament għal dak li jgħid l-Artikolu 254(2) KE, ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja rilevanti rigward il-pubblikazzjoni ta’ jew aċċess għal dokumenti

 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

2.        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE jipprovdi:

“Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”.

3.        L-Artikolu 254 KE jipprovdi:

“1.   Ir-Regolamenti, d-direttivi u d-deċiżjonijiet li jiġu adottati skond il-proċedura li għaliha hemm riferenza fl-Artikolu 251 [(3)] għandhom ikunu […] ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. […]

2.     Ir-regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll id-direttivi ta’ dawk l-istituzzjonijiet li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. […]

3.     Id-Direttivi l-oħra, u d-deċiżjonijiet, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom kienu ndirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika”.

4.        L-Artikolu 255 KE jipprovdi:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.     Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

3.     Kull istituzzjoni msemmija hawn fuq għandha telabora fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tagħha”.

 Ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti

5.        L-ewwel erba’ premessi jqiegħdu l-pedamenti għar-regolament billi jenfasizzaw l-importanza tat-trasparenza u tar-responsabbiltà. L-ewwel premessa tinvoka espressament l-Artikolu 1 UE. It-tieni premessa tispjega li iktar trasparenza tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi iktar leġittimità u li tkun iktar effettiva u iktar responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-tielet premessa tindika li r-regolament “jikkonsolida l-inizjattivi li diġà ttieħdu mill-istituzzjonijiet bi skop li jsaħħu t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ir-raba’ premessa tiddefinixxi l-għanijiet tar-regolament:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) [KE]”.

6.        L-Artikolu 1(a) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jistipula li l-għan tar-regolament huwa:

“li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

7.        L-Artikolu 2(1) jistipula li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”.

8.        L-Artikolu 2(3) jipprovdi li r-regolament japplika fil-konfront ta’ “kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea”. L-Artikolu 2(5) jippermetti li “dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1)” ikunu “soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu”.

9.        L-Artikolu 3(a) jiddefinixxi “dokument” bħala “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) dwar kwistjoni dwar il-politika, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

10.      L-Artikoli 4 u 9 jipprovdu speċifikament għal ċerti eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-aċċess pubbliku għal dokumenti. Għalhekk, l-Artikolu 4 jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–        is-sigurtà pubblika,

–        kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

[…]”.

11.      L-Artikolu 9(1) jiddefinixxi “dokumenti sensittivi” bħala “dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala ‘TRÉS SECRET/TOP SECRET’, ‘SECRET’ jew ‘CONFIDENTIEL’ skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenz[j]ali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża”. Il-bqija tal-Artikolu 9 jipprovdi, inter alia, li applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi għandhom jiġu pproċessati biss minn persuni li għandhom dritt isiru jafu dwar il-kontenut tagħhom. Dawn il-persuni għandhom jiddeċiedu wkoll dwar liema referenzi għal dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku tad-dokumenti previst bl-Artikolu 11. Istituzzjonijiet li jiddeċiedu li ma jagħtux aċċess għal dokumenti bħal dawn għandhom jagħtu raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom, u r-regoli tal-istituzzjoni dwar dokumenti sensittivi għandhom isiru pubbliċi.

12.      L-Artikolu 13 għandu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali:

“1.   Flimkien ma’ l-atti msemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE […] id-dokumenti li ġejjin, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali:

(a)      proposti tal-Kummissjoni;

(b)      pożizzjonijiet komuni adottati mill-Kunsill skond il-proċedura msemmija fl-Artikoli 251 u 252 tat-Trattat tal-KE u r-raġunijiet għal dawk il-pożizzjonijiet komuni, kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’dawn il-proċeduri;

[…]”.

“2.   Sa fejn hu possibbli, id-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali:

[…]

(ċ)      direttivi ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE, deċiżjonijiet ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 254(1) tat-Trattat tal-KE, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

3.     […]”.

 Ir-Regolament Nru 2320/2002

13.      L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (4) jispjega li l-għan ewlieni ta’ dan ir-regolament huwa “li jiġu stabbiliti u implimentati miżuri Komunitarji xierqa, sabiex jiġu pprevenuti atti ta’ interferenza illegali kontra l-avjazzjoni ċivili”.

14.      L-Artikolu 4(1) u (2) jipprovdi:

“1.   L-istandards bażiċi komuni dwar il-miżuri ta’ sigurtà fl-avjazzjoni […] huma stabbiliti fl-Anness.

2.     Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni u l-adattament tekniku ta’ dawn l-istandards bażiċi komuni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) (5), b’konsiderazzjoni dovuta mogħtija lit-tipi varji ta’ operazzjoni u lis-sensittività tal-miżuri li jirrelataw għal:

(a)      kriterji ta’ eżekuzzjoni u testijiet ta’ aċċettazzjoni għal tagħmir;

(b)      proċeduri dettaljati li jkun fihom informazzjoni sensittiva;

(c)      kriterji dettaljati għall-eżenzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà”.

15.      L-Artikolu 6 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu japplikaw, b’konformità mal-liġi Komunitarja, miżuri iktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Malajr kemm jista’ jkun wara l-applikazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-natura ta’ dawn il-miżuri”.

16.      L-Artikolu 8 dwar it-tixrid ta’ informazzjoni jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt pubbliku ta’ aċċess għad-dokumenti kif stabbilit fir-[Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti],

(a)      il-miżuri li jirrelataw għal

(i)      kriterji ta’ eżekuzzjoni u testijiet ta’ aċċettazzjoni għat-tagħmir;

(ii)      proċeduri dettaljati li jkun fihom informazzjoni sensittiva;

(iii) kriterji dettaljati għall-eżenzjoni minn miżuri ta’ sigurtà;

msemmija fl-Artikolu 4(2);

[…]

għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati. Għandhom ikunu magħmula disponibbli biss għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) (6), li għandhom jikkomunikawhom biss lill-partijiet interessati fuq bażi ta’ “meħtieġ li tkun taf”, skond regoli nazzjonali applikabbli għat-tixrid ta’ informazzjoni sensittiva.

[…]”.

17.      L-Artikolu 12 jipprovdi li pieni għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

18.      L-anness imsemmi fl-Artikolu 4(1) kien ġie ppubblikat kif dovut bħala parti integrali tar-regolament. Dan fih, inter alia, standards komuni bażiċi dwar screening tal-passiġġieri (punt 4.1) u screening tal-bagalji tal-kabina (punt 4.3). Il-passiġġieri kollha li jkunu ser jitilqu għandhom jiġu screened sabiex jiġi evitat li oġġetti pprojbiti jkunu introdotti fiż-żoni ristretti tas-sigurtà u abbord ajruplani. Il-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu screened qabel jitħallew jidħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà u abbord ajruplani u kull oġġett ipprojbit għandu jitneħħa mill-pussess tal-passiġġier jew il-passiġġier ma għandux jingħata aċċess għaż-żona ristretta ta’ sigurtà jew għall-ajruplan kif xieraq.

19.      Punt 1.18 tal-anness jiddefinixxi “artiklu pprojbit” bħala “oġġett li jista’ jintuża biex isir att ta’ interferenza illegali u li ma ġiex dikjarat kif xieraq u li jkun soġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli”. Lista indikattiva ta’ dawn l-oġġetti pprojbiti tinsab fl-“attachment” (ippubblikat) mal-Anness, li fih linji gwida għall-klassifikazzjoni tal-artikli pprojbiti. Is-sentenza introduttiva taqra hekk: “[Il-]Linji gwida huma mogħtija hawn taħt għal forom possibbli ta’ armi u oġġetti ristretti, madankollu is-sens komun għandu jirbaħ fl-istima ta’ jekk oġġett iġiegħelx lil wieħed jaħseb li jista’ jintuża bħala arma”. Il-“Mazez: bsaten, billy clubs, mazez tal-baseball jew strumenti oħra simili” huma elenkati taħt punt (iii) tal-attachment. Il-punt (vi) jistipula: “Oġġetti oħra: Oġġetti bħal bqaqen tas-silġ, bsaten tal-muntanji, mwies, imqassijiet twal, li għalkemm is-soltu mhux maħsuba bħala armi fatali jew perikolużi, jistgħu jintużaw bħala armi, inklużi armi jew granati bħala ġugarell jew finta”. Punt (vii) ikompli: “Oġġetti ta’ kull tip li jikkawżaw suspett raġjonevoli li xi oġġetti jistgħu jintużaw biex jissimulaw arma fatali; dawn l-oġġetti għandhom jinkludu imma ma jkunux limitati għal: oġġetti li jixbħu tagħmir splużiv jew oġġetti oħra li jistgħu jagħtu l-impressjoni ta’ arma jew oġġett perikoluż”.

 Ir-Regolamenti ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni

20.      L-ewwel żewġ premessi għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 (7), li jimplementa r-Regolament Nru 2320/2002, jispjegaw il-forma tiegħu u l-pubblikazzjoni limitata kif ġej:

“(1)      Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tadotta miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni għas-sigurtà fl-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Regolament huwa l-iktar strument xieraq għal dan l-għan.

(2)      Skond ir-Regolament […] Nru 2320/2002 u sabiex jipprevjienu l-atti illegali, il-miżuri stabbiliti fl-Anness ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati”.

21.      L-Artikolu 1 jistipula li r-regolament jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implementati u adattati teknikament l-istandards bażiċi komuni li jirrigwardaw is-sigurtà tal-avjazzjoni sabiex jiġu mdaħħla fil-programmi nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili.

22.      Fl-Artikolu 3 hemm dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità. Dan jindika li l-“miżuri msemmija fl-Artikolu 1 huma ddikjarati fl-Anness. Dawn il-miżuri għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. Dawn għandhom jintgħamlu disponibbli biss lill-persuni awtorizzati kif mistħoqq minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni”.

23.      Fir-Regolamenti sussegwenti kollha li jemendaw l-anness tar-Regolament Nru 622/2003, ħlief għar-Regolament Nru 1477/2007 (8), hemm artikolu li jipprovdi li l-“Anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tan-natura kunfidenzjali ta’ dan (9) l-Anness” (10).

24.      Fir-Regolament Nru 68/2004 (11), l-ewwel regolament li jemenda l-anness tar-Regolament Nru 622/2003, hemm dawn il-premessi rilevanti li ġejjin:

“(2)      Konformi mar-Regolament Nru 2320/2002 u sabiex jipprevjenu atti illegali, il-miżuri stipulati fl-anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandhom jinżammu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. L-istess regola neċessarjament tapplika għal kull att li jemendah (12).

(3)      Madankollu, hemm il-bżonn ta’ lista armonizzata, aċċessibbli għall-pubbliku, li tistabbilixxi separatament dawk l-oġġetti li huma pprojbiti milli jinġarru mill-passiġġieri f’żoni ristretti u fil-kabina tal-ajruplan u dawk l-oġġetti li huma pprojbiti milli jinġarru fil-bagalja maħsuba biex jinġarru fl-istiva tal-ajruplan.

(4)      Huwa rikonoxxut li lista bħal din ma tista’ qatt tkun eżawrjenti. L-awtorità kompetenti, għalhekk, għandha tkun permessa li tipprojbixxi oġġetti oħra b’żieda ma’ dawk elenkati. Huwa xieraq li qabel u matul il-fażi taċ-check-in, il-passiġġieri jiġu infurmati b’mod ċar dwar l-artikli li huma pprojbiti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25.      Minkejja t-tielet u r-raba’ premessa, it-test ippubblikat tar-Regolament Nru 68/2004 ma kienx fih lista, aċċessibbli għall-pubbliku, ta’ oġġetti pprojbiti.

26.      Regolamenti sussegwenti li emendaw l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 ma kienx fihom premessi ekwivalenti, sakemm sar ir-Regolament Nru 1546/2006 (13), li ġabar flimkien il-kunċetti li hemm fit-tieni, fit-tielet u fir-raba’ premessi għar-Regolament Nru 68/2004 fi premessa waħda:

“(3)      B’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 u sabiex jiġu pprevenuti atti ta’ interferenza illegali, il-miżuri stipulati fl-anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati. L-istess regola neċessarjament tapplika għal kull att li jemenda. Madankollu, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b’mod ċar bir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti pprojbiti milli jinġarru fuq l-ajruplani”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27.      Minkejja din il-premessa, it-test ippubblikat tar-Regolament Nru 1546/2006 (bħal predeċessuri tiegħu) ma kienx fih lista, aċċessibbli għall-pubbliku, ta’ artikli pprojbiti (14).

 Il-linji gwida dwar l-abbozzar

28.      Fit-22 ta’ Diċembru 1998, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew ftehim interistituzzjonali fuq linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità (15). Il-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti (16). Fost il-prinċipji ġenerali li fihom hemm dawn li ġejjin:

“1.   L-atti leġiżlattivi tal-Komunità għandhom ikunu abbozzati b'mod ċar, sempliċi u preċiż.

[…]

3.     L-abbozzar ta’ atti għandu jieħu in konsiderazzjoni l-persuni lil min huma maħsuba li japplikaw, bl-iskop li jagħmel possibbli għalihom li jiddentifikaw id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħhom b'mod mhux ambigwu […]

[…]

10.   L-iskop tal-premessi hu li jiġu stabbiliti raġunijiet konċiżi għad-dispożizzjonijiet prinċipali tat-termini li jippromulgaw […] M'għandhomx ikunu jinsabu fihom dispożizzjonijiet normattivi […] [(17)]

22.   Aspetti tekniċi ta’ l-att għandhom ikunu jinsabu fl-annessi, għal liema referenza individwali għandha tiġi magħmula fit-termini li jippromulgaw ta’ l-att u li m’għandhom jinkludu l-ebda dritt jew obbligazzjoni ġdida mhux stabbilita fit-termini li jippromulgaw”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi rrinvjati

29.      Fil-25 ta’ Settembru 2005, wara li għamel iċ-check-in għat-titjira tiegħu, G. Heinrich ippreżenta ruħu fil-kontroll tas-sigurtà fl-ajruport ta’ Vienna‑Schwechat. Instab li fil-bagalja tal-kabina tiegħu kellu rakketti tat-tennis. Peress li dawn allegatament kienu oġġetti pprojbiti (18), huwa ma tħalliex jgħaddi mill-kontroll tas-sigurtà. Jidher li madankollu dan tela’ fuq l-ajruplan bir-rakketti tat-tennis fil-bagalja tal-kabina tiegħu (19). Sussegwentement il-persunal tas-sigurtà ordnawlu jinżel minn fuq l-ajruplan.

30.      G. Heinrich ressaq kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li rrilevat li persuni li jġorru oġġetti pprojbiti elenkati fl-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) ma jistgħux jgħaddu mill-kontroll tas-sigurtà u jitilgħu fuq l-ajruplan u li, jekk jiksru dawk id-dispożizzjonijiet, iridu jiffaċċjaw il-“pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi” meħtieġa mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2320/2002. Hija tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) mhumiex indirizzati biss għal entitajiet Statali imma wkoll għal individwi, li huma meħtieġa jibbażaw l-imġiba tagħhom fuq ir-regolament. Madankollu, dan sar impossibbli minħabba l-fatt li l-anness tar-Regolament Nru 622/2003, kif emendat mir-Regolament Nru 68/2004, ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, u għalhekk mhuwiex aċċessibbli għall-pubbliku.

31.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li n-nuqqas li jiġu ppubblikati regolamenti (jew partijiet minnhom) fil-Ġurnal Uffiċjali, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 254(1) u (2) KE, huwa ksur daqstant serju tal-istat tad-dritt li regolamenti bħal dawn huma legalment ineżistenti u għalhekk mhumiex vinkolanti. Hija tagħmel referiment għall-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tenfasizza s-sinjifikat tal-“aċċess għal liġi”.

32.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li r-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti ma jistax jiġi invokat sabiex jirrestrinġi l-aċċess għal atti li huma legalment vinkolanti fuq individwi u li, inter alia għal dik ir-raġuni, huma meħtieġa li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

33.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk iddeċidiet li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-atti li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 254 KE, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxu dokumenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni?

(2)      Ir-regolamenti jew partijiet minnhom għandhom saħħa vinkolanti jekk, bi ksur tal-Artikolu 254(2) KE, dawn ma jiġux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea?”

34.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ċek, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Pollakk u Svediż, kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

35.      Il-partijiet li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (ħlief għall-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Ungeriż) kif ukoll, barra minn hekk, il-Gvern Awstrijaku, Daniż u tar-Renju Unit, u l-Parlament Ewropew, kienu preżenti waqt is-seduta tat-13 ta’ Novembru 2007 u ppreżentaw sottomissjonijiet orali (20).

 Fuq l-ammissibbiltà

36.      Diversi Stati Membri ssuġġerew, għal raġunijiet differenti iżda li kellhom aspetti komuni, li r-rinviju huwa totalment jew parzjalment inammissibbli.

37.      Il-Gvern Franċiż, Ġermaniż u tar-Renju Unit jargumentaw li, peress li l-qorti ta’ rinviju la tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom G. Heinrich ressaq il-kawża u lanqas l-għan tal-azzjoni, huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk hijiex meħtieġa risposta għad-domandi rrinvjati sabiex tiġi deċiża l-kawża quddiem il-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jissuġġerixxi li l-ewwel domanda hija inammissibbli, għaliex l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jaqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali; u t-tieni domanda hija inammissibbli għaliex l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu fi kwalunkwe każ kompetenti sabiex jipprojbixxu oġġetti milli jittieħdu abbord ajruplan. Il-qorti nazzjonali ma staqsietx l-unika domanda pertinenti, ċjoè jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti humiex kompatibbli mar-Regolament Nru 2320/2002. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-bażi legali għall-miżuri jinsabu fil-liġi Awstrijaka, mhux fir-regolamenti ċċitati mill-qorti ta’ rinviju li naqset milli tispjega kif id-dikjarazzjoni ta’ dawk ir-regolamenti bħala invalidi setgħet taffettwa l-validità tar-regoli nazzjonali rilevanti.

38.      Il-Gvern Svediż, filwaqt li ma kkontestax espressament l-ammissibbiltà tar-rinviju, madankollu jistaqsi jekk in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) kienx direttament rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk G. Heinrich setax jaċċerta ruħu dwar l-obbligi legali tiegħu. Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit staqsa wkoll jekk in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-anness kienx rilevanti għall-eżitu tal-proċeduri legali nazzjonali. Huwa ssuġġerixxa li G. Heinrich seta’ jakkwista l-informazzjoni meħtieġa mill-internet, b’mod speċifiku minn stqarrija stampa tal-Kummissjoni (21) u/jew minn siti tal-Internet tal-ajruporti jew ta’ kumpanniji tal-ajru, u jenfasizza li tidher lista ta’ oġġetti pprojbiti fuq is-sit tal-Internet tal-Austrian Airlines (22).

39.      Dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati.

40.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti nazzjonali għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li qed tagħmel jew, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li dawn id-domandi huma bbażati fuqhom, sabiex tagħmilha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun ta’ assistenza għall-qorti nazzjonali (23).

41.      L-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju trid tagħti wkoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħrajn l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament sostniet li huwa d-dover tagħha li tassigura li din l-opportunità tiġi ssalvagwardjata, meta wieħed jikkunsidra li skont din id-dispożizzjoni hija d-deċiżjoni tar-rinviju attwali li tiġi nnotifikata lill-partijiet interessati (24).

42.      Huwa veru li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tistqarrx espliċitament x’kien l-għan ta’ G. Heinrich meta ressaq il-kawża. Madankollu, is-sustanza tal-ilment tiegħu hija perfettament ċara. G. Heinrich jgħid li ma kienx infurmat li r-rakketti tat-tennis kienu oġġetti pprojbiti milli jinġarru fil-bagalja fil-kabina u li huwa jkun qed jesponi lilu nnifsu għal sanzjonijiet (u jiġi mċaħħad milli jitla’ abbord) jekk jagħmel attentat sabiex jeħodhom ġewwa l-kabina tal-ajruplan. Huwa jsostni li l-aġenti tas-sigurtà li telgħu abbord l-ajruplan u li ġegħluh jinżel kienu għalhekk qed jaġixxu illegalment (25).

43.      Jidher mill-proċess tal-qorti nazzjonali li l-awtoritajiet nazzjonali, kemm f’korrispondenza bil-posta elettronika ma’ G. Heinrich u quddiem il-qorti nazzjonali, ibbażaw ruħhom fuq id-dritt Komunitarju, fil-forma tar-Regolament Nru 2320/2002 u 622/2003 (kif emendat), bħala l-bażi għall-klassifikazzjoni (taħt il-liġi nazzjonali) ta’ rakketti tat-tennis bħala oġġetti pprojbiti (26).

44.      Għalhekk quddiem il-qorti nazzjonali, G. Heinrich invoka l-fatt li l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat bir-Regolament Nru 68/2004) ma ġiex ippubblikat.

45.      Jirriżulta b’mod ċar mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju għamlitha possibbli għall-partijiet li jagħmlu sottomissjonijiet elokwenti dwar id-domandi rrinvjati (27). L-elementi rilevanti li jirriżultaw mill-informazzjoni addizzjonali disponibbli fil-proċess tal-qorti nazzjonali ġew miġbura fil-qosor fir-rapport tas-seduta u għalhekk tqegħdu għall-attenzjoni tal-partijiet għall-iskopijiet tas-seduta, fejn kellhom l-opportunità li jamplifikaw fuq l-osservazzjonijiet tagħhom (28).

46.      Jiena nikkunsidra li l-qorti tar-rinviju wettqet id-dover tagħha li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’materjal suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima sabiex tkun tista’ tinterpreta l-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni billi tagħti qies lis-sitwazzjoni li tifforma l-mertu tal-kawża prinċipali. Għalhekk, ir-rinviju m’għandux jiġi ddikjarat inammissibbli għal din ir-raġuni (29).

47.      Sa fejn għandha x’taqsam ir-rilevanza tad-domandi rrinvjati, hija ġurisprudenza stabbilita li fil-kuntest tal-istrument ta’ kooperazzjoni li hija l-proċedura tal-Artikolu 234 KE, imiss biss lill-qorti nazzjonali li quddiemha ġiet imressqa it-tilwima, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, sabiex tistabbilixxi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti sentenza u r-rilevanza li hija tippreżentaha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi ppreżentati mill-qorti nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni (30). Domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju għalhekk igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (31).

48.      Huwa veru li f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża ġiet irrinvjata mill-qorti nazzjonali, sabiex jiġi evalwat jekk għandhiex ġurisdizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda rrinvjata għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali biss fejn huwa pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li qed tintalab ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-azzjoni prinċipali jew tal-iskop tagħha, fejn il-problema hija ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (32).

49.      L-ewwel domanda tqum għaliex il-qorti tar-rinviju ssostni li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2320/2002, li jipprovdi għal ċerti kategoriji ta’ miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni li ma għandhomx jiġu ppubblikati, imma dan “mingħajr preġudizzju” għad-dritt pubbliku ta’ aċċess għal dokumenti stipulat fir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti. Il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk dan tal-aħħar jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ dokumenti li għalihom it-Trattat espliċitament jippreskrivi l-pubblikazzjoni. Il-qorti nazzjonali għalhekk teħtieġ gwida dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha.

50.      It-tieni domanda tirrifletti d-dubji tal-qorti nazzjonali dwar is-saħħa vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li ma ġewx ippubblikati imma li madankollu, fil-fehma tagħha, jimponu obbligi fuq individwi. Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “saħħa vinkolanti” jeħtieġ li wieħed jeżamina kemm jekk ir-Regolament Nru 622/2003 jimponix obbligi fuq individwi u jekk huwiex validu jew tabilħaqq legalment eżistenti. Konformi mal-obbligazzjonijiet tagħha skont Foto‑Frost (33), il-qorti nazzjonali għalhekk iddeċidiet li tirrinvija t-tieni domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ratx l-anness mhux ippubblikat tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat). Lanqas, safejn nista’ nistabbilixxi, il-qorti nazzjonali m’għamlet dan. L-ebda waħda minn dawn il-qrati ma hija għalhekk f’pożizzjoni li tgħid jekk rakketti tat-tennis jidhrux speċifikament fil-lista ta’ oġġetti pprojbiti li tinsab fl-anness jew jekk hemmx xi mkien ieħor fl-anness dispożizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jew mandatorji li jistgħu ikunu rilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża (34). L-ebda qorti għalhekk ma tista’ tistabbilixxi b’ċertezza jekk ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) permezz tal-annessi tiegħu jimponix obbligi fuq individwi u, jekk dan huwa l-każ, x’jista’ jkun il-kontenut preċiż tagħhom.

52.      Madankollu, kif indikajt, l-essenza ta’ din il-kawża hija li l-awtoritajiet nazzjonali jidhru li, quddiem il-qorti nazzjonali, qed jibbażaw ruħhom fuq leġiżlazzjoni Komunitarja li wieħed jista’ jargumenta li hija invalida jew ineżistenti preċiżament għaliex mhijiex ippubblikata. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina jekk in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tagħtix lok fil-liġi għal dawk il-konsegwenzi mingħajr ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-anness. Jekk tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni tal-Komunità hija invalida jew ineżistenti, bl-istess mod il-qorti nazzjonali tiġi ssollevata mill-ħtieġa li teżamina l-kontenut.

53.      Minn dan jirriżulta li d-domandi rrinvjati għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

54.      It-Trattat KE jipprovdi għall-pubblikazzjoni u/jew għan-notifika ta’ miżuri li huma intiżi li jkollhom effett legali, u għal dritt tal-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Ir-Trattat jittratta dawn il-kwistjonijiet separati taħt żewġ dispożizzjonijiet qrib u kumplementari għal xulxin.

55.      L-Artikolu 254 KE jistabbilixxi r-regoli sabiex atti Komunitarji jsiru magħrufa ma’ dawk ikkonċernati u jassigura livell xieraq ta’ komunikazzjoni mandatorja – jew bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali jew b’notifika – għal atti li jorbtu legalment. L-atti legali elenkati fl-Artikolu 254(1) u (2) KE huma s-suġġett ta’ pubblikazzjoni mandatorja, sabiex l-iktar firxa wiesgħa tal-pubbliku tkun infurmata bil-kontenut tagħhom. L-atti legali ta’ inqas importanza għall-pubbliku elenkati fl-Artikolu 254(3) KE – direttivi li mhumiex dawk indirizzati lill-Istati Membri kollha, u deċiżjonijiet – huma s-suġġett ta’ notifika mandatorja lil min jiġu indirizzati; imma ma jitqegħdux awtomatikament fid-dominju pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

56.      Jekk jiġi kkunsidrat li huwa mixtieq, fl-interess tat-trasparenza u ta’ gvern iktar miftuħ, li tagħmel pubblikament disponibbli kull kategorija ta’ dokument mhux kopert bil-ħtiġiet ta’ pubblikazzjoni mandatorja tal-Artikolu 254(1) u (2), jeħtieġ li jkunu f’posthom mekkaniżmi (addizzjonali) oħra.

57.      L-Artikolu 255 jagħmilha ċara li dan għandu jseħħ. Dan jistabbilixxi l-prinċipju li “kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni”; u jikkonferixxi l-kompetenzi neċessarji fuq il-Kunsill u fuq kull istituzzjoni sabiex jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw aċċess bħal dan.

58.      Ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jistabbilixxi l-“prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti” (35). Meta jagħmel dan, huwa jibbaża ruħu espressament fuq l-Artikolu 255 KE (36) u jsegwi l-indikazzjonijiet strutturali mogħtija f’dan l-artikolu tat-Trattat. Għalhekk, dan l-ewwel jiddefinixxi l-għan tiegħu, li huwa li “jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”, li jipprovdi regoli li jistabbilixxu “l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt” u “li ji[p]promwovi prattika amministrattiv[a] tajba fl-aċċess għad-dokumenti” (37). Dan jista’ jfisser biss li jiġi assigurat aċċess għal dak li altrimenti ma kienx ikun pubbliku. Leġiżlazzjoni sekondarja ppromulgata skont l-Artikolu 255 KE mhijiex meħtieġa sabiex jinkiseb “aċċess” li huwa suġġett għal pubblikazzjoni mandatorja fil-Ġurnal Uffiċjali skont l-Artikolu 254(1) u (2) KE (38).

59.      L-obbligu li jiġu ppubblikati regolamenti joħroġ għalhekk direttament mill-Artikolu 254(1) u (2) KE. Dan huwa l-każ indipendentement minn jekk it-test ta’ regolament (normalment f’forma stampata jew elettronika) (39) huwiex kapaċi li jiġi kkunsidrat bħala “dokument” għall-iskopijiet tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti.

60.      Għalhekk jidher li jkun xieraq li d-domandi rrinvjati jiġu ttrattati f’ordni invers.

 It-tieni domanda

61.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk regolamenti jew partijiet minnhom għandhomx saħħa vinkolanti jekk, kuntrarjament għar-rekwiżit tal-Artikolu 254(2) KE, dawn ma jiġux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 X’jikkostitwixxi pubblikazzjoni xierqa ta’ regolament?

62.      L-Artikolu 254(1) u (2) KE huma pjuttost ċari:

“1.      Ir-regolamenti […] għandhom jiġu ppubblikati fil-[Ġurnal Uffiċjali]. […]

2.      Ir-Regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni […] għandhom jiġu ppubblikati fil-[Ġurnal Uffiċjali]”.

63.      Isegwi mit-Trattat u minn dak li jien għedt fil-kummenti preliminari tiegħi li l-obbligu li jiġi ppubblikat regolament skont dawn id-dispożizzjonijiet huwa inekwivoku u bla eċċezzjoni.

64.      Anness jifforma parti integrali minn miżura leġiżlattiva. Il-fehma kuntrarja tkun tippermetti lill-awturi tagħha li jevitaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 254 KE permezz tal-espedjent sempliċi li jitqegħdu dispożizzjonijiet sostantivi f’anness mhux ippubblikat. Dan huwa, tabilħaqq, preċiżament dak li l-Kummissjoni ippruvat tagħmel fil-kawża preżenti. Id-dispożizzjonijiet ippubblikati tar-Regolament Nru 622/2003 huma sempliċement qafas (40). Il-qarrej ma jistax jaċċerta l-effetti mingħajr ma jara l-anness, għaliex l-anness fih is-sustanza kollha tar-regolament (41).

65.      Ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) huwa tassew lakoniku fl-ispjegazzjoni li joffri għall-fatt li wieħed għandu jipproċedi permezz ta’ regolament u madankollu qiegħed materjal sostantiv mhux fid-dispożittiv imma f’anness mhux ippubblikat. Il-premessi tiegħu jistqarru b’mod sempliċi li “regolament huwa l-iktar strument xieraq” (42) għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri għall-implementazzjoni ta’ standards komuni bażiċi għal miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni f’kull parti tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jiġi spjegat għalfejn dan huwa hekk. Il-ġustifikazzjoni mressqa għat-tqegħid tal-materjal sostantiv kollu f’anness mhux ippubblikat huwa bl-istess mod konċiż: dan jintqal li huwa “skont ir-Regolament […] Nru 2320/2002 u sabiex jipprevjienu l-atti illegali” (43). Huwa diffiċli li dawn l-affermazzjonijiet jiġu rrikonċiljati mal-linji gwida li jinsabu fil-ftehim interistituzzjonali dwar l-abbozzar (44). Fid-dawl ta’ dan il-fatt, fil-fehma tiegħi raġunament iktar bir-reqqa xorta waħda ma kienx ikun biżżejjed sabiex jeżenta r-regolament minn pubblikazzjoni sħiħa fil-Ġurnal Uffiċjali.

66.      Kif ġie osservat mill-Parlament Ewropew waqt is-seduta, hemm fuq kollox assurdità fundamentali fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni ħasbet li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2320/2002 kien jeħtieġ li żżomm sigriet il-lista ta’ oġġetti pprojbiti, il-pubblikazzjoni tal-istqarrija stampa (45) kienet vjolazzjoni flagranti ta’ dak l-artikolu. Jekk, għal kuntrarju, il-Kummissjoni ħasbet li l-lista ta’ oġġetti pprojbiti kienet tmur kontra l-Artikolu 8, hija evidentement kien imissha ppubblikat tali lista fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-“linji gwida” bażiċi li jindikaw ix-xorta ta’ oġġetti li għandhom jiġu pprojbiti jidhru tabilħaqq fl-attachment (ippubblikat) għall-anness (ippubblikat) tar-Regolament Nru 2320/2002. Huwa għalhekk pjuttost diffiċli li tagħraf il-loġika f’li ma tippubblikax dak li (presumibbilment) jammonta għal verżjoni mlaħħma ta’ dik il-lista. Fl-aħħar nett, tkun qed tikkontradixxi lilek innifsek li tgħid fil-preambolu għar-Regolament Nru 68/2004 (fil-fehma tiegħi, b’mod korrett għal kollox) li “hemm […] il-bżonn ta’ lista armonizzata, aċċessibbli għall-pubbliku […]” (46) u mbagħad tonqos milli tqiegħed lista bħal din fid-dominju pubbliku.

67.      Il-pubblikazzjoni tal-qafas mingħajr is-sustanza kienet għalhekk pubblikazzjoni difettuża u mhux adegwata li ma tissodisfax l-obbligi tal-Artikolu 254(2) KE.

 Il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ regolament

–       L-impossibbiltà li tinforza miżuri mhux ippubblikati kontra individwi

68.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kontra dak li jien ser nissuġġerixxi (47), li ma tiddeċiedix dwar il-validità tar-regolament, madankollu din għandha tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li atti legali Komunitarji li ma ġewx ippubblikati ma jistgħux jimponu obbligi fuq il-pubbliku.

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod differenti, li l-“prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-legiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni interessati jkunu jafu b’ċertezza l-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom” (48) u li l-“partijiet fil-kawża għandhom ikunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu l-miżuri b’riżultat ta’ dan” (49).

70.      La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-qorti tar-rinviju ma raw l-anness sigriet. Għalhekk l-ebda waħda minn dawn il-qrati ma tista’ tgħid b’ċertezza jekk ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) affettwax lil G. Heinrich, u jekk iva sa liema punt. Iż-żewġ qrati jafu sempliċement li l-awtoritajiet nazzjonali identifikaw ir-Regolament Nru 622/2003 (flimkien mar-Regolament Nru 2320/2002) bħala l-bażi għall-azzjonijiet tagħhom meta ċaħdu lil G. Heinrich milli jitla’ abbord l-ajruplan.

71.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni biss fuq jekk ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) jimponix obbligazzjonijiet fuq individwi, jiena tal-fehma li hija għandha tillimita ruħha li ssostni fl-astratt li l-anness sigriet ma jistax ikun fih jew ikun is-sors ta’ xi obbligi għall-individwi.

72.      Ser niddeskrivi fil-qosor l-għażliet għall-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tiddeċiedi li tmur lil hinn minn dik id-dikjarazzjoni astratta u teżamina jekk l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 fil-fatt kienx maħsub li jimponi obbligi fuq individwi.

73.      Jidhirli li tliet ipoteżi huma possibbli rigward il-bażi legali għall-miżuri li ttieħdu kontra G. Heinrich:

(a)      Il-miżuri kienu bbażati fuq poteri nazzjonali sovrani jew fuq ir-Regolament Nru 2320/2002, li l-Artikolu 6 tiegħu jħalli għall-Istati Membri riedni pjuttost laxki. Jekk dan huwa l-każ, ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) ma huwa ta’ ebda importanza fir-rigward tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali;

(b)      Il-miżuri kienu bbażati fuq poteri nazzjonali li huma nnifishom kienu joriġinaw esklużivament mill-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat), u/jew limitati minnu, mingħajr liema ma kinux ikunu validi. F’dan il-każ, il-projbizzjoni li jittellgħu rakketti tat-tennis abbord ajruplani treġi jew taqa’ mar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat);

(ċ)      Il-miżuri kkostitwixxew applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-anness. Il-konsegwenza għal projbizzjoni ta’ rakketti tat-tennis tkun l-istess bħal fl-ipoteżi (b).

74.      Mingħajr ma wieħed ikun ra l-anness mhux ippubblikat tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat), huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tasal għal konklużjoni infurmata dwar liema minn dawn l-ipoteżi hija korretta.

75.      Ir-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) huwa regolament ta’ implementazzjoni ppromulgat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2320/2002, konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) tiegħu. Dan għandu (presumibbilment) jinqara flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-anness u l-attachment mal-anness ta’ dan ir-regolament. Punt 4 tal-anness jobbliga lill-passiġġieri li jkunu qed iġorru oġġetti pprojbiti li jkollhom dawk l-oġġetti meħudin jew li ma jingħatawx aċċess għaż-żona ristretta tas-sigurtà jew għall-ajruplan kif ikun xieraq. L-attachment jipprovdi linji gwida dwar x’għandu jitqies bħala oġġetti pprojbiti. Jidher probabbli li l-lista attwali ta’ oġġetti pprojbiti, flimkien ma xi kunsiderazzjonijiet iktar iddettaljati dwar x’għandu jiġi meqjus bħala oġġett ipprojbit (u għalfejn) u kwalunkwe awtorizzazzjoni espressa jew impliċita fuq livell Komunitarju ta’ miżuri addizzjonali għandhom jinsabu fl-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat). L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2320/2002 jeħtieġ li l-Istati Membri jassiguraw li multi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-regolament għandhom ikunu “effettivi, proporzjonali u dissważivi”.

76.      F’dan l-isfond, jidhirli intuwittivament li r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) jimponi obbligi fuq individwi. Madankollu, din hija sempliċement spekulazzjoni. Din il-kwistjoni tista’ tiġi riżolta biss billi wieħed jara l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat).

77.      Jien għalhekk ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar jekk l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) jimponix obbligi fuq individwi mingħajr ma wieħed jara l-anness u jiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali. Jien mhux qed nissuġġerixxi li hija għandha tagħmel hekk.

–       Il-validità tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat)

78.      It-tieni domanda ma tqajjimx espliċitament il-kwistjoni tal-validità. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li l-qorti nazzjonali għandha dubji serji dwar kemm huwa vinkolanti r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) u li dawn id-dubji wasslu għar-rinviju (50).

79.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwar il-validità tal-miżura Komunitarja inkwistjoni (51). Għalkemm imiss lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar ir-rilevanza tad-domandi rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li mbagħad “toħroġ mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali dawk il-punti ta’ dritt Komunitarju li, meta tqis is-suġġett tal-kawża, jeħtieġu interpretazzjoni, jew il-validità ta’ liema teħtieġ li tiġi evalwata” (52).

80.      Jien għalhekk ser indur għad-domanda dwar kif in-nuqqas li tippubblika regolament jaffettwa l-validità tiegħu.

81.      F’Opel Austria (53), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-iddatar b’lura tal-ħarġa tal-Ġurnal Uffiċjali li fih ir-regolament ikkontestat kien ġie ppubblikat b’tali mod li r-regolament daħal fis-seħħ qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, kien kiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali (54). Ir-regolament għalhekk ġie annullat.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’okkażjonijiet numerużi li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi, b’mod ġenerali, miżura Komunitarja milli tieħu effett minn punt ta’ żmien qabel il-pubblikazzjoni tagħha, u żżid tgħid li “eċċezzjonalment” dan jista’ jkun mod ieħor fejn l-iskop li għandu jintlaħaq hekk ikun jitlob u fejn l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jiġu rispettati kif għandu jkun (55). Konsegwentement, hemm awtorità limitata għall-propożizzjoni li strumenti legali Komunitarji jistgħu jkollhom effett legali anki fi żmien meta ma jkunux ippubblikati (56).

83.      Dawn il-kawżi kellhom x’jaqsmu ma’ pubblikazzjoni tardiva (57). Fil-kawża preżenti, l-anness qatt ma kien maħsub li jiġi ppubblikat. Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’Opel Austria a fortiori tkun tidher għalhekk applikabbli. Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti r-retroattività, iridu jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-iskop li jrid jinkiseb u l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati għandhom jiġu rispettati kif għandu jkun (58). Huwa diffiċli tara kif xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ġiet sodisfatta hawnhekk.

84.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Sevince (59) ma tipprovdix gwida rilevanti għall-kawża preżenti. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Nru 2/76 u Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija ma żammx dawk id-dispożizzjonijiet milli jkollhom effett dirett li fuqu individwu seta’ jibbaża ruħu (60). Madankollu, m’hemm ebda obbligu la fl-Artikolu 254 KE u lanqas fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni  KEE-Turkija (61) li jiġu ppubblikati atti bħal dawn (62).

85.      Il-ġurisprudenza dwar l-obbligu li jiġu notifikati deċiżjonijiet (individwali) lil dawk li għalihom japplikaw, konformi mal-Artikolu 254(3) KE, tista’ madankollu tkun ta’ għajnuna, peress li obbligu tan-notifika jista’ jitqies bħala l-ekwivalenti funzjonali tal-obbligu tal-pubblikazzjoni fl-Artikolu 254(1) u (2) KE. L-għan taż-żewġ obbligi huwa li dawk affettwati minn regoli legali jiġu infurmati dwar il-kontenut tagħhom.

86.      Fis-sentenza Hoechst, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li “in-nuqqas ta’ notifika [kompleta] jista’ ma jkollha ebda konsegwenza ħlief l-ineżistenza jew l-annullament ta’ l-att in kwistjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “l-liġi Komunitarja ma taċċettax sitwazzjoni intermedja bejn konstatazzjoni li att huwa ineżistenti u l-annullament tiegħu”, u li “dik il-konklużjoni mhijiex miftuħa għall-oġġezzjoni li, skond l-Artikolu 254(3), id-deċiżjonijiet jieħdu effett man-notifika u li, fl-assenza tan-notifika, id-deċiżjoni hija nieqsa minn kull effett. Għar-rigward tan-notifika ta’ att, bħal kull obbligu proċedurali essenzjali ieħor, jew l-irregolarità hija daqshekk gravi u manifesta li tinvolvi l-ineżistenza ta’ l-att ikkontestat, jew tikkostitwixxi ksur ta’ obbligi proċedurali essenzjali li jistgħu jwasslu għall-annullament tiegħu” (63).

87.      Fi Spanja vs Il‑Kummissjoni (64), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas li ssir in-notifika tista’ f’ċerti ċirkustanzi tiġġustifika l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja (65). Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat in-nuqqas ta’ notifika mhux bħala sempliċement impediment għal miżura milli tidħol fis-seħħ (66), imma pjuttost bħala difett fundamentali li jaffettwa l-validità tagħha. Il-bażi intellettwali għal dak l-approċċ jista’ jitqies li faċilment jista’ jiġi traspost għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ regolament.

88.      Riċenti ħafna, fis-sentenza Skoma‑Lux (67), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra l-konsegwenzi legali tal-fatt li regolament tal-Komunità li allegatament ġie miksur minn Skoma‑Lux ma kienx ġie, fiż-żmien materjali, ippubblikat biċ-Ċek fil-Ġurnal Uffiċjali. Din iddikjarat b’mod ċar (68) li “[j]irriżulta mill-kliem stess tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 254(2) KE, li regolament [Komunitarju] jista’ jkollu effetti ġuridiċi biss jekk ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea”. Jekk tinqara waħedha, din id-dikjarazzjoni tista’ twassal għall-konklużjoni li r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat), li ma ġiex ippubblikat b’mod sħiħ, ma seta’ jiġġenera ebda effetti legali. Fi Skoma‑Lux innifisha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet attenta li tevita konklużjoni bħal din. B’mod kuntrarju, din ikkunsidrat separatament, l-ewwel nett, jekk ir-regolament inkwistjoni kienx infurzabbli kontra individwi (u kkonkludiet li ma kienx infurzabbli) (69), u, it-tieni nett, jekk ir-regolament kienx madankollu vinkolanti fuq l-Istat Membru kkonċernat mal-adeżjoni tiegħu (u sostniet li hekk kien) (70) qabel ma ttrattat, it-tielet nett, il-konsegwenzi tiegħu, jiġifieri jekk id-deċiżjonijiet meħudin b’mod konformi ma’ dak ir-regolament li kien sar definittiv skont ir-regoli nazzjonali applikabbli kellhomx jitqiegħdu indiskussjoni (li l-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fin-negattiv, ħlief għal “miżuri amministrattivi jew deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari ta’ natura repressiva, li jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali”) (71).

89.      L-approċċ mhux ċar tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Skoma‑Lux kien iġġustifikat mill-fatt li dak il-każ ma kienx jinvolvi in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni mhux kompluta ta’ regolament f’kull lingwa, iżda n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni f’dak iż-żmien bil-lingwa uffiċjali tal-Istat ta’ Adeżjoni kkonċernat. Għalhekk tidher li hija xierqa distinzjoni bejn il-konsegwenzi għall-Istati Membri u għall-individwi. Individwi jeħtieġu li jkunu f’qagħda li jaċċertaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, li x’aktarx li jkun ilsien art twelidhom. Madankollu, l-Istat Membru kien diġà konxju ta’, u kien aċċetta espressament, l-acquis communautaire. Għalhekk kien raġjonevoli li dan ikun marbut b’dan ir-regolament, li jifforma parti minn dak l-acquis (ippubblikat).

90.      Fil-kawża preżenti, it-test tal-anness qatt ma ġie ppubblikat. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni la kien aċċidentali u lanqas intenzjonali (72). Il-Kummissjoni b’mod deliberat ippromulgat serje ta’ miżuri ġodda (ir-Regolament Nru 622/2003 u dawk li ħadu postu, inkluż b’mod partikolari r-Regolament Nru 68/2004) u ppubblikat kull wieħed minnhom wara xulxin b’mod parzjali biss, u żammet l-anness (sostantiv) sigriet. Fi kliem ieħor, kien hemm prattika konsistenti u intenzjonali ta’ nuqqas ta’ pubblikazzjoni.

91.      Nikkonkludi li n-nuqqas totali li jiġi ppubblikat regolament jew parti integrali minnu, bi ksur tal-Artikolu 254 KE, jikkostitwixxi vjolazzjoni ta’ obbligu proċedurali essenzjali, li jirriżulta, tal-inqas fl-invalidità tiegħu.

–       Limitazzjoni fiż-żmien

92.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) bħala invalidu, tqum il-mistoqsija dwar il-mument minn meta din l-konstatazzjoni tieħu effett. Waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijaku, Pollakk u tar-Renju Unit talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-miżuri kollha li ttieħdu skont ir-regolament ikkontestat huma definittivi sakemm il-Kummissjoni tadotta miżuri ġodda. Madankollu, dawn naqsu milli jispeċifikaw liema konsegwenzi tal-invalidità tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) ikunu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-effett fiż-żmien ta’ din is-sentenza.

93.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja okkażjonalment żammet l-effetti ta’ regoli invalidi sakemm ġew adottati regoli ġodda. Fis-sentenza Van Landschoot (73), il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li r-regolament ikkontestat kien diskriminatorju, safejn ir-regoli dwar eżenzjoni minn levy li kien jimponi ma kinux jestendu għal ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi. Dikjarazzjoni ta’ invalidità pura u sempliċi kien ikollha r-riżultat li, pendenti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda, l-eżenzjonijiet kollha jiġu preklużi. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat b’analoġija l-Artikolu 174(2) tat-Trattat KEE (issa l-Artikolu 231 KE), skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara liema mill-effetti ta’ regolament li hija ddikjarat bħala nulli għandhom jiġu kkunsidrati definittivi (74). Għalhekk, din ikkonkludiet li, pendenti l-adozzjoni ta’ regoli ġodda, l-awtoritajiet kompetenti kienu meħtieġa japplikaw l-eżenzjoni u li jagħtuha wkoll lill-operaturi affettwati bid-diskriminazzjoni li nstabet li teżisti (75).

94.      Għalhekk, il-grupp ta’ operaturi intitolat għall-eżenzjoni ġie mkabbar – effett li ma setax jiġi milħuq sempliċement billi d-deċiżjoni kkontestata tiġi ddikjarata invalida (76).

95.      Jien mhux konvint li huwa neċessarju li jinżammu l-effetti tar-Regolament Nru 622/2003 fil-kawża preżenti.

96.      Dikjarazzjoni li r-Regolament Nru 622/2003 huwa invalidu ma taffettwax l-obbligi diġà imposti fuq l-Istati Membri skont ir-Regolament Nru 2320/2002 biex jieħdu l-miżuri meħtieġa, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom skont il-liġi nazzjonali, sabiex jimpedixxu oġġetti pprojbiti milli jiddaħħlu f’żona ristretta jew abbord ajruplan, u tabilħaqq sabiex jikkonformaw mal-miżuri l-oħra li huma stabbiliti jew li ssir referenza għalihom fir-rigward tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. L-attachment mal-anness tar-Regolament Nru 2320/2002 jistqarr li l-“[l]inji gwida huma mogħtija hawn taħt għal forom possibbli ta’ armi u oġġetti ristretti, madanakollu is-sens komun għandu jirbaħ fl-istima ta’ jekk oġġett iġiegħelx lil wieħed jaħseb li jista’ jintuża bħala arma”. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri huma għal kollox kapaċi li jassiguraw li jiġu ppromulgati regoli taħt il-liġi nazzjonali sabiex jiġi pprojbit il-ġarr ta’ armi potenzjali f’oqsma ristretti jew abbord ajruplani pendenti l-adozzjoni ta’ regolament ta’ sostituzzjoni (li jkun fih lista ta’ oġġetti pprojbiti) li jiġi debitament ippublikat.

97.      L-obbligi speċifiċi diġà imposti fuq Stati Membri mir-Regolament Nru 2320/2002 huma rinfurzati b’dover iktar ġenerali, skont l-Artikolu 10 KE, li “jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi […] li jirriżultaw […] mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità”, biex “jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità” u li “m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ dan it-Trattat”. Huwa ċar mir-Regolament Nru 2320/2002 innifsu x’inhuma dawk l-għanijiet u kif għandhom jinkisbu; u l-Istati Membri kienu (sintendi) raw il-kontenut tal-anness mhux ippubblikat tar-Regolament Nru 622/2003.

98.      Il-Kummissjoni hija wkoll f’pożizzjoni li tirrifletti, matul il-perjodu li ser jgħaddi wara li dawn il-konklużjonijiet jiġu ppreżentati waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiddelibera, dwar kif jiġi assigurat li kwalunkwe miżuri speċifiċi ta’ sigurtà fl-ajruport li huma stipulati biss fl-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) ma jiġux perikolati fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod ġenerali dwar l-effetti legali ta’ dan ir-regolament (77).

99.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, dejjem użat il-possibbiltà li tillimita l-effett fiż-żmien ta’ sentenza sabiex tissodisfa l-obbligi dwar iċ-ċertezza legali. B’mod kuntrarju, fil-kawża preżenti, huwa ċar li ċ-ċertezza legali għal individwi fir-rigward tal-uniku komponent magħruf (78) tal-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) tkompli ssofri iktar billi jinżamm fis-seħħ ir-regolament sakemm ikunu ġew adottati miżuri ġodda sabiex jieħdu post ir-regolament fl-intier tiegħu.

100. Fl-aħħar nett, x’aktarx li jista’ jiġi ssuġġerit li l-interess pubbliku fil-preservazzjoni ta’ regoli li jsaħħu s-sigurtà fl-ajruport jeżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jew tagħlaq għajnejha għall-ksur ċar tal-obbligu mandatorju tal-pubblikazzjoni, jew tagħmel użu mill-poter eċċezzjonali li żżomm, definittivament, l-effetti ta’ miżura difettuża. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa wieħed speċjuż. Kif għadni kif indikajt, ma hemm ebda bżonn għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċità dak il-poter sabiex timpedixxi li s-sigurtà pubblika fl-ajruporti tiġi pperikolata. Argumenti simili jitqajmu ta’ spiss fi żmienijiet diffiċli sabiex jiġġustifikaw it-tluq mill-istat tad-dritt ordinarju – kemm jekk dan ikun permezz tas-sospensjoni tal-garanziji tad-drittijiet fundamentali, ir-restrizzjoni tal-iskrutinju ġudizzjarju jew it-trattib tal-konsegwenzi ta’ dan l-iskrutinju. Dawn ma għandhomx post f’Unjoni Ewropea li hija ggvernata mill-istat tad-dritt u li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħha għandha l-obbligu skont it-Trattat li tassigura “l-osservanza tal-liġi” (79).

101. Għalhekk, nissuġġerixxi li l-ebda limitazzjoni fiż-żmien ma għandha titqiegħed fuq is-sentenza f’din il-kawża.

–       Il-qorti għandha tmur lilhinn minn hekk u tiddikjara r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) bħala ineżistenti?

102. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ regolament iġib miegħu bħala konsegwenza l-ineżistenza tiegħu.

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li miżuri tal-istituzzjonijiet Komunitarji huma bħala prinċipju preżunti li huma legali u jipproduċu effetti legali sakemm jiġu rtirati, annullati f’kawża ta’ annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (80).

104. Eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija d-dottrina tal-att ineżistenti. Skont din id-dottrina, miżuri li jkunu vvizzjati b’irregolarità li l-gravità tagħha hija daqshekk ovvja li ma tistax tiġi ttollerata mill-ordni legali Komunitarja u għandha tiġi ttrattata bħala li ma għandhiex effett legali, anki provviżorju – jiġifieri jitqiesu bħala legalment ineżistenti. L-iskop ta’ din id-dottrina huwa li jinżamm bilanċ bejn żewġ obbligi fundamentali, imma xi kultant konfliġġenti, li magħhom ordni legali għandu jikkonforma, jiġifieri l-istabbilità tar-relazzjonijiet legali u r-rispett tal-legalità (81).

105. Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta ma’ konklużjoni li miżura ta’ istituzzjoni Komunitarja hija ineżistenti tfisser li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konklużjoni bħal din hija rriżervata għal sitwazzjonijiet pjuttost estremi (82). Ċerti awturi akkademiċi argumentaw li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ regolament jaqa’ f’din il-kategorija (83).

106. Safejn naf jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja darba biss iddikjarat att bħala ineżistenti: fis-sentenza Société des usines à tubes de la Sarre (84). Hemmhekk, id-domanda kienet jekk ittra mibgħutha mill-Awtorità Għolja setgħetx tiġi kkunsidrata bħala opinjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 54(4) KEFA. Opinjonijiet bħal dawn għandhom ikunu, inter alia, immotivati. L-ittra ma kienitx. Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-motivazzjoni ta’ opinjoni kienet meħtieġa b’mod ċar mill-Artikoli 5, 15 u 54 KEFA, u barra minn hekk kienet element essenzjali u kostitwenti ta’ tali att. Mingħajr motivazzjoni, l-opinjoni ma setgħetx legalment teżisti. Peress li l-att li r-rikors talab li jiġi annullat kien legalment ineżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-rikors inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ suġġett.

107. Fis-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni (85), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ineżistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalbet dik id-deċiżjoni fl-appell, peress li ħadet il-pożizzjoni li, kemm jekk jiġu kkunsidrati waħedhom jew flimkien, l-irregolaritajiet ta’ kompetenza u ta’ forma misjuba mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinux ta’ gravità daqshekk ovvja li d-deċiżjoni kellha tiġi ttrattata bħala legalment ineżistenti (86).

108. Fl-opinjoni tiegħi l-irregolarità li tivvizzja r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) – in-nuqqas ta’ attenzjoni persistenti u deliberata għall-obbligi dwar pubblikazzjoni mandatorja fl-Artikolu 254(2) KE fir-rigward tas-sustanza sħiħa tar-regolament – hija waħda li l-gravità tagħha hija daqstant ovvja li ma tistax tiġi ttollerata mill-ordni legali Komunitarju. Għalhekk nippreferi li r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) jiġi ddikjarat bħala ineżistenti. Il-kwistjoni tal-limitazzjoni fiż-żmien possibbli tas-sentenza imbagħad tieqaf milli tkun rilevanti.

109. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq li ma tmurx daqshekk ’il bogħod, huwa evidenti, għall-inqas, li kien hemm ksur ta’ obbligu proċedurali essenzjali. Bħala minimu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiddikjara r-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) bħala invalidu.

110. Tkun xi tkun id-deċiżjoni ser ikun evidenti li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tar-regolamenti jew ta’ partijiet minnhom – a fortiori meta jkun deliberat – mhuwiex aċċettabbli fl-ordni legali tal-Unjoni Ewropea.

 X’imissha għamlet il-Kummissjoni?

111. Waqt is-seduta, kemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill esprimew il-fehma li l-Artikolu 8 ta’ Regolament Nru 2320/2002 ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tadotta regolament ta’ implementazzjoni b’anness mhux ippubblikat li fih miżuri dettaljati meħtieġa sabiex jiġu implementati u adattati l-istandards komuni bażiċi dwar miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, indikat li kienet issibha utli li kieku il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti gwida dwar liema forma ta’ strument legali l-Kummissjoni għandha tuża sabiex tikkonforma ma’ dan l-obbligu, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2320/2002, sabiex tadotta miżuri bħal dawn.

112. Għalkemm ikkritikajt il-promulgazzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 662/2003 (kif emendat), nisimpatizza ftit mas-sitwazzjoni konfuża inerenti fiha. Għalhekk qed noffri l-kummenti li ġejjin.

113. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2320/2002 jipprovdi li miżuri relatati mat-tħaddim ta’ miżuri tas-sigurtà f’ajruport (87) “għandhom ikunu sigrieti u ma jiġux ippubblikati”. Dan qed jiġi ddikjarat “mingħajr preġudizzju” għar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti. Minn dan niddeduċi li l-awtur ma kkontemplax li miżuri bħal dawn ma għandhom qatt jiffurmaw parti minn att legali Komunitarju li jkun suġġett għall-pubblikazzjoni mandatorja fil-Ġurnal Uffiċjali bis-saħħa tal-Artikolu 254 KE. L-intenzjoni pjuttost kienet li dawn ikunu miġburin f’dokument mhux ippubblikat u l-aċċess għalihom ikun possibbli biss permezz tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti (taħt liema, presumibbilment, l-aċċess jiġi rrifjutat abbażi li d-dokument inkwistjoni jaqa’ fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 u/jew jikkostitwixxi “dokument sensittiv” fis-sens tal-Artikolu 9).

114. Nenfasizza li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2320/2002 jopera bħala eċċezzjoni għall-obbligu normali dwar it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni. Bħala tali dan għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Minn dan jirriżulta li huwa biss il-materjal li, meta jitqies b’mod oġġettiv, effettivament jaqa’ fl-ambitu ta’ kategoriji varji ta’ informazzjoni sigrieta speċifikata fl-Artikolu 8(1) (88) li għandu jiġi kkunsidrat b’dan il-mod. B’mod partikolari, materjal li jissostitwixxi materjal li huwa diġà fid-dominju pubbliku għaliex kien ippubblikat bħala parti mir-Regolament 2320/2002 għandu jibqa’ fid-dominju pubbliku.

115. Sa fejn hija kkonċernata l-lista ta’ oġġetti pprojbiti, għalija huwa ċar b’mod abbondanti li din il-lista ma għandhiex tinżamm sigrieta. Hija għandha għalhekk tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali bħala anness tar-regolament – l-istess bħal kull miżura oħra li, meta titqies b’mod oġġettiv, ma tirrikjedix li tinżamm sigrieta.

116. Xi ngħidu għall-materjal li ġenwinament għandu x’jaqsam mat-tħaddim ta’ miżuri ta’ sigurtà ta’ ajruporti u li ġenwinament, għalhekk, għandu jinżamm sigriet?

117. Jekk jiġi kkunsidrat li jkun prudenti li wieħed jassigura li parti jew it-totalità ta’ dan il-materjal tkun inkluża f’att li jkun legalment jorbot, il-Kummissjoni mhijiex, fit-teorija, limitata fl-għażla tal-istrument legali. Il-bażi legali tar-Regolament Nru 2320/2002 kien l-Artikolu 80(2) KE(89). Għalkemm il-Kunsill għażel li juża regolament, ma kienx obbligat li jagħmel dan.

118. Madankollu, fil-prattika, la regolament u lanqas direttiva indirizzata lill-Istati Membri kollha ma huma strumenti legali adatti għal materjal li huwa xieraq li jinżamm sigriet. It-tnejn huma suġġetti għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni mandatorja inkluż fl-Artikolu 254(2) KE.

119. L-iktar għażla naturali tkun għalhekk deċiżjoni (fis-sens tal-Artikolu 249 KE) indirizzata lill-Istati Membri kollha. L-Artikolu 254 KE ma jirrikjedix il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet, iżda sempliċement li jiġu “notifikati lil dawk li lilhom kienu ndirizzati” (90). Huma “jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika” (91). Ninnota li l-Artikolu 13(2)(ċ) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jipprovdi li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali “[s]a’ fejn hu possibbli”. Jekk il-kontenut tad-deċiżjoni jkun tali li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 4 (eċċezzjonijiet) jew l-Artikolu 9 (dokumenti sensittivi) ta’ dan ir-regolament, ikun leġittimu li jiġi miċħud aċċess għad-deċiżjoni u, a fortiori, li ma tiġix ippubblikata.

120. Il-Kummissjoni, tabilħaqq, tfakkar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija adottat soluzzjoni simili fir-rigward ta’ materjal kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali meta ppromulgat ir-Regolament Nru 1683/95 (92). L-anness ippubblikat ta’ dan ir-regolament kien fih ċerti speċifikazzjonijiet għall-format ta’ viżi li kellhom jinħarġu mill-Istati Membri. L-Artikolu 2 tar-regolament ipprovda li speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn għal format uniformi għal viżi fir-rigward ta’ elementi u rekwiżiti ta’ sigurtà addizzjonali, inklużi standards imsaħħa kontra l-frodi, l-ikkuppjar u l-falsifikazzjoni kif ukoll metodi li għandhom jintużaw għall-mili tal-viża, kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. L-Artikolu 3 jipprovdi li dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jibqgħu sigrieti. Il-Kummissjoni għalhekk adottat deċiżjoni ta’ implementazzjoni, indirizzata lill-Istati Membri kollha, li ma ġietx ippubblikata (93). Jidhirli li l-Kummissjoni tista’ tadotta b’mod xieraq soluzzjoni simili meta timplementa r-Regolament Nru 2320/2002 sabiex iżomm sigriet materjal li, oġġettivament, jeħtieġ tali protezzjoni.

 L-ewwel domanda

121. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb it-tieni domanda kif issuġġerejt jien, ma jkunx meħtieġ li tiġi mwieġba l-ewwel domanda. Madankollu, peress li l-ewwel domanda ġġenerat nuqqas ta’ qbil qawwi bejn il-partijiet kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub u anki orali (94), ser noffri l-osservazzjonijiet li ġejjin.

122. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tixtieq tkun taf jekk l-atti li għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 254 KE humiex “dokumenti” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti (95).

123. B’mod konformi mal-għan tar-regolament stipulat fl-Artikolu 1 (96), id-definizzjoni tal-iskop fl-Artikolu 2(3) hija wiesgħa kif inhu xieraq. Ir-regolament “għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea”. Qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti, istituzzjoni ma kelliex is-setgħa li tiżvela dokumenti li kienu joriġinaw minn terzi persuni, u l-parti li titlob l-aċċess kellha tindirizza t-talba tagħha direttament lill-awtur tad-dokument (l-hekk imsejħa regola tal-awtur) (97). Id-definizzjoni wiesgħa tal-iskop fl-Artikolu 2(3) taqleb din ir-regola. Sakemm l-istituzzjoni għandha attwalment id-dokument, jista’ jiġi mitlub l-aċċess irrispettivament minn min huwa l-awtur. Għalhekk, l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu kostretti li jiżvelaw dokumenti li joriġinaw minn terzi persuni, inklużi dawk (b’mod partikolari) mill-Istati Membri (98).

124. Id-definizzjoni tat-terminu “dokument” hija wkoll wiesgħa: “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż[iv]) dwar kwistjoni dwar il-policies, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni” (99).

125. L-Artikoli 4 (“Eċċezzjonijiet”) u 9 (“Dokumenti sensittivi”) jiddefinixxu l-limiti, abbażi tal-interess pubbliku jew privat, għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Dawn isegwu l-istruttura tal-Artikolu 255 KE. Bħala eċċezzjonijiet, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’mod konformi mar-regoli ta’ kostruzzjoni tad-dritt Komunitarju (100). Il-bżonn li dawn jinqraw b’dan il-mod huwa enfasizzat mill-fatt li dawn huma eċċezzjonijiet mandatorji (101) għal regolament li l-iskop sħiħ tiegħu huwa li jiġi assigurat “l-akbar aċċess għal dokumenti” (102).

126. L-Artikolu 13 jirrigwarda l-“Pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali”. L-Artikolu 13(1) jipprovdi espressament li “[f]limkien ma’ l-atti msemmija fl-Artikolu 254(1) u (2) tat-Trattat tal-KE” (103), diversi klassijiet ta’ dokumenti “bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali”. Jidhirli li huwa ċar lil hinn minn kull argument li min għamel l-abbozz qiegħed hawnhekk jidentifika ċerti kategoriji oħra ta’ testi (addizzjonali għat-testi li ser jiġu ppubblikati fi kwalunkwe każ bis-saħħa tal-Artikolu 254(1) u (2) KE) li jistħoqqilhom, sistematikament, it-tixrid wiesa’ li jirriżulta mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, kategoriji addizzjonali għandhom ukoll jiġu ppubblikati “[s]a’ fejn hu possibbli” (104).

127. Huma biss dokumenti li mhumiex koperti la mill-Artikolu 12 u lanqas mill-Artikolu 13 li jkollhom jiġu mitluba individwalment (105).

128. F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tweġiba għall-ewwel domanda ssir iktar ċara. It-test ta’ regolament jista’ jaqa’ fl-ambitu tad-definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ dokument li hemm fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti. Tali test għandu “kontenut […] dwar kwistjoni dwar […] deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”, u jkun f’forma stabbilita fl-Artikolu 3(a). Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ “dokument” fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi l-istrumenti legali suġġetti għall-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 254(1) u (2) KE. Dan ma jfissirx, madankollu, li strumenti legali bħal dawn jaqgħu fl-ambitu tal-iskop tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti, bir-riżultat li l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 9 jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi miċħud l-aċċess għalihom. Fil-fehma tiegħi, il-maqlub huwa l-każ.

129. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jiddikjara li r-regolament “għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea” (106). Ċertament huwa minnu li istituzzjoni x’aktarx li jkollha kopji tat-test definittiv ta’ regolament kif finalment approvat. Madankollu, it-test għandu jkun diġà fid-dominju pubbliku bis-saħħa tal-pubblikazzjoni mandatorja tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Teknikament, l-istituzzjoni “iżomm” it-test bħala “dokument”. Madankollu, interpretazzjoni litterali ta’ dan it-tip tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti tinjora l-fatt li l-iskop tar-regolament huwa li jingħata aċċess għal dokumenti li mhumiex altrimenti awtomatikament aċċessibbli. It-teleologija u s-sens komun jwasslu t-tnejn li huma għall-konklużjoni li jekk test huwa (jew għandu jkun) aċċessibbli bis-saħħa tal-pubblikazzjoni mandatorja skont l-Artikolu 254(1) u (2) KE, ma hemmx bżonn li (u għalhekk ma għandux) jitqies bħala “dokument” li huwa “miżmum” minn istituzzjoni fis-sens (rispettivament) tal-Artikolu 3(a) u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(a) jiddefinixxi l-għan tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti billi jsemmi li jrid jiġi assigurat “l-akbar aċċess għal dokumenti”. Dan minnu nnifsu jimplika li d-dritt għal aċċess ta’ dokument bis-saħħa tar-regolament huwa superfluwu meta d-dokument xorta jkun ser jiġi ppubblikat permezz tal-Artikolu 254 KE. Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali diġà tiggarantixxi “l-akbar aċċess għal dokumenti”.

130. L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jikkonferma din l-analiżi. Ma jkun hemm l-ebda sens jekk ir-regolament ma jinqarax bħala li jikkomplimenta l-Artikolu 254 KE pjuttost milli jdgħajjef lil tali artikolu. Ma hemmx bżonn li jinħoloq aċċess (addizzjonali), jew tabilħaqq pubblikazzjoni, permezz tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti fil-konfront ta’ dokument li huwa wieħed mit-testi elenkati fl-Artikolu 254(1) jew (2) KE. B’mod kuntrarju, jekk dokument mhuwiex dan it-tip ta’ test, hemm kull raġuni sabiex dan jiġi ttrattat bħala li jaqa’ fl-ambitu tal-iskop tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti, u sussegwentement li jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 13 sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi ppubblikat skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni korretta għandha tkun li r-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti jirrigwarda dokumenti (ta’ kull sura) li mhumiex diġà koperti mill-Artikolu 254(1) jew (2) KE.

131. Wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu dwar x’inhu l-istatus tat-test ta’ regolament bejn id-data tal-adozzjoni tiegħu mill-istituzzjoni rilevanti u d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-fehma tiegħi, ir-regolament bħala regolament mhuwiex “dokument” fis-sens tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti (għaliex l-obbligu tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 254 KE diġà kien japplika għalih). Madankollu, kull kopja ta’ dak ir-regolament (per eżempju, f’forma stampata jew elettronika) fil-pussess tal-istituzzjoni tikkostitwixxi tali dokument; u aċċess għalih jista’ għalhekk jinkiseb skont ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti. F’termini prattiċi, naħseb li dejjem ser ikun hemm kopja bħal din x’imkien. Għalhekk, mhux ser ikun hemm perijodu intermedju li matulu r-regolament mhuwiex ser ikun aċċessibbli la permezz tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti u lanqas bis-saħħa tal-pubblikazzjoni mandatorja tiegħu skont l-Artikolu 254 KE.

132. B’mod korrelattiv, ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti ma jistax jiġi wżat sabiex jirrestrinġi l-pubblikazzjoni ta’ dokument li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 254(1) jew (2) KE. Ir-regolament, peress li huwa leġiżlazzjoni sekondarja, ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li jmur kontra l-liġi primarja kkostitwita minn dispożizzjoni tat-Trattat. L-eċċezzjonijiet għall-aċċess li jinsabu fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti għalhekk japplikaw biss għal dokumenti li l-aċċess għalihom huwa disponibbli bis-saħħa ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiddaħħal indirettament eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni mandatorja skont it-Trattat.

133. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-atti li jeħtieġu pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali skont l-Artikolu 254(1) jew (2) ma jikkostitwixxux dokumenti fis-sens tal-Artikolu 2(3) u 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għaliex diġà huma suġġetti għall-obbligu tal-pubblikazzjoni mandatorja skont it-Trattat u għalhekk huma aċċessibbli b’mod sħiħ għall-pubbliku.

 Konklużjoni

134. Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, jien tal-fehma li d-domandi rrinvjati mill-Verwaltungssenat im Land Niederösterreich għandhom jiġu mwieġba kif ġej:

–        Ir-regolamenti li, kuntrarjament għall-obbligu tal-Artikolu 254(2) KE, ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma legalment ineżistenti;

–        Atti li jeħtieġu pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali skont l-Artikolu 254 KE ma jikkostitwixxux dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikoli 2(3) u 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għaliex diġà huma suġġetti għall-obbligu tal-pubblikazzjoni mandatorja skont it-Trattat u għalhekk huma aċċessibbli b’mod sħiħ għall-pubbliku.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331).


3 – Li fih l-hekk imsejħa “proċedura tal-kodeċiżjoni”.


4 – Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 7, p. 181).


5 – Proċedura regolatorja tal-komitoloġija.


6 –      Awtorità nominata minn kull Stat Membru.


7 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 tal-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (ĠU L 89, p. 9). L-Anness mhux ippubblikat ġie emendat f’bosta okkażjonijiet, l-iktar riċenti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 23/2008 tal-11 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 9, p. 12). It-test sostantiv ġie modifikat darba biss, meta r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2006 tat-13 ta’ Jannar 2006 (ĠU L 11, p. 4) introduċa l-Artikolu 3a (li jittratta metodi u proċessi tekniċi ġodda).


8 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1477/2007 tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 329, p. 22).


9 – Mhux rilevanti għall-verżjoni Maltija


10 – Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1477/2007 tipprovdi: “Il-miżuri f’dan ir-Regolament mhumiex inklużi fost dawk li, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, għandhom ikunu sigrieti u mhux ippubblikati”. It-tieni sentenza tal-Artikolu 1 għalhekk tipprovdi li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 622/2003 ma japplikax fir-rigward tan-natura kunfidenzjali ta’ “dan l-Anness”. L-anness tar-regolament huwa ppubblikat kif għandu jkun u jaqra kif ġej: “L-Hemża [attachment] 3 għandha tinbidel b’li ġej: ‘Hemża 3[,] Ir-Repubblika ta’ Singapor[,] L-Ajruport ta’ Changi’”. Peress li, kuntrarjament għall-assigurazzjoni tal-Kummissjoni waqt is-seduta, il-bqija tal-anness tar-Regolament Nru 622/2003 (kif emendat) jibqa’ mhux ippubblikat, id-dikjarazzjoni fl-anness tar-Regolament Nru 1477/2007 hija deskritta l-aħjar bħala Delfika.


11 – Dan huwa r-regolament identifikat bħala r-regolament rilevanti mill-qorti tar-rinviju. Kif ħareġ b’mod ċar matul is-seduta, dan huwa spjegat mill-fatt li l-modifikazzjonijiet introdotti mir-regolament sussegwenti li kien jemendah [ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 857/2005 tas-6 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2005 L 143, p. 9), l-aħħar emenda qabel seħħ l-inċident li ta lok għar-rinviju] ma bidlux il-lista ta’ oġġetti pprojbiti fl-anness tar-Regolament Nru 622/2003. Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi sempliċement għar-“Regolament Nru 622/2003 (kif emendat)” sabiex nidentifika il-verżjoni tar-Regolament Nru 622/2003 applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Peress li l-annessi tar-regolamenti kollha sussegwenti (bħall-anness oriġinali tar-Regolament Nru 622/2003) mhumiex ippubblikati, ma stajtx nivverifika jekk minn dak iż-żmien il-lista ta’ oġġetti pprojbiti ġietx emendata mill-verżjoni stabbilita bl-anness tar-Regolament Nru 68/2004.


12 –      Diċitura ħarira differenti, imma tal-istess effett, ġiet użata fit-tielet premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 437/2007 tal-20 ta’ April 2007 (ĠU L 104, p. 16) u fis-sitt premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 915/2007 (ĠU L 200, p. 3): “F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-miżuri stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 622/2003 ġew ikklassifikati u ma ġewx ippubblikati. L-istess japplika b’mod neċessarju għal kwalunkwe att li jemenda”.


13 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1546/2006 tal-4 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 312M , 22.11.2008, p. 149).


14 – Jista’ jkun, meta tqis din il-premessa, li l-lista ta’ oġġetti pprojbiti ġiet modifikata bl-anness tar-Regolament Nru 1546/2006. Ma stajtx nivverifika jekk dan huwiex il-każ.


15 – (ĠU 1999, C 73, p. 1): “il-ftehim interistituzzjonali dwar l-abbozzar”.


16 – Ara l-premessa 7.


17 – Ara wkoll is-sentenzi maqgħuda tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health (C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I-6451, punt 92), li tagħmel referenza għall-ftehim interistituzzjonali.


18 – Rakketti tat-tennis mhumiex elenkati bħala tali fl-attachment (ippubblikat) mal-anness tar-Regolament Nru 2320/2002, għalkemm punti (iii), (vi) u (vii) jistgħu jibdew jindikaw li dawn jistgħu jiġu wżati bħala armi u għandhom għalhekk possibbilment jiġu pprojbiti.


19 – Jien ma nesprimi ebda fehma dwar jekk l-azzjoni ta’ G. Heinrich meta tela’ fuq l-ajruplan wara li ġie mwaqqaf fil-kontroll tas-sigurtà kien att (aggravanti) separat jew jekk dan għandux jiġi kkunsidrat bħala parti mid-domanda ġenerali dwar jekk kienx permissibbli għalih li jipproċedi għall-ajruplan bir-rakketti tat-tennis tiegħu. Din hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali.


20 – G. Heinrich attenda għas-seduta imma ma kienx irrappreżentat u m’għamilx sottomissjonijiet.


21 – Stqarrija Stampa tal-Kummissjoni IP/04/59 tas-16 ta’ Jannar 2004, li hija disponibbli fis-sit tal-Internet li ġej: http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/04/59&format=HTML&aged=1&language=EN&guiLanguage=en. Rakketti tat-tennis ma jidhrux bħala oġġetti pprojbiti fuq din il-lista. Mingħajr it-test tal-anness mhux ippubblikat, m’hemm, madankollu, l-ebda mod kif wieħed ikun jaf jekk il-lista fl-istqarrija stampa tirreplikax eżattament il-lista tal-oġġetti pprojbiti f’dan l-anness.


22 – Jidher mill-proċess tal-qorti nazzjonali, madanakollu, li G. Heinrich ma tarx mal-Austrian Airlines.


23 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I-2843, punt 17), u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


24 – Ara s-sentenza Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 18, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


25 – G. Heinrich innifsu ma ppreżenta ebda osservazzjonijiet bil-miktub jew sottomissjonijiet orali. Il-fatti li hu jallega fl-osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali (li huma inklużi fil-proċess tal-qorti nazzjonali ppreżentat fir-Reġistru), jekk jinstab li ġew ippruvati mill-qorti nazzjonali, jkunu jindikaw madanakollu li hemm nuqqas sinjifikattiv ta’ ċertezza legali.


26 – L-ebda domanda ma ġiet irrinvjata dwar l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament Nru 2320/2002.


27 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2000, ABBOI (C‑109/99, Ġabra p. I-7247, punt 44).


28 – Ara s-sentenza ABBOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 45, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


29 – Għal darb’oħra, ara s-sentenza ABBOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 46 u 47).


30 – Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini Siderurgica (C‑119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata); u s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C‑162/06, Ġabra, 2007,p. I-9911, punt 23).


31 – Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck and Bergdorf (C‑355/97, Ġabra p. I-4977, punti 22 sa 24); sentenzi maqgħuda tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla (C‑94/04 u C‑202/04 Ġabra p. I-11421, punt 25); u s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, Ġabra 2007, p. I‑9569, punt 64).


32 – Ara s-sentenza Amurta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 64 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


33 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost (314/85, Ġabra p. 4199, punti 17 sa 20), li tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiddikjara miżura Komunitarja invalida.


34 – Il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat stqarrija stampa (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21) b’lista ta’ oġġetti pprojbiti (li fiha m’hemmx imsemmija rakketti tat-tennis) huwa interessanti imma mhux rilevanti f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma‑Lux (C‑161/06, Ġabra 2007, p. I‑10841, punti 47 sa 50), li “pubblikazzjoni” ta’ regolament fil-website tal-EUR-Lex ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 254 KE (ara punti 88 u 89 iktar ’il quddiem). A fortiori, pubblikazzjoni permezz ta’ stqarrija stampa f’numru limitata ta’ ilsna uffiċjali tal-Unjoni (l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż) ma tistax titqies li hija adegwata, u lanqas li tirrispetta ċ-ċertezza legali.


35 – Artikolu 255(2) KE.


36 – Ara l-bażi legali tiegħu, ir-raba’ premessa u l-Artikolu 1(a).


37 – Artikolu 1(a), (b) u (ċ) rispettivament.


38 – Ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 1999, Meyer vs Il-Kummissjoni (T-106/99, Ġabra p. II-3273): “Mhuwiex l-iskop tad-Deċiżjoni 94/90 [li ġie qabel ir-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti] li jagħmel aċċessibbli għall-pubbliku, billi jistabbilixxi dritt għall-aċċess li miegħu l-Kummissjoni għandha tikkonforma, dokumenti li huma diġà aċċessibbli minħabba l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali” (f’punt 39).


39 – Rigward l-inadegwatezza tal-pubblikazzjoni f’forma elettronika, ara s-sentenza Skoma-Lux, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 47 sa 50.


40 – Dawn fihom, f’sekwenza, is-suġġett tar-regolament (l-Artikolu 1), żewġ definizzjonijiet (l-Artikolu 2), ir-referenza għall-parti tal-anness fejn hija mitluba l-kunfidenzjalità (l-Artikolu 3), dispożizzjoni li tagħti s-setgħa għall-użu ta’ metodi u proċessi tekniċi ġodda (l-Artikolu 3a), il-ħtieġa ta’ notifika fejn, skond l-Artikolu 4(3) ta’ Regolament Nru 2320/2002, Stati Membri japplikaw miżuri ta’ sigurtà nazzjonali għal ajruporti żgħar minflok il-miżuri fir-regolament (l-Artikolu 4), rekwiżit ta’ notifika simili fejn il-miżuri kumpensatorji jiġu adottati għaliex il-passiġġieri li jkunu għaddew minn screening u passiġġieri li jaslu ma jistgħux jiġu fiżikament separati (l-Artikolu 5) u d-dispożizzjoni standard li tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ u l-applikabbilità diretta (l-Artikolu 6).


41 – Jiġifieri l-“miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati u addattati teknikment l-istandards bażiċi komuni li jirrigwardaw is-sigurtà tal-avjazzjoni sabiex jiġu mdaħħla fil-programmi nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili”: ara l-Artikolu 1, li għalih jagħmel referenza l-Artikolu 3. It-teknika adottata tidher li hija vjolazzjoni ċara tal-punt 22 tal-ftehim interistituzzjonali dwar l-abbozzar, li ma jippermettix li anness ikun fih xi dritt ġdid jew obbligazzjoni stipulata fit-termini leġiżlattivi.


42 – Premessa 1.


43 – Premessa 2.


44 – Ara l-ftehim interistituzzjonali dwar l-abbozar, il-linji gwida 1, 3 u 22. Dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Alliance for Natural Health (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 88). Il-“Joint Practical Guide: Guide of the European Parliament, the Council and the Commission for persons involved in the drafting of legislation within the Community institutions” (il-“JPG”, disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/en/techleg/1.htm et seq), li huwa iktar dettaljat, bl-istess mod jindika l-importanza li jingħataw raġunijiet ċari u xierqa, speċjalment fir-rigward ta’ miżuri ripressivi: ara b’mod partikolari l-linji gwida 10 (specjalment 10.14), 18 u 22 tal-JPG.


45 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


46 – Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 68/2004. Il-premessa 4 tirrikonoxxi li “lista bħal din ma tista’ qatt tkun eżawrjenti” u li “l-awtorità kompetenti, għalhekk, għandha titħalla tipprojbixxi oġġetti oħrajn b’żieda ma’ dawk elenkati”, u żżid tgħid immedjatament li “huwa xieraq li qabel u matul il-fażi taċ-check-in il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b’mod ċar dwar l-oġġetti kollha li huma pprojbiti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


47 – F’punti 78 sa 100 iktar ’il quddiem.


48 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑209/96, Ġabra p. I‑5655, punt 35); tal-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita (C‑108/01, Ġabra p. I‑5121, punt 89); tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 72); u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Stichting ROM-projecten (C‑158/06, Ġabra p. I-5103, punt 25).


49 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun (C‑248/04, Ġabra p. I‑10211, punt 79), u Stichting ROM-projecten (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 25).


50 – Ara l-punti 31 u 50 iktar ’il fuq.


51 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze (16/65, Ġabra p. 877, speċjalment p. 886); tat-3 ta’ Frar 1977, Strehl (62/76, Ġabra p. 211); u tal-15 ta’ Ottubru 1980, SA Roquette Frères vs Franza (145/79, Ġabra p. 2917, punti 6 u 7).


52 – Sentenza Roquette Frères, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 7.


53 – Sentenza Opel Austria vs Il-Kunsill T‑115/94, Ġabra 1997 p. II-39.


54 – Punti 127 sa 133. Ara wkoll punt 124 b’mod ġenerali dwar il-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeħtieġ b’mod partikolari li regoli li jinvolvu konsegwenzi negattivi għall-individwi għandhom ikunu ċari u preċiżi u l-applikazzjoni tagħhom prevedibbli għal dawk li huma suġġetti għalihom (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041; tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C‑143/93, Ġabra p. I-431, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 27); tal-15 ta’ Frar 1995, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I-569, punt 20; u tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80).


55 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I-4023, punt 45); tat-2 ta’ Ottubru 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑259/95, Ġabra p. I-5303, punt 21); u tat-28 ta’ Novembru 2006, Il-Parliament vs Il-Kunsill (C‑413/04, Ġabra p. I-11221, punt 75).


56 – Ara s-sentenzi Racke (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 20), u tal-25 ta’ Jannar 1979, Weingut Decker (99/78, Ġabra 101, punt 8), li t-tnejn li huma għandhom x’jaqsmu ma’ ammonti monetarji kumpensatorji għall-kummerċ fl-inbid, kif ukoll is-sentenzi maqgħuda tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik (C‑143/88 u C‑92/89, Ġabra p. I-415, punt 52), li kellha bħala suġġett levy fuq il-produtturi taz-zokkor għas-sena ta’ bejgħ preċedenti. Ara wkoll il-“kawżi dwar l-isoglukosju”: sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill (108/81, Ġabra p. 3107; tat-30 ta’ Settembru 1982, Roquette Frères vs Il-Kunsill (110/81, Ġabra p. 3159), u tat-30 ta’ Settembru 1982, Tunnel Refineries vs Il-Kunsill (114/81, Ġabra p. 3189).


57 – Ara wkoll s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1974, König (185/73, Ġabra p. 607), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tardività ta’ pubblikazzjoni affettwat id-data minn meta r-regolament seta’ jiġi applikat u jieħu effett, imma mhux l-validità intrinsiku tiegħu (punt 6).


58 – Ara, bl-istess mod, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża “Goed Wonen” (sentenza tas-26 ta’ April 2005, C‑376/02, Ġabra p. I-3445, punti 31 u 35, li tagħmel sunt tal-kawżi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55).


59 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, Ġabra p. I-3461).


60 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet attenta li tiddistingwi bejn il-konsegwenzi għall-Istat Membru u l-konsegwenzi għall-individwu billi indikat li “[għ]alkemm in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet tista’ żżomm milli jiġu applikati għal individwu privat, individwu privat ma jiġix b’daqshekk imċaħħad mill-poter li jinvoka, fit-trattattivi ma’ awtorità pubblika, id-drittijiet li dawk id-deċiżjonijiet jikkonferixxu fuqu” (punt 24). [traduzzjoni mhux uffiċjali]


61 – ĠU 1964, C 217, p. 3685 u 3686.


62 – Qabbel is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑149/96, Ġabra p. I-8395). Id-deċiżjoni kkontestata f’dik il-kawża (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/386/KE tas-26 ta’ Frar 1996 dwar il-konklużjoni ta’ Memoranda ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan u bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar arranġamenti fiż-żona għal dħul fis-suq ta’ prodotti tat-tessuti (ĠU 1996 L 153, p. 47) kienet deċiżjoni li ma kienet tindirizza lil ħadd b’mod speċifiku. Din għalhekk kienet taqa’ barra mill-kategoriji ta’ atti li kienu jeħtieġu pubblikazzjoni skond l-Artikolu 254 KE (kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 297 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk it-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ). Madanakollu din kienet miżura li evidentement kienet timmerita l-pubblikazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet evidentement korretta li tiddeċiedi li “il-pubblikazzjoni tardiva ta’ miżura Komunitarja fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ma taffettwax il-validità ta’ dik il-miżura” (punt 54).


63 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il-Kummissjoni (C‑227/92 P, Ġabra p. I-4443, punti 68, 71 u72).


64 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑398/00, Ġabra p. I-5643).


65 – Punt 33; ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, SAT.1 vs L-UASI (SAT.2) (T-323/00, Ġabra p. II-2839, punt 12), fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, fuq il-fatti, ma kien hemm ebda ksur reali.


66 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummisjoni (48/69, Ġabra p. 619, punti 39 u 40). Ara wkoll is-sentenzi maqgħuda tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni (T‑78/96 u T‑170/96, Ġabra SC p. I-A-239 u II-745, punt 183).


67 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.


68 – Fil-punt 33.


69 – Ara l-punti 32 sa 51 u 60.


70 – Ara l-punti 57 sa 59.


71 – Ara l-punti 67 sa 73. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħallietha għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex taċċerta jekk din il-kundizzjoni kienitx applikabbli f’każijiet partikolari.


72 – Ara l-punt 113 iktar ’il quddiem.


73 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1988 Van Landschoot (300/86, Ġabra p. 3443).


74 – Ara, per eżempju, is-sentenzi maqgħuda tal-10 ta’ Marzu 1992, Lomas et (C‑38/90 u C‑151/90, Ġabra p. I-1781, punt 23); u tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos (C‑228/99, Ġabra p. I-8401, punti 35 sa 38).


75 – Fil-punti 22 sa 24.


76 – Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Banca Popolare di Cremona (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2006, C‑475/03, Ġabra p. I-9373, punti 132 sa 134), jipprovdu sunt utli tas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-effett ta’ deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ miżura adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Bħala eżempju ta’ kawża ta’ annullament li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet il-validità ta’ parti minn dispożizzjoni ġdida, ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, Ġabra 2007, p. I‑8695, punti 74 u 75). Hemmhekk, l-annullament pur u sempliċi tal-inklużjoni tad-DLA fil-lista li tidher fl-Anness IIA kif emendat ikollu l-effett li jġiegħel lir-Renju Unit sabiex jagħti l-element tal-“mobbiltà” ta’ dan il-benefiċċju lil numru mhux determinat ta’ benefiċjarji fl-Unjoni Ewropea kollha, għalkemm in-natura ta’ benefiċċju non-kontributorju ta’ din il-parti tad-DLA ma tistax tiġi kkontestata u tista’ legalment tiġi inkluża fil-lista msemmija bħala benefiċċju mhux esportabbli.


77 – Dwar x’tista’ taghmel il-Kummissjoni, ara l-punti 111 sa 120 iktar ’il quddiem.


78 – Għalkemm il-kontenut tal-lista tal-oġġetti pprojbiti mhuwiex magħruf, huwa ċert li l-anness tar-Regolament Nru 622/2003 fih lista bħal din.


79 – Artikolu 220 KE (ex Artikolu 164). Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tas-16 ta’ Jannar 2008 fil-kawża Kadi vs Il-Kunsill (C‑402/05, punt 35): “[…] meta r-riskji għas-sigurtà pubblika jitqiesu li jkunu straordinarjament għoljin, il-pressjoni hija partikolarment qawwija sabiex jittieħdu miżuri li ma jagħtux każ drittijiet tal-bniedem […] f’dawk il-każijiet, il-qrati għandhom iwettqu d-dmir tagħhom li jiddefendu l-istat ta’ dritt b’viġilanza akbar”.


80 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48); Hoechst (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 69); tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (C‑245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 93); u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (C‑475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18).


81 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitati kollha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, rispettivament f’punti 49, 94 u 19); u Hoechst (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 70).


82 – Il-Kummissjoni vs BASF et, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (kollha ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, rispettivament fil-punti 50, 95 u 20); u Hoechst (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 76). Okkażjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-att ikkontestat ma kienx ineżistenti jinkludu s-sentenzi maqgħuda tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs L-Assembea Komuni (7/56 u 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 39, speċjalment p. 60); is-sentenzi maqgħuda tal-21 ta’ Frar 1974, Kortner et vs Il-Kunsill, Il-Kummissjoni u l-Parlament (15/73 sa 33/73, 52/73, 53/73, 57/73 sa 109/73, 116/73, 117/73, 123/73, 132/73 u 135/73 sa 137/73, Ġabra p. 177, punt 33); tas-26 Frar 1987, Consorzio Cooperative d'Abruzzo vs Il-Kummissjoni (15/85, Ġabra p. 1005, punti 10 u 11: “mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li lanqas tiġi kkunsidrata l-gravità tal-irregolaritajiet allegati mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi ddikjarat li ebda waħda minnhom ma hija manifesta. Ebda irregolarità ma setgħet tiġi osservata mill-qari tad-deċiżjoni”); tat-30 ta’ Ġunju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (226/87, Ġabra p. 3611, punt 16); sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 84 sa 88); tat-8 ta’ Lulju 1999, ICI vs Il-Kummissjoni (C‑200/92 P, Ġabra p. I-4399, punti 70 sa 73); tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni (C‑235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 96 sa 100); tat-30 ta’ Jannar 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑107/99, Ġabra p. I-1091, punt 45); Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, punti 18 sa 21), u s-sentenzi maqgħuda tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03 u T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, Ġabra 2007, p. II‑4331, punt 122).


83 – Ara, per eżempju, H. Von der Groeben, J. Thiesing, u C.-D. Ehlermann (eds), Kommentar zum EU-/EG-Vertrag, 6. Auflage, Band 4: Art. 189 – 314 (2004), p. 834, punt 14.


84 – Sentenzi maqgħuda tal-10 ta’ Diċembru 1957 (1/57 u 14/57, Ġabra p. 105, speċjalment p. 112).


85 – Sentenzi maqgħuda tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il-Kummissjoni (T-79/89, T‑84/89 sa T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra p. II-315).


86 – Il‑Kummissjoni vs BASF, sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80, punt 52.


87 – Jiġifieri: (a) kriterji ta’ performance u testijiet ta’ aċċettazzjoni għal tagħmir, il-proċeduri dettaljati li jkun fihom informazzjoni sensittiva, u l-kriterji dettaljati għall-eżenzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà; (b) l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1); u (ċ) ir-rapporti ta’ spezzjoni u t-tweġibiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 8(2) u (3) jipprovdi wkoll għall-kunfidenzjalità “sa fejn hu possibbli u skond il-liġi nazzjonali applikabbli” rigward informazzjoni li toħroġ minn rapporti ta’ spezzjonijiet u tweġibiet tal-Istati Membri rigward l-Istati Membri oħrajn.


88 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 87.


89 – “Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi jekk safejn u b’liema proċedura dispożizzjonijiet opportuni jistgħux jiġu addottati għat-traffiku fil-baħar u bl-ajru”.


90 – Artikolu 254(3) KE.


91 – Idem.


92 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU 1995 L 164, p. 1), emendat l-iktar reċenti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 li adatta ċerti Regolamenti u Deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment ħieles ta’ oġġetti, il-libertà tal-moviment ta’ persuni, il-liġi tal-kumpanniji, il-politika tal-kompetizzjoni, il-biedja (inkluż leġiżlazzjoni veterinarja u pijtosanitarja), il-politika tat-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u affarijiet interni, l-unjoni dogonali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà u l-istituzzjonijiet, konsegwenza tal-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2006 L 363, p. 1).


93 – Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, tiċċita awturi akkademiċi Ġermaniżi li jissuġġerixxu li deċiżjoni hija intiża għal każijiet individwali biss: ara, per eżempju, H. Von der Groeben, J. Thiesing, u C.‑D. Ehlermann (eds), Kommentar zum EU-/EG-Vertrag, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83, p. 791, punt 43. Madankollu, awturi oħra ħadu pożizzjoni kuntrarja: ara J. Bast, “On the Grammar of EU Law: Legal Instruments”, Jean Monnet Working Paper 9/03, Heidelberg, 2003, p. 65 u 66, disponibbli fis-sit tal-Internet http://www.jeanmonnetprogram.org/papers/03/030901-05.pdf. Ara wkoll R. Greaves “The Nature and Binding Effect of Decisions under Article 189 EC”, European Law Review, 1996, p. 3 sa 16, li jirrileva li deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri kollha għandhom it-tendenza li jkunu ta’ natura kważi leġiżlattiva. Eżempju ċar ta’ dan hija d-Deċiżjoni tal-Kunsill 65/271/KEE tat-13 ta’ Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU Edizzjoni Speċjali 1965, p. 67), li kienet inkwistjoni fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1970, Grad (9/70, Ġabra p. 825).


94 – Għalhekk il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Fillandja jikkontendu li regolament evidentement mhuwiex dokument skond it-tifsira tar-Regolament dwar l-aċċess għal dokumenti, filwaqt li l-Gvernijiet tal-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Isvezja, u r-Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw bl-istess qawwa li evidentement huwa dokument.


95 – Ara l-punt 49 iktar ’il fuq. Diġà ġbidt l-attezzjoni għall-kuntest iktar wiesa’ tal-Artikoli 254 u 255 KEE: ara l-punti 54 sa 60 iktar ’il fuq.


96 – Ara l-punt 58 iktar ’il fuq.


97 – Ara, per eżempju, is-sentenzi maqgħuda tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill (T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 92).


98 – Ara l-premessa 10. Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni et (C‑64/05 P, Ġabra 2007, p. I‑11389, punti 55 u 56), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’dik il-kawża (punti 27 u 28).


99 – Artikolu 3(a).


100 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 4, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05, Ġabra p. I‑1233, punt 63); u L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 98, punt 66).


101 – Għalhekk, l-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokumenti li jaqgħu fil-kategoriji hemmhekk identifikati. Wara li jistabbilixxi liema dokumenti huma “dokumenti sensittivi” (l-Artikolu 9(1)), l-Artikolu 9 ma fih ebda verb prinċipali li mhuwiex istruzzjoni mandatarja.


102 – Artikolu 1(a).


103 – Enfażi miżjuda minni.


104 – Artikolu 13(2); l-istituzzjonijiet ġew mogħtija diskrezzjoni addizzjonali sabiex jippubblikaw anki b’mod iktar wiesa’ skond l-Artikolu 13(3).


105 – Ara b’mod ġenerali l-Artikoli 6, 7, 8 u 10. L-Artikolu 12 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet “sa’ fejn possibbli” jagħmlu dokumenti aċċessibbli b’mod wiesa’ permezz ta’ aċċess dirett b’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. B’mod partikolari, id-“dokumenti legislattivi, jiġifieri, dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta' atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9, ikunu direttament aċċessibbli”.


106 – Enfażi miżjuda minni.