Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2014 minn InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-91/11, InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-231/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp. (rappreżentanti: J.-F. Bellis, avukat, R. Burton, Solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkonferma l-multa, ikkalkulata skont il-valur ta’ kunsinni intragrupp ta’ monitor bil-liquid crystal display (LCD) fl-impjanti tal-appellanti fiċ-Ċina u fit-Tajwan, imposta fuq InnoLux mid-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn hija imponiet fuq InnoLux multa kkalkolata skont il-valur ta’ kunsinni intragrupp ta’ LCD fl-impjanti tal-appellanti fiċ-Ċina u fit-Tajwan;

konsegwentement, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq InnoLux għal EUR 173 miljun; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-kunsinni intragrupp ta’ LCD fl-impjanti tal-appellanti fiċ-Ċina u fit-Tajwan jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE biss minħabba li l-monitors tal-kompjuters li fihom huma inkorporati l-LCD bħala komponenti magħmula fl-impjanti inkwistjoni jiġu kkummerċjalizzati mir-rikorrenti fiż-ŻEE.

Insostenn għal dan l-aggravju, ir-rikorrenti tinvoka l-argumenti li ġejjin:

a) Il-konstatazzjoni tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata tkopri biss il-kunsinni ta’ LCD fiż-ŻEE, kemm jekk dawn il-prodotti jiġu mibjugħin lil impriżi terzi jew ikkunsinnati fi ħdan il-grupp, u ma teżisti l-ebda distinzjoni bejn il-kunsinni intragrupp imwettqa minn parteċipanti fl-akkordju integrati vertikalment, li jiffurmaw impriża waħda flimkien max-xerrej li miegħu huma marbutin, u l-kunsinni mwettqa minn parteċipanti li ma jiffurmawx parti minn impriża waħda.

b) L-użu tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett peremzz tal-użu ta’ prodotti pproċessati” imur kontra l-prinċipju li jifforma l-bażi tas-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni, li jgħid li kunsinni intragrupp għandhom ikunu ttrattati eżattament bl-istess mod bħal bejgħ lil impriżi terzi.

c) Huwa kuntrarju għad-dottrina tal-“implementazzjoni” stabbilita fis-sentenza msejħa “wood pulp I” li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal kunsinni ta’ LCD imwettqa barra ż-ŻEE.

d) Il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett peremzz tal-użu ta’ prodotti pproċessati” jwassal għall-esklużjoni illegali mill-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-LCD li huma prattikati u jirrestrinġu l-kompetizzjoni fiż-ŻEE, abbażi ta’ raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espressament fis-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni.

e) L-applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-Unjoni, li tirriżulta mill-użu tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett peremzz tal-użu ta’ prodotti pproċessati”, tikkomporta riskju ta’ sanzjonijiet konkorrenti għall-impriżi u ta’ kunflitt ta’ kompetenza ma’ awtoritajiet ta’ kompetizzjoni oħra.

2. It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-applikabbiltà tal-kategorija hekk imsejħa tal-“bejgħ ŻEE dirett peremzz tal-użu ta’ prodotti pproċessati” għal kunsinni intragrup ta’ LCD lil kull wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kienet evalwata minn din tal-aħħar “abbażi tal-istess kriterji oġġettivi”, u billi ċaħdet fl-istess ħin bħala inammissibbli l-aggravji kollha invokati mill-appellanti sabiex tikkontesta ir-rilevanza, l-oġġettività u l-koerenza tal-kriterju użat, f’dan il-każ jekk kienux jiffurmaw impriża waħda max-xerrej marbut magħhom.

Insostenn ta’ dan l-aggravju l-appellanti invokat l-argumenti li ġejjin:

a) Il-fatt li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata integrati vertikalment, jiffurmawx jew le impriża waħda max-xerrej li miegħu huma marbuta ma hijiex “differenza oġġettiva” li tiġġustifika t-trattament differenti tal-kunsinni intragrupp rispettivi tagħhom.

b) Il-prinċipju tal-legalità ma jistax jiġi invokat sabiex jiċħad il-pretensjoni tal-appellanti sabiex il-kunsinni intragrupp ta’ LCD tagħħa jiġu ttrattati skont l-istess metodu bħal dak applikat għall-kunsinni intragrupp ta’ LCD tal-kumpanniji LG Display u AUO, peress li dan il-metodu huwa perfettament legali.