Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

(Kawża C-233/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. van Beek u C. Gheorghiu, aġenti)

Konvenuta: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, billi llimita l-aċċess għall-biljetti għat-trasport pubbliku bi prezzijiet preferenzjali għall-istudenti li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-istudenti Olandiżi li huma rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi f’istituzzjoni edukattiva privata jew pubblika u għall-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra li huma ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li kisbu dritt ta’ residenza permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 18 TFUE (moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE), kif ukoll l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE 1 , dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Filwaqt li l-istudenti Olandiżi jistgħu jibbenefikaw minn biljetti tat-trasport pubbliku għall-istudenti (l-hekk imsejħa “OV-studentenkaart”), li bih jistgħu jivvjaġġaw b’xejn jew b’rata mnaqqsa bit-trasport pubbliku fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra li la huma ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas ma għandhom dritt ta’ residenza permanenti għandhom iħallsu l-prezz sħiħ.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Olandiżi jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta abbażi taċ-ċittadinanza, peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma humiex ċittadini Olandiżi jiġu suġġetti għal trattament inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk Olandiżi. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

Barra minn hekk. qed tiġi allegata diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk hija fformulata b’mod imparzjali, titratta de facto b’mod inqas favorevoli, perċentwali ħafna iktar għoli ta’ persuni partikolari, sa fejn din id-differenza fit-trattament tista’ tkun ġġustifikata minn fatturi oġġettivi mhux relatati ma’ diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità.

Peress li, f’termini ta’ numri, fl-ambitu tal-Programm Erasmus, jaslu fil-Pajjiżi l-Baxxi iktar studenti meta mqabbla mal-istudenti Olandiżi li jagħżlu li jwettqu ċ-ċiklu sħiħ ta’ studju barra minn pajjiżhom, u peress li lil dan l-aħħar grupp ta’ studenti minflok l-“OV-studentenkaart” tingħatalu “għajnuna għat-taħriġ esportabbli”, fl-ammont ta’ EUR 89.13 fix-xahar (valur tal-2013), fl-aħħar mill-aħħar, huma biss l-istudenti barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi li ma jirċievu ebda forma ta’ assistenza jew vantaġġ fil-forma ta’ “OV-studentenkaart”. Skont il-Kummissjoni, dan jikkostitwixxi forma ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

Peress li sal-lum ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għadu ma adottax il-miżuri kollha neċessarji sabiex tintemm id-differenza fit-trattament irriżervata għall-istudenti barranin fir-rigward tal-possibbiltà li jibbenefikaw mill-biljetti għat-trasport pubbliku għall-istudenti (l-hekk imsejħa “OV-studentenkaart”), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8 TFUE (moqri flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE) kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE.

____________

1     Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEETest b’rilevanza għaż-ŻEE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)