Language of document : ECLI:EU:C:2011:100

Kawża C-236/09

Association belge des Consommateurs Test-Achats ASBL et

vs

Conseil des ministres

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet fundamentali — Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni — Trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel — Aċċess għal merkanzija u għal servizzi kif ukoll provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi — Primjums u benefiċċji tal-assigurazzjoni — Fatturi attwarjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tas-sess bħala fattur għall-evalwazzjoni tar-riskji fl-assigurazzjoni — Kuntratti privati ta’ assigurazzjoni għall-ħajja — Direttiva 2004/113/KE — Artikolu 5(2) — Deroga mhux limitata fiż-żmien — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 21 u 23 — Invalidità”

Sommarju tas-sentenza

Id-Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel — Aċċess għal merkanzija u għal servizzi kif ukoll provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi — Direttiva 2004/113 — Fatturi attwarjali

(Direttiva tal-Kunsill 2004/113, Artikolu 5(2))

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113; li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, huwa invalidu b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

Huwa paċifiku li l-għan tad-Direttiva 2004/113 fil-qasam tas-servizzi tal-assigurazzjoni hu, hekk kif jirrifletti l-Artikolu 5(1) tagħha, l-applikazzjoni tar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji unisex. Il-premessa 18 ta’ din id-direttiva tiddikjara espressament li, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, l-użu tas-sess bħala fattur attwarjali ma għandux jirriżulta f’differenzi f’primjums u f’benefiċċji għall-persuni assigurati. Il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tiddeskrivi l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li ma japplikawx ir-regola tal-primjums u benefiċċji unisex bħala “eżenzjoni [deroga]”. B’hekk, id-Direttiva 2004/113 hija bbażata fuq il-premessa li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel applikat fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjonijiet rispettivi tan-nisa u tal-irġiel fir-rigward tal-primjums u tal-benefiċċji ta’ assigurazzjonijiet ikkuntrattati minnhom huma paragunabbli.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 li jawtorizza lill-Istati Membri kkonċernati jżommu fis-seħħ mingħajr limitu fiż-żmien deroga għar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji unisex, imur kontra l-kisba tal-għan ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel li tħaddan id-Direttiva 2004/113 u huwa inkompatibbli mal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala invalida wara li jiskadi perijodu tranżitorju xieraq.

(ara l-punti 30, 32-34 u d-dispożittiv)