Language of document : ECLI:EU:C:2011:100

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Marzu 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet fundamentali – Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni – Trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel – Aċċess għal merkanzija u għal servizzi kif ukoll provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi – Primjums u benefiċċji tal-assigurazzjoni – Fatturi attwarjali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju tas-sess bħala fattur għall-evalwazzjoni tar-riskji fl-assigurazzjoni – Kuntratti privati ta’ assigurazzjoni għall-ħajja – Direttiva 2004/113/KE – Artikolu 5(2) – Deroga mhux limitata fiż-żmien – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 21 u 23 – Invalidità ”

Fil-Kawża C‑236/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Association belge des Consommateurs Test-Achats ASBL,

Yann van Vugt,

Charles Basselier

vs

Conseil des ministres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, L. Bay Larsen, P. Lindh u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Association belge des Consommateurs Test-Achats ASBL, kif ukoll għal Y. van Vugt u C. Basselier, minn F. Krenc, avukat,

–        għall-Conseil des ministres, minn P. Slegers, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn P. Slegers, avukat,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Murray, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Czubinski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn D. Beard, barrister,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Veiga, F. Florindo Gijón u I. Šulce, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU 2006 L 153M, p. 294).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa waħda, l-Association belge des Consommateurs Test-Achats ASBL kif ukoll Y. van Vugt u C. Basselier u, min-naħa l-oħra, il-Conseil des ministres (il-Kunsill tal-Ministri) tar-Renju tal-Belġju fir-rigward tal-annullament tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007, li temenda l-liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 li għandha l-għan li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, fir-rigward tas-sess fi kwistjonijiet tal-assigurazzjoni (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2007, p. 66175, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2004/113 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) KE. Il-premessi 1,4, 5, 12, 15, 18 u 19 ta’ din id-direttiva jistipulaw kif ġej:

“1)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni hija mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali u ta’ l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri, u tirrispetta d-drittijiet fondamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

4)      L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-‘Karta’) jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess u jeħtieġu li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi żgurata fl-oqsma kollha.

5)      L-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jipprovdi li l-promozzjoni ta’ tali ugwaljanza hija waħda mill-kompiti essenzjali tal-Komunità. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u tippromovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha.

[…]

12)      Sabiex id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess tiġi pprevenuta, din id-Direttiva għandha tapplika kemm għal diskriminazzjoni diretta kif ukoll għal diskriminazzjoni indiretta. Diskriminazzjoni diretta sseħħ biss meta persuna hija ttrattata inqas favorevolment, abbażi tas-sess, minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. B’hekk, per eżempju, differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fil-provvista ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa, li jirriżultaw minn differenzi fiżiċi bejn l-irġiel u n-nisa, ma jirrelatawx ma’ sitwazzjonijiet komparabbli u, għalhekk, ma jikkostitwux diskriminazzjoni.

[…]

15)      Diġa’ hemm numru ta’ strumenti legali eżistenti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f’oqsma ta’ impjieg u okkupazzjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva m’għandiex tapplika f’dan il-qasam. L-istess raġunament japplika fl-oqsma ta’ l-impjieg ta’ persuni li jaħdmu għal rashom sakemm dan ikun kopert minn strumenti legali eżistenti. Id-Direttiva għandha tapplika biss għal assikurazzjonijiet u pensjonijiet li huma privati, volontarji u separati mir-relazzjoni ta’ l-impjieg.

[…]

18)      L-użu ta’ fatturi attwarjali relatati mas-sess huwa komuni fil-provvista ta’ l-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, l-użu tas-sess bħala fattur attwarjali ma għandux jirriżulta f’differenzi f’premiums u benefiċċji ta’ individwi. Sabiex jiġi evitat aġġustament mill-ġdid tas-suq f’daqqa, l-implimentazzjoni ta’ din ir-regola għandha tapplika biss għal kuntratti ġodda konklużi wara d-data ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva.

19)      Ċerti kategoriji ta’ riskji jistgħu jvarjaw bejn is-sessi. F’xi każijiet, is-sess huwa wieħed iżda mhux neċessarjament l-uniku fattur determinanti fl-istima ta’ riskji assigurati. Għal kuntratti li jassiguraw dawk it-tip ta’ riskji, l-Istati Membri jistghu jiddeċiedu li jippermettu eżenzjonijiet [derogi] għar-regola ta’ premiums u benefiċċji unisex, sakemm jistgħu jassiguraw li data attwarjali u statistika li fuqhom huma bbażati l-kalkoli, huma affidabbli, aġġornati regolarment u disponibbli għall-pubbliku. Eżenzjonijiet huma permessi biss fejn liġi nazzjonali għadha ma applikatx diġà r-regola [ta’ primjums u ta’ benefiċċji] unisex. Ħames snin wara t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-ġustifikazzjoni għal dawn l-eżenzjonijiet, wara li jittieħed kont tad-data attwarjali u statistika l-aktar reċenti u rapport mill-Kummissjoni tliett snin wara d-data ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva.”

4        L-għan tad-Direttiva 2004/113 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, bil-ħsieb li jingħata effett fl-Istati Membri għall-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

5        L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandu jfisser li:

a)      ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess inkluż it-trattament inqas favorevoli ta’ nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità;

b)      ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Fatturi attwarjali”, jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-kuntratti ġodda kollha konklużi wara l-21 ta’ Diċembru 2007 l-iżjed tard, l-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu ta’ premiums u benifiċċji għal ħtiġiet ta’ assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati ma għandux jirriżulta f’differenzi fil-premiums u l-benefiċċji ta’ individwi.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu qabel l-21 ta’ Diċembru 2007 li jippermettu differenzi proporzjonati fi premiums u benefiċċji ta’ individwi fejn l-użu tas-sess huwa fattur determinanti fl-istima ta’ riskju bbażat fuq data attwarjali u statistika rilevanti u preċiża. L-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u jiżguraw li tiġi miġbura, pubblikata u regolarment aġġornata data preċiża, rilevanti għall-użu tas-sess bħala fattur attwarjali determinanti. Dawn l-Istati Membri għandhom jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom ħames snin wara l-21 ta’ Diċembru 2007, wara li jittieħed kont tar-rapport tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 16, u għandhom jibgħatu r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Kummissjoni.

3.      Fi kwalunkwe każ, spejjeż relatati ma’ tqala u maternità ma għandhomx jirriżultaw f’differenzi fi premiums u benfiċċji ta’ individwi.

L-Istati Membri jistgħu jiddifferixxu l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dan il-paragrafu sa l-iżjed tard sa sentejn wara l-21 ta’ Diċembru 2007. F’dak il-każ l-Istati Membri konċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih.”

7        L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Rapporti”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni disponibbli kollha li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni, sal-21 ta’ Diċembru 2009 u kull ħames snin minn hemm ’l quddiem.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport sommarju, li għandu jinkludi ħarsa lejn il-prattiċi attwali ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-Artikolu 5 dwar l-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu ta’ premiums u benefiċċji. Għandu jissottometti dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux iżjed tard mill-21 ta’ Diċembru 2009. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport tagħha bi proposti biex tiġi modifikata d-Direttiva.

2.      Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati rilevanti.”

8        Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/113, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2007 u għandhom immedjatament jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Id-dritt nazzjonali

9        L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007 jispeċifika li din tittrasponi d-Direttiva 2004/113.

10      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jinkludi d-dispożizzjoni li tissostitwixxi l-Artikolu 10 tal-liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 li għandha l-għan li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, fir-rigward tas-sess fi kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni.

11      Issa, l-Artikolu 10 l-ġdid ta’ din il-liġi jistipula kif ġej:

“(1)      B’deroga għall-Artikolu 8, distinzjoni diretta proporzjonali tista’ tkun stabbilita fuq il-bażi tas-sess għall-istabbiliment ta’ primjums u ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni, meta s-sess huwa fattur determinanti fl-evalwazzjoni tar-riskji abbażi ta’ data attwarjali u statistika relevanti u preċiża.

Din id-deroga ma hijiex applikabbli għall-kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja skont l-Artikolu 97 tal-liġi tal-25 ta’ Ġunju 1992 fuq il-kuntratt tal-assigurazzjoni mhux relatati mal-baħar.

(2)      Mill-21 ta’ Diċembru 2007, l-ispejjeż relatati mat-tqala u l-maternità taħt l-ebda ċirkustanza ma jistgħu jkomplu jirriżultaw f’differenzi fil-primjums u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni.

(3)      Il-Kumitat għall-Banek, il-Finanzi u l-Assigurazzjoni għandu jiġbor id-data attwarjali u l-istatistika msemmija fil-punt (1) u jippubblikahom sal-20 ta’ Ġunju 2008, imbagħad jippubblika aġġornamenti kull sentejn u jtellagħhom fuq is-sit elettroniku. Din id-data għandha tkun aġġornata kull sentejn.

Il-Kumitat għall-Banek, il-Finanzi u l-Assigurazzjoni għandu jkun awtorizzat li jitlob lill-istituzzjonijiet, l-impriżi u l-individwi kkonċernati biex jipprovdu d-data meħtieġa għal dan l-iskop. Huwa għandu jispeċifika x’data għandha tintbagħat, b’liema mod u f’liema forma.

(4)      Il-Kumitat għall-Banek, il-Finanzi u l-Assigurazzjoni għandu jipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea d-data li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu f’konformità ma’ dan l-artikolu sal-21 ta’ Diċembru 2009. Il-Kumitat għandu jikkomunika din id-data lill-Kummissjoni Ewropea kull meta tkun aġġornata.

(5)      Il-Kmamar Leġiżlattivi għandhom sal-1 ta’ Marzu 2011, jevalwaw l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi tad-data msemmija fis-subparagrafi (3) u (4) tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/113/KE u tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Din l-evalwazzjoni għandha ssir fuq il-bażi ta’ rapport ippreżentat lill-Kmamar leġiżlattivi minn Kumitat għall-Evalwazzjoni fi żmien sentejn.

B’digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, ir-Re għandu jistabbilixxi r-regoli l-iktar iddettaljati għall-kompożizzjoni u l-ħatra tal-Kumitat għall-Evalwazzjoni, kif ukoll il-forma u l-kontenut tar-rapport.

Il-Kumitat għandu jirrapporta b’mod partikolari dwar l-effetti ta’ dan l-artikolu fuq is-sitwazzjoni tas-suq u għandu jeżamina wkoll il-kriterji ta’ segmentazzjoni minbarra dawk relatati mas-sess.

(6)      Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi taħt sistema ta’ sigurtà soċjali supplimentari. Kuntratti bħal dawn għandhom ikunu esklużivament suġġetti għall-Artikolu 12.”

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem il-Cour constitutionnelle (Qorti Kostituzzjonali), kawża għall-annullament tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007 li tittrasponi d-Direttiva 2004/113 fid-dritt Belġjan.

13      Huma kkunsidraw li l-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007, li timplementa l-fakoltà ta’ deroga mogħtija mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, tmur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

14      Sa fejn il-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007 tagħmel użu mill-possibbiltà li ssir deroga skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, il-Cour constitutionelle, peress li kkunsidrat li l-kawża li ġiet adita biha tqajjem problema ta’ validità ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva […] 2004/113[…] huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(2) [UE], u b’mod iktar speċifiku mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni ggarantit mill-istess dispożizzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, huwa l-istess Artikolu 5(2) [ta’ din id-]Direttiva inkompattibbli wkoll mal-Artikolu 6(2) [UE] jekk l-applikazzjoni tiegħu hija limitata biss għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja?”

 Fuq id-domandi preliminari

15      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel.

16      L-Artikolu 6 UE, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha u li jissemma’ fil-premessa 1 tad-Direttiva 2004/113, kien jistipula fil-paragrafu 2 tiegħu li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Dawn id-drittijiet fundamentali huma inkorporati fil-Karta li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.

17      L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta jistipulaw li, minn naħa, kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ sess hija pprojbita u, min-naħa l-oħra, għandha tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha. Peress li l-premessa 4 tad-Direttiva 2004/113 tirreferi b’mod espress għal dawn l-artikoli, il-validità tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

18      Id-dritt għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel huwa s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattat FUE. Minn naħa, skont l-Artikolu 157(1) TFUE, kull Stat Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19(1) TFUE jipprovdi li l-Kunsill, wara l-approvazzjoni tal-Parlament, jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.

19      Filwaqt li l-Artikolu 157(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-riġiel f’qasam speċifiku, l-Artikolu 19(1) TFUE jikkostitwixxi awtorizzazzjoni lill-Kunsill li din l-istituzzjoni għandha teżerċita b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjoniijiet u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll mal-Artikolu 8 TFUE, li jistipula li, għall-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tipprova telimina n-nuqqas ta’ ugwaljanza u għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

20      Fil-kisba progressiva ta’ din l-ugwaljanza, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li, fid-dawl tal-missjoni fdata lill-Unjoni mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u mill-Artikolu 8 TFUE, għandu jiddetermina l-mument tal-intervent tiegħu filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni.

21      Madankollu, meta jiġi deċiż li jsir tali intervent, dan l-intervent għandu jaħdem, b’mod koerenti, sabiex jinkiseb l-għan mixtieq, ħaġa li ma teskludix il-possibbiltà li jiġu previsti perijodi tranżitorji jew derogi għal żmien limitat.

22      Hekk kif tikkonstata l-premessa 18 tad-Direttiva 2004/113, l-użu ta’ fatturi attwarjali relatati mas-sess kien komuni fil-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni fi żmien l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva.

23      Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jimplementa l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iktar preċiżament l-applikazzjoni tar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji unisex, b’mod gradwali b’perijodi tranżitorji xierqa.

24      Huwa f’dan is-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda, fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/113 li d-differenzi fil-primjums u fil-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu tagħhom kellhom jitneħħew sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2007.

25      B’deroga mir-regola ġenerali tal-primjums u tal-benefiċċji unisex stabbilita minn dan l-Artikolu 5(1), il-paragrafu (2) tal-istess artikolu, min-naħa tiegħu, ta lill-Istat Membri, li d-dritt nazzjonali tagħhom ma kienx japplika diġà din ir-regola fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/113, il-fakultà li jiddeċiedu qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 li jawtorizzaw differenzi proporzjonali fir-rigward tal-primjums u tal-benefiċċji għall-persuni assigurati meta s-sess ikun fattur determinanti fl-evalwazzjoni tar-riskji, abbażi ta’ data attwarjali u statistika rilevanti u preċiża.

26      Din il-fakultà, skont dan l-istess paragrafu, għandha terġa’ tiġi eżaminata ħames snin wara l-21 ta’ Diċembru 2007, fid-dawl ta’ rapport tal-Kummissjoni, iżda, fin-nuqqas, fid-Direttiva 2004/113, ta’ dispożizzjoni fuq it-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni ta’ dawn id-differenzi, l-Istati Membri li użaw l-imsemmija fakultà huma awtorizzati jippermettu lill-assiguraturi japplikaw dan it-trattament mhux ugwali mingħajr limitu ta’ żmien.

27      Il-Kunsill wera d-dubji tiegħu dwar jekk is-sitwazzjonijiet tan-nisa u l-irġiel assigurati, fil-kuntest ta’ ċerti oqsma tal-assigurazzjoni privata, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala paragunabbli, peress li, mill-perspettiva tat-teknika tal-assiguraturi, li jikklassifikaw ir-riskji abbażi ta’ statistiċi f’kategoriji, il-livelli ta’ riskju assigurat jistgħu jkunu differenti għan-nisa u għall-irġiel. Huwa jsostni li l-għażla mogħtija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 hija ntiża biss sabiex tippermetti li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux itttrattati bl-istess mod.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23).

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u l-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). F’dan il-każ, din id-distinzjoni hija stabbilita mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113.

30      Huwa paċifiku li l-għan tad-Direttiva 2004/113 fil-qasam tas-servizzi tal-assigurazzjoni hu, hekk kif jirrifletti l-Artikolu 5(1) tagħha, l-applikazzjoni tar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji unisex. Il-premessa 18 ta’ din id-direttiva tiddikjara espressament li, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, l-użu tas-sess bħala fattur attwarjali ma għandux jirriżulta f’differenzi f’primjums u f’benefiċċji għall-persuni assigurati. Il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva tiddeskrivi l-fakultà mogħtija lill-Istati Membri li ma japplikawx ir-regola tal-primjums u benefiċċji unisex bħala “eżenzjoni [deroga]”. B’hekk, id-Direttiva 2004/113 hija bbażata fuq il-premessa li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel applikat fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta, is-sitwazzjonijiet rispettivi tan-nisa u tal-irġiel fir-rigward tal-primjums u tal-benefiċċji ta’ assigurazzjonijiet ikkuntrattati minnhom huma paragunabbli.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm riskju li d-deroga għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 tiġi awtorizzata għal dejjem mid-dritt tal-Unjoni.

32      Tali dispożizzjoni, li tawtorizza lill-Istati Membri kkonċernati jżommu fis-seħħ mingħajr limitu fiż-żmien deroga għar-regola tal-primjums u tal-benefiċċji unisex, tmur kontra l-kisba tal-għan ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel li tħaddan id-Direttiva 2004/113 u hija inkompatibbli mal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta.

33      Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala invalida wara li jiskadi perijodu tranżitorju xieraq.

34      Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 huwa invalidu b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

35      Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, huwa invalidu b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.