Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-122/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u C. Zadra, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Taljana, billi naqset u tkompli tonqos milli tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi jevitaw li jeċċedu t-termini ta’ 30 jew 60 jum kalendarju għall-ħlas tad-djun kummerċjali tagħhom, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, p. 1) u, b’mod partikolari, l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-provi li jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq informazzjoni prodotta mir-Repubblika Taljana matul il-proċedura prekontenzjuża, jindikaw li t-termini tal-ħlas ta’ 30 u 60 jum, speċifikati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv, jiġu eċċeduti mhux minn korpi singoli iżda minn kategorija sħiħa ta’ awtoritajiet pubbliċi, mhux inkonnessjoni ma’ tranżazzjoni kummerċjali waħda iżda jirrappreżentaw termini medji ta’ ħlas jiġifieri inkonnessjoni ma’ kull tranżazzjoni konkluża minn dawn l-awtoritajiet u, finalment, mhux biss f’perijodu limitat ta’ żmien iżda b’mod kostanti sa minn Settembru tal-2014 sad-data li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li ġie stabbilit ksur kontinwat u sistematiku tal-Artikolu 4 tad-direttiva.

____________