Language of document : ECLI:EU:C:2008:449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Lulju 2008 (*)

“Direttiva 2004/38/KE – Drittijitet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiż terz – Ċittadini ta’ pajjiż terz li daħlu fl-Istat Membru ospitanti qabel ma saru konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni”

Fil-kawża C‑127/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-14 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-25 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

Blaise Baheten Metock,

Hanette Eugenie Ngo Ikeng,

Christian Joel Baheten,

Samuel Zion Ikeng Baheten,

Hencheal Ikogho,

Donna Ikogho,

Roland Chinedu,

Marlene Babucke Chinedu,

Henry Igboanusi,

Roksana Batkowska

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, J. Klučka, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, li l-kawża tinstema’ bi proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 23(b) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 104(b) tar-Regoli ta’ Proċedura,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Baheten Metock, H. E. Ngo Ikeng, C. J. Baheten u S. Z. Ikeng Baheten, minn M. de Blacam, SC, u J. Stanley, BL, bħala rappreżentanti ta’ V. Crowley, S. Burke u D. Langan, solicitors,

–        għal H. Ikogho u D. Ikogho, minn R. Boyle, SC, kif ukoll G. O’Halloran, BL, u A. Lowry, BL, bħala rappreżentanti ta’ S. Mulvihill, solicitor,

–        għal R. Chinedu u M. Babucke Chinedu, minn A. Collins, SC, M. Lynn, BL, u P. O’Shea, BL, bħala rappreżentanti ta’ B. Burns, solicitor,

–        għal H. Igboanusi u R. Batkowska, minn M. Forde, SC, u O. Ladenegan, BL, bħala rappreżentanti ta’ K. Tunney u W. Mudah, solicitors,

–        għall-Minister for Justice, Equality and Law Reform, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. O’Moore, SC, S. Moorhead, SC, u D. Conlan Smyth, BL,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lisandrou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u T. Fülöp, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, u r-rettifiki, ĠU 2004, L 229, p. 35, ĠU 2005, L 197, p. 34 u ĠU 2007, L 204, p. 28.

2        Din it-talba qed tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ erba’ proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju mressqa quddiem il-High Court u huma intiżi sabiex kull waħda minnhom tikseb, b’mod partikolari, digriet ta’ certiorari li jannulla d-deċiżjoni li biha l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (Ministeru tal-Ġustizzja, tal-Ugwaljanza u tar-Riforma Leġiżlattiva, iktar’il quddiem il-“Minister for Justice”) irrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li tgħix l-Irlanda.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 2004/38 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 12 KE, 18 KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE.

4        L-ewwel sal-ħames premessi u l-ħdax, l-erbatax u l-wieħed u tletin premessa ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:

“(1) Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

2)      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)      Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku […]

5)       Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza […]

[…]

(11)      Id-dritt fondamentali u personali ta’ residenza fi Stat Memrbu ieħor hu konferit direttament mit-Trattat fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u ma jiddependix fuq it-tlestija tagħhom tal-proċeduri amministrattivi.

[…]

(14) Id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ residenza jew ta’ karta [permess] ta’ residenza għandhom jiġi speċifikati b’mod komprensiv sabiex jiġu evitati prattiċi jew interpretazzjonijiet amministrattivi diverġenti li jikkostitwixxu ostaklu mhux dovut għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom.

[…]

(31)  Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li tinsab fil-Karta, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni bejn il-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva minħabba sess, razza, kulur tal-ġilda, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, sħubija f’minoranza etnika, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew preferenzi sesswali.”

5        Skont l-Artikolu 1(a) tagħha, id-Direttiva 2004/38 tirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom.”

6        Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, il-frażi “membru tal-familja” tfisser, interalia, il-konjuġi.

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]

2.      Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta [permess] ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

[…]

5.      L-Istat Membru jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

9        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

c)      – miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

         –       għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

[…]

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

[…]”

10      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Formalitajiet amministrattivi għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”, jipprovdi:

“1.      Meta l-perjodu ppjanat tar-residenza hu ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom joħorġu karta [permess] ta’ residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

2.      It-terminu perentorju li fih għandha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ħruġ tal-karta [permess] ta’ residenza m’għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien.

3.      In-nuqqas li jiġi osservat l-obbligu ta’ applikazzjoni għal karta [permess] ta’ residenza jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

11      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Ħruġ tal-karta [permess] ta’ residenza”, jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ […] Karta [permess] ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni […] mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta [permess] ta’ residenza.

2.      Biex tinħareġ il-karta [permess] ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

a)      passaport validu;

b)      dokument li juri l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ familja jew ta’ unjoni reġistrata;

c)      iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

d)      fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta’ l-Artikolu 2(2), l-evidenza dokumentata li qed jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti;

[…]”

12      L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, li jinsab fil-Kapitolu VI tagħha intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

13      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Abbuż tad-drittijiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.”

14      Skont l-Artikolu 38 tagħha, id-Direttiva 2004/38 abrogat l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, iktar’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      Fid-data tal-fatti prinċipali, id-Direttiva 2004/38 kienet ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż bir-Regolament tal-2006 dwar il-moviment liberu tal-persuni fil-Komunitajiet Ewropej [European Communities (Free Movement of Persons) (no 2) Regulations 2006], adottat fit-18 ta’ Diċembru 2006 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007 (iktar’il quddiem ir-“regolament tal-2006”).

16      L-Artikolu 3(1) u (2) tar-regolament tal-2006 jipprovdi:

“1.      Dan ir-regolament għandu japplika

a)      għaċ-ċittadini tal-Unjoni,

b)      bla ħsara għall-paragrafu 2, għall-membri rrikonoxxuti tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex huma stess ċittadini tal-Unjoni, u

c)      bla ħsara għall-paragrafu 2, għall-membri awtorizzati tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni.

2.      Dan ir-regolament għandu japplika għal membru tal-familja biss jekk dan il-membru tal-familja jgħix legalment fi Stat Membru ieħor u

a)      jekk għandu l-intenzjoni jidħol fl-Istat flimkien ma’ ċittadin tal-Unjoni li huwa membru tal-familja tiegħu, jew

b)      jekk għandu l-intenzjoni li jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni li huwa membru tal-familja tiegħu, li huwa legalment preżenti fl-Istat.”

17      Il-“membri rikonoxxuti tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-2006, jinkludu l-konjuġi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

 Il-konroversja fil-kawżi prinċipali

 Il-kawża Metock

18      B. Baheten Metock, ċittadin tal-Kamerun, wasal fl-Irlanda fit-23 ta’ Ġunju 2006 u talab ażil politiku. Din it-talba ġiet miċħuda definittivament fit-28 ta’ Frar 2007.

19      H.E. Ngo Ikeng, imwielda ċittadina tal-Kamerun, kisbet iċ-ċittadinanza Brittanika. Hija ilha tgħix u taħdem l-Irlanda mill-aħħar tas-sena 2006.

20      B. Baheten Metock u H.E. Ngo Ikeng iltaqgħu fil-Kamerun fl-1994 u ilhom f’relazzjoni minn dik id-data. Huma għandhom żewġt itfal imwielda fl-1998 u fl-2006 rispettivament. Huma żżewġu fl-Irlanda fit-12 ta’ Ottubru 2006.

21      Fis-6 ta’ Novembru 2006, B. Baheten Metock applika għal permess ta’ residenza bħala l-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li taħdem u tgħix l-Irlanda. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister for Justice tat-28 ta’ Ġunju 2007, minħabba li B. Baheten Metock ma ssodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, mitluba mill-Artikolu 3(2) tar-regolament tal-2006.

22      B. Baheten Metock, H.E. Ngo Ikeng u t-tfal tagħhom ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni.

 Il-kawża Ikogho

23      H. Ikogho, ċittadin ta’ pajjiż terz, wasal fl-Irlanda f’Novembru 2004 u talab ażil politiku. It-talba tiegħu ġiet miċħuda definittivament u l-Minister for Justice ħareġ ordni ta’ deportazzjoni fir-rigward tiegħu fil-15 ta’ Settembru 2005. Ir-rikors imressaq kontra dan l-ordni ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-High Court tad-19 ta’ Ġunju 2007.

24      D. Ikogho, li hija ċittadina tar-Renju Unit u ċittadina tal-Unjoni, ilha tgħix u taħdem l-Irlanda mill-1996.

25      H. u D. Ikogho ltaqgħu fl-Irlanda f’Diċembru 2004 u żżewġu fis-7 ta’ Ġunju 2006.

26      Fis-6 ta’ Lulju 2006, H. Ikogho applika għal permess ta’ residenza bħala l-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li tgħix u taħdem l-Irlanda. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister for Justice tat-12 ta’ Jannar 2007, minħabba li, fid-dawl tal-ordni ta’ deportazzjoni tal-15 ta’ Settembru 2005, H. Ikogho kien qed jgħix illegalment fl-Irlanda meta żżewweġ.

27      H. u D. Ikogho ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni.

 Il-kawża Chinedu

28      R. Chinedu, ta’ nazzjonalità Niġerjana, wasal fl-Irlanda f’Diċembru 2005 u talab ażil politiku. Din it-talba ġiet miċħuda definittivament fit-8 ta’ Awwissu 2006. M. Babucke Chinedu, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, tgħix l-Irlanda.

29      R. Chinedu u M. Babucke Chinedu żżewġu fl-Irlanda fit-3 ta’ Lulju 2006.

30      Permezz ta’ applikazzjoni li waslet għand il-Minister for Justice fl-1 ta’ Awwissu 2006, R. Chinedu applika għal permess ta’ residenza bħala l-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni. Din l-applikazzjoni ħiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister for Justice tas-17 ta’ April 2007, minħabba li R. Chinedu ma ssodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, mitluba mill-Artikolu 3(2) tar-regolament tal-2006.

31      R. Chinedu u M. Babucke Chinedu ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni.

 Il-kawża Igboanusi

32      H. Igboanusi, ta’ nazzjonalità Niġerjana, wasal fl-Irlanda fit-2 ta’ April 2004 u talab ażil politiku. It-talba tiegħu ġiet mċħuda fil-31 ta’ Mejju 2005 u l-Minister for Justice ħareġ ordni ta’ deportazzjoni fir-rigward tiegħu fil-15 ta’ Settembru 2005.

33      R. Batkowska, ta’ nazzjonalità Pollakka, ilha tgħix u taħdem l-Irlanda minn April 2006.

34      H. Igboanusi u R. Batkowska ltaqgħu l-Irlanda u żżewġu fl-24 ta’ Novembru 2006.

35      Fis-27 ta’ Frar 2007, H. Igboanusi applika għal permess ta’ residenza bħala l-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister for Justice tas-27 ta’ Awwissu 2007, minħabba li H. Igboanusi ma ssodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, mitluba mill-Artikolu 3(2) tar-regolament tal-2006.

36      H. Igboanusi u R. Batkowska ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni.

37      Fis-16 ta’ Novembru, H. Igboanusi ġie arrestat u detenut taħt l-ordni ta’ deportazzjoni maħruġ fir-rigward teigħu. Huwa ġie ddeportat lejn in-Niġerja f’Diċembru 2007.

 Il-proċedura fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

38      L-erba’ kawżi nstemgħu flimkien quddiem il-qorti nazzjonali.

39      Ir-rikorrenti kollha fil-kawżi prinċipali sostnew, essenzjalment, li l-Artikolu 3(2) tar-regolament tal-2006 mhuwiex konformi mad-Direttiva 2004/38.

40      Huma sostnew li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni, għandhom id-dritt, li jirriżulta minn u huwa dipendenti fuq dak taċ-ċittadin tal-Unjoni, li jiċaqilqu u jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex dak li tiegħu dawn tal-aħħar huma ċittadini, u li huwa dritt li jirriżulta biss mir-relazzjoni familjari.

41      Id-Direttiva 2004/38 tirregola b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor u tal-membri tal-familja tiegħu, b’tali mod li l-Istati Membri mhumiex awtorizzati jimponu kundizzjonijiet addizzjonali. Peress li din id-direttiva ma tipprevedix kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, hekk kif imposta mil-leġiżlazzjoni Irlandiża, din il-leġiżlazzjoni mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

42      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali sostnew ukoll li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsir membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni matul iż-żmien ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar fi Stat Membru li mhuwiex dak li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, jakkumpanja dan iċ-ċittadin, fis-sens tal-Artikoli 3(1) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38.

43      Il-Minister for Justice rrisponda, essenzjalment, li d-Direttiva 2004/38 ma tipprekludix il-kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor prevista fl-Artikolu 3(2) tar-regolament tal-2006.

44      Hemm tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità, li permezz tagħha l-Istati Membri għandhom il-kompetenza fil-qasam ta’ ammissjonijiet fi Stat Membru ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jiġu minn barra t-territorju Komunitarju, filwaqt li l-Komunità għandha l-kompetenza li tirregola l-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ġewwa l-Unjoni.

45      Għaldaqstant, id-Direttiva 2004/38 tħalli lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li jimponu fuq ċittadini ta’ pajjiż terz, li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni, kundizzjoni ta’ residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-konformità ta’ tali kundizzjoni mad-dritt Komunitarju tirriżulta mis-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607), u tad-9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, Ġabra p. I‑1).

46      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ebda wieħed minn dawn iż-żwiġijiet ma huwa żwieġ ta’ konvenjenza.

47      Peress li l-eżitu tal-kontroversja fil-kawżi prinċipali jeħtieġ interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-High Court iddeċidiet li tissospendi proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 2004/38/KE tippermetti li Stat Membru jimponi rekwiżit ġenerali li l-konjuġi mhux Komunitarji ta’ ċittadin tal-Unjoni jridu jkunu għexu legalment fi Stat Membru ieħor qabel ma jaslu fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE?

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE japplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li:

–        huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti u li jissodisfa kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a)(b) jew (ċ) tal-imsemmija direttiva, u

–        li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti maċ-ċittadin tal-Unjoni bħala l-konjuġi tiegħu,

irrispettivament mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom u tad-data u l-mod kif iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE japplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li:

–        huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti u li jissodisfa kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ); u

–        jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti fejn jgħix maċ-ċittadin tal-Unjoni bħala l-konjuġi tiegħu; u

–        daħal fl-Istat Membru ospitanti irrispettivament miċ-ċittadin tal-Unjoni, u

–        li sussegwentement iżżewweġ liċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti?”

 Fuq l-ewwel domanda

48      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk id-Direttiva 2004/38 tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa m’għandux iċ-ċittadinanza, ikun għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

49      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38 ma tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-kundizzjoni li huma jridu jkunu għexu qabel fi Stat Membru.

50      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini tal-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 tal-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom f’dan l-Istat Membru. Id-definizzjoni ta’ membri tal-familja li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ma tagħmilx distinzjoni bejn dawk li diġà għexu u dawk li ma għexux legalment fi Stat Membru ieħor.

51      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikoli 5, 6(2) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jagħtu l-benefiċċju tad-drittijiet ta’ dħul, ta’ residenza sa tliet xhur u ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jakkumpanjawh jew li jingħaqdu miegħu f’dan l-Istat Membru, mingħajr ma jirreferu għall-post jew għall-kundizzjonijiet ta’ residenza li huma kellhom qabel ma waslu fl-imsemmi Stat Membru.

52      B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċittadini ta’ pajjiż terz, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandhom ikollhom viża ta’ dħul, sakemm dawn m’għandhomx il-permess ta’ residenza validu msemmi fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva. Sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 9(1) u 10(1) tad-Direttiva 2004/38, il-permess ta’ residenza huwa dokument li jikkonstata d-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fi Stat Membru tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, il-fatt li l-imsemmi Artikolu 5(2) jipprevedi d-dħul fl-Istat Membru ospitanti ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li m’għandhomx permess ta’ residenza juri biċ-ċar li d-Direttiva 2004/38 tista’ tapplika wkoll għall-membri tal-familja li ma jgħixux diġà legalment fi Stat Membru ieħor.

53      Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38, li jelenka b’mod eżawrjenti d-dokumenti li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jistgħu jintalbu jipprovdu lill-Istat Membru ospitanti sabiex jiksbu l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, ma jipprevedix il-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti li jitlob dokumenti li jiġġustifikaw xi residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jakkumpanja jew jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li mhuwiex dak li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u li tagħtih drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, mingħajr ma tiddistingwi skont jekk l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz kienx jgħix legalment diġà fi Stat Membru ieħor.

55      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti ta’ dritt sekondarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni adottati qabel id-Direttiva 2004/38.

56      Anki qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur Komunitarju kien irrikonoxxa l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 38, u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C-459/99, Ġabra p. I-6591, punt 53; tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑157/03, Ġabra p. I‑2911, punt 26; tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 41; tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 109 u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C‑291/05, Ġabra p. I-10719, punt 44).

57      Għal dan l-għan, il-leġiżlatur Komunitarju wessa’ ħafna, fir-Regolament Nru 1612/68 u fid-direttivi dwar il-moviment liberu tal-persuni adottati qabel id-Direttiva 2004/38, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stati Membri fir-rigward ta’ ċittadini ta’ stati terzi, miżżewġin ma’ ċittadini ta’ Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 41).

58      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza Akrich, iċċitata iktar’il fuq, li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandu legalment jgħix fi Stat Membru meta jmur ġo Stat Membru ieħor li lejh iċ-ċittadin tal-Unjoni ser jemigra jew emigra. Madankollu, din il-konklużjoni għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Fil-fatt, il-benefiċċju ta’ tali drittijiet ma jistax jiddependi fuq residenza legali preċedenti ta’ tali konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq MRAX, punt 59, u tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 28).

59      L-istess interpretazzjoni għandha tiġi adottata a fortiori fir-rigward tad-Direttiva 2004/38 li emendat id-Direttiva Nru 1612/68 u abrogat id-direttivi preċedenti dwar il-moviment liberu ta’ persuni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 2004/38 għandha bħala għan li “[issaħħaħ] d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni”, b’tali mod li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jkollhom inqas drittijiet b’din id-direttiva milli b’dawk l-atti ta’ dritt sekondarju li hija temenda jew tħassar.

60      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 imsemmija hawn fuq hija konformi mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità.

61      Fil-fatt, huwa kostanti li l-Komunità tieħu mill-Artikoli 18(2) KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE – li abbażi tagħhom ġiet adottata d-Direttiva 2004/38 – il-kompetenza sabiex toħroġ il-miżuri neċessarji sabiex jinkiseb il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Ewropa.

62      F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, kieku ċ-ċittadini tal-Unjoni ma kellhomx id-dritt li jkollhom ħajja ta’ familja normali fl-Istat Membru ospitanti, l-eżerċizzju tal-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat ikun serjament ostakolat.

63      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-kompetenza li huwa għandu skont l-imsemmija artikoli tat-Trattat, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri, meta l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru.

64      Ir-rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jagħti d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jista’ jiskoraġġixxi lil dan tal-aħħar milli jiċċaqlaq jew milli jirrisjedi f’dan l-Istat Membru, anki jekk il-membri tal-familja tiegħu ma jgħixux diġà fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

65      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju għandu l-kompetenza li jirregola, kif għamel bid-Direttiva 2004/38, id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li fih dan tal-aħħar eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, inkluż meta l-membri tal-familja ma kinux diġà legalment residenti fi Stat Membru ieħor.

66      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Minister for Justice kif ukoll ta’ diversi gverninjiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li l-Istati Membri jibqgħu esklużivament kompetenti, bla ħsara għat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat, sabiex jirregolaw l-ewwel dħul fit-territorju Komunitarju tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, ma tistax tiġi aċċettata.

67      Wara kollox, jekk tiġi rrikonoxxuta lill-Istati Membri kompetenza esklużiva sabiex jagħtu jew jirrifjutaw id-dħul u r-residenza fit-territorju tagħhom liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma kinux diġà jgħixu legalment fi Stat Membru ieħor, dan ikollu bħala effett li l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li tiegħu huma mhumiex ċittadini, tvarja minn Stat Membru għal ieħor, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni fejn ċerti Stati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u oħrajn jirrifjutawhom.

68      Tali riżultat mhuwiex konformi mal-għan previst fl-Artikolu 3(1)(c) KE ta’ suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni. L-istabbiliment ta’ suq intern jimplika li l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru, li tiegħu hu m’għandux iċ-ċittadinanza, ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni għandha tiġi interpretata bħala d-dritt li wieħed jitlaq kwalunkwe Stat Membru u b’mod partikolari l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità, sabiex jistabbilixxi ruħu, bl-istess kundizzjonijiet, fi kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità.

69      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza twassal għar-riżultat kontradittorju li Stat Membru jkun obbligat, taħt id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal rijunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12), li jawtorizza d-dħul u r-residenza tal-konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgħix legalment fit-territorju tiegħu fejn il-konjuġi mhuwiex diġà residenti legalment fi Stat Membru ieħor, iżda jkun liberu li jirrifjuta d-dħul u r-residenza tal-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-istess ċirkustanzi.

70      Konsegwentement, id-Direttiva 2004/38 tagħti lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li huma membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li mhuwiex dak l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, irrispettivament mill-fatt li l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz għex jew ma għex diġà legalment fi Stat Membru ieħor.

71      Il-Minister for Justice kif ukoll diversi gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom madankollu jsostnu li, f’kuntest ikkaratterizzat minn pressjoni qawwija ta’ migrazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkontrollata l-immigrazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Komunità u dan jippreżupponi eżami individwali taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw l-ewwel dħul fit-territorju Komunitarju. Interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 li tipprojbixxi lil Stat Membru milli jeżiġi residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor tnaqqas is-setgħa tal-Istati Membri li jikkontrollaw l-immigrazzjoni fil-fruntieri esterni tagħhom.

72      Il-Minister for Justice jsostni, b’mod partikolari, li din l-interpretazzjoni għandha konsegwenzi serji għall-Istati Membri billi twassal għal żieda qawwija tan-numru ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fil-Komunità.

73      F’dan ir-rigward, ir-risposta għandha tkun, minn naħa, li mhux iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz kollha jibbenefikaw permezz tad-Direttiva 2004/38 mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ Stat Membru, iżda biss dawk li huma membri tal-familja, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

74      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2004/38 ma tipprivax l-Istati Membri minn kull setgħa ta’ kontroll fuq id-dħul fit-territorju tagħhom tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, skont it-Titolu IV tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu, meta dan ikun ġustifikat, jirrifjutaw id-dħul u r-residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Tali rifjut huwa bbażat fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni.

75      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-direttiva fil-każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza, dejjem bil-kundizzjoni li kull miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti mill-imsemmija direttiva.

76      L-istess gvernijiet isostnu wkoll li l-imsemmija interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 twassal għal diskriminazzjoni inversa mhux ġustifikata, inkwantu ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma jibbenefikawx minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza permezz tad-dritt Komunitarju għall-membri tal-familja tagħhom li huma ċittadini ta’ pajjiż terz.

77      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza kostanti li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti għall-implementazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kull waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C‑212/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

78      Għaldaqstant, id-differenza eventwali ta’ trattament bejn dawn iċ-ċittadini u dawk li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment, fir-rigward tad-dħul u tar-residenza tal-membri tal-familja tagħhom, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

79      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tistabbilixxi, fl-Artikolu 8 tagħha, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

80      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/38 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa m’għandux iċ-ċittadinanza, irid jkun għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

81      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru li tiegħu m’għandux iċ-ċittadinanza, jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u, b’dan, jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, irrispettivament mill-post u d-data taż-żwieġ, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom daħal fl-Istat Membru ospitanti.

82      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ewwel, mir-raba’ u mill-ħdax-il premessi, id-Direttiva 2004/38 tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u indiviwali li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat.

83      Barra minn hekk, hekk kif tenfasizza l-ħames premessa tad-Direttiva 2004/38, id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għandu, jekk ser jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ libertà u dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza.

84      Fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u m’għandhomx, f’kull każ, jiġu pprivati mill-effett utli tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eind, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

85      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li din id-direttiva tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini tal-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 tal-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

86      L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur u d-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur rispettivament, jeżiġu wkoll li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandhom “jakkumpanjaw” jew “jingħaqdu” ma’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza.

87      Fl-ewwel lok, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġu li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun beda diġà familja fil-mument li huwa mar fl-Istat Membru ospitanti sabiex il-membri tal-familja tiegħu, li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

88      Billi ppreveda li l-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni jistgħu jingħaqdu ma’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti, il-leġiżlatur Komunitarju, għall-kuntrarju, aċċetta l-possibbiltà li ċittadin tal-Unjoni jibda familja wara li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.

89      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2004/38, li tfittex li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li mhuwiex dak li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza. Fil-fatt, meta ċittadin tal-Unjoni jkollu familja wara li jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti, ir-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jawtorizza l-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ pajjiż terz biex jingħaqdu miegħu hemmhekk jista’ jiskoraġġih milli jkompli jgħix hemm u jinkoraġġih jitlaq minn hemm sabiex ikun jista’ jgħix ħajja familjari fi Stat Membru jew f’pajjiż terz.

90      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jibbenefikaw permezz tad-Direttiva 2004/38 mid-dritt li jingħaqdu ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, kemm jekk stabbilixxa ruħu qabel u kemm stabbilixxa ruħu wara li jkun beda familja.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fi Stat Membru qabel ma sar membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru, dan jakkumpanjax jew jingħaqadx ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

92      Huwa irrilevanti jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni daħlux fl-Istat Membru ospitanti qabel jew wara li saru membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, peress li r-rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jagħtihom dritt ta’ residenza jista’ bl-istess mod jiskoraġġixxi l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni li jgħix ġo dan l-Istat Membru.

93      Għaldaqstant, fid-dawl tan-neċessità li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux interpretati b’mod restrittiv u li ma jiġux ipprivati mill-effett utli tagħhom, il-kliem “[il-]membri tal-familja [ta’ ċittadini tal-Unjoni] li [jakkumpanjawhom]”, li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu kemm għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li daħlu ma’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll dawk li jgħixu miegħu f’dan l-Istat Membru, mingħajr, f’dan it-tieni każ, ma hemm bżonn li ssir distinzjoni abbażi ta’ jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz daħlux fl-imsemmi Stat Membru qabel jew wara ċ-ċittadin tal-Unjoni, jew abbażi ta’ jekk daħlux qabel jew wara li saru membri tal-familja tiegħu.

94      L-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li “jakkumpanjaw” jew “jingħaqdu” ma’ dan tal-aħħar biss, hija ekwivalenti għal limitazzjoni tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn dan jgħix.

95      Mill-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, dan igawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti u jista’ jirrestrinġi dan id-dritt biss taħt l-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva.

96      L-osservanza tal-imsemmi Artikolu 27 hija meħtieġa b’mod partikolari meta l-Istat Membru jixtieq jippenalizza ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz talli daħal u/jew talli għex fit-territorju tiegħu bi ksur tar-regoli nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni, qabel ma jkun sar membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

97      Mandankollu anki jekk il-kondotta personali tal-interessat ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru għandu dritt li jieħu kontrih sanzjonijiet oħrajn li ma jostakolawx il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, bħal multa, bil-kundizzjoni li dawn ikunu proporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MRAX, iċċitata iktar’il fuq, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Fit-tielet lok, la l-Artikolu 3(1) u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2004/38 ma jinkludu rekwiżiti fir-rigward tal-post fejn seħħ iż-żwieġ taċ-ċittadin tal-Unjoni u taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

99      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li tiegħu mhuwiex ċittadin, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, irrispettivament mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom kif ukoll mill-mod kif dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tielet domanda

100    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda preliminari, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa m’għandux iċ-ċittadinanza, irid ikun għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, sabiex jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru li tiegħu mhuwiex ċittadin, li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, igawdi mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, irrispettivament mill-post u d-data taż-żwieġ tagħhom kif ukoll mill-mod kif dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal fl-Istat Membru ospitanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.