Language of document : ECLI:EU:C:2008:142

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 20081(1)

Kawża C-49/07

Motosykletistiki Omospondia Ellados NPID (MOTOE)

vs

Elliniko Dimosio

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Efeteio Athinon, il-Greċja)

“Kompetizzjoni – Sport – Artikoli 82 KE u 86 KE – Kunċett ta’ impriża – Attività ekonomika – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi – Organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li, minn naħa, tipparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li bihom l-Istat jawtorizza t-tlielaq bil-muturi u min-naħa l-oħra torganizza u tinnegozja hija stess dawn it-tlielaq”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għal darba oħra kkonfrontata bil-kwistjoni tar-regoli li d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jimponi fuq is-settur tal-isport. B’mod partikolari, din il-kawża tirrigwarda r-rwol doppju li l-ELPA(2), il-klabb tal-karozzi u tat-turiżmu Elleniku, għandu fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-isport tal-muturi.

2.        Dan ir-rwol doppju jista’ jiġi deskritt skont kif ġej: minn naħa, l-ELPA huwa inkarigat li jorganizza kompetizzjonijiet ta’ sport tal-muturi fil-Greċja u għal dan il-għan ħoloq kummissjoni nazzjonali tat-tlielaq bil-muturi (ETHEAM(3)), li fdalha r-rwol ta’ organizzazzjoni u kontroll ta’ dawn it-tlielaq. Min-naħa l-oħra, huwa jipparteċipa fid-deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza t-tlielaq bil-muturi, u dan peress li fid-dritt Grieg, din l-awtorizzazzjoni mhijiex possibbli jekk ma jkunx hemm il-kunsens tal-ELPA.

3.        Il-MOTOE(4), li hija federazzjoni Griega indipendenti tal-isport tal-muturi, kellha l-okkażjoni li tesperjenza l-effetti ta’ dan ir-rwol doppju tal-ELPA. Meta, fis-sena 2000, il-MOTOE riedet torganizza serje ta’ tlielaq bil-muturi taħt ir-responsabbiltà tagħha fil-Greċja, ma ngħatatilhiex l-awtorizzazzjoni peress li ma kienx hemm il-kunsens tal-ELPA.

4.        Mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, wieħed għandu jistaqsi jekk dan ir-rwol doppju, bħalma huwa dak tal-ELPA, huwiex kumpatibbli mal-Artikolu 82 KE u mal-Artikolu 86 KE. Madankollu wieħed għandu qabel xejn jistabbilixxi jekk u safejn l-attività ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru bħalma huwa l-ELPA fil-qasam tal-isport jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

5.        Il-kuntest ġuridiku Komunitarju f’din il-kawża huwa indikat mir-regoli tal-kompetizzjoni preskritti fl-Artikoli 82 KE u 86 KE.

6.        L-Artikolu 82 KE jiddisponi:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)      l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ;

b)      il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi;

ċ)      l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv;

d)      is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

7.        L-Artikolu 86 KE jiddisponi dan li ġej:

“1.       Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi.

2.      Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’ mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

[…]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fis-sena 2000, l-Artikolu 49 tal-liġi Ellenika Nru 2696/1999 (5) (iktar’il quddiem, il-Kodiċi tat-Triq) kien jiddisponi:

“1) Ebda kompetizzjoni b’vetturi li jinġibdu b’annimali, ta’ annimali, ta’ roti, ta’ karozzzi, ta’ vetturi bi tliet roti, ta’ muturi u mopeds fuq it-toroq u spazji pubbliċi jew privati ma tista’ ssir jekk ma jkunx hemm awtorizzazzjoni għaliha minn qabel.

2) L-awtorizzazzjoni kkontemplata fil-paragrafu preċedenti tingħata:

[…]

ċ)      għall-kompetizzjonijiet kollha ta’ karozzi, ta’ vetturi bi tliet roti, ta’ muturi u ta’ mopeds mill-Ministru tal-Ordni Pubbliku jew mill-awtoritajiet awtorizzati minnu, wara li jingħata l-kunsens tal-persuna ġuridika fil-Greċja tirrappreżenta uffiċjalment lill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika (FIA), lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu (FIM) u f’dak li jikkonċerna l-kompetizzjonijiet tal-karozzi antiki, il-Federazzjoni Internazzjoni tal-Karozzi Antiki (FIVA) …”

9.        Barra minn hekk, l-Artikolu 134(8) tal-liġi Ellenika Nru 2725/1999 (6) fih, inter alia, id-dispożizzjoni segwenti:

“Il-kompetizzjonijiet ta’ vetturi bil-mutur u d-dixxiplini sportivi li jinvolvuhom (karozzi, formula, kart, ta’ żewġ roti, eċċ) jikkostitwixxu attività sportiva rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi […]”

C –    Ir-regoli tal-Federazzjoni sportiva

10.      Il-pubblikazzjoni annwali (2000) tat-tlielaq tal-muturi tal-ELPA ppubblikat mill-ETHEAM, fiha ċ-ċirkulari tal-istess ETHEAM għas-sena 2000. B’mod partikulari dawn iċ-ċirkulari huma intiżi biex jagħtu informazzjoni dwar ir-raġunijiet meħtieġa sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni għall-kompetizzjonijiet, dwar ir-regolamenti tal-istess kompetizzjonijiet, dwar id-drittijiet li jridu jitħallsu u dwar kwistjonijiet oħra ta’ natura finanzjarja. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni fiha wkoll regolament nazzjonali dwar l-isport tal-muturi, l-EAKM(7), li fih b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet segwenti:

“10.7 Kull manifestazzjoni sportiva li tinvolvi xi kompetizzjonijiet ta’ kampjonati, tazzi, jew premji tal-ETHEAM/ELPA ma tistax tiġi magħquda mal-promozzjoni kummerċjali ta’ sponsorizzazzjoni li jiġu ċċitati fit-titolu jew fis-sotto-titolu tal-kompetizzjonijiet ħlief wara li jkun hemm il-kunsens tal-ETHEAM/ELPA

[…]

60.6      Matul il-manifestazzjonijiet sportivi, jista’ jsir reklamar fuq is-sewwieqa u l-muturi. Għal dak li jirrigwarda l-elmu, jista’ jsir reklamar fuqu, fuq il-wiċċ kollu tiegħu, sakemm ma jiġux affettwati l-karatteristiċi tekniċi tiegħu. Fit-tlielaq ta’ veloċità u fit-tiġrijiet bil-muturi fil-kampanja ta’ kampjonati, tazzi u premji tal-ETHEAM/ELPA, l-organizzaturi m’għandhomx dritt li jimponu fuq is-sewwieq, fuq il-passiġġier jew fuq vettura, li dawn ikunu jistgħu jirreklamaw prodott kwalunkwe jekk ikunu kisbu permess mill-kompetitur. Meta kuntratt ta’ sponsorizzazzjoni tal-ETHEAM/ELPA jkun fis-seħħ, is-sewwieqa, il-passiġġieri jew il-muturi huma obbligati jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta’ dak il-kuntratt.

[…]

110.1. L-organizzatur għandu jieħu ħsieb, direttament jew permezz tal-awtorità ta’ sorveljanza, li l-kompetizzjoni sportiva tkun koperta b’assigurazzjonijiet li għandhom jinkludu r-responsabbiltà tiegħu, dik tal-kostrutturi, tas-sewwieqa, tal-passiġġieri …, f’każ ta’ inċidenti u danni kkaġunati lil terzi persuni matul il-kompetizzjoni u l-provi.”

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawżaprinċipali

11.      L-ELPA, il-klabb Elleniku tal-karozzi u tat-turiżmu, jirrappreżenta fil-Greċja l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu (FIM). Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, dan huwa assoċjazzjoni li ma jagħmilx profitt li b’mod partikolari jorganizza kompetizzjonijiet tal-isports bil-muturi li fl-istess kuntest jikkonkludi wkoll kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni.

12.      L-ELPA inkariga lill-kummissjoni nazzjonali tat-tlielaq bil-muturi (ETHEAM), li hija organizzazzjoni li nħolqot mill-istess ELPA, sabiex tikkontrolla t-tlielaq fuq livell nazzjonali u tieħu d-deċiżjonijiet ta’ natura sportiva għat-tlielaq bil-muturi fil-Greċja kollha.

13.      Il-MOTOE hija federazzjoni tal-isport bil-muturi indipendenti mill-ELPA u mingħajr skop ta’ lukru, fejn l-attività tagħha tinkludi l-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-muturi fil-Greċja. Il-membri tagħha jinkludu diversi klabbs reġjonali tal-muturi.

14.      Fit-13 ta’ Frar 2000, il-MOTOE talbet lill-Ministeru Grieg tal-Ordni Pubbliku biex jinħareġ permess sabiex jiġu organizzati serje ta’ kompetizzjonijiet bil-muturi. Mehmuża mat-talba kien hemm programm ta’ kompetizzjonijiet li kienu maħsubin biex isiru. Dan il-programm kien jipprovdi għal total ta’ 28 tellieqa, mis-26 ta’ Marzu 2000 sat-3 ta’ Diċembru 2000, organizzati minn diversi klabbs tal-muturi, kollha kemm huma membri tal-MOTOE. Fit-8 ta’ Frar 2000, il-programm intbagħat lill-ELPA, sabiex dan ikun jista’ tagħti l-kunsens meħtieġ sabiex jinkiseb il-permess.

15.      B’ittra tas-16 ta’ Marzu 2000 indirizzata lill-MOTOE, l-ELPA talab lill-istess MOTOE sabiex xahrejn minn qabel, jibgħatlu regolament speċifiku għal kull kompetizzjoni, sabiex ikun jista’ jikkontrolla lill-parteċipanti, ir-rotta jew il-korsa, il-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa u, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet kollha għall-andament tajjeb tat-tellieqa. Min-naħa l-oħra, huwa talab lill-klabbs li kienu qegħdin jorganizzaw sabiex jippreżentaw kopja tal-istatut tagħhom lill-ETHEAM.

16.      B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2000 indirizzata lill-Ministeru tal-Ordni Pubbliku, il-MOTOE talbet il-permess sabiex torganizza sitt kompetizzjonijiet f’dati li kienu mifruxa mid-9 ta’ Lulju sas-26 ta’ Novembru 2000, fejn ehmżet ma’ din it-talba r-regolamenti speċifiċi relattivi għall-andament tal-kompetizzjonijiet kif ukoll kopji tal-istatuti tal-klabbs li kienu qegħdin jorganizzaw. Il-Ministeru tal-Ordni Pubbliku bagħat din it-talba bl-annessi tagħha lill-ELPA, b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2000, sabiex l-istess ELPA jagħti l-kunsens tiegħu.

17.      Fis-6 ta’ Lulju 2000, l-ELPA/ETHEAM bagħat ittra lil MOTOE fejn il-kontenut kien is-segwenti:

“1. Skont il-liġi li hija fis-seħħ, l-ETHEAM tħabbar il-kampjonati, tazzi u premji tal-kompetizzjonijiet tal-motoċikliżmu, bil-permess tal-ELPA, li huwa l-uniku rappreżentant legali tal-FIM fil-Greċja.

2. Jekk operatur jew klabb li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-organizzazzjoni u l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet ikun jixtieq iħabbar tazza jew premju speċjali, huwa għandu jirrikorri għand l-ETHEAM u jipproponi t-tħabbira inkwistjoni. Wara li tevalwa l-kundizzjonijiet tat-tħabbira proposta, l-ETHEAM għandha tieħu deċiżjoni, u tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-andament tal-kompetizzjoni, dejjem skont ir-regolamenti nazzjonali u internazzjonali.

3. Tazza jew premju ma jistgħux jinvolvu ħlief kompetizzjonijiet tal-istess tip, bħal eżempju, “scramble” biss jew “enduro” biss. Manifestazzjonijiet oħra, li mhumiex inklużi fil-kampjonati, tazzi jew premji mħabbra diġà, ma jistgħux jiġu kklassfikati ħlief bħala kompetizzjonijiet ta’ ħbiberija.

4. Sabiex jingħata l-kunsens f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, anke f’kuntest ta’ tazza jew premju, kull organizzatur inkarigat minn waħda mill-manifestazzjonijiet li tifforma parti minn tazza jew premju partikolari għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-kodiċi nazzjonali tal-kompetizzjonijiet tal-motoċikliżmu u miċ-ċirkulari tal-ETHEAM. Fl-aħħar nett, għandu jinftiehem li, meta f’nofs is-sena sportiva, tintalab it-tħabbira ta’ kompetizzjonijiet addizzjonali, id-dati li jintalbu m’għandhomx jinfluwenzaw fuq il-kompetizzjonijiet li jkunu diġà pprogrammati, u dan fl-interess tas-sewwieqa u tal-organizzaturi. F’dan il-kuntest, l-ETHEAM tkun disponibbli biex tiddiskuti l-possibbiltà li tħabbar tazza jew premju, skont ir-regolamenti nazzjonali tal-kompetizzjonijiet tal-motoċikliżmu għal dik is-sena, u tibqa’ tistenna l-programm tagħkom ta’ kompetizzjonijiet għas-sena 2001, sabiex dawk il-kompetizzjonijiet jiġu inklużi wkoll fil-programm annwali. Il-programm tagħkom irid jiġi ppreżentat għand l-ETHEAM-ELPA mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2000.”

18.      Fis-26 ta’ Lulju 2000, il-MOTOE talbet lill-Ministeru tal-Ordni Pubbliku xi informazzjonijiet fir-rigward tat-talba għall-permess. Il-Ministeru tal-Ordni Pubbliku rrispondiha fis-7 ta’ Awissu 2000 b’mod li kien għad m’għandux il-kunsens tal-ELPA/ETHEAM.

19.      Għaldaqstant il-MOTOE ppreżentat rikors quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon(8) fejn hija talbet GRD 5 000 000(9) bħala danni. Hija sostniet li d-deċiżjoni impliċita – u, fil-fehma tagħha, illegali – tar-rifjut tat-talba tagħha għall-permess biex torganizza xi kompetizzjonijiet tal-muturi kien ikkaġunalha dannu morali inkwantu ppreġudikalha l-awtorità u l-kredibbiltà tagħha fil-konfront tal-membri tagħha, tas-sewwieqa tal-muturi Griegi u tal-pubbliku inġenerali. Hija żiedet li l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq kien jikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-imparzjalità tal-korpi amministrattivi kif ukoll l-Artikoli 82 KE u 86 KE. L-ELPA intervjena f’din il-kawża insostenn tas-sottomissjonijiet tal-Istat Grieg.

20.      Ir-rikors ta’ MOTOE ġie miċħud fl-ewwel istanza, minħabba li l-permess kien ġie rrifjutat minħabba raġuni tajba, invista tan-nuqqas ta’ kunsens fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni la hija antikostituzzjonali u lanqas tmur kontra d-dritt Komunitarju.

21.      MOTOE interponiet appell minn din is-sentenza quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon(10), li hija l-qorti tar-rinviju.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari

22.      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 li ġiet ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2007, id-Dioikitiko Efeteio Athinon iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikoli 82 KE u 86 KE għandhom jiġu interpretati b’mod li jinkludu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika li għandha l-istatus ta’ rappreżentant nazzjonali tal-[FIM] u li teżerċita attivitajiet ekonomiċi, kif deskritti hawn fuq billi tikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, fil-kuntest tal-manifestazzjonijiet sportivi tal-karozzi li hija torganizza?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 tal-liġi 2696/1999 huma kumpatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, fis-sens li huma jagħtu lill-persuna ġuridika fuq imsemmija l-poter li tagħti l-kunsens tagħha fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ta’ vetturi bil-mutur sabiex l-awtorità pubblika nazzjonali tkun tista’ tagħti l-permess biex tkun tista’ tiġi organizzata din il-kompetizzjoni (f’dan il-każ, il-Ministru tal-Ordni Pubbliku), mingħajr ma dan il-poter huwa suġġett għal limiti, obbligi u stħarriġ?”

23.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali l-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-MOTOE ippreżentat biss osservazzjonijiet orali.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjoni preliminari

24.      Fil-prinċipju, l-isport ma jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. Dan il-fatt huwa rikonoxxut kemm fuq livell politiku u kif ukoll fil-ġurisprudenza Komunitarja.

25.      Huwa b’hekk fuq livell politiku li l-konferenza intergovernattiva li wasslet għat-Trattat ta’ Amsterdam (1997), fid-“Dikjarazzjoni dwar l-isport”(11), stiednet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkonsultaw lill-assoċjazzjonijiet sportivi meta jkun hemm kwistjonijiet importanti li jirrigwardaw l-isport u sabiex jagħtu attenzjoni speċjali lill-karatteristiċi partikolari tal-isport tad-dilettanti. Dikjarazzjoni simili tinsab fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza (2000)(12). Is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll “White Paper dwar l-isport”, fejn hija ssemmi b’mod partikolari l-effetti tad-dritt Komunitarju fuq l-isport filwaqt li tikkonferma li l-acquis communautaire japplika wkoll f’dan il-qasam(13).

26.      Dawn id-dikjarazzjonijiet u inizjattivi jenfasizzaw li l-isport mhuwiex totalment eskluż mill-kamp ta’ attività tal-Unjoni Ewropea jew tal-Komunità Ewropea. Fil-fatt, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona(14), l-isport ser jidher b’mod espliċitu fid-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea(15).

27.      Il-Qrati Komunitarji, min-naħa tagħhom, jirrikonoxxu f’ġurisprudenza stabbilita(16), li l-isport, fi kwalunkwe każ, jaqa’ taħt id-dritt Komunitarju inkwantu huwa jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2KE(17). Għalkemm fil-bidu l-ġurisprudenza iktar kellha bħala għan l-effetti tal-libertajiet fundamentali fuq l-isport(18), illum hija qiegħda dejjem iktar titratta r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE(19). L-istess japplika għal dan il-każ, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE.

28.      Filwaqt li l-ewwel domanda tar-rinviju titratta l-applikabbiltà tal-Artikoli 82 KE u 86 KE għal istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru bħalma huwa l-ELPA, it-tieni domanda tirrigwarda r-rwol doppju li għandu l-ELPA inkwantu minn naħa, huwa jipparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li bihom l-Istat jawtorizza t-tlielaq bil-muturi u min-naħa l-oħra huwa stess jorganizza l-istess tlielaq.

B –    Applikabbiltà tal-Artikoli 82 KE u 86 KE (l-ewwel domanda)

29.      L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi stabbilit essenzjalment jekk l-attività ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE meta, barra mid-dritt esklużiv ta’ parteċipazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza t-tlielaq bil-muturi, dik l-assoċjazzjoni torganizza hija stess tlielaq ta’ dan it-tip u f’dan il-kuntest tikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, reklamar u assigurazzjoni.

30.      Id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ impriżi (20). Għadaqstant, sabiex l-Artikolu 82 KE u 86 KE japplikaw, jeħtieġ li l-assoċjazzjoni inkwistjoni tkun, qabel xejn, impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara s-sezzjoni 1 infra). Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE jeżiġi li l-assoċjazzjoni jkollha pożizzjoni dominanti u li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun jsta’ jiġi affettwat (ara s-sezzjoni 2). Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) KE, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-Istat tax lil dik l-assoċjazzjoni drittijiet speċjali jew esklużivi (ara s-sezzjoni 3 infra).

1.      Il-kunċett ta’ impriża fis-sens tad-dritt KE tal-kompetizzjoni

31.      Fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni funzjonali, fis-sens li jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha(21). Entità li ma twettaqx attività ekonomika mhijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni(22).

32.      Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ proprjetà jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (attività “qua impriża”) (23). Għalkemm l-analiżi definittiva tal-attività tal-ELPA għandha ssir mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, tista’ tipprovdiha bl-indikazzjonijiet kollha utli sabiex tiffaċilitalha din id-deċiżjoni (24).

33.      Assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA jipprovdi żewġ kategoriji ta’ provvista ta’ servizzi: minn naħa huwa jorganizza tlielaq bil-muturi fil-Greċja bl-għajnuna tal-kummissjoni li huwa ħoloq għal dan il-għan, l-ETHEAM(25). Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa jinnegozja fit-tlielaq billi jikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni jew, fi kwalunkwe każ, billi iservi ta’ intermedjarju fil-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti.

34.      Dawn iż-żewġ tipi ta’ attività – l-organizzazzjoni u l-kummerċ fit-tlielaq tal-muturi – għandhom suq it-tnejn li huma, u dan irrispettivament minn jekk l-ELPA għandhux monopolju fuq dawn is-servizzi jew jekk dawn is-servizzi jiġux ipprovduti wkoll minn entitajiet oħra, bħala eżempju l-MOTOE. B’hekk, is-servizzi pprovduti mill-ELPA fil-qasam tal-organizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi huma mitluba u mħallsa mill-parteċipanti jew mill-klabbs tagħhom. Fir-rigward tal-kummerċ fit-tlielaq bil-muturi, huma l-isponsors, dawk li jkunu jridu jirreklamaw u l-assiguraturi li jirrikorru għas-servizzi pprovduti mill-ELPA. Waqt il-proċedura orali rajna wkoll li t-tlielaq bil-muturi jista’ jsir kummerċ bihom ukoll permezz tal-bejgħ tal-biljetti għad-dħul għall-post tal-manifestazzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, bil-bejgħ tad-drittijiet ta’ xandir televiżiv.

35.      Il-Gvern Elleniku jikkontesta li l-ELPA għadu jorganizza t-tlielaq bil-muturi. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, għad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u l-leġiżlazzjoni li jaqgħu taħthom id-domandi preliminari, kif iddefiniti mill-qorti tar-rinviju(26). F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid espliċitament li l-ELPA jorganizza huwa stess tlielaq bil-muturi. Barra minn hekk, fil-proċedura orali ntwera li l-ELPA, apparentement, jgħin ċerti klabbs tal-muturi sabiex jorganizzaw it-tlielaq tagħhom u f’ċerti drabi, huwa jista’ jkollu r-rwol ta’ ko-organizzatur. Bla preġudizzju għall-konstatazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju ser tkun mitluba tagħmel fuq dan is-suġġett, dan jindika li l-ELPA qiegħed ikompli jintervjeni fl-organizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi. Fir-rigward tal-fatt li l-ELPA huwa mdaħħal fil-kummerċ tat-tlielaq tal-muturi, dan ma ġiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Dawn l-elementi kollha jikkorroboraw in-natura ekonomika tal-attività ta’ assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA, li allura għandu l-kwalità ta’ impriża.

37.      Kif ser nuru iktar’il quddiem, il-fatt li l-ELPA huwa impriża mhuwiex ikkontrastat mill-fatt li s-servizzi li huwa jipprovdi huma relatati mal-isport, li jinzerta li huwa assoċjazzjoni li ma jagħmilx profitt u li huwa jipparteċipa fil-proċedura amministrattiva għall-għoti ta’ permess għat-tlielaq bil-muturi.

–       Provvista ta’ servizzi li huma relatati mal-isport

38.      Il-fatt li l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni hija relatata mal-isport mhuwiex ta’ ostakolu sabiex l-istess prrovista tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika li taqa’ taħt ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat KE(27) Fil-fatt, bla preġudizzju għall-importanza konsiderevoli tiegħu fuq livell soċjali(28), illum l-isport għandu dimensjoni ekonomika li wieħed ma jistax jinjora. Din hija r-raġuni għaliex meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun meħtieġ li jivverifika n-natura ekonomika jew mhux ekonomika ta’ kull attività li tirrigwarda l-isport(29).

39.      Huwa b’dan il-mod li l-organizzatur ta’ manifestazzjoni sportiva jista’ jeżerċita attività ekonomika, u dan irrispettivament minn jekk il-parteċipanti jkunu jipprattikaw l-isport inkwistjoni fuq livell professjonali jew bħala dilettanti, jiġifieri bħala, jew mhux bħala, attività ekonomika. B’kuntrast mat-teżijiet tal-Gvern Elleniku, fil-fatt mhijiex l-attività tas-sewwieqa tal-muturi li hija rilevanti. Il-kwalità tal-impriża ta’ assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA għandu jiġi analizzat biss fid-dawl tal-attività li huwa stess iwettaq.

40.      Sakemm il-parteċipanti, jew fi kwalunkwe każ l-ispettaturi, għandhom iħallsu xi kontribuzzjoni fi flus, l-organizzazzjoni tal-manifestazzjonijiet sportivi tikkostitwixxi attività ekonomika. U jekk manifestazzjoni sportiva twassal sabiex jiġu konklużi kuntratt ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, din il-forma ta’ kummerċ tal-manifestazzjoni hija wkoll attività ekonomika. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-organizzatur ta’ manifestazzjoni sportiva tiġi tixbah dik ta’ produttur jew ta’ bejjiegħ tat-tagħmir jew tal-ħwejjeġ użati mill-persuni sportivi; l-istess persuni sportivi iwettqu huma wkoll attività ekonomika, u dan irrispettivament minn jekk jagħmlux dan b’mod professjonali jew bħala dilettanti.

–       Nuqqas ta’ skop ta’ profitt

41.      Il-fatt li entità bħalma huwa l-ELPA jieħu l-forma ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, ma jipprekludix it-teżi dwar l-eżistenza ta’ attività ekonomika u għaldaqstant impriża. Bis-servizzi li dawn joffru fuq is-suq, dawn l-entitajiet jistgħu ukoll jikkompetu mal-operaturi l-oħra (30), u dan irrispettivament minn jekk dawn tal-aħħar jaħdmux għal profitt jew le.

42.      Din tinsab murija partikolarment tajjeb f’din il-kawża, fejn żewġ assoċjazzjonijiet Griegi li jaħdmu bla profitt – l-ELPA u l-MOTOE – għandhom l-għan li jorganizzaw u jidħlu fil-kummerċ tat-tlielaq tal-muturi fil-Greċja. Is-suċċess ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi fuq il-kapaċità li s-servizzi li huma joffru jisbqu lil dawk offruti mill-operaturi l-oħra u li jiggarantixxu l-finanzjament tal-attività tagħhom.

43.      Ċertament huwa minnu li organizzazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża meta l-attività tagħha għandha natura esklużivament soċjalijew ta’ interess pubbliku u mhijiex eżerċitata fuq suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra(31). Fil-fatt, ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat ma japplikawx għal attività li, min-natura tagħha, mir-regoli li għalihom hija suġġetta u mill-għan tagħha, taqa’ barra mill-isfera tal-kummerċ ekonomiku(32).

44.      Madankollu, meta l-organizzazzjoni inkwistjoni tibda tikkumerċjalizza s-servizzi li hija toffri(33), hija toħroġ mill-qasam tal-attività esklużivament soċjali jew mingħajr profitt; lanqas jekk tibqa’ jkollha obbjettiv ta’ interess pubbliku – fil-każ tal-ELPA, dan kellu bħala obbjettiv il-promozzjoni tal-isport – filwaqt li ma jagħmilx profitt, dan mhuwiex biżżejjed biex jitteħdilha l-kwalità ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni(34).

45.      Il-Gvern Elleniku joġġezzjona li d-dħul tal-ELPA bilkemm ikopri l-ispejjeż, iżda dan ma jikkuntrastax mal-ipoteżi ta’ attività ekonomika. Fil-fatt, il-kwalità ta’ impriża ma tiddependix fuq id-daqs u lanqas fuq il-portata tas-suċċess ekonomiku(35).

46.      Fi ftit kliem, assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA, li tikkummerċjalizza s-servizzi tagħha fil-qasam tal-isport tal-muturi, għandha tiġi meqjusa bħala impriża minkejja li m’għandhiex skop ta’ profitt.

47.      Inċidentalment, għandu jiġi osservat li tali assoċjazzjoni m’għandha xejn inkomuni mal-organizzazzjonijiet inkarigati bil-ġestjoni tal-iskemi legali tas-sigurtà soċjali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tathomx il-kwalità ta’ impriża f’numru ta’ sentenzi minn tagħha(36). Lil hinn mill-għan soċjali u min-nuqqas ta’ skop ta’ profitt, l-attività ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, fil-fatt, kienet ikkaratterizzata minn leġiżlazzjoni tal-Istat li kienet timponi ċerti obbligi ta’ solidarjetà fejn l-organizzazzjoni inkwistjoni ma kellha ebda influwenza proprja fuq l-ammont ta’ servizzi li hija kellha tagħti u kontribuzzjonijiet li hija kellha tirċievi(37). Skont l-informazzjoni miġjuba għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ELPA ma kien suġġett għall-ebda leġiżlazzjoni simili; min-naħa l-oħra, mhemm xejn fil-proċess li jindika li l-Istat kien jillimita l-marġni ta’ azzjoni tal-ELPA biex jistabbilixxi s-servizzi li huwa joffri u l-ħlasijiet li huwa seta’ jitlob.

–       Parteċipazzjoni fid-deċiżjoni amministrattiva għall-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi

48.      Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ attività ekonomika mhijiex kontradetta bil-fatt li apparti l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tatt-tlielaq bil-muturi, l-ELPA jipparteċipa wkoll fid-deċiżjonijiet amminstrattivi skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq, li jawtorizzaw dawn it-tlielaq.

49.      Ċertament, l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE u l-entità li teżerċitahom mhijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni(38). Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ attività tal-awtorità pubblika jew ta’ attività ekonomika għandha tiġi attribwita separatament għal kull attività ta’ xi entità partikolari(39), li tkun tista’ teżerċita fl-istess ħin il-prerogattivi tal-awtorità pubblika u xi attività ekonomika wkoll.

50.      Dan huwa preċiżament il-każ tal-ELPA, li minn naħa jipparteċipa fil-proċess tad-deċiżjoni sabiex jiġu awtorizzati t-tlielaq bil-muturi u li min-naħa l-oħra jorganizza u jikkummerċjalizza huwa stess it-tlielaq ta’ dan it-tip. Anke jekk il-parteċipazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni taqa’ barra mill-eżerċizzju tal-prerogattiva tal-awtorità pubblika, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dik l-assoċjazzjoni hija wkoll impriża, inkwantu hija torganizza u tikkummerċjalizza hija stess it-tlielaq bil-muturi.

–       Konklużjoni intermedjarja

51.      B’hekk, jirriżulta li assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA għandha tiġi meqjusa bħala impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE relattivi għad-dritt tal-kompetizzjoni.

2.      Pożizzjoni dominanti u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 82 KE

52.      Apparti l-kwalità ta’ impriża, l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għal assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA tippreżupponi pożizzjoni dominanti u riskju li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat.

53.      Anke jekk mhuwiex xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja li tanalizza hija stess il-fatti tal-kawża prinċipali, madankollu, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dawk il-fatti, hija tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet utli kollha li jippermettulha li taqtal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi enfasizzat dan li ġej.

a)      Definizzjoni tas-swieq rilevanti, parti sostanzjali tas-suq komuni

54.      Il-verifika tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti titlob li l-ewwel jiġu definiti s-swieq rilevanti

55.      Fir-rigward tas-swieq tal-prodotti rilevanti, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ELPA joffri żewġ tipi ta’ servizzi fil-qasam tal-isport bil-muturi: minn naħa, bl-għajnuna tal-ETHEAM, huwa jorganizza t-tlielaq bil-muturi fil-Greċja. Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, huwa jikkummerċjalizza dawn it-tlielaq permezz ta’ kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni. Mhux bilfors hemm rabta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi u dawn lanqas huma interkambjabbli. Dan għaliex l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet sportivi jistgħu jiġu meqjusa bħala żewġ swieq ta’ prodotti distinti.

56.      Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju jkollha tistabbilixxi jekk dawn is-swieq humiex limitati għall-organizzazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi jew jinkludux manifestazzjonijiet oħra fis-settur tal-isport bil-muturi, jiġifieri kull manifestazzjoni sportiva.

57.      Fuq livell ġeografiku, għandu jiġi osservat li l-ELPA jipprovdi s-servizzi inkwistjoni fuq it-territorju Elleniku. It-territorju ta’ dan l-Istat Membru jikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti u jista’ wkoll jiġi meqjus bħala parti sostanzjali mis-suq komuni(40).

b)      Pożizzjoni dominanti

58.      Tkun teżisti pożizzjoni dominanti meta s-sitwazzjoni ta’ poter ekonomiku ta’ impriża tippermettilha li tostakola l-kompetizzjoni effettiva fuq is-suq inkwistjoni filwaqt li tipprovdilha l-possibbiltà ta’ komportamenti sostanzjalment indipendenti fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha, u finalment tal-konsumaturi(41).

59.      Jekk ikun jidher li l-ELPA j(ikko)organizza t-tlielaq tal-muturi kollha fil-Greċja jew tal-inqas il-parti l-kbira tagħhom – konstatazzjonijiet li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju – dan ifisser li wieħed għandu jikkunsidraha bħala li għandha pożizzjoni dominanti. L-istess prinċipju japplika għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn it-tlielaq.

60.      Huwa minnu li dan jippreżupponi li s-suq tal-prodott inkwistjoni huwa limitat għat-tlielaq bil-muturi, bl-esklużjoni tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet sportivi oħra(42). L-ELPA jerġa’ ikun inqas suxxettibbli li jkollu pożizzjoni dominanti iktar ma tkun kbira d-diversità fil-manifestazzjonijiet sportivi inklużi fis-suq tal-prodott rilevanti.

61.      Għall-osservazzjonijiet segwenti, jiena ser nitlaq mill-preżuppost li l-ELPA għandu pożizzjoni dominanti fuq kull wieħed miż-żewġ swieq rilevanti.

c)      Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

62.      L-Artikolu 82 KE jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti safejn “il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut”. Din il-klawżola dwar in-natura tal-effetti fuq il-kummerċ li jaqsam il-fruntieri hija intiża li tillimita l-qasam tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fil-konfront ta’ dak tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri(43).

63.      Il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jkun ikkunsidrat li huwa affettwat biss jekk, abbażi ta’ serje ta’ elementi oġġettivi ta’ fatt u ta’ dritt, ikun possibbli li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li l-komportament inkwistjoni jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhem li jista’ jiġi ostakolat it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn Stati Membri(44).

64.      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li l-komportament tal-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (45); min-naħa l-oħra effetti purament ipotetiċi jew spekulattivi mhumiex biżżejjed sabiex l-Artikolu 82 KE jsir applikabbli(46).

65.      Il-konstatazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja(47) kif ukoll, b’mod partikolari, it-tliet elementi li ġejjin.

66.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ġustament tosserva li jkun hemm internazzjonalizzazzjoni tal-isport meta jittieħed bħala settur ekonomiku. Għaldaqstant mhuwiex a priori inkonċepibbli li l-impriżi barranin ikunu jridu jippenetraw is-suq Grieg biex jorganizzaw u jikkumerċjalizzaw it-tlielaq tal-muturi hemmhekk.

67.      It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li minħabba d-dritt ta’ kodeċiżjoni fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni amministrattiva tat-tlielaq bil-muturi (Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq), assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA jista’ effettivament jopponi għall-penetrazzjoni ta’ operaturi oħra fis-suq Grieg. L-operaturi barranin jistgħu jkunu skoraġġuti mill-fatt li l-MOTOE, bħala operatur nazzjonali kompetitur, ma setgħetx torganizza t-tlielaq bil-muturi li hija kienet ippjanat għas-sena 2000, mingħajr il-kunsens tal-ELPA.

68.      It-tielet nett, fir-regolamenti interni tagħha, l-ELPA jipprovdi li r-reklamar kummerċjali fil-kuntest tat-tlielaq bil-muturi mhuwiex possibbli ħlief bil-kunsens tiegħu jew b’dak tal-ETHEAM, li huwa jawtorizza għal dan il-għan(48). Dan l-ostakolu għall-kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi jista’ jiddiswadi wkoll lill-operaturi barranin milli jippenetraw is-suq Grieg. Barra minn hekk, dan jista’ jiskoraġixxi lill-isponsers, dawk li jirreklamaw u assiguraturi barranin milli jidħlu fis-suq tal-isport tal-muturi Grieg.

69.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex eskluż kompletament li l-komportament abbużiv tal-ELPA fil-qasam tal-awtorizzazzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi ta’ operaturi oħra jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

70.      Il-Gvern Elleniku jsostni li, minħabba n-numru ridott ta’ tlielaq bil-muturi organizzati fil-Greċja li fihom ikun hemm parteċipazzjoni internazzjonali, l-effetti ta’ xi eventwali komportament antikompetittiv tal-ELPA fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun ħlief insinjifikattiv.

71.      Huwa minnu li sabiex japplika l-Artikolu 82 KE kif ukoll l-Artikolu 81 KE, il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandu jkun affettwat sew; fi kliem ieħor, l-effett fuq il-kummerċ m’għandhux ikun insinjifikattiv(49). L-analiżi tan-natura sinjifikattiva jew insinjifikattiva ma tiddependix biss minn fatturi kwantitattivi, imma wkoll kwalitattivi; ma tistax tiġi limitata għal aspett wieħed, bħalma huwa d-daqs tas-suq; min-naħa l-oħra jeħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi li, meħuda waħedhom, mhumiex neċessarjament determinanti(50).

72.      Fuq livell kwantitattiv, mhuwiex biżżejjed li wieħed iqis il-volum globali tas-suq ġeografiku u tal-prodott rilevanti. Dan il-volum jista’ ċertament ikun importanti sabiex jiġi stabbilit jekk ġietx affettwata parti sostanzjali mis-suq komuni(51). Iżda, sabiex wieħed ikun jaf jekk l-ostakolu għall-kummerċ huwiex wieħed sostanzjali, jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-volum tal-prodotti jew servizzi affettwati mill-komportament allegatament abbużiv; imbagħad dak il-volum għandu jiġi mqabbel mal-volum globali tas-suq ġeografiku u tal-prodott rilevanti(52).

73.      Għalkemm, kif jafferma l-Gvern Elleniku, in-numru ta’ tlielaq internazzjonali bil-muturi organizzati fil-Greċja huwa relattivament baxx, huwa biżżejjed li tiġi ostakolata l-organizzazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tellieqa waħda jew ta’ numru żgħir minnhom sabiex jinħassu l-effetti sostanzjali fuq is-suq ikkonċernat. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jrendi iktar diffiċli l-iżvilupp ta’ suq ikbar, b’potenzjal ogħla f’termini ta’ turnover.

74.      Fuq livell kwalitattiv, l-analiżi dwar in-natura sostanzjali tiddependi sa ċertu punt li m’għandux jiġi skartat fuq in-natura tal-komportament tal-impriża dominanti(53). L-Artikolu 82 KE japplika għall-komportamenti kollha li huma suxxettibbli li jaffettwaw il-libertà tal-kummerċ b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni(54).

75.      Il-possibbiltà ta’ abbuż min-naħa tal-ELPA mid-dritt għall-kodeċiżjoni tagħha fil-qasam tal-organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi jista’ jikkontribbwixxi sabiex jiġu iżolati s-swieq u b’hekk jiġi ppreġudikat it-twettiq tas-suq wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li, mis-sempliċi eżistenza tagħha, pożizzjoni dominanti li tkun tifrex fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru tista’ tikkontribwixxi biex tikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk tostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE(55).

76.      Konsegwentement, in-natura sostanzjali tal-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija kkorroborata minn fatturi li huma kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi.

3.      Drittijiet speċjali jew esklużivi (Artikolu 86(1) KE)

77.      In kwantu entità bħalma hija l-ELPA ċertament mhuwiex impriża pubblika, iżda assoċjazzjoni privata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) KE ma jistax jiġi kkontemplat ħlief jekk l-Istat Elleniku ta lil dik l-assoċjazzjoni xi drittijiet speċjali jew esklużivi.

78.      Dawn id-drittijiet speċjali jew esklużivi għandhom il-karatteristika li joħolqu relazzjoni partikolari bejn l-organizzazzjoni statali inkwistjoni u l-impriża ffavoreġġjata(56) li ssib ruħha pprivileġġjata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

79.      Filwaqt li adotta r-regola tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq, l-Istat Elleniku ta lill-ELPA, qua rappreżentant uffiċjali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu (FIM) fil-Greċja, id-dritt għall-kodeċiżjoni fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi u konsegwentement id-dritt li tipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika. Għaldaqstant l-ELPA huwa ffavoreġġjat meta mqabbel mal-organizzaturi kollha l-oħra possibbli ta’ tlielaq bil-muturi fil-Greċja. Huwa jibbenefika għalhekk minn dritt speċjali u, peress li huwa l-uniku li għandu dan id-dritt ta’ kodeċiżjoni, wieħed jista’ jitkellem ukoll dwar dritt esklużiv(57).

80.      Għaldaqstant, l-attività tal-ELPA ma taqax biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, imma wkoll taħt dak tal-Artikolu 86(1) KE.

4.      Konklużjoni intermedjarja

81.      Fil-qosor, jeħtieġ li jingħad dan li ġej:

Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li, apparti milli għandha dritt esklużiv ta’ kodeċiżjoni fil-qasam tal-awtorizzazzjoni amministrattiva tat-tlielaq tal-muturi, torganizza hija stess dawn it-tlielaq u, f’dan il-kuntest, tikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, hija impriża fis-sens tal-Artikoli 82 KE u 86 KE.

Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 82 KE, tivverifika jekk dik l-assoċjazzjoni għandhiex pożizzjoni dominanti u jekk l-abbuż minn dik il-pożizzjoni jistax jaffettwa b’mod sensibbli l-kummerċ bejn Stati Membri.

C –    Kumpatibbilità tar-rwol doppju tal-ELPA mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE (it-tieni domanda preliminari)

82.      Jekk kif qiegħed nipproponi jien, l-ewwel domanda tingħatalha risposta affermattiva, wieħed ikun irid janalizza wkoll it-tieni domanda. Din it-tieni domanda hija essenzjalment intiża sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 82 KE u 86 KE jeskludux leġiżlazzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq, li jagħti lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u li torganizza u tikkummerċjalizza hija stess t-tlielaq bil-muturi, id-dritt esklużiv ta’ kodeċizjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk it-tlielaq, fejn hija tista’ tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda limitu, għal ebda obbligu u għal ebda kontroll.

83.      Fis-sustanza, wieħed għandu jqis ir-rwol doppju li għandha assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA fid-dawl tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE.

1.      Ir-rekwiżiti derivanti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE flimkien

84.      L-Artikolu 86 (1) KE jiddisponi li, f’dak li jikkonċerna l-impriżi li jingħataw drittijiet speċjali jew esklużivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

85.      Il-kunċett ta’ miżura f’dan il-kuntest għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’. Hija tinkludi wkoll dispożizzjoni legali bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq(58).

86.      Flimkien mar-regola dwar il-kunsens prevista f’dik id-dispożizzjoni, l-Istat Elleniku jagħti lill-ELPA, qua rappreżentattriċi uffiċjali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu (FIM) fil-Greċja, id-dritt esklużiv li jipparteċipa fid-deċiżjoni sabiex jiġu jew ma jiġux awtorizzati t-tlielaq bil-muturi.

87.      Leġiżlazzjoni bħal din tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE meta l-impriża inkwistjoni tiġi indotta, bis-sempliċi eżerċizzju tad-dritt esklużiv li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dak id-dritt jista’ joħloq sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż(59). F’dan ir-rigward, mhuwiex meħtieġ li l-abbuż iseħħ fil-verità(60).

88.      Kif ser nuri iktar’il quddiem, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kodeċiżjoni min-naħa tal-ELPA ma jwassalx dejjem u bilfors għal abbuż mill-pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari jekk wieħed jieħu d-debita kunsiderazzjoni tar-raġunijiet oġġettivi, bħalma huma l-interessi tal-isport (ara infra (a)). Madankollu, bl-applikazzjoni konkreta tagħha, dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq tinċita l-abbuż (ara infra (b)).

a)      L-eżerċizzju tad-dritt ta’ kodeċiżjoni mhuwiex dejjem intrinsikament abbużiv.

89.      Mhemmx għalfejn jingħad li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kodeċiżjoni mogħti lill-ELPA bl-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq ma jistax jiġi kkunsidrat sistematikament u a priori bħala abbużiv. Fil-fatt, il-komportament ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti mhijiex abbużiva jekk dak ikun jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament(61). Il-fatt huwa li, f’kawża bħal din, assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA jista’ jkollu raġunijiet oġġettivi biex jirrifjuta l-kunsens tiegħu għall-awtorizzazzjoni ta’ tellieqa bil-muturi.

90.      L-eżistenza ta’ tali raġuni oġġettiva hija partikolarment ċara meta l-organizzaturi ma jkunux ħadu l-provvedimenti meħtieġa biex jiggarantixxu s-sigurtà tas-sewwieqa u tal-ispettaturi.

91.      Madankollu, lil hinn mir-rekwiżiti strettament tekniċi tas-sigurtà, il-karatteristiċi tal-isport jistgħu jipprovdu raġunijiet oġġettivi oħra sabiex jiġi rrifjutat il-kunsens(62). F’każ bħal ma huwa dan, jeħtieġ bħala eżempju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi segwenti.

92.      Minn naħa, huwa fl-interess tal-parteċipanti, imma wkoll tal-ispettaturi u tal-pubbliku inġenerali, li kull dixxiplina sportiva tkun suġġetta għal regoli ben definiti u uniformi kemm jista’ jkun possibbli u li dawn ir-regoli jiġu rrispettati biex jiġi ggarantit andament organizzat u leali tal-kompetizzjonijiet. Dan ma jikkonċernax biss ir-regoli antidoping, li perjodikament ikunu f’ħalq kulħadd, imma wkoll ir-regoli tal-logħob fil-qosor. Għalkemm ir-regoli jvarjaw bil-kbir minn organizzatur għall-ieħor, ikun iktar diffiċli għall-isportivi li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet u li jiġu mqabbla l-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni li l-interess tad-dixxiplina għall-ispettaturi u l-valur ta’ identifikazzjoni tagħha jistgħu jiġu b’hekk ippreġudikati.

93.      Din hija r-raġuni għaliex wieħed ma jistax, mill-ewwel, jikkunsidra bħala abbużiv l-fatt li entità bħalma hija l-ELPA jissuġġetta l-kunsens tiegħu għall-awtorizzazzjoni ta’ tellieqa bil-muturi għall-osservanza ta’ ċerti regoli internazzjonalment rikonoxxuti(63). Dan irid jinftiehem bla preġudizzju għall-analiżi tal-portata ta’ kull regola minn dawn fid-dawl tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni(64).

94.      Barra minn hekk, huwa fl-interess ta’ dawk li jipprattikaw l-isport, imma wkoll tal-ispettaturi u tal-pubbliku inġenerali, li d-diversi kompetizzjonijiet ta’ dixxiplina sportiva jintegraw ruħhom f’kuntest wieħed li jippermettibħala eżempju li jiġi segwit itinerarju partikolari. Fil-fatt jista’ jkun importanti li jiġi evitat li d-dati tal-kompetizzjonijiet ma jaħbtux fuq xulxin, sabiex il-persuni li jipprattikaw l-isport u l-ispettaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-ikbar numru possibbli fil-manifestazzjonijiet.

95.      Din hija r-raġuni għaliex wieħed ma jistax jikkunsidra a priori bħala abbużiv li entità bħalma hija l-ELPA jissuġġetta l-kunsens tiegħu għall-awtorizzazzjoni ta’ tellieqa bil-muturi għall-kundizzjoni li d-data tal-iżvolġiment ma jaħbatx ma’ dik ta’ tlielaq oħra ppjanati u awtorizzati diġà(65). Mhemmx għalfejn jingħad li, fil-mument li tistabbilixxi l-kalendarju annwali tat-tlielaq bil-muturi fil-Greċja, l-ELPA m’għandhux jipprivileġġja t-tlielaq li huwa j(ikko)organizza u jikkumerċjalizza fil-konfront ta’ dawk ta’ organizzaturi oħra indipendenti.

96.      L-istruttura piramidali(66) li tinsab fil-parti l-kbira tad-dixxiplini sportivi(67) tippermetti li jiġi ggarantit li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti partikolari tal-isport, bħalma hija l-uniformità tar-regoli u kalendarju wieħed tal-kompetizzjonijiet. Entità bħalma huwa l-ELPA, li huwa r-rappreżentant uffiċjali tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu (FIM) fil-Greċja, jifforma parti minn din l-istruttura piramidali. Fil-kuntest tal-poter ta’ kodeċiżjoni li huwa għandu, huwa jista’ leġittimament isostni l-interessi tal-isport u jirrifjuta, jekk ikun il-każ, il-kunsens tiegħu għall-organizzazzjoni ta’ tellieqa bil-muturi. Madankollu dan ir-rifjut ikollu natura abbużiva meta, mingħajr ma jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva favur l-interessi tal-isport, ikun hemm oppożizzjoni arbitrarja għall-promozzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-ELPA, għad-dannu ta’ operaturi oħra li jkunu jixtiequ jorganizzaw u fuq kollox jikkummerċjalizzaw it-tlielaq bil-muturi taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom.

b)      Sitwazzjoni ġuridika bħalma hija s-sitwazzjoni Griega tinċita l-abbuż

97.      Indipendentement minn kull abbuż effettiv, ikun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE meta miżura statali toħloq riskju ta’ abbuż(68). F’dan il-każ, hemm żewġ raġunijiet li jiġġustifikaw li wieħed jikkonkludi li jeżisti riskju ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti minn l-ELPA(69) fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-kodeċiżjoni skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq.

98.      L-ewwel nett, dispożizzjoni li tipprovdi l-ħtieġa ta’ kunsens, bħalma hija dik li tinsab f’din il-kawża, twassal għall-kunflitt ta’ interess(70): l-ELPA, li jorganizza u jikkummerċjalizza huwa stess it-tlielaq bil-muturi, jikseb mill-Istat Elleniku d-dritt għall-kodeċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi ta’ operaturi indipendenti oħra. B’hekk huwa għandu mhux biss il-mezzi ġuridiċi li jimpedixxi lill-operaturi l-oħra milli jippenetraw is-suq Grieg, imma għandu wkoll interess ekonomiku sabiex jillimita l-aċċess għal dak is-suq.

99.      It-tieni nett, id-dispożizzjoni li titlob il-kunsens tal-ELPA ma tissuġġettax lill-istess ELPA għall-ebda limitu, l-ebda obbligu u l-ebda kontroll fir-rigward tad-deċiżjoni li jagħti jew jirrifjuta l-kunsens favorevoli tiegħu għall-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi. Għaldaqstant huwa partikolarment faċli għalih li jirrifjuta l-kunsens tiegħu għall-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi ta’ operaturi indipendenti oħra. Kif turi din il-kawża, kien biżżejjed għall-ELPA li jibqa’ inattiv biex, fis-sena 2000, jipprova jwaqqa’ l-proġett ta’ operatur ieħor, jiġifieri l-MOTOE.

100. Jiġi mfakkar li sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni, bħalma hija dik prevista fit-Trattat KE(71), tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġi assigurat li l-operaturi ekonomiċi differenti jingħataw opportunitajiet ugwali(72). Madankollu, dan mhuwiex il-każ meta impriża bħalma huwa l-ELPA, li jorganizza u jikkummerċjalizza huwa stess it-tlielaq bil-muturi, huwa awtorizzat mill-Istat sabiex jistabbilixxi skont ix-xewqa tiegħu liema tlielaq bil-muturi jistgħu iseħħu jew ma jseħħux fil-Greċja; fil-fatt dan jagħtih vantaġġ ċar fuq il-kompetituri tiegħu, kemm f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom(73).

101. Ċertament, mill-aspett tad-dritt Komunitarju, xejn ma jeskludi li l-leġiżlatur nazzjonali, f’ċerti każijiet, jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti li jieħdu l-opinjoni ta’ persuni kkwalifikati qabel jawtorizzaw xi attività. Fuq livell ġenerali, jista’ għalhekk ikun xieraq li l-federazzjonijiet sportivi jiġu involuti fid-deċiżjonijiet dwar id-dixxiplina tagħhom. Dan huwa l-aħjar mod kif jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-isport u tad-dixxiplina inkwistjoni(74).

102. Madankollu, biex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva u tiġi ggarantita t-trasparenza, jeħtieġ li jkun hemm separazzjoni netta bejn l-entità li tipparteċipa fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi u, jekk ikun il-każ, li tissorvelja t-tlielaq minn naħa u l-impriża li torganizza u tikkummerċjalizza dawn it-tlielaq min-naħa l-oħra(75). Din is-separazzjoni ma tiġix irrispettata jekk, bħal f’dan il-każ, entità waħda bħalma huwa l-ELPA, jew l-ETHEAM imqabbda minnu, jorganizza u jikkummerċjalizza huwa stess it-tlielaq bil-muturi, inkompetizzjoni ma’ operaturi oħra indipendenti, apparti li jipparteċipa fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tat-tlielaq imsemmija u huwa inkarigat li jissorvelja s-sigurtà tal-istess.

103. Wieħed irid iqis ukoll li l-awtorizzazzjoni amministrattiva ma tkunx tista’ tiġi rrifjutata għat-tlielaq bil-muturi ħlief abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Jekk ikun il-każ, l-awtorizzazzjoni għandha tkun tista’ tinkiseb mingħajr il-kunsens ta’ entità bħalma huwa l-ELPA, meta r-rifjut tal-istess ELPA jkun arbitrarju. Barra minn hekk, f’każ ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, l-applikant għandu jibbenfika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva(76), li tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji(77).

104. Ċertament, il-Gvern Elleniku josserva f’dan ir-rigward li, b’kuntrast mal-indikazzjonijiet ipprovduti fid-digriet tar-rinviju, l-ELPA huwa obbligat li jagħti l-kunsens tiegħu meta l-awtorizzazzjoni tkun intalbet fid-debita forma u li l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu sodisfatti. Kull rifjut espliċitu jew impliċitu tal-ELPA huwa fil-fatt suġġett għall-kontroll ta’ Symvoulio tis Epikrateias(78).

105. Madankollu mhuwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni f’din id-diskussjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u l-leġiżlazzjoni li jaqgħu taħthom id-domandi preliminari, kif iddefiniti mid-deċiżjoni tar-rinviju(79). L-imsemmija deċiżjoni titlaq mill-preżuppost li, sabiex jagħti jew jirrifjuta l-kunsens tiegħu, l-ELPA mhuwiex suġġett għal ebda limitu, għal ebda obbligu u għal ebda kontroll.

106. Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, inkwantu dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq tinċita l-abbuż, tali dispożizzjoni mhijiex kumpatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE flimkien.

2.      L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(2) KE.

107. Fl-aħħar nett, jibqa’ sabiex jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq tistax tibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 86(2) KE. Skont din id-dispożizzjoni, ir-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari r-regoli tal-kompetizzjoni, ma japplikawx ħlief taħt ċerti limiti għall-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali(80); fil-fatt, tali impriżi mhumiex suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni ħlief safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom.

108. Rigward l-attività ta’ assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA, jeħtieġ f’dan ir-rigward li ssir distinzjoni bejn żewġ oqsma: l-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi minn naħa u l-parteċipazzjoni fil-proċess amministrattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jwasslu sabiex jiġu awtorizzati dawn it-tlielaq, skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tat-Triq, min-naħa l-oħra.

109. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi minn assoċjazzjoni bħalma hija l-ELPA, mhuwiex rikjest li f’dan il-każ, bħalma l-importanza tal-isport fuq livell soċjali tħajjarna biex nemmnu, wieħed jistaqsi dwar jekk din tirrigwardax servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE. Fi kwalunkwe każ, xejn ma jindika li l-Istat Elleniku kien adotta att ta’ awtorità pubblika biex “jinkariga” lill-ELPA bl-organizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-manifestazzjonijiet sportivi(81). Lanqas ma jingħad kif it-twettiq ta’ tali inkarigu jeżiġi li l-ELPA jingħata il-prerogattiva bħalma hija prevista fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq, li jippermettilu li jeskludi operaturi oħra mis-suq(82). Madankollu għandha tiġi kkonstatata n-natura sproporzjonata tal-organizzazzjoni konkreta ta’ dik il-prerogattiva(83), inkwantu tippermetti lill-ELPA li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għat-tlielaq bil-muturi ta’ operaturi oħra mingħajr ma ikun suġġett għal ebda limitu, għal ebda obbligu u għal ebda kontroll.

110. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kollaborazzjoni tal-ELPA fil-proċedura amministrattiva tal-awtorizzazzjoni tat-tlielaq bil-muturi, din ma tikkostitwixxix a fortiori servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-poter pubbliku. L-Artikolu 86 (2) KE ma japplikax għal din l-attività, peress li waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tiegħu hija li jkun jirrigwarda servizz, jiġifieri attività ekonomika mwettqa fil-kwalità ta’ impriża(84).

111. Għaldaqstant, l-Artikolu 86(2) KE ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika regola bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq.

3.      Konklużjoni intermedjarja

112. Fil-qosor, jiena nista’ nikkonkludi li:

L-Artikoli 82 KE u 86 KE jeskludu leġiżlazzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq li, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li torganizza u tikkummerċjalizza hija stess tlielaq bil-muturi, tagħtiha d-dritt esklużiv ta’ kodeċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk it-tlielaq, li għalihom hija tista’ tirrifjuta l-kunsens tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda limitu, għal ebda obbligu u għal ebda kontroll.

VI – Konklużjoni

113. Għal dawn il-motivi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mid-Dioikitiko Efeteio Athinon bil-mod kif ġej:

1)      Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li, apparti milli għandha dritt esklużiv ta’ kodeċiżjoni fil-qasam tal-awtorizzazzjoni amministrattiva tat-tlielaq bil-muturi, torganizza hija stess dawn it-tlielaq u, f’dan il-kuntest, tikkonkludi kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni, ta’ reklamar u ta’ assigurazzjoni, hija impriża fis-sens tal-Artikoli 82 KE u 86 KE.

Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 82 KE, tivverifika jekk dik l-assoċjazzjoni għandhiex pożizzjoni dominanti u jekk l-abbuż minn dik il-pożizzjoni jistax jaffettwa b’mod sensibbli l-kummerċ bejn Stati Membri.

2)      L-Artikoli 82 KE u 86 KE jeskludu leġiżlazzjoni bħalma hija l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Elleniku tat-Triq li, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li torganizza u tikkummerċjalizza hija stess tlielaq bil-muturi, tagħtiha d-dritt esklużiv ta’ kodeċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk it-tlielaq, li għalihom hija tista’ tirrifjuta l-kunsens tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda limitu, għal ebda obbligu u għal ebda kontroll.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Elliniki Leschi Aftokinitou kai Periigiseon.


3 – Ethniki Epitropi Agonon Motosikletas.


4 – Motosykletistiki Omospondia Ellados.


5 – FEK A’ 57.


6 – FEK A’ 121.


7 – Ethnikos Athlitikos Kanonismos Motosikletas


8 – Il-Qorti Amministrattiva ta’ Ateni.


9 – Skont ir-rata ta’ konverżjoni irrevokabbli ta’ EUR 1 ekwivalenti għal GRD 340 750, dan jikkorrispondi għal EUR 14 673.51.


10 – Il-Qorti ta’ Appell Amministrattiv ta’ Ateni.


11 – Dikjarazzjoni Nru 29 annessa mal-att finali tal-Konferenza intergovernattiva relattiva għat-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 (ĠU C 340, p. 136).


12 – “Dikjarazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-isport u l-funzjonijiet soċjali tiegħu fl-Ewropa li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-implementazzjoni tal-politika komuni”, Kunsill Ewropew ta’ Nizza (7, 8 u 9 ta’ Diċembru 2000), konklużjonijiet tal-Presidenza (punt 52 u Anness IV, ara b’mod partikolari l-punti 1, 7 u 17 tad-dikjarazzjoni li tinsab f’dak l-anness).


13 – COM (2007) 391 finali, ara b’mod partikolari l-introduzzjoni (paġna 2) u l-punt 4.1 (paġna 14 et seq); din il-White Paper kellha magħha l-“Commission Staff Working Document – The EU and Sport: Background and Context” tal-11 ta’ Lulju 2007, SEC (2007) 935, fil-punt 3.4 u fis-sezzjoni 4 li għaliha rreferejt. Il-White Paper u l-working document jistgħu jiġu kkonsultati fl-indirizz http://ec.europa.eu/sport/index_en.html (li għalih aċċedejt l-aħħar fl-10 ta’ Jannar 2008).


14 – It-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, iffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, C 306, p. 1).


15 – B’mod partikolari ara l-Artikolu 6(e) u l-Artikolu 165 tat-Trattat futur fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fin-numerazzjoni ġdida tiegħu; dispożizzjonijiet simili kienu diġà jinsabu fl-Artikolu I-17(e) u fl-Artikolu III-282 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa, iffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU C 310, p. 1).


16 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina (C-519/04 P, Ġabra p. I-6991, punt 22, flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


17 – Din il-ġurisprudenza xejn ma tilfet mill-attwalità tagħha għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali klassiċi tat-Trattat KE jew – bħal f’dan il-każ – għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tiegħu. Madankollu, fuq livell ġenerali ħafna, wieħed għandu jifhem li din tirreferi għaż-żmien meta l-Komunità kienet essenzjalment ekonomika. Bl-implementazzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u ta’ numru kbir ta’ politiki ġodda, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ, it-Trattat KE illum ikopri wkoll aspetti tal-isport li mhumiex ekonomiċi. L-aħħar dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju għall-isport, anke fl-aspetti li mhumiex ekonomiċi tiegħu, tneħħew mhux iktar tard mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fatt dan li jikkorrobora r-referenza li hemm fit-Titolu XII “Edukazzjoni, taħriġ professjonali, żgħażagħ u sport” Trattat futur fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


18 – Fir-rigward tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. 1405), tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, Ġabra p. 1333), tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921), tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96 u C-191/97, Ġabra, p. I-2549), u tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C-176/96, Ġabra p. I-2681); għal dispożizzjonijiet simili fi ftehim ta’ assoċjazzjoni, ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C-438/00, Ġabra p. I-4135), u tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C-265/03, Ġabra p. I-2579).


19 – Ara s-sentenza Meca-Medina, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni (T-193/02, Ġabra p. II-209, ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il-Kummissjoni, C-171/05 P, Ġabra, p. I-37). Il-problema kienet diġà ġiet ittrattata minn diversi avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Lenz tal-20 ta’ Settembru 1995 fil-kawża Bosman (punti 253 sa 286), tal-avukat ġenerali Cosmas tat-18 ta’ Marzu 1999 fil-kawża Deliège (punti 103 sa 114) u tal-avukat ġenerali Alber tat-22 ta’ Ġunju 1999 fil-kawża Lehtonen u Castors Braine (punti 101 sa 114), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


20 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Ente Tabacchi Italiani et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38).


21 – Għal sentenzi oħra, ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21), tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46), tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 107), tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 28), u Ente Tabacchi Italiani et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 38).


22 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 112).


23 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36), tat-12 ta’ Diċembru 2000, Pavlov et (C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 75), tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 19), Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 108) u Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 29).


24 – Fl-istess sens ara s-sentenza Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 30).


25 – Bħalma l-ELPA ħoloq lill-ETHEAM preċiżament għal dan il-għan, l-attività tal-istess ETHEAM għandu jiġi addebitat lilu (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 110 et seq).


26 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42), tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s (C-28/04, Ġabra p. I-5781, punt 14), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 21).


27 – Ara l-punti 24 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Sentenzi Bosman (punt 106), Deliège (punt 41) u Lehtonen u Castors Braine (punt 32), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18; ara wkoll il-White Paper dwar l-isport (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13), fejn it-tieni sezzjoni tagħha hija ddedikata għar-rwol tal-isport fis-soċjetà.


29 – Il-ħtieġa li kull attività tiġi analizzata separatament hija murija partikolarment fis-sentenza Meca-Medina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 28 sa 31).


30 – Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et (C-244/94, Ġabra p. I-4013, punti 17 u 18), tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C-67/96, Ġabra p. I-5751, punti 84 sa 87), u Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 123).


31 – Sentenza Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 120 u 121).


32 – Sentenza Wouters (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 57).


33 – Fir-rigward tal-kunċett tal-kummerċjalizzazzjoni ara l-punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Fir-rigward tal-għan soċjali, ara s-sentenzi Pavlov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 118), tat-22 ta’ Jannar 2002, Cisal (C-218/00, Ġabra 2002 p. I-691, punt 37), u Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 124); fl-istess sens ara s-sentenza Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 34); fir-rigward tan-nuqqas ta’ skop ta’ profitt, ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra 1980 p. 3125, punt 88), Fédération française des sociétés d’assurance et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 21), Albany (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 85), Pavlov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 117), Cassa di Risparmio di Firenze (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 123) u tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/06, Ġabra p. I-168, punt 37).


35 – Konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Lenz fil-kawża Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 255).


36 – Sentenza tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C-159/91 u C-160/91, Ġabra p. I-637), Cisal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34), u AOK Bundesverband (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).


37 – Sentenzi Poucet u Pistre (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 18 u 19), Cisal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 45) u AOK Bundesverband (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, b’mod partikolari l-punti 47 u 49).


38 – Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C-364/92, Ġabra p. I-43, punti 30 u 31), tat-18 ta’ Marzu 1997, Calì (C-343/95, Ġabra p. I-1547, punti 22 u 23), u Wouters (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 57).


39 – F’dan is-sens ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (118/85, Ġabra p. 2599, punt 7), Calì (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 16 u 18), u tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punti 74 u 75, it-tieni sentenza); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Ottubru 2004 fil-kawża Viacom Outdoor (C-134/03, Ġabra 2005, p. I-1167, punt 72).


40 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 31); fl-istess sens ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et (C-203/96, Ġabra p. I-4075, punt 60), u tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 79), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni (T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 99). Anke parti żgħira mit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi parti sostanzjali mis-suq komuni; ara s-sentenza Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38).


41 – Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni (27/76, Ġabra p. 207, punt 65), tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 38), tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 30), u tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punt 34).


42 – Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet


43 – Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429), tas-6 ta’ Marzu 1974, Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 31), u Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 47).


44 – Sentenza Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 48), kif ukoll – għall-Artikolu 81 KE – sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, Ġabra p. 3775, punt 18), tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C-295/04, Ġabra p. I-6619, punt 42), tat-23. ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 34), u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 90).


45 – Sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 104), Höfner u Elser (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 32) u tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre (C-55/96, Ġabra p. I-7119, punt 36).


46 – Komunikazzjoni tal-Kumissjoni — “Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat” (ĠU 2004, C 101, p. 81; iktar ’il quddiem, il-Linji gwida tal-Kummissjoni), punt 43


47 – Ara bħala eżempju s-sentenzi Manfredi (punti 47 u 48) u Asnef-Equifax (punti 39 u 40), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44.


48 – Punt 10.7 tar-regolament nazzjonali sportiv tal-motoċikliżmu, EAKM (punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


49 – Sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et (C-215/96 u C-216/96, Ġabra p. I-135, punt 60), Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 48), kif ukoll – għall-Artikolu 81 KE – is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import (22/71, Ġabra p. 949, punt 16), tat-28 ta’ April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 16), Manfredi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 42), Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 34) u Dalmine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 90).


50 – Sentenzi Bagnasco (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 47), Manfredi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 43) u Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 35).


51 – Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 371), tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C-179/90, Ġabra p. I-5889, punt 15, it-tieni sentenza), u tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C-163/96, Ġabra p. I-533, punt 26, it-tieni sentenza).


Madankollu, anke biex jiġi vverifikat jekk hijiex kwistjoni ta’ parti sostanzjali tas-suq komuni, il-volum globali fl-ebda każ mhuwa l-uniku kriterji determinanti. Kif diġà rajna, l-estensjoni ġeografika tas-swieq ikkonċernati, li hija dik tat-territorju ta’ Stat Membru, hija biżżejjed f’dan il-każ sabiex wieħed jikkonkludi li kienet tirrigwarda parti sostanzjali tas-suq komuni (ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


52 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Javico (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 26). Ara wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni fejn il-punt 52 – dwar l-Artikolu 81 KE – irendi s-sehem mis-suq u t-turnover annwali tal-impriżi kontraenti fil-ftehim bħala l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit jekk suq jew prodott huwiex affettwat minn dak il-ftehim.


53 – Fuq dan is-suġġett ara wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni, punt 45.


54 – Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni (22/78, Ġabra p. 1869, punt 17), Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 47 u 49), Manfredi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 41), Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 33) u Dalmine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 89 u 91); fl-istess sens ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson (30/87, Ġabra p. 2479, punt 24), u tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel (247/86, Ġabra p. 5987, punt 11).


55 – Fl-istess sens, għalkemm fir-rigward ta’ ftehim li jifrex fuq it-territorju ta’ Stat Membru kollu, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni (8/72, Ġabra p. 977, punt 29), Manfredi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 45) u Asnef-Equifax (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 37); f’sens simili ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla (C-94/04, Ġabra p. I-11421, punt 45).


56 – Sentenza tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, “Terminali ta’ telekomunikazzjoni” (C-202/88, Ġabra p. I-1223, punt 24).


57 – Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni, iktar ’il quddiem jiena ser nuża biss il-kunċett ta’ dritt esklużiv.


58 – F’dan is-sens, ara b’mod partikolari s-sentenza Job Centre (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 29).


59 – Sentenzi Höfner u Elser (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 29), ERT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 37), Merci convenzionali porto di Genova (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 17), tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d'insémination de la Crespelle (C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 18), Raso et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 27 u 28), Albany (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 30 ta’ qiegħ il-paġna, punt 93), Pavlov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 127), Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 39) u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 60); f’sens simili ara s-sentenza Connect Austria (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 80).


60 – Sentenzi Job Centre (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 36) u Raso et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 31).


61 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punti 84 u 85); fl-istess sens – għall-Artikolu 81 KE – ara s-sentenza Wouters (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 97).


62 – Fir-rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-isport fl-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju, ara ż-żewġ dikjarazzjonijiet u l-White Paper dwar l-isport, iċċitati iktar ’il fuq fin-noti 11 sa 13 ta’ qiegħ il-paġna.


63 – Ara wkoll il-punti 2 sa 4 tal-ittra indirizzata mill-ELPA/ETHEAM lil MOTOE, iċċitata fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet


64 – Sentenza Meca-Medina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 28 u 31 kif ukoll 42 sa 55).


65 – Fuq dan is-suġġett ara wkoll il-punt 4 tal-ittra indirizzata mill-EPA/ETHEAM lil MOTOE, iċċitata fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66 – Ara l-White Paper dwar l-isport (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 4.1).


67 – Struttura piramidali ma tfissirx bilfors li mhemmx ħlief federazzjoni waħda. Fil-fatt jeżistu diversi federazzjonijiet internazzjonali fid-dinja tal-boksing.


68 – Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59.


69 – Fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti ta’ ELPA, ara l-punti 59 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Raso et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punt 28).


71 – Apparti kif tinsab espressament imsemmija fl-Artikolu 3(1)(g) tat-Trattat KE, l-idea tal-kompetizzjoni mhux distorta hija wkoll fil-bażi tar-regoli tal-kompetizzjoni preskritti fl-Artikoli 81 KE sa 89 KE.


72 – Sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (“Terminali ta’ telekomunikazzjoni”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 51), u tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM (C-18/88, Ġabra p. I-5941, punt 25); fl-istess sens ara s-sentenzi ERT (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 37) u Raso et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 29 sa 31).


73 – Fl-istess sens, ara s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (“Terminali ta’ telekomunikazzjoni”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 51) u GB-Inno-BM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72, punt 25).


74 – Fuq dan is-suġġett ara l-punti 90 sa 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (“Terminali ta’ telekomunikazzjoni”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 52) u GB-Inno-BM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72, punt 26).


76 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Albany (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 117 u 121); fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ara wkoll is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punti 14 u 15), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punti 37 u 38). Madankollu, id-dritt Komunitarju ma jitlobx protezzjoni ġuridika individwali kontra s-sempliċi atti preparatorji ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, bħala eżempju kontra l-għoti jew ir-rifjut ta’ kunsens minn assoċjazzjoni bħalma huwa l-ELPA (f’dan is-sens ara s-sentenza Heylens, punt 16).


77 – Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 21), tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples (C-226/99, Ġabra p. I-277, punt 19), u Unibet (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 67).


78 – Il-Kunsill tal-Istat Grieg.


79 – Fuq dan is-suġġett ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


80 – Il-monopolji fiskali, li jinsabu ċċitati wkoll fl-Artikolu 86(2) KE ma jidħlux f’kawża bħal ma hija din.


81 – Fuq dan is-suġġett is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, “BRT II” (127/73, Ġabra p. 313, punt 20), tal-11 ta’ April 1989, Ahmed Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, Ġabra p. 803, punt 55), u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 65).


82 – Fir-rigward tal-kriterju tan-natura meħtieġa tal-prerogattiva, ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C-320/91, Ġabra p. I-2533, punti 13 u 14), tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-157/94, Ġabra p. I-5699, punt 53), tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus (C-209/98, Ġabra p. I-3743, punt 77), u Ambulanz Glöckner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 57).


83 – L-organizzazzjoni konkreta tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali hija msemmija wkoll fl-Artikolu 16 KE, li jeżiġi li “dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom”.


84 – Fir-rigward tad-distinzjoni bejn attività ekonomika u attività ta’ poter pubbliku, ara s-sentenzi SAT Fluggesellschaft (punti 30 u 31) u Calì (punti 22 u 23) iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, kif ukoll il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.