Language of document : ECLI:EU:C:2013:749

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑351/12

Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, o.s. (OSA)

vs

Léčebné lázně Mariánské Lázně, a. s.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Plzni (ir-Repubblika Ċeka)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Definizzjoni ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ — Komunikazzjoni permezz ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-kmamar ta’ stabbiliment termali — Effett dirett — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Drittijiet esklużivi mogħtija lil korp ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fi Stat Membru”





1.        Is-settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar ta’ stabbiliment termali residenzjali fir-Repubblika Ċeka jagħtu aċċess għal xogħlijiet imxandra. Skont id-Direttiva 2001/29 (2), id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet simili għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw “il-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku” u jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ miżati sabiex isir dan. Korp ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li għandu drittijiet esklużivi li jikkonkludi ftehim dwar liċenzji u li jiġbor miżati għan-nom tal-awturi ta’ xogħlijiet mużikali fir-Repubblika Ċeka jitlob miżati għal din il-komunikazzjoni lill-pubbliku magħmula mill-istabbiliment inkwistjoni. L-istabbiliment jikkontesta kemm li s-servizz inkwistjoni ma huwiex “komunikazzjoni lill-pubbliku” u li l-monopolju territorjali tal-korp Ċek ta’ ġestjoni kollettiva jikser id-dritt tal-istabbiliment, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jikkonkludi ftehim dwar liċenzji ma’ korp ta’ ġestjoni kollettiva fi Stat Membru ieħor — problema li, huwa jsostni, hija aggravata bl-abbuż tal-korp Ċek mill-pożizzjoni dominanti nazzjonali tiegħu billi jitlob miżati eċċessivi.

2.        Il-Krajský soud v Plzni (Qorti Reġjonali ta’ Pilsen) tistaqsi: jekk is-servizz inkwistjoni jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tad-Direttiva 2001/29; jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva humiex suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati sabiex ikunu l-bażi f’kawża bejn individwi; u jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix Stat Membru milli jagħti lil korp ta’ ġestjoni kollettiva wieħed drittijiet esklużivi fit-territorju tiegħu.

 Id-dritt tal-Unjoni rilevanti

 Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

3.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

4.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi, b’mod partikolari:

“[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

e)      rigward riproduzzjonijiet ta’ xandirijiet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet, bil-kondizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-[Artikolu 3] fil-każi li ġejjin:

[...]

b)      użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika;

[...]

5.        L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-[paragrafu 3] għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”.

 Libertà li jiġu pprovduti servizzi

5.        L-Artikoli 56 et seq TFUE jipprojbixxu (3) kwalunkwe restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tad-destinatarju tal-provvista. Is-servizzi huma ddefiniti fl-Artikolu 57 TFUE bħala “normalment ipprovdutu bi ħlas, sa fejn ma jkunux irregolati minn dispożizzjonijiet tal-moviment liberu ta’ merkanzija, kapital u persuni”, u li jinkludu b’mod partikolari attivitajiet “ta’ natura industrijali”, “ta’ natura kummerċjali”, “ta’ sengħa” u “ta’ professjonijiet liberi”.

6.        Dawn id-dispożizzjonijiet huma implementati u ċċarati, inter alia, permezz tad-Direttiva 2006/123 (4), li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.      Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom.

[...]”

7.        L-Artikolu 2 jipprovdi, inter alia:

“[...]

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[...]”

8.        L-Artikolu 4(1) jiddefinixxi “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE]”.

9.        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi, b’mod partikolari:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri tas-servizzi li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

[...]

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformita’ ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

[...]

2.      L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għal provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)      obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

b)      obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit-territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id-Direttiva jew strumenti oħrajn tal-liġi Komunitarja;

[...]”

10.      Madankollu skont l-Artikolu 17, l-Artikolu 16 ma għandux japplika għal, inter alia:

“1)      Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma provduti fi Stat Membru ieħor [...]

[...]

11)      drittijiet tal-awtur [u] drittijiet tal-viċinat [...]”.

 Regoli dwar il-kompetizzjoni li japplikaw għal impriżi

11.      L-Artikolu 102 TFUE jipprovdi, b’mod partikolari:

“Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit.

Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:

a)      l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ;

[...]”

12.      L-Artikolu 106 TFUE jipprovdi, b’mod partikolari:

“1.      Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-Trattati, b’mod partikolari, għal dawk [li jipprojbixxu diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità u li jirrigwardaw il-kompetizzjoni].

2.      Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

[...]”.

 Id-dritt Ċek rilevanti

13.      Skont l-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 121/2000 dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem: “il-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”), “it-trażmissjoni bir-radju jew bit-televiżjoni ta’ xogħol” tfisser li xogħol imxandar bir-radju jew bit-televiżjoni jkun disponibbli permezz ta’ tagħmir teknikalment addattat sabiex jirċievi trażmissjoni bir-radju jew bit-televiżjoni. Madankollu, ma tinkludix li xogħol ikun disponibbli għal pazjenti meta jkun qed jiġi pprovdut servizz ta’ kura fi stabbilimenti ta’ saħħa (5).

14.      Skont l-Artikolu 97(1) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, persuna awtorizzata li teżerċita ġestjoni kollettiva hija korp ta’ ġestjoni kollettiva. Skont l-Artikolu 98(6)(ċ) tal-istess liġi, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata lil applikant jekk, inter alia, l-ebda persuna oħra ma hija diġà awtorizzata sabiex teżerċita dak id-dritt fir-rigward tas-suġġett protett u, sa fejn xogħol huwa kkonċernat, fir-rigward ta’ dak it-tip ta’ xogħol. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi monopolju legali fir-Repubblika Ċeka.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

15.      Ochranný svaz autorský pro práva k dílům hudebním, o.s. (Korp għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet mużikali, iktar ’il quddiem, “OSA”), hija korp ta’ ġestjoni kollettiva awtorizzat fir-Repubblika Ċeka. Hija taġixxi wkoll għan-nom ta’ korpi kollettivi oħra stabbiliti kemm fir-Repubblika Ċeka kif ukoll fi Stati Membri oħra.

16.      Léčebné lázně Mariánské Lázně, a. s. (kumpannija ta’ kura termali f’Marienbad, iktar ’il quddiem l-“Istabbiliment termali”), tipprovdi, inter alia, kura in-patient u out-patient (preventiva, kurattiva u ta’ riabilitazzjoni) bl-użu ta’ nixxiegħat mediċinali naturali lokali, flimkien ma’ akkomodazzjoni u catering.

17.      Matul il-perijodu inkwistjoni (mill-1 ta’ Mejju 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009), settijiet tat-televiżjoni u tar-radju ġew installati fil-kmamar ta’ stabbiliment termali, u taw aċċess għal xogħlijiet ġestiti minn OSA. Madankollu, l-Istabbiliment termali ma kellux ftehim ta’ liċenzja ma’ OSA. OSA qed titlob miżati ta’ CZK 546 995 (madwar EUR 21 000), bl-interessi.

18.      L-Istabbiliment termali jsostni li huwa kopert mill-eċċezzjoni fl-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Huwa jsostni li din id-dispożizzjoni hija kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 iżda, kieku ma kinitx, din tal-aħħar ma tistax tkun il-bażi ta’ kawża bejn individwi. Barra minn hekk, huwa jsostni li OSA tabbuża mill-pożizzjoni ta’ monopolju tagħha billi tiġbor miżati ogħla minn dawk miġbura fi Stati Membri fil-viċin. L-Istabbiliment termali, li għandu klijentela internazzjonali u li s-settijiet tat-televiżjoni u tar-radju tiegħu jirċievu xandiriet barranin, huwa għalhekk imqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ stabbilimenti simili fi Stati Membri fil-viċin.

19.      Il-Krajský soud v Plzni titlob deċiżjoni preliminari fuq id-domandi segwenti:

“1)      Id-Direttiva 2001/29[...] għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eċċezzjoni li ma tippermettix remunerazzjoni għal awturi għall-komunikazzjoni tax-xogħol tagħhom permezz tax-xandir bit-televiżjoni jew bir-radju lill-pazjenti fil-kmamar ta’ stabbiliment termali li tkun impriża kummerċjali tikser l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5 tagħha (Artikolu 5(2)(e), (3)(b) u (5))?

2)      Il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tax-xogħol imsemmi iktar ’il fuq fid-direttiva huwa daqshekk inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż biex jippermetti lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ikunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali f’kawża bejn individwi jekk l-Istat ma jkun[x] ittraspona korrettament id-direttiva fil-liġi nazzjonali ?

3)      L-Artikoli 56 et seq [TFUE] kif ukoll l-Artikolu 102 [TFUE] (ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 [...]) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tal-Istat lil korp wieħed biss (monopolistika) ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, ma tippermettix lid-destinatarju tas-servizz li jagħżel liberament korp ta’ ġestjoni kollettiva ta’ Stat ieħor tal-Unjoni Ewropea?”

20.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak, Ċek, Ġermaniż, Ungeriż u Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea — li lkoll, barra l-Gvern Ġermaniż, ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013. Dawn tal-aħħar kienu limitati, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, għat-tielet domanda, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

 Evalwazzjoni

 L-ewwel domanda

21.      Il-kwistjoni prinċipali hija jekk is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur li jkunu disponibbli għal pazjenti li qed jingħataw kura tas-saħħa fi stabbiliment tas-saħħa permezz ta’ trażmissjoni bir-radju jew bit-televiżjoni) għandhiex tiġi analizzata bl-istess mod bħal dik fis-sentenza SGAE (6) (fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni minn lukanda lill-klijenti li qed joqogħdu fil-kmamar tagħha tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”) jew bħal dik fis-sentenza SCF (7) (li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “komunikazzjoni lill-pubbliku” ma tkoprix ix-xandir b’xejn ta’ fonogrammi fi klinika ta’ dentist għall-benefiċċju tal-klijentela li tgawdi minnu indipendentement mir-rieda tagħha).

22.      Ovvjament għandha tkun il-qorti nazzjonali li għandha l-ġurisdizzjoni li tiddetermina jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali — li tirrigwarda xogħlijiet imxandra li jkunu disponibbli fil-kmamar ta’ stabbiliment termali — taqax taħt xogħlijiet disponibbli għal pazjenti li jingħataw kura tas-saħħa fi stabbiliment tas-saħħa fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur.

23.      Fil-qosor, OSA, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jsostnu li l-komunikazzjoni ta’ xogħol permezz ta’ sett tat-televiżjoni jew tar-radju f’kamra ta’ stabbiliment termali tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku. Huma jikkunsidraw li dawn iċ-ċirkustanzi huma simili għal dawk fil-kawża SGAE u huma differenti minn dawk fil-kawża SCF. L-Istabbiliment termali ma jaqbilx.

24.      Jiena naqbel ma’ OSA, mal-Gvern Ċek u mal-Kummissjoni.

25.      Huwa minnu li, fil-kawża SCF, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (8), u mhux fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, f’dan l-eżerċizzju, hija bbażat ruħha b’mod ampju fuq is-sentenzi tagħha mogħtija fil-kawżi SGAE u Football Association Premier League et (9), li kienu jirrigwardaw l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għalkemm hija tiddistingwi bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, hija tagħmel dan sabiex tenfasizza biss l-importanza jerġa’ ikbar tan-natura lukrattiva tat-tranżazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 92/100 (10).

26.      F’dik il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet numru ta’ kriterji, li jirriżultaw parzjalment mill-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni u/jew lill-Istati Membri tagħha (11), sabiex tistabbilixxi jekk hemmx “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tad-direttivi inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

27.      L-ewwel nett, l-espressjoni għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’, b’tali mod li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet (12). It-tieni nett, il-mezz ta’ komunikazzjoni partikolari ma huwiex fattur determinanti; li huwa rilevanti huwa li l-pubbliku jkun f’pożizzjoni li jaċċedi għax-xogħlijiet inkwistjoni (13). It-tielet nett, il-kunċett ta’ “pubbliku” ikopri numru indeterminat iżda pjuttost kbir ta’ telespettaturi jew semmiegħa potenzjali u, f’dak ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ numru ta’ destinatarji potenzjali, li għandhom jitqiesu kemm b’mod kollettiv u b’mod suċċessiv (14). Ir-raba’ nett, il-pubbliku inkwistjoni għandu jkun pubbliku “ġdid” fis-sens li huwa differenti minn dak intiż meta ġie awtorizzat ix-xandir oriġinali (bħal, pereżempju, meta xandir intiż għal xandir privat jintwera lil udjenza kbira) (15). Fl-aħħar nett, jekk il-komunikazzjoni tinvolvi element lukrattiv (pereżempju, jekk tiġbed il-klijenti), dik hija indikazzjoni rilevanti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni mhux biss tad-dritt għal remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1992/100 jew tad-Direttiva 2006/115, iżda wkoll tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 (16).

28.      Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, jidhirli li l-provvista ta’ settijiet ta’ televiżjoni u radju fil-kmamar ta’ stabbiliment termali, flimkien mas-sinjal rilevanti li jippermetti li x-xandiriet jinstemgħu jew jintwerew, għandha taqa’ fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 sakemm, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, wieħed minn dawn il-kriterji jew diversi minnhom ma jiġux issodisfatti. B’mod partikolari, stabbiliment termali jista’ jakkomoda, kemm fl-istess waqt kif ukoll suċċessivament, numru indeterminat iżda pjuttost kbir ta’ persuni li jistgħu jirċievu xandiriet fil-kmamar tagħhom; u li jikkostitwixxu pubbliku ġdid fis-sens li l-awtorizzazzjoni oriġinali kienet għal xandiriet lill-individwi li jisimgħuhom jew jarawhom personalment, jew fiċ-ċirku privat jew tal-familja tagħhom. Barra minn hekk, jidher li huwa diffiċli li jiġi eskluż li l-provvista ta’ settijiet tat-televiżjoni u tar-radju fil-kmamar tas-sodda hija ta’ natura lukrattiva għall-istabbiliment, peress li l-preżenza tagħhom tiġbed iktar klijenti mill-assenza tagħhom. L-Istabbiliment termali sostna li huwa jbati żvantaġġ kompetittiv jekk jintalab iħallas miżati ogħla minn dawk imħallsa minn stabbilimenti f’pajjiżi fil-viċin; kwalunkwe żvantaġġ simili jiġi aggravat jekk huwa ma jipprovdi l-ebda aċċess għal xandiriet filwaqt li stabbilimenti kompetittivi jipprovduh.

29.      Fis-sentenza SCF, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji applikabbli ma kinux issodisfatti meta mużika fl-isfond kienet imxandra fil-preżenza ta’ pazjenti fi klinika privata ta’ dentist. B’mod partikolari: il-pazjenti ta’ dentist jifformaw “grupp ta’ destinatarji potenzjali speċifiku” iktar milli grupp indeterminat ta’ “persuni b’mod ġenerali”; huma numru żgħir fi kwalunke ħin; ix-xandir ta’ mużika fl-isfond ma tantx jista’ jkollha effett fuq il-qligħ tad-dentist; u l-pazjenti huma esposti għal mużika mingħajr ma jeżerċitaw l-ebda għażla f’dan ir-rigward (17).

30.      L-ebda waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma tidher li tapplika f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. L-istabbilimenti termali normalment ikollhom klijentela iktar wiesgħa u inqas determinata minn dik tad-dentisti (u l-avukat tal-Istabbiliment termali fis-seduta ddefiniha bħala probbabilment l-ikbar stabbiliment ta’ dan it-tip fl-Ewropa); id-disponibbiltà tal-aċċess għax-xandiriet tat-televiżjoni u tar-radju fil-kmamar tista’ tinfluwenza l-għażla tal-istabbiliment li jagħmel il-pazjent; u, f’dan ir-rigward, id-disponibbiltà tal-għażla tista’ tkun determinanti.

31.      Barra minn hekk, is-settijiet tat-televiżjoni u tar-radju jinsabu fil-kmamar tar-residenti. Dawn jintużaw fil-kuntest tat-tgawdija tal-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni offruti mill-Istabbiliment termali, mhux tat-trattament tal-kura tas-saħħa tagħha. Din is-sitwazzjoni hija b’mod ċar analoga għal dik tar-residenti f’lukanda fil-kawża SGAE.

32.      Bħala kwistjoni sekondarja, għandu jiġi kkunsidrat jekk iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali jistgħux jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2)(e) jew (3)(b) tad-Direttiva 2001/29. Fl-opinjoni tiegħi, ma jistgħux.

33.      L-Artikolu 5(2)(e) ma huwiex rilevanti, peress li jirrigwarda eċċezzjoni possibbli għad-dritt ta’ riproduzzjoni pprovdut fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, u mhux id-dritt li tiġi awtorizzata komunikazzjoni lill-pubbliku, imsemmi fl-Artikolu 3. Dan tal-aħħar biss huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 5(2)(e) jirrigwarda “istituzzjonijiet soċjali mingħajr skop ta’ lukru, bħall-isptarijiet jew il-ħabsijiet”. Stabbiliment termali bi skop ta’ lukru ma jissodisfax din id-definizzjoni.

34.      L-Artikolu 5(3)(b) huwa limitat mhux biss għal użu ta’ natura mhux kummerċjali iżda wkoll għal użu “għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità [...], sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika”. Fid-digriet tar-rinviju jew fis-sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm xejn li jindika xi relazzjoni bejn id-disponibbiltà tas-settijiet tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar ta’ stabbiliment termali u diżabbiltà speċifika li minnha jistgħu jbatu l-pazjenti.

35.      Ladarba l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tista’ tapplika, l-Artikolu 5(5), li għalih tirreferi wkoll il-qorti nazzjonali u li jillimita biss il-portata ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, ma għandu l-ebda rilevanza.

36.      Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li eċċezzjoni li ma tippermettix remunerazzjoni lill-awturi għal komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom permezz tax-xandir bit-televiżjoni jew bir-radju tat lill-pazjenti fil-kmamar ta’ stabbiliment termali li huwa impriża kummerċjali tmur kontra d-Direttiva 2001/29.

 It-tieni domanda

37.      Id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 2001/29 huma suffiċjentement inkundizzjonati u preċiżi sabiex il-korpi ta’ ġestjoni kollettiva jkunu jistgħu jinvokahom quddiem il-qrati nazzjonali, jekk l-Istat Membru ma jkunx ittraspona d-Direttiva b’mod korrett?

38.      Fil-qosor, OSA tirrispondi d-domanda fl-affermattiv. Billi tiċċita s-sentenza Kücükdeveci (18), hija tikkunsidra li qorti nazzjonali li tisma’ tali kawża għandha teskludi kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur.

39.      L-Istabbiliment termali jsostni li, skont il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Foster (19), OSA hija estensjoni tal-Istat: hija suġġetta għall-awtorità jew il-kontroll tal-Istat u għandha setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-regoli normali li japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Għalhekk hija għandha titqies ekwivalenti għall-Istat u ma tistax tibbaża ruħha fuq l-effetti tad-Direttiva.

40.      Il-Gvern Ċek jikkunsidra li ma tqum l-ebda kwistjoni ta’ effett dirett: ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 23 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur — xandir ġewwa faċilità ta’ kura tas-saħħa u matul il-provvista ta’ kura tas-saħħa — ma humiex issodisfatti. Anki jekk stabbiliment termali jkun faċilità ta’ kura tas-saħħa taħt id-dritt nazzjonali, din il-kura ma tiġix ipprovduta lill-klijenti fil-kmamar tagħhom.

41.      Il-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż ifakkru li direttiva ma tistax minnha nfisha timponi obbligi fuq individwu u korp pubbliku jew individwu ieħor ma jistgħux jinvokawha kontra tiegħu.

42.      Il-Kummissjoni tissottometti li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-fatt li l-effetti legali tad-direttiva għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ individwu jew f’relazzjonijiet bejn individwi ma jibdilx dan ir-rekwiżit.

43.      Essenzjalment, naqbel mal-punti magħmula minn OSA u mill-Kummissjoni.

44.      Fl-ewwel lok, meta qrati nazzjonali japplikaw id-dritt nazzjonali, huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ kwalunkwe direttiva applikabbli, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst mid-Direttiva. Dan l-obbligu huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa jippermetti lil dawn il-qrati jiżguraw effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta jiddeċiedu kawżi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

45.      Huwa biss jekk dan l-approċċ ma jkunx possibbli — pereżempju, jekk iwassal għal interpretazzjoni contra legem — li jkun neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk dispożizzjoni applikabbli ta’ direttiva għandhiex effett dirett u, jekk dan huwa l-każ, jekk dak l-effett dirett jistax jiġi invokat kontra parti f’kawża nazzjonali.

46.      Għalhekk, hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu li huwa fil‑kompetenza tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fil-globalità tiegħu u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnha, sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2001/19 u biex tintlaħaq soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minn din tal-aħħar (20).

47.      Fit-tieni lok, l-argument tal-Istabbiliment termali li OSA hija estensjoni tal-Istat ma jidhirlix li huwa rilevanti. Huwa biss kieku l-Istabbiliment termali seta’ jinvoka dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 li ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali li l-effett dirett tad-Direttiva seta’ jiġi invokat kontra entità tal-Istat (21). Madankollu, mir-risposta li jiena nipproponi għall-ewwel domanda jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. L-Istabbiliment termali jidher pjuttost li qed jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li hija inkompatibbli mad-Direttiva. Tali interpretazzjoni ma hijiex ammissibbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza miġbura fil-qosor iktar ’il fuq (22). Fi kwalunkwe każ, l-argument li OSA għandha titqies li hija estensjoni tal-Istat jidher pjuttost diffiċli li jiġi ssostanzjat, peress li l-korpi ta’ ġestjoni kollettiva jipprovaw japplikaw drittijiet ta’ individwi li jaqgħu taħt id-dritt privat, pjuttost milli jeżerċitaw kwalunkwe forma ta’ awtorità tal-Istat.

48.      Għalhekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li, jekk Stat Membru naqas milli jittrasponi d-Direttiva 2001/29 b’mod korrett, qorti nazzjonali adita b’talba għal ħlas ta’ miżati għad-drittijiet tal-awtur kontra individwu għandha tinterpreta l-liġi nazzjonali tagħha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-direttiva, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha.

 It-tielet domanda

49.      Il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk ċerti regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u/jew dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jipprekludux Stat Membru milli jirriżerva l-eżerċizzju tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tiegħu lil korp ta’ ġestjoni kollettiva wieħed, u b’hekk joħloq monopolju territorjali li jċaħħad lid-destinatarji tas-servizz mil-libertà li jagħżlu korp ta’ ġestjoni kollettiva fi Stat Membru ieħor.

 Ammissibbiltà

50.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-domanda għandha rilevanza minima ħafna għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tirrigwarda d-definizzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Il-Gvern Ċek u dak Awstrijak imorru lil hinn: ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Istabbiliment termali pprova jikkonkludi kuntratt ma’ korp ta’ ġestjoni kollettiva fi Stat Membru ieħor; u, tkun xi tkun ir-risposta li tingħata, ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq it-talba għal ħlas ta’ miżati tad-drittijiet tal-awtur. Dawn il-gvernijiet jikkunsidraw id-domanda inammissibbli. Fis-seduta, OSA ħadet l-istess pożizzjoni.

51.      Jiena ma naqbilx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tirrispondi għal din id-domanda. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tressaq. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li hija tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar id-domanda magħmula, fejn huwa ovvju li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti u mal-għan tal-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domanda (23).

52.      F’dan il-każ, dawn iċ-ċirkustanzi huma neqsin. Id-digriet tar-rinviju juri li l-Istabbiliment termali sostna li OSA tabbuża mill-monopolju legali tagħha billi żżomm miżati ogħla minn dawk miżmuma minn korpi ta’ ġestjoni kollettiva stabbiliti fl-Istati Membri fil-viċin. Sabiex teżamina dan l-argument, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li tirriżulta mir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-kompetizzjoni, u għandha dritt tfittex u tikseb gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

 Il-mertu

53.      Ser neżamina s-sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti u mbagħad il-provvista ta’ servizzi.

–       Abbuż mill-pożizzjoni dominanti

54.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 102 TFUE jipprekludix Stat Membru milli jagħti lil korp ta’ ġestjoni kollettiva monopolju territorjali li jirrestrinġi l-għażla tad-destinatarji tas-servizzi ta’ dan il-korp.

55.      Kif ġie nnotat f’diversi sottomissjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, monopolju legali fi Stat Membru jista’ jikkostitwixxi pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, is-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti permezz tal-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE. Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet previsti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet biss meta l-impriża inkwistjoni tiġi mwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi li tkun ingħatat, tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikunu jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi mwassla twettaq tali abbuż (24).

56.      L-abbuż li jallega l-Istabbiliment termali fil-kawża prinċipali huwa li OSA titlob miżati għall-użu eċċessivi fl-assenza ta’ kompetizzjoni. Jekk dawk il-miżati humiex fil-fatt eċċessivi hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Jekk dan huwa l-każ (id-digriet tar-rinviju ma jinkludi l-ebda dikjarazzjoni f’dan ir-rigward), hija għandha tiddeduċi minn din il-konstatazzjoni il-konsegwenzi xierqa kollha fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Madankollu, kwalunkwe konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti tirreferi primarjament għall-aġir ta’ OSA u mhux għall-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li biha ngħata l-monopolju. Din il-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata biss jekk jintwera li hija twassal lil OSA twettaq dan l-abbuż. Jiena naqbel mal-Kummissjoni u ma’ xi wħud mill-Istati Membri li fil-proċess ma hemm xejn li jindika li l-kundizzjonijiet li fihom jingħata l-monopolju huma tali li jwasslu lil korp ta’ ġestjoni kollettiva jżomm miżati eċċessivi. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tasal għal deċiżjoni finali fuq din il-kwistjoni, sa fejn hija invokata fil-kawża prinċipali.

–       Servizzi

57.      OSA u diversi Stati Membri sostnew li l-attivitajiet ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva ma jaqgħux taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi: jew ma huma “servizzi” xejn, peress li sempliċement jirrappreżentaw l-eżerċizzju kollettiv mid-detenturi tad-drittijiet tagħhom, jew huma servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2)(a) tagħha.

58.      Jien ma naqbilx. L-attivitajiet ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva dejjem tqiesu li jaqgħu taħt ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (25). Huwa minnu li fl-ewwel lok dawn il-korpi ta’ ġestjoni jipprovdu servizz lill-membri tagħhom (id-detenturi tad-drittijiet li għan-nom tagħhom jiġbru l-miżati). Madankollu, huwa artifiċjali li jiġi sostnut li, għalkemm għandu personalità separata, korp ta’ ġestjoni kollettiva huwa sempliċement l-estensjoni ta’ kull wieħed mill-membri tal-imsemmi korp, billi jaġixxi għan-nom tiegħu jew tagħha. Huwa ċar li dawn il-korpi jipprovdu servizz lid-detenturi ta’ drittijiet li, inkella, jsibuha diffiċli li jiġbru miżati, b’mod partikolari għal komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali.

59.      Il-fatt li dawn is-servizzi ma jikkorrispondux b’mod preċiż għal waħda mill-kategoriji elenkati (b’mod mhux eżawrjenti) fl-Artikolu 57 TFUE jew li korpi ta’ ġestjoni kollettiva huma fil-prinċipju ġestiti fuq bażi mhux lukrattiva ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jibdel is-sitwazzjoni. Dawn il-korpi ta’ ġestjoni jeħtieġu neċessarjament remunerazzjoni, anki jekk biss biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal. Għaldaqstant, insibha diffiċli wkoll sabiex naqbel li l-attivitajiet ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva jikkostitwixxu servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.

60.      Barra minn hekk, korpi ta’ ġestjoni kollettiva jipprovdu servizzi mhux biss lid-detenturi tad-drittijiet iżda wkoll lill-utenti, bħal pereżempju lill-Istabbiliment termali (26). Utent onest u diliġenti li jixtieq iħallas miżata lid-detenturi tad-drittijiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom isibha diffiċli li jagħmel dan fin-nuqqas ta’ sistema ta’ liċenzji għal repertorji partikolari mogħtija mill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva.

–       L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123

61.      L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma kważi unanimi (27) meta jgħidu li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 ma japplikax għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm jagħtu raġunijiet differenti għaliex dan ma japplikax. B’mod differenti: l-attivitajiet ta’ korp ta’ ġestjoni kollettiva ma jikkostitwixxux “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva; huma servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, esklużi bl-Artikolu 2(2)(a); huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16 bl-Artikolu 17(1); u/jew huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16 bl-Artikolu 17(11), li jeskludi drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

62.      Jiena diġà kkunsidrajt jekk l-attivitajiet tal-korpi ta’ ġestjoni kollettiva jistgħux jitqiesu li ma jikkostitwixxu servizzi xejn jew li jikkostitwixxu servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.

63.      Jidhirli però, li l-attivitajiet inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali [Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2006/123], li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri [Artikolu 1(3) tal-istess direttiva] u li huma esklużi b’mod speċifiku mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16, kif huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 1(2).

64.      Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, dawn għandhom ikunu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 (id-dispożizzjoni li dwarha l-qorti tar-rinviju titlob gwida) peress li dawn jaqgħu fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, elenkati fl-Artikolu 17(11) tal-istess direttiva. Għalkemm, litteralment, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrigwarda biss drittijiet, huwa ċar li fil-fatt hija għandha tirreferi għal servizzi marbuta ma’ dawk id-drittijiet, peress li servizzi biss jistgħu jkunu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(3) jispeċifika li d-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni tal-monopolji li jipprovdu servizzi.

–       L-Artikolu 56 et seq TFUE

65.      Il-fatt li s-servizzi pprovduti mill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva ma humiex koperti mill-(Artikolu 16) tad-Direttiva 2006/123 ma jeskludihomx mid-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tal-Artikolu 56 et seq TFUE. Madankollu, ma jistax jiġi injorat li l-monopolji territorjali li jirrestrinġu ż-żona li fiha korpi ta’ ġestjoni kollettiva jistgħu joperaw jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tagħhom, restrizzjoni li fil-prinċipju hija pprojbita minn dawk id-dispożizzjonijiet. Huma jirrestrinġu wkoll il-libertà, kemm tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll tal-utenti, li jagħżlu bejn il-fornituri ta’ servizz.

66.      Id-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati — jekk għandhomx għan leġittimu kompatibbli mat-Trattati, jekk humiex ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, humiex xierqa sabiex jiżguraw li jintlaħaq dak il-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (28).

67.      Kwalunkwe konklużjoni f’dan ir-rigward għandha tkun ibbażata fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt, li fil-prinċipju jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ deċiżjoni preliminari. Madankollu, l-argumenti mressqa kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll f’dik orali jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti gwida lill-qorti nazzjonali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha.

68.      Fir-rigward tal-għan segwit, huwa diffiċli jiġi miċħud li l-fatt li jiġu ggarantiti l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur (u tal-utenti) billi jiġi żgurat li miżati jinġabru u jiġu ġestiti b’mod ġust u effiċjenti huwa għan leġittimu, kompatibbli mat-Trattati. Fil-fatt, l-utiltà enormi tal-korpi ta’ ġestjoni kollettiva ma hijiex ikkontestata.

69.      Li għandu jiġi eżaminat huwa jekk ir-raġunijiet ta’ interess pubbliku mressqa favur l-istabbiliment u/jew iż-żamma ta’ monopolji territorjali għal dawn il-korpi humiex “imperattivi”, fis-sens li dawk il-monopolji ma humiex biss xierqa, iżda neċessarji sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ ġbir u ta’ ġestjoni ġusta u effiċjenti u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan.

70.      F’dan l-istadju, naħseb li huwa utli li jitfakkar il-mod kif joperaw il-korpi ta’ ġestjoni kollettiva, b’riferiment partikolari għal xogħlijiet mużikali, kif ġie deskritt fid-dettall fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

71.      Dawn il-korpi ta’ ġestjoni huma assoċjazzjonijiet ta’ detenturi tad-drittijiet li jiġbru miżati dovuti lill-membri tagħhom għal, b’mod partikolari, kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tal-membri tagħhom. Huma jiksbu dan billi jagħtu liċenzji lill-utenti li jixtiequ jagħmlu din il-komunikazzjoni, b’riferiment għal repertorji ddeterminati li jinkludu numru ta’ xogħlijiet mużikali jew ix-xogħlijiet ta’ numru ta’ detenturi tad-drittijiet. Huma jiġbru l-miżati mid-detenturi tal-liċenzja u jikkontrollaw l-utenti jew l-utenti potenzjali sabiex jivverifikaw jekk ix-xogħlijiet humiex qed jiġu kkomunikati lill-pubbliku, u jekk ikun hekk, jekk l-utent għandux liċenzja.

72.      Normalment (għalkemm mhux b’mod universali) fl-Unjoni Ewropea, il-korpi ta’ ġestjoni kollettiva joperaw (kemm jekk permezz ta’ monopolju legali jew ta’ monopolju de facto) fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jistgħu jintalbu jaċċettaw bħala membri d-detenturi ta’ drittijiet kollha residenti jew stabbiliti f’dak l-Istat. F’każijiet bħal dan, huma jikkontrollaw u jagħtu liċenzji lill-utenti fl-istess Stat Membru. Meta utent ikun jixtieq jikseb liċenzja għal repertorju amministrat minn korp ta’ ġestjoni kollettiva stabbilita fi Stat Membru ieħor, dan huwa possibbli permezz ta’ arranġamenti reċiproċi bejn il-korpi ta’ ġestjoni, b’kull waħda minnhom taġixxi għan-nom tal-oħra(jn) fit-territorju tagħha.

73.      Argumenti favur il-ġustifikazzjoni tal-monopolji tressqu minn OSA u mill-Istati Membri kollha li pparteċipaw fil-proċedura, u l-argumenti fis-sens kuntrarju tressqu mill-Istabbiliment termali u, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni.

74.      Sabiex niġbor fil-qosor ħafna l-argumenti prinċipali li tressqu favur il-ġustifikazzjoni, ġie enfasizzat li sistema ta’ monopolji legali territorjali li għandha arranġamenti ta’ rappreżentazzjoni reċiproċi: tipprovdi l-utenti b’“one-stop-shop” f’kull Stat Membru, u b’hekk telimina kull inċertezza dwar minn fejn jistgħu jinkisbu liċenzji u xi drittijiet huma disponibbli taħt liċenzji differenti; tevita qsim ta’ repertorji, li fihom korpi ta’ ġestjoni kollettiva “jagħżlu” d-detenturi tad-drittijiet l-iktar lukrattivi u jinjoraw il-minorità jew l-interessi ta’ kulturi lokalizzati; tipprovdi lid-detenturi tad-drittijiet setgħa ta’ negozjar ikbar fil-konfront tal-utenti f’territorju partikolari u għalhekk tgħin sabiex tiġi evitata “tellieqa sfiqa” fir-rigward tal-livell tal-miżati tal-liċenzji; tippermetti li Stati Membri jimponu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni tal-korpi ta’ ġestjoni kollettiva u jissuġġettawhom għal superviżjoni u kontroll uffiċjali; u tnaqqas l-ispejjeż billi tevita duplikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa mhux biss għall-ġestjoni iżda wkoll għall-kontroll ta’ eventwali ksur f’territorju partikolari.

75.      Argumenti kontra li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma, għal darb’oħra fil-qosor ħafna: ma hemmx bżonn ta’ “one-stop-shop” nazzjonali peress li tista’ tiġi stabbilita “pjattaforma” fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, li tirrendi disponibbli l-informazzjoni kollha neċessarja lill-utenti potenzjali kollha; fi Stati Membri (bħall-Isvezja u r-Renju Unit) fejn ma hemmx monopolju territorjali, ma tidher li hemm l-ebda frammentazzjoni ta’ repertorji, u l-utenti ma jesperjenzaw l-ebda diffikultà sabiex jidentifikaw u jiksbu l-liċenzji li jridu; għażla libera tal-fornitur tas-servizz kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għall-utenti twassal għal kompetizzjoni effettiva u għalhekk rati iktar ġusti u ġbir iktar effikaċi, għall-benefiċċju ta’ dawk kollha kkonċernati; ma hemmx bżonn ta’ monopolju legali sabiex Stat Membru jkun jista’ jirregola l-korpi ta’ ġestjoni kollettiva b’mod effettiv; fil-fatt l-ispejjeż tal-ġbir (li ġie kkonstatat li jammontaw għal 15 % sa 20 % mill-miżati) jiżdiedu fil-kuntest ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, filwaqt li korp ta’ ġestjoni kollettiva stabbilit fi Stat Membru wieħed ma jkollu l-ebda diffikultà jikkontrolla l-użu fi Stati Membri oħra, jew bl-użu tar-riżorsi tagħha stess jew billi jirrikorri għal dawk ta’ korp ta’ ġestjoni kollettiva kooperanti stabbilita f’dak l-Istat Membru l-ieħor; u l-possibbiltà li jingħataw liċenzji multi-territorjali hija ta’ benefiċċju mhux biss għall-utenti (bħall-Istabbiliment termali, li jiddikjara li huwa parti minn grupp li jopera f’diversi Stati Membri) iżda wkoll għad-detenturi tad-drittijiet.

76.      F’diversi modi, evalwazzjoni korretta ta’ dawn l-argumenti tinvolvi deċiżjoni bejn allegazzjonijiet fattwali opposti, kwistjoni li ma hijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża (hija, forsi, iktar kompetenza tal-leġiżlatur). F’dan ir-rigward ninnota li l-Qorti Ġenerali reċentement laqgħet kontestazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat, inter alia, li numru ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva kkoordinaw illegalment il-fruntieri territorjali billi rrestrinġew il-liċenzji għat-territorju nazzjonali ta’ kull korp (29). Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet naqset milli tissostanzja numru ta’ allegazzjonijiet simili għal dawk li hija tressaq f’dawn il-proċeduri (30). L-ebda appell ma ġie ppreżentat kontra din is-sentenza, u l-Kummissjoni aċċettat f’dawn il-proċeduri li hija kienet naqset milli tissostanzja l-każ tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, jiena ma nasal għal ebda konklużjoni soda mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, magħmula fi proċeduri differenti u f’ċirkustanzi differenti (31), ħlief li nenfasizza li eżami bir-reqqa li jmur lil hinn minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tagħmel f’dan il-każ, huwa nkoraġġut sabiex tintlaħaq deċiżjoni finali rigward il-ġustifikazzjoni ta’ monopolji legali territorjali mogħtija lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva.

77.      B’riferiment għall-argumenti ppreżentati f’din il-kawża, jidhirli li, fl-ewwel lok, ma hemm xejn fil-kontra-argumenti li jqajjem dubju serju dwar kemm monopolji legali bħal dak inkwistjoni huma xierqa sabiex jiżguraw ġbir u ġestjoni ġusti u effikaċi tal-miżati. Huwa minnu li l-Kummissjoni tallega li dawn iwasslu għal duplikazzjoni tal-ispejjeż; iżda l-avukat ta’ OSA fis-seduta ddikjara li l-ispejjeż jiġu normalment maqsuma fil-kuntest ta’ arranġamenti ta’ rappreżentazzjoni reċiproka.

78.      Huwa ċar li hija iktar kwistjoni ta’ jekk dawn il-monopolji humiex neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

79.      F’dan ir-rigward, “jista’ jingħad ħafna fuq iż-żewġ naħat” (32) — u jidhirli li l-ebda waħda min-naħat ma rebħet l-argument b’mod deċiżiv fis-sottomissjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

80.      Jien nista’, pereżempju, minn naħa, napprezza n-natura konvinċenti tal-argumenti rigward il-ħtieġa imperattiva ta’ “one-stop-shop” f’territorju, kemm għad-detenturi ta’ drittijiet kif ukoll għall-utenti; min-naħa l-oħra, jidher plawżibbli li din il-faċilità tista’ tinħoloq fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea jekk ir-restrizzjonijiet kollha tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan il-qasam jiġu aboliti. Madankollu, bl-ebda mod ma huwa stabbilit li dan tal-aħħar ikun neċessarjament il-każ mingħajr regolamentazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni setgħet ma sabet l-ebda prova ta’ frammentazzjoni ta’ repertorji, jew li mużika li tinteressa lill-minorità qed tiġi injorata, fil-ftit Stati Membri li fihom bħalissa ma hemmx monopolju legali, dan ma jfissirx bilfors li dawn l-effetti ma humiex, fil-prattika, evitati bl-eżistenza ta’ monopolji legali jew de facto fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Għal darb’oħra, filwaqt li l-bżonn li jiġu rregolati l-attivitajiet ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva jista’ ma jeħtieġx l-impożizzjoni ta’ monopolji nazzjonali, jista’ jkun diffiċli li jinkiseb l-għan mixtieq sempliċement billi dawn il-korpi jkunu suġġetti għal diversi miżuri regolatorji nazzjonali, skont l-Istat Membru li fih huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

81.      Fil-qosor, jidhirli li, filwaqt li tressqu argumenti solidi għall-abolizzjoni ta’ monopolji legali territorjali sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni stabbilita mit-Trattat tar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma ntwerix li kemm din il-libertà kif ukoll il-ġbir u l-ġestjoni ġusti u effikaċi tal-miżati fir-rigward ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali permezz ta’ settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fissi jistgħu jintlaħqu mingħajr qafas regolatorju fl-Unjoni Ewropea kollha. L-opinjoni tiegħi hija msaħħa bil-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u liċenzji multi-territorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użu online fis-suq intern. F’din il-proposta, il-Kummissjoni tiddikjara li “azzjoni tal-UE hija meħtieġa skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà [Artikolu 5(3) TUE] peress li l-qafas ġuridiku eżistenti li jinsab fis-seħħ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE rriżulta li ma huwiex biżżejjed biex jindirizza il-problemi” (33).

82.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali permezz ta’ settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fissi u sakemm għad ma hemmx regolament fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, jista’ jitqies b’mod leġittimu li l-monopolji legali nazzjonali mogħtija lill-korpi ta’ ġestjoni kollettiva għandhom għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat, huma ġġustifikati mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, huma xierqa sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dak il-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq. Din l-opinjoni ma hijiex mibdula mill-fatt li f’numru żgħir ta’ Stati Membri dawn il-monopolji ma jeżistux. F’każijiet bħal dawn, l-eċċezzjoni ma tikkontradixxix ir-regola. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi finalment dawn il-kwistjonijiet fid-dawl tal-fatti quddiemha.

 Konklużjoni

83.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Krajský soud v Plzni:

1)      Eċċezzjoni li tipprojbixxi remunerazzjoni lill-awturi għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom permezz tax-xandir bit-televiżjoni jew bir-radju lill-pazjenti fil-kmamar ta’ stabbiliment termali li huwa impriża kummerċjali tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

2)      Jekk Stat Membru ma jkunx ittraspona d-Direttiva 2001/29 b’mod korrett, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw il-liġi nazzjonali tagħhom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dik id-direttiva, sabiex jaslu għar-riżultat segwit minnha. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma huwiex rilevanti jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva humiex suffiċjentement inkundizzjonati u preċiżi sabiex individwu jkun jista’ jinvokahom kontra l-Istat jew kontra entità assimilata mal-Istat.

3)      L-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi nazzjonali li jirriżervaw l-eżerċizzju tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju tal-Istat Membru għal korp wieħed (li għandu monopolju) ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet tal-awtur u b’hekk ma tippermettix lid-destinatarji tas-servizz għażla libera ta’ korp ta’ ġestjoni kollettiva li jinsab fi Stat Membru ieħor ma hijiex prekluża mill-Artikolu 102 TFUE jew mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar servizzi fis-suq intern. Dawn ir-regoli huma pprojbiti taħt l-Artikolu 56 et seq TFUE biss jekk jiġi stabbilit li ma għandhomx għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat, ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, ma humiex xierqa sabiex jiżguraw li dak l-għan jintlaħaq, jew imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


3 – Suġġett għal ċerti limitazzjonijiet li ma humiex rilevanti f’dan il-każ.


4 – Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


5 – Sa Awwissu 2008, l-eċċezzjoni kienet tkopri wkoll il-fatt li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuni akkomodati waqt li jkunu qed jingħataw servizzi konnessi mal-akkomodazzjoni.


6 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05 Ġabra 2006 p. I‑11519, punti 32 sa 47).


7 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, punti 70 sa 102).


8 – Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120); ara issa l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU 2006 L 376, p. 28). Dik id-dispożizzjoni (li fl-2006 ma nbidlitx) tipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta' dan il-fonogramm, għax-xandir b'mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. […]”.


9 – Sentenzi maqgħuda tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra 2011, p. I‑9083, punti 183 sa 207).


10 – Ara l-punti 74, 75 u 89 tas-sentenza SCF (iċċitata iktar ’il fuq); il-punt 188 tas-sentenza Football Association Premier League (iċċitata iktar ’il fuq).


11 – B’mod partikolari: il-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961; il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi (Att ta’ Pariġi, tal-24 ta’ Lulju 1971), kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979; il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, fl-Anness 1C tal-Ftehim li jistitwixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU 1994 L 336, p. 1); u l-WIPO (Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali) dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi, iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 1996 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000 L 89, p. 6).


12 – Ara l-punt 36 tas-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq); u l-punt 186 tas-sentenza Football Association Premier League (iċċitata iktar ’il fuq).


13 – Ara l-punti 43 sa 46 tas-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq); il-punti 192 sa 194 tas-sentenza Football Association Premier League; u l-punt 82 tas-sentenza SCF (iċċitata iktar ’il fuq).


14 – Ara l-punti 37 sa 39 tas-sentenza SGA (iċċitata iktar ’il fuq) u l-punti 84 sa 87 tas-sentenza SCF (iċċitata iktar ’il fuq).


15 – Ara l-punti 40 sa 42 tas-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq); u l-punti 197 sa 199 tas-sentenza Football Association Premier League (iċċitata iktar ’il fuq).


16 – Ara l-punt 44 tas-sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq); il-punti 204 sa 206 tas-sentenza Football Association Premier League (iċċitata iktar ’il fuq); u l-punti 88 et seq tas-sentenza SCF (iċċitata iktar ’il fuq).


17 – Ara l-punti 95 sa 98 tas-sentenza SCF (iċċitata iktar ’il fuq).


18 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07 Ġabra 2010, p. I‑365, punt 56).


19 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, Ġabra 1990, p. I‑3331, punti 16 sa 22).


20 – Illustrazzjonijiet klassiċi ta’ dawn il-prinċipji huma pprovduti fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89 Ġabra 1990, p. I‑4135); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01 Ġabra 2004, p. I‑8835) u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04 Ġabra 2006, p. I‑6057). Iktar reċenti, ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, punti 23 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, punti 53 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara, pereżempju, il-punti 32 et seq tas-sentenza Dominguez (iċċitata iktar ’il fuq), b’mod partikolari l-punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


22 – Fil-punti 44 sa 46.


23 – Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, (C‑437/09 Ġabra 2011 p. I‑973, punti 67 u 68, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1979, Greenwich Film Production (22/79, Ġabra 1979, p. 3275, punt 12); tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni (7/82, Ġabra 1983, p. 483, punt 38); u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et (C‑92/92 u C‑326/92 Ġabra 1993, p. I‑5145, punt 24).


26 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV4 (C‑52/07, Ġabra 2008, p. I‑9275, punt 29) u l-punti 40 sa 42 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak mogħtija fl-istess kawża.


27 – L-Istabbiliment termali għamel riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-qosor biss, fir-rigward ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Ċeka.


28 – Ara, għal eżempju reċenti tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, punt 37).


29 – Sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni (T‑442/08), dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 – CISAC).


30 –      Ara l-punt 146 et seq tas-sentenza.


31 – Id-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑442/08 kienet tirrigwarda “l-kundizzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ drittijiet ta’ eżekuzzjoni pubblika ta’ xogħlijiet mużikali kif ukoll tal-għoti ta’ liċenzji korrispondenti f’dak li jirrigwarda biss il-metodi ta’ użu bl-internet, bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil” (punt 1 tas-sentenza). Dan il-każ jirrigwarda komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fissi, sitwazzjoni li fiha aspetti territorjali jistgħu jkunu iktar rilevanti.


32 – Sir Roger de Coverley, iċċitat f’“The Spectator”, 20 ta’ Lulju 1711.


33 – COM(2012) 372 finali, li fil-preżent hija pendenti quddiem il-Parlament u l-Kunsill; ara l-punt 3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi. Għalkemm il-qasam kopert mill-proposta ma huwiex eżattament l-istess bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, jidhirli li l-bżonn ta’ azzjoni hija kunsiderazzjoni rilevanti fiż-żewġ każijiet.