Language of document : ECLI:EU:C:2013:288

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2013 (*)

“Libertajiet fundamentali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ — Artijiet u bini li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment tagħhom għall-eżistenza ta’ ‘rabta suffiċjenti’ tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju”

Fil-Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ April 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2011, fil-proċeduri

Eric Libert,

Christian Van Eycken,

Max Bleeckx,

Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL,

Olivier de Clippele

vs

Gouvernement flamand,

fil-preżenza ta’:

Collège de la Commission communautaire française,

Gouvernement de la Communauté française,

Conseil des ministres (C‑197/11),

u

All Projects & Developments NV et

vs

Vlaamse Regering,

fil-preżenza ta’:

College van de Franse Gemeenschapscommissie,

Franse Gemeenschapsregering,

Ministerraad,

Immo Vilvo NV,

PSR Brownfield Developers NV (C‑203/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Libert, Van Eycken u Bleeckx, minn F. Gosselin, avukat,

–        għas-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL, minn C. Lesaffer u E. Desair, avukati,

–        għal All Projects & Developments NV et, minn P. De Bandt u J. Dewispelaere, avukati,

–        għall-Vlaamse Regering, minn P. van Orshoven u A. Vandaele, avukati,

–        għall-Collège de la Commission communautaire française u l-gouvernement de la Communauté française, minn M. Uyttendaele u J. Sautois, avukati,

–        għal Immo Vilvo NV, minn P. Flamey u P. J. Vervoort, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, C. Schillemans u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. van Rijn, I. Rogalski, S. Thomas u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, rispettivament, E. Libert, C. Van Eycken, M. Bleeckx u O. de Clippele u kif ukoll is-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL, kif ukoll All Projects & Developments NV u 35 kumpannija oħra, minn naħa waħda, u Vlaamse Regering, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jissuġġettaw it-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet indikati mill-Vlaamse Regering (iktar ’il quddiem il-“muniċipalitajiet destinatarji”) għal “kundizzjoni partikolari” li dawn il-beni jistgħu jiġu “ttrasferiti”, jiġifieri mibjugħa, mikrija għal iktar minn disa’ snin jew suġġetti għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje biss lil persuni li, skont l-opinjoni ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, għandhom “rabta suffiċjenti” ma’ dawn il-muniċipalitajiet.

3        Barra minn hekk, fil-Kawża C‑23/11, il-Cour constitutionnelle tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE, 63 TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 188, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”), jipprekludux dispożizzjonijiet li jimponu, f’ċerti każijiet, “obbligu soċjali” fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi, li jinvolvi, essenzjalment, li parti mill-proġett tagħhom ta’ kostruzzjoni tkun intiża għall-akkomodazzjoni soċjali jew il-ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali, li jippermetti lil dawn l-operaturi li jibbenefikaw, inkambju, minn diversi inċentivi fiskali u mekkaniżmi ta’ sussidju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“1.      Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

2.      (a)   ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

(b)      ‘Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali. Ix-‘xogħol’ ifisser l-andament tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija civili meħuda bħala ħaġa waħda li hija suffiċenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni [Ewropea] u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

7        L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Firxa territorjali”, jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ residenza permanenti għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom.”

8        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.”

9        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, p. 67, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SIEĠ”), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat [KE].”

10      L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Kompatibbiltà u eżenzjoni min-notifika”, jipprovdi:

“L-għajnujna mill-istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dn id-Deċiżjoni għandha tkun kumpatibbli mas-suq komuni u għandha tkun eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar stretti dwar obbligi ta’ servizz pubbliku li hemm fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Komunità.”

11      Il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123 hija redatta kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini, [...]”

12      L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

(a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[...]

(j)      servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b'mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

[...]”

 Id-dritt Belġjan

13      Id-Digriet tar-Reġjun Fjamming, tas-27 ta’ Marzu 2009, dwar il-politika tal-artijiet u tal-immobbli (Moniteur belge tal-15 ta’ Mejju 2009, p. 37408, iktar ’il quddiem id-“Digriet Fjamming”) jinkludi l-Ktieb 4, li jirrigwarda l-miżuri dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, li fih jinsab, taħt it-Titolu I, Kapitolu 3, intitolat “Obbligi soċjali”, li jinkludi l-Artikolu 4.1.16 li huwa redatt kif ġej:

“§ 1. Meta proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew proġett ta’ kostruzzjoni huwa suġġett għal standard kif iddefinit bit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2, obbligu soċjali huwa marbut ipso jure mal-permess ta’ qsim ta’ artijiet, jew il-permess għal kostruzzjoni rispettivament.

Obbligu soċjali […] jobbliga lill-iżviluppatur jew lill-kuntrattur sabiex iwettaq l-atti sabiex tiġi offruta akkomadazzjoni soċjali li tkun fil-livell perċentwali applikabbli għall-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew għall-proġett ta’ kostruzzjoni.

[...]”

14      L-Artikolu 4.1.17 tal-imsemmi digriet, li jinsab fl-istess Kapitolu 3, jipprovdi:

“L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali skont il-modalitajiet li ġejjin, fid-diskrezzjoni tiegħu:

1°      in specie, skont ir-regoli tal-Artikoli 4.1.20. sa 4.1.24;

2°      bil-bejgħ tal-artijiet meħtieġa għall-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali ffissata minn organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, skont ir-regoli tal-Artikolu 4.1.25;

3°      bil-kiri ta’ djar ta’ abitazzjoni mibnija fil-kuntest ta’ qsim ta’ artijiet jew proġett ta’ kostruzzjoni, lil aġenzija ta’ kiri soċjali, skont ir-regoli tal-Artikolu 4.1.26;

4°      permezz ta’ taħlita ta’ 1°, 2° u/jew 3°.”

15      Skont l-Artikolu 4.1.19 tad-Digriet Fjamming:

“L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali in toto jew in parti permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali lill-muniċipalità li fiha l-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew il-proġett ta’ kostruzzjoni jitwettaq. Il-kontribuzzjoni soċjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat in-numru ta’ abitazzjonijiet soċjali jew ta’ artijiet soċjali li għandhom jitwettqu fil-prinċipju b’EUR 50 000, u billi dan l-ammont jiġi indiċjat abbażi tal-indiċi ABEX, bl-indiċi bażi jkun dak ta’ Diċembru 2008. [...]”

16      L-Artikoli 4.1.20 sa 4.1.24 tad-Digriet Fjamming jipprovdu, favur l-impriżi privati li jwettqu l-“obbligu soċjali” in specie, l-inċentivi fiskali u l-iskemi ta’ sussidju bħalma huma l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud u ta’ rata mnaqqsa tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 4.1.20 § 3(2)), garanzija tax-xiri ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni mibnija li ebda kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali ma tkun disposta li tixtri (Artikolu 4.1.21) u sussidji tal-infrastruttura (Artikolu 4.1.23).

17      Fi kliem l-Artikolu 4.1.22 ta’ dan id-digriet:

“L-akkomodazzjonijiet soċjali għax-xiri u l-lottijiet soċjali magħmula fuq il-bażi tal-obbligu soċjali huma offruti f’isem u għan-nom tal-iżviluppatur jew il-kuntrattur minn kumpanija ta’ akkomodazzjoni soċjali li topera fil-muniċipalità. L-offerta ssir taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Gvern Fjamming għat-trasferiment ta’ beni immobbli mill-Vlaamse Maatschappij voor Sociaal Wonen u l-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali. L-iżviluppatur jew il-kuntrattur u l-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali għandhom għal dan il-għan jikkonkludu ftehim ta’ amministrazzjoni.

Il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali teżerċita, fir-rigward tal-akkomodazzjonijiet soċjali għax-xiri u l-lottijiet soċjali kkonċernati, id-drittijiet kollha ddefiniti minn jew ibbażati fuq il-Kodiċi tal-Akkomodazzjoni Fjamming, bħallikieku għamlithom hija stess.”

18      Barra minn hekk, il-Ktieb 3 tad-Digriet Fjamming jipprovdi li għandhom jingħataw sussidji irrispettivament mill-eżekuzzjoni ta’ kull “obbligu soċjali”. B’mod partikolari, dawn huma sussidji għal “proġetti ta’ attivazzjoni” (Artikolu 3.1.2 ta’ dan id-digriet), it-tnaqqis tat-taxxa tad-dħul tal-persuni fiżiċi miksub fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ rinnovazzjoni (Artikoli 3.1.3 et seq tal-istess digriet) u t-tnaqqis għal darba waħda tal-bażi suġġetta għal drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 3.1.10 tad-digriet imsemmi).

19      Il-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, intitolat “Abitazzjoni fiż-żona stess”, jipprovdi fl-Artikolu 5.2.1 tiegħu:

“§ 1.      Hemm kundizzjoni speċjali għat-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom fir-reġjuni li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt:

1°      huma jirriżultaw mid-destinazzjoni ta’ ‘żona ta’ estensjoni ta’ ħabitat’ imsemmija fid-Digriet Irjali tat-28 ta’ Diċembru 1972 dwar il-preżentazzjoni u l-implementazzjoni tal-abbozzi ta’ pjanijiet u tal-pjanijiet ta’ settur, u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet;

2°      fil-mument tal-firma tal-att ta’ trasferiment taħt firma privata, huma jkunu jinsabu fil-muniċipalitjiet milquta li jkunu ppreżentati fuq il-lista l-iktar riċenti ppubblikata fil-Moniteur belge, imsemmija fl-Artikolu 5.1.1, filwaqt li huwa mifhum li l-att ta’ trasferiment taħt firma privata għandu jkun ikkunsidrat li ġie ffirmat sitt xhur qabel ma tinkiseb data fissa għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ikunu għaddew iktar minn sitt xhur bejn id-data tal-firma u d-data li fiha tinkiseb data fissa.

Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment timplika li l-artijiet u l-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom jistgħu jiġu ttrasferiti biss lil persuni li għandhom, skont il-parir ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni prinċipali, rabta suffiċjenti mal-muniċipalità. Fi ‘trasferimenti’, jidħlu: il-bejgħ, il-kiri għal iktar minn disa’ snin jew l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje.

[...]

Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment tiskadi, b’mod definittiv u mingħajr ma tkun tista’ tiġġedded, wara għoxrin sena li jibdew mill-mument li fih it-trasferiment oriġinali suġġett għall-kundizzjoni ngħata data fissa.

[...]

§ 2. Għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-§ 1, persuna għandha rabta suffiċjenti mal-muniċipalità jekk hija tissodisfa waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      tkun ilha residenti fil-muniċipalità jew f’muniċipalità viċina għal mhux inqas minn sitt snin b’mod kontinwu, bil-kundizzjoni li din il-muniċipalità tkun ukoll inkluża fil-lista li tissemma fl-Artikolu 5.1.1;

2°      fid-data tat-trasferiment, tkun teżerċita attivitajiet fil-muniċipalità, sakemm dawn l-attivitajiet jokkupaw medja ta’ mhux inqas minn nofs ġimgħa tax-xogħol;

3°      tkun bniet mal-muniċipalità rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil.

[...]”

20      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-“muniċipalitajiet destinatarji”, b’mod konformi mal-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet Fjamming, huma dawk fejn il-prezz medju tal-artijiet huwa l-ogħla għal kull m2 u fejn l-intensità ta’ migrazzjoni interna jew esterna hija l-ogħla. Mill-ordni tal-Gvern Fjamming tad-19 ta’ Ġunju 2009, li jistabbilixxi lista ta’ muniċipalitajiet fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar il-politika tal-artijiet u tal-bini (Moniteur belge tat-22 ta’ Settembru 2009, p. 63341), jirriżulta li n-numru ta’ muniċipalitajiet destinatarji huwa 69.

21      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5.2.3 ta’ dan id-digriet, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali u t-terzi affettwati jistgħu jitolbu n-nullità tat-trasferiment li jkun seħħ bi ksur tal-kundizzjoni speċjali.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-197/11

22      F’din il-kawża, E. Libert, C. Van Eycken u M. Bleeckx, b’domiċilju fil-Belġju, kif ukoll is-Syndicat national des propriétaires et copropriétaires ASBL u O. de Clippele, nutar, talbu lill-Cour constitutionnelle sabiex tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming peress li dawn jillimitaw id-dritt ta’ akkwist jew ta’ bejgħ ta’ beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji.

23      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-imsemmija qorti tirrileva li d-dispożizzjonijiet ikkontestati quddiemha, fl-ewwel lok, jipprekludu lill-persuni li ma għandhomx “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalitajiet destinatarji, fis-sens tal-Artikolu 5.2.1 § 2 tal-imsemmi digriet, milli jakkwistaw, jikru għal iktar minn disa’ snin jew ukoll li jissuġġettaw għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje, beni immobbli li jkunu jinsabu f’dawn il-muniċipalitajiet. Fit-tieni lok, dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom il-proprjetà ta’ beni jew jikru beni f’dawn il-muniċipalitajiet milli jitilqu minnhom u milli jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jew milli jeżerċitaw fih attività professjonali inkwantu, wara ċertu żmien ta’ residenza barra minn dawn il-muniċipalitajiet, huma ma jkollhomx iktar “rabta suffiċjenti” magħhom.

24      F’dan ir-rigward, il-Cour constitutionnelle tikkunsidra li, skont ix-xogħlijiet preparatorji tad-Digriet Fjamming, dan huwa intiż sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ immobbli tal-popolazzjoni lokali f’ċerti muniċipalitajiet Fjammingi fejn il-prezz għoli tal-artijiet iwassal għal “ġentrifikazzjoni”, jiġifieri l-esklużjoni mis-suq tal-immobbli tal-popolazzjoni l-inqas ixxurtjata minħabba l-wasla ta’ persuni “finanzjarjament iktar b’saħħithom” li joriġinaw minn muniċipalitajiet oħra. Għalhekk, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk tali għan jistax jitqies li jaqa’ taħt l-“interess ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li għalhekk jiġġustifika l-miżuri restrittivi adottati mill-Gvern Fjamming u, fit-tieni lok, jekk dawn il-miżuri humiex neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħaq tali għan.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 21 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE], 56 [TFUE] u 63 [TFUE] u l-Artikoli 22 u 24 tad-[Direttiva 2004/38] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-iskema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-[Digriet Fjamming], li jissuġġetta, f’ċerti komuni [muniċipalitajiet] msejħa komuni mmirati [‘muniċipalitajiet destinatarji’], it-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom għall-prova, mix-xerrej jew mill-kerrej, ta’ rabta suffiċjenti mal-komuni skont l-Artikolu 5.2.1(2) tad-Digriet?”

 Il-Kawża C-203/11

26      It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda rikors għall-annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming ippreżentat quddiem il-Cour constitutionnelle minn All Projects & Developments NV u 35 kumpannija oħra taħt il-liġi Belġjana li jeżerċitaw attività professjonali fis-settur tal-immobbli fir-Reġjun Fjamming.

27      Dawn il-kumpanniji jsostnu, minn naħa, li l-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti, skont il-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll id-Direttivi 2006/123 u 2004/18, u li l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju, previsti fl-istess Ktieb 4, li minnhom huma jibbenefikaw inkambju għall-obbligu soċjali impost fuqhom, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali li, inkwantu ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni ta’ rkupru.

28      Min-naħa l-oħra, dawn l-istess kumpanniji jsostnu li l-“kundizzjoni speċjali” fuq it-trasferiment ta’ beni, prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE, fid-dawl tal-fatt li, minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, ikun hemm inqas xerrejja potenzjali għal-lottijiet u l-abitazzjonijiet li huma jiżviluppaw fil-muniċipalitajiet destinatarji.

29      F’dan il-kuntest, peress li għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 107 [TFUE] u 108 [TFUE], moqrija flimkien mad-[Deċiżjoni SIEĠ], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-miżuri inklużi fl-Artikoli 3.1.3, 3.1.10, 4.1.20 [§ 3(2)], 4.1.21 u 4.1.23 tad-[Digriet Fjamming] jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-adozzjoni jew id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

2)      Leġiżlazzjoni li timponi ipso iure fuq individwi privati, li l-qsim tal-art jew il-proġett ta’ kostruzzjoni tagħhom huwa ta’ daqs minimu partikolari, ‘obbligu soċjali’ li jammonta għal minimu ta’ 10 % u għal massimu ta’ 20 % ta’ dan il-qsim tal-art jew ta’ dan il-proġett ta’ kostruzzjoni, li jista’ jitwettaq in specie jew permezz tal-ħlas ta’ somma ta’ EUR 50 000 għal kull plott jew akkomodazzjoni soċjali li ma jiġix kostruwit, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi jew tal-moviment liberu tal-kapital, jew inkella għandha tiġi kklassifikata bħala skema kumplessa li għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kull waħda minn dawn il-libertajiet?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(a) u (j) tagħha, id-Direttiva [2006/123] hija applikabbli għall-kostruzzjoni obbligatorja ta’ djar u appartamenti soċjali, imposta ipso iure fuq persuni privati bħala ‘obbligu soċjali’ marbut ma’ kull permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art fir-rigward ta’ proġett ta’ daqs minimu legali, fejn tali akkomodazzjoni tkun inxtrat bi prezzijiet massimi predeterminati minn kumpanniji tal-akkomodazzjoni soċjali sabiex jinkrew lil kategorija kbira ta’ individwi, jew inkella jinbiegħu, permezz ta’ sostituzzjoni tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali, lil persuni li jifformaw parti mill-istess kategorija?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ ‘rekwiżit li għandu jiġi evalwat’ li jinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt dan il-kunċett jaqa’ l-obbligu għall-persuni privati li jikkontribwixxu, minbarra l-attività abitwali tagħhom jew bħala parti minnha, għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali u għat-trasferiment, bi prezzijiet massimi, tal-akkomodazzjoni hekk kostruwita lil korpi pubbliċi jew permezz tas-sostituzzjoni tagħhom, minkejja li dawn il-persuni privati ma jkollhom ebda dritt ta’ inizjattiva ieħor fis-suq tal-akkomodazzjoni soċjali?

5)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-qorti nazzjonali għandha tapplika sanzjoni, u jekk fl-affermattiv, liema sanzjoni għal

a)      konstatazzjoni li rekwiżit ġdid suġġett għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2006/123] ma kienx speċifikament evalwat skont l-Artikolu 15(6) ta’ dik id-direttiva;

b)      konstatazzjoni li dan ir-rekwiżit il-ġdid ma ġiex innotifikat skont l-Artikolu 15(7) ta’ din id-direttiva?

6)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ ‘rekwiżit ipprojbit’ imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fis-sitwazzjonijiet deskritti f’dan l-artikolu, leġiżlazzjoni nazzjonali mhux biss jekk din tissuġġetta għal rekwiżit l-aċċess għall-attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha, iżda anki jekk tali leġiżlazzjoni sempliċement tipprovdi li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit ikollu l-konsegwenza li l-kumpens finanzjarju previst għall-provvista ta’ servizz impost mil-liġi ma jingħatax u li l-garanzija finanzjarja mogħtija fir-rigward tat-twettiq ta’ dan is-servizz ma tkunx irrimborsata?

7)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ ‘operatur li jikkompeti’ imsemmi fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa wkoll applikabbli fir-rigward ta’ korp pubbliku li l-kompiti tiegħu jistgħu parzjalment jinterferixxu ma’ dawk tal-fornituri ta’ servizzi, jekk dan l-istess korp huwa dak li jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva u huwa wkoll marbut, fl-aħħar fażi tas-sistema ta’ kaskata, jixtri l-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali mibni minn fornitur ta’ servizz b’eżekuzzjoni tal-‘obbligu soċjali’ li kien impost fuqu?

8      a)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika fir-rigward ta’ ċertifikati maħruġa minn korp pubbliku wara l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art, li huma meħtieġa sabiex jingħata dritt għal ċertu kumpens mogħti għall-eżekuzzjoni tal-‘obbligu soċjali’ li kien legalment marbut ma’ dan il-permess oriġinali u li huma wkoll neċessarji sabiex jinkiseb rimbors tal-garanzija finanzjarja imposta fuq il-fornitur ta’ servizz favur dan il-korp pubbliku?

b)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ ‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal ftehim li persuna privata tikkonkludi mal-korp pubbliku skont regola legali fil-kuntest tas-sostituzzjoni ta’ dan il-korp fir-rigward tal-bejgħ ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali li tali persuna bniet bħala eżekuzzjoni, in specie, tal-‘obbligu soċjali’ li huwa legalment marbut ma’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tikkundizzjona l-implementazzjoni ta’ dan il-permess?

9)      L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ ‘obbligu soċjali’ li jikkonsisti fil-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ, bi prezz massimu, lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

10)      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ ‘obbligu soċjali’ li jikkonsisti fil-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ, bi prezz massimu, lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

11)      Il-kunċett ta’ ‘kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi’ li jinsab fl- Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva [2004/18] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ ‘obbligu soċjali’ li jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

12)      L-Artikoli 21 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE], 56 [TFUE] u 63 TFUE u l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva [2004/38] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming li, f’ċerti komuni [muniċipalitajiet] msejħa komuni destinatarji [muniċipalitajiet destinatarji], it-trasferiment tal-artijiet u tal-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom huwa suġġett għall-prova li x-xerrej jew il-kerrej ikollu rabta suffiċjenti mal-komun fis-sens tal-Artikolu 5.2.1(2) tad-digriet?”

30      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kawżi C‑197/11 u C‑203/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda fil-Kawża C‑197/11 u t-tnax-il domanda fil-Kawża C‑203/11

31      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji għall-verifika, minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet.

 Osservazzjonijiet preliminari

32      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Fjamming isostni li ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi minħabba l-fatt li dawn jikkonċernaw biss, fil-fehma tiegħu, sitwazzjoni purament interna li ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, li jinvolvu ċittadini Belġjani b’domiċilju fil-Belġju jew impriżi stabbiliti fit-territorju Belġjan, huma limitati għal Stat Membru wieħed, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati ma humiex applikabbli.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex jiġu implementati dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 33, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra p. I‑3375, punt 45).

34      Ċertament huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhom nazzjonalità Belġjana u li l-elementi kollha tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed. Madankollu, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li ċittadini jew impriżi fi Stati Membri li ma jinkludux ir-Renju tal-Belġju jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw jew jikru beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji u jkunu għalhekk affettwati mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C-470/11, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja preċiżament fil-kuntest ta’ proċedura għall-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li japplikaw mhux biss għaċ-ċittadini Belġjani, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. Konsegwentement, id-deċiżjoni li dik il-qorti tadotta wara li tingħata din is-sentenza jkollha effetti wkoll fil-konfront ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tippronunzja ruħha fuq iż-żewġ domandi hawn fuq previsti.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

38      Għandu, qabelxejn, jitfakkar li l-Artikolu 21 TFUE u, fil-qasam rispettiv tagħhom, l-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprojbixxu l-miżuri nazzjonali li jipprekludu jew jiskoraġġixxu liċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu minnu sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni. Tali miżuri, anki jekk dawn japplikaw b’mod indipendenti min-nazzjonalità taċ-ċittadini kkonċernati, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti minn dawn l-artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑152/05, Ġabra p. I-39, punti 21 u 22; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑253/09, Ġabra p. I‑12391, punti 46, 47 u 86, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, punt 28).

39      Fil-każ ineżami, kif il-Cour constitutionnelle rrilevat fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jipprekludu lill-persuni li ma jkollhomx “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità destinatarja, fis-sens tal-Artikolu 5.2.1 § 2 ta’ dan id-digriet, milli jakkwistaw artijiet jew kostruzzjonijiet fuqhom, milli jikruhom għal żmien itwal minn disa’ snin jew ukoll milli jissuġġettawhom għal dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje.

40      Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni li huma proprjetarji jew inkwilini ta’ beni fil-muniċipalitajiet destinatarji milli jitilqu tali beni sabiex jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew sabiex jeżerċitaw fih attività professjonali. Fil-fatt, wara terminu partikolari ta’ residenza barra minn dawn il-muniċipalitajiet, dawn iċ-ċittadini ma jkollhomx iktar neċessarjament “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità kkonċernata meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 5.2.1 § 2 għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

41      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jikkostitwixxu ċertament restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali stipulati fl-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE u 49 TFUE, kif ukoll fl-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38.

42      Imbagħad, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stipulata fl-Artikolu 56 TFUE, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Digriet Fjamming jistgħu wkoll jostakolaw l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-impriżi attivi fis-settur tal-immobbli, kemm fir-rigward ta’ dawk li huma stabbiliti fit-territorju Belġjan u joffru s-servizzi tagħhom partikolarment lil persuni li ma humiex residenti kif ukoll dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra.

43      Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-beni immobbli li jinsabu f’muniċipalità destinatarja ma jistgħux jinbiegħu jew jinkrew lil kull ċittadin tal-Unjoni, iżda biss lil dawk li jistgħu juru li għandhom “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità kkonċernata, u dan jirrestrinġi manifestament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-impriżi tal-immobbli inkwistjoni.

44      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jitfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, jinkludu wkoll dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 21).

45      B’mod partikolari, dan huwa l-każ ta’ miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-investimenti fil-proprjetà immobbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li bl-għan tagħhom stess jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Issa, fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jipprovdi tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem intiża sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali ta’ beni immobbli u l-muniċipalità destinatarja kkonċernata.

47      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-obbligu li wieħed joqgħod għal tali proċedura jista’ jiskoraġġixxi persuni mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi proprjetà immobbli f’xi waħda mill-muniċipalitajiet destinatarji tar-Reġjun Fjamming u, għalhekk, tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming jikkostitwixxu b’mod ċar restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tal-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming

49      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu madankollu jiġu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu l-għan tagħhom u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Woningstichting Sint Servatius, punt 25, u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, punt 69).

50      F’dan ir-rigward, il-Vlaamse Regering isostni li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” tal-akkwirent jew tal-kerrej potenzjali mal-muniċipalità kkonċernata hija ġġustifikata partikolarment mill-għan li jkunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ immobbli tal-popolazzjoni lokali l-inqas sinjura, b’mod partikolari persuni soċjalment żvantaġġati u familji żgħażagħ kif ukoll persuni waħedhom li ma jkunux kapaċi jikkostitwixxu kapital suffiċjenti sabiex jakkwistaw jew jikru beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji. Din il-parti mill-popolazzjoni lokali hija, fil-fatt, eskluża mis-suq tal-immobbli minħabba l-wasla ta’ gruppi ta’ persuni b’kapaċità finanzjarja iktar b’saħħitha, li joriġinaw minn muniċipalitajiet oħra, li jistgħu jlaħħqu mal-prezz għoli tal-artijiet u tal-bini fil-muniċipalitajiet destinatarji.

51      Is-sistema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming hija għalhekk intiża, b’għan ta’ ppjanar tat-territorju, sabiex tiżgura provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, għalhekk, jiġġustifikaw restrizzjonijiet bħalma huma dawk stabbiliti mid-Digriet Fjamming (ara s-sentenzi Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, Ġabra p. I‑1915, punt 74).

53      Madankollu, għad għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” mal-muniċipalità destinatarja kkonċernata tikkostitwixxix miżura neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan invokat mill-Vlaamse Regering imsemmi fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5.2.1 § 2 tad-Digriet Fjamming jipprovdi tliet kundizzjonijiet alternattivi, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi sistematikament ivverifikata mill-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali, sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità destinatarja kkonċernata tkun sodisfatta. L-ewwel kundizzjoni tikkonsisti fir-rekwiżit tar-residenza tal-persuna li lilha l-proprjetà immobbli għandha tiġi ttrasferita fil-muniċipalità destinatarja jew muniċipalità viċina għal mhux inqas minn sitt snin b’mod mhux interrott qabel it-trasferiment previst. Skont it-tieni kundizzjoni, dan l-akkwirent jew kerrej għandu, fid-data tat-trasferiment, ikun iwettaq attivitajiet fil-muniċipalità inkwistjoni, li għandhom tal-inqas jirrappreżentaw bħala medja nofs ġimgħa xogħol. It-tielet kundizzjoni tipprovdi li dan l-akkwirent jew kerrej ikun ħoloq ma’ din il-muniċipalità rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u ta’ żmien twil.

55      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija direttament relatata mal-aspetti soċjoekonomiċi marbuta mal-għan li tiġi protetta biss il-popolazzjoni lokali l-inqas sinjura fis-suq tal-immobbli invokat mill-Vlaamse Regering. Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu sodisfatti mhux biss minn din il-popolazzjoni l-inqas sinjura, iżda wkoll minn persuni oħrajn b’riżorsi suffiċjenti u li, għalhekk, ma jkollhom ebda ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni soċjali fl-imsemmi suq. Għalhekk, dawn il-miżuri jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li miżuri oħra inqas restrittivi minn dawk stabbiliti mid-Digriet Fjamming huma ta’ natura li jirrispondu għall-għan imfittex minn dan id-digriet mingħajr ma neċessarjament iwasslu, de facto, għal projbizzjoni ta’ akkwist jew kiri fil-konfront ta’ kull akkwirent jew kerrej potenzjali li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Pereżempju, jista’ jkun previst li jiġu pprovduti inċentivi għax-xiri jew tipi oħra ta’ sussidji maħsuba speċifikament għal persuni inqas sinjuri sabiex ikunu jistgħu, speċjalment dawk li jistgħu juru li għandhom dħul baxx, jakkwistaw jew jikru beni immobbli fil-muniċipalitajiet destinatarji.

57      Finalment, għandu jitfakkar fir-rigward b’mod partikolari tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li teħtieġ li tkun stabbilita rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u l-muniċipalità kkonċernata minħabba ċirkustanza importanti u ta’ żmien twil, li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel ma tistax tilleġittima mġiba diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura li ċċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ libertà fundamentali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex tali sistema tkun iġġustifikata anki meta din tidderoga minn tali libertà fundamentali, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din tkun xierqa sabiex tillimita suffiċjentement l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Issa, minħabba n-natura vaga ta’ din il-kundizzjoni u n-nuqqas ta’ speċifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom hija għandha titqies sodisfatta fil-każijiet konkreti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.2.1 tad-Digriet Fjamming ma jirrispondix għal dawn ir-rekwiżiti.

59      Konsegwentement, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, bħal dik inkwistjoni fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, ma tistax titqies li hija bbażata fuq kundizzjonijiet li jistgħu jillimitaw suffiċjentement l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali u, għalhekk, tali sistema ma tistax tiġġustifika deroga minn libertà fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda fil-Kawża C-197/11 u għat-tnax-il domanda fil-Kawża C-203/11 għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet Fjamming, li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-muniċipalitajiet destinatarji għall-verifika minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet.

 Fuq it-tieni, id-disa’ u l-għaxar domandi fil-Kawża C‑203/11

61      B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik stabbilita fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi mal-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet.

62      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, qabelxejn, jiġi kkonstatat li, minkejja li l-imsemmija leġiżlazzjoni tista’ taqa’ taħt it-tliet libertajiet fundamentali invokati mill-qorti tar-rinviju, jibqa’ xorta waħda l-fatt li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jikkostitwixxu, fil-kawża prinċipali, konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital u ma jiġġustifikawx, għalhekk, eżami awtonomu tal-istess leġiżlazzjoni fid-dawl tal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Minn dan isegwi li s-sistema prevista fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming għandu jiġi eżaminat esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetà immobbli fi Stati Membri oħra. B’mod partikolari, dan huwa l-każ ta’ miżuri nazzjonali li jissuġġettaw l-investimenti fil-proprjetà immobbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem, li bl-għan tagħhom stess jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22).

65      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, ċerti żviluppaturi jew kuntratturi, sabiex jiksbu permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, huma marbuta li jissottomettu ruħhom għal proċedura li fl-ambitu tagħha huma għandhom jeżegwixxu obbligu soċjali, li huwa dak li jassenjaw parti mill-proġett tagħhom għall-kostruzzjoni ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jew li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja lill-muniċipalità fejn isir il-proġett.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, ladarba l-investituri inkwistjoni ma humiex f’pożizzjoni, kif il-Cour constitutionnelle tirrileva fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li jużaw liberament l-artijiet għall-iskopijiet li għalihom huma jintendu jagħmlu l-akkwist tagħhom, is-sistema stabbilita mill-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

67      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-imsemmija operaturi ekonomiċi li jissodisfaw l-obbligu soċjali previst mill-imsemmi digriet, sa fejn dan huwa intiż sabiex jiżgura provvista suffiċjenti ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni lil persuni bi dħul baxx jew lil kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali, jista’ jiġi ġġustifikat minn rekwiżiti marbuta mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

68      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk tali obbligu jissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk dan huwiex neċessarju u xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tieni, id-disa’ u l-għaxar domandi fil-Kawża C‑203/11 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik adottata fil-Ktieb 4 tal-imsemmi Digriet tar-Reġjun Fjamming, li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi meta dawn tal-aħħar jingħataw permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, sa fejn ikun ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju li din il-leġiżlazzjoni hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-203/11

70      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fid-dawl tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni SIEĠ, l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju previsti fid-Digriet Fjamming għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat suġġetta għal obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni.

71      Xi wħud mill-miżuri inkwistjoni huma speċifikament intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-iżviluppaturi kif ukoll il-kuntratturi u jikkonsistu, fl-ewwel lok, fl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-bejgħ ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ rata mnaqqsa tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni għax-xiri ta’ art għal kostruzzjoni (Artikolu 4.1.20 § 3(2) tad-Digriet Fjamming), fit-tieni lok, f’garanzija ta’ xiri fir-rigward tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni mibnija (Artikolu 4.1.21 ta’ dan id-digriet) u, fit-tielet lok, f’sussidji tal-infrastruttura (l-Artikolu 4.1.23 tal-istess digriet).

72      Miżuri oħra jimmiraw li “jattivaw mill-ġdid” artijiet u immobbli u jikkonsistu fi tnaqqis tat-taxxa fuq il-persuni fiżiċi miksuba fl-ambitu tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ rinnovazzjoni (Artikoli 3.1.3 et seq tal-istess digriet) u tnaqqis għal darba waħda tal-bażi suġġetta għal drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 3.1.10 tad-digriet hawn fuq imsemmi). Kif speċifikat mill-Cour constitutionnelle fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, minkejja li l-benefiċjarju ta’ tali miżuri huwa persuna fiżika, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn jipprovdu indirettament benefiċċju lill-impriżi attivi fis-settur tar-rinnovazzjoni tal-immobbli.

73      Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/11, il-qorti tar-rinviju għandha tiġi pprovduta bl-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettulha tiddetermina jekk il-miżuri deskritti fil-żewġ punti preċedenti jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, Ġabra p. I‑5243, punti 23 u 24).

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti. B’dan il-mod, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi Fallimento Traghetti del Mediterraneo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia, C‑417/10, punt 37).

75      Fil-kawża prinċipali, minkejja li l-qorti tar-rinviju tqis li l-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming jissodisfaw l-ewwel u r-raba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hija għandha dubji fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-impatt ta’ tali miżuri fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u tat-tielet kundizzjoni, dwar in-natura selettiva tagħhom.

76      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, Ġabra p. I-11137, punt 54, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 140).

77      B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unicredito Italiano, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 141).

78      F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hija stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu. Minbarra dan, rinforz ta’ impriża li, sa dak iż-żmien, ma kinitx tipparteċipa fil-kummerċ intra-Komunitarju jista’ jqiegħdha f’sitwazzjoni li tippermettilha li tippenetra s-suq ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unicredito Italiano, punt 58, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 143).

79      Fil-Kawża C‑203/11, ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming isaħħu l-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra attivi fil-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, il-vantaġġ, f’termini ta’ kompetittività, mogħti permezz tas-sussidji mogħtija lill-operaturi kkonċernati jista’ jkun tali li jrendi iktar diffiċli l-penetrazzjoni fis-suq Belġjan minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri għajr dak tar-Renju tal-Belġju u anki jiffaċilita l-penetrazzjoni ta’ swieq oħra mill-operaturi Belġjani inkwistjoni.

80      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li miżura nazzjonali li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I-5293, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 8 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, p. 5), l-għajnuna li ma teċċedix limitu ta’ EUR 200 000 fuq perijodu ta’ tliet snin hija meqjusa li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Tali miżuri huma esklużi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u ma humiex għalhekk suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

82      Fit-tilwima tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fil-fatt, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni premessi u fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistax jiġi affettwat mill-miżuri stabbiliti mid-Digriet Fjamming u jekk ir-Regolament Nru 1998/2006 huwiex applikabbli fil-każ ineżami.

83      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, dwar in-natura vantaġġuża tal-imsemmija miżuri, għandu jitfakkar li huma kkunsidrati għajnuna l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 59).

84      Min-naħa l-oħra, sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens inkambju għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 87).

85      Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ikun jista’ jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

86      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, qabel ma jiġu eżaminati dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi speċifikat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti tista’ tiġi applikata biss għall-miżuri stabbiliti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li għandhom biss l-għan li jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih l-iżviluppaturi u l-kuntratturi huma suġġetti.

87      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-impriża li tibbenefika minn tali kumpens għandha fil-fatt tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

88      F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Istati Membri għandhom, ma jistax jiġi eskluż li s-servizzi tal-akkomodazzjoni soċjali jistgħu jiġu kklassifikati taħt is-“servizz pubbliku”. F’dan ir-rigward, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-obbligu soċjali ma jibbenefikax direttament lill-individwi, l-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali, iżda lill-kumpanniji tal-akkomodazzjoni soċjali, ma għandu l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tas-servizz inkwistjoni.

89      Fit-tieni lok, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li huwa jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

90      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li, minkejja li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Fjamming jippermettu li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-miżuri stabbiliti minnu, dawn ma jippermettux, madankollu, li jiġu ddeterminati b’mod suffiċjentement oġġettiv u trasparenti l-parametri li fuq il-bażi tagħhom il-kumpens huwa kkalkolat.

91      Fit-tielet lok, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tiġi koperta t-totalità jew parti mill-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

92      Fir-raba’ lok, dan il-kumpens għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż inkorsi minn impriża ta’ daqs medju, amministrata tajjeb u li għandha l-mezzi neċessarji xierqa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul marbut magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

93      L-eżami ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-aħħar jeħtieġu evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

94      Issa, anki jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha l-elementi neċessarji sabiex twettaq din l-evalwazzjoni, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, għandu jitfakkar li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija tat l-interpretazzjoni, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Cour constitutionnelle li tevalwa, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni premessi, jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

96      Fil-każ li hija tasal għal tali konklużjoni fir-rigward tal-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali li l-kuntratturi u l-iżviluppaturi għandhom jissodisfaw, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn il-miżuri jistgħux ikunu eżentati, skont id-Deċiżjoni SIEĠ, mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni SIEĠ, din tapplika partikolarment għall-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lill-impriżi tal-akkomodazzjoni soċjali li jeżerċitaw attivitajiet ikklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-Istat Membru kkonċernat.

98      Kif tipprovdi l-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

99      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni SIEĠ jistipula li għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ tali servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-deċiżjoni.

100    Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kundizzjonijiet huma bbażati fuq dawk stabbiliti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, partikolarment l-ewwel tlieta minnhom, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha f’din is-sentenza, kif diġà ntqal fil-punt 94 ta’ din is-sentenza.

101    Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni fis-sens tad-Deċiżjoni SIEĠ hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-miżuri stabbiliti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming, imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza.

102    Għalhekk, hemm lok li għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/11 tingħata r-risposta li l-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju previsti fid-Digriet Fjamming jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat humiex sodisfatti u, fil-każ affermattiv, fir-rigward tal-miżuri previsti fil-Ktieb 4 tad-Digriet Fjamming intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-kuntratturi u l-iżviluppaturi, li tivverifika jekk id-Deċiżjoni SIEĠ tapplikax xorta waħda għal tali miżuri.

 Fuq it-tielet sat-tmien domandi fil-Kawża C‑203/11

103    B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/123 hijiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali u, fil-każ affermattiv, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

104    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, kif ipprovdut fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva, din ma hijiex applikabbli, inter alia, “għal ħtiġijiet, bħal regoli […] dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini […]”.

105    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2)(j), l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal servizzi relatati mal-akkomodazzjoni soċjali jew mal-assistenza lill-persuni li huma b’mod permanenti jew temporanju f’sitwazzjoni ta’ bżonn li huma pprovduti mill-Istat jew minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat.

106    Issa, kif jirriżulta mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, id-Digriet Fjamming jipprevedi għanijiet ta’ ppjanar tat-territorju u tal-akkomodazzjoni soċjali.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għal leġiżlazzjoni bħalma huwa d-Digriet Fjamming u li, għalhekk, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet sat-tmien domandi li saru fil-Kawża C‑203/11.

 Fuq id-domanda ħdax fil-Kawża C‑203/11

108    B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li għandhom sussegwentement jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni għall-fornitur ta’ servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18.

109    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-punt (a) tal-istess artikolu, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jirriżulta mill-adempiment ta’ erba’ kriterji, jiġifieri kuntratt konkluż bil-miktub, b’titolu oneruż, bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti, filwaqt li dan il-kuntratt għandu jkollu bħala għan l-eżekuzzjoni, jew il-ħolqien u l-eżekuzzjoni flimkien, ta’ xogħlijiet marbuta ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jew ta’ xogħol, jew it-twettiq, bi kwalunkwe mezz li jkun, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti.

110    Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista’ tivverifika jekk dawn il-kriterji humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali, hija għalhekk se tillimita ruħha, f’din is-sentenza, sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju elementi li jistgħu jkunu utli għaliha sabiex tagħmel din il-evalwazzjoni.

111    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ kuntratt bil-miktub, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Cour constitutionnelle donnha għandha dubji dwar jekk dan il-kriterju huwiex sodisfatt fil-każ ineżami, inkwantu l-obbligu soċjali impost, li jikkonsisti fil-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, ma kienx verament l-għan ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni u l-operatur ekonomiku. Fil-fatt, l-obbligu soċjali huwa impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi direttament permezz tad-Digriet Fjamming u japplika għalihom sempliċement minħabba li dawn huma proprjetarji tal-artijiet li għalihom huma jitolbu permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi konkluż li hemm relazzjoni kuntrattwali bejn suġġett li jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità kontraenti u kuntrattur jew żviluppatur, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ qsim tal-art f’lottijiet bejn l-amministrazzjoni u l-operatur ekonomiku kkonċernat bl-iskop li jiġu ddeterminati x-xogħlijiet li dan tal-aħħar għandu jwettaq u kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħhom.

113    Meta jkun ġie ffirmat tali ftehim, il-fatt li l-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali jkun impost direttament mir-regolamentazzjoni interna u li l-kontraenti tal-amministrazzjoni jkun neċessarjament il-persuna li għandha l-proprjetà tal-artijiet għall-bini ma huwiex suffiċjenti għall-esklużjoni tan-natura kuntrattwali tar-relazzjoni stabbilita bejn l-amministrazzjoni u l-iżviluppatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C‑399/98, Ġabra p. I‑5409, punti 69 u 71).

114    Issa, filwaqt li huwa veru li d-Digriet Fjamming jirrikjedi espressament, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.1.22, il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-kuntrattur jew l-iżviluppatur u l-kumpannija tal-akkomodazzjoni soċjali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirregolax, bħala prinċipju, ir-relazzjonijiet bejn l-awtorità kontraenti u l-operatur ekonomiku kkonċernat. Barra minn hekk, jidher li tali ftehim ma jirrigwardax il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali iżda biss il-fażi sussegwenti, jiġifieri dik ta’ meta dawn jitqiegħdu fis-suq.

115    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, filwaqt li tqis il-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha kif ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ fil-kawża prinċipali, jekk il-bini tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fl-ambitu ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku u jekk dan jissodisfax il-kriterji l-oħra msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza.

116    F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jitfakkar li, minn naħa waħda, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni li l-valur stmat tiegħu jilħaq il-limitu ta’ applikazzjoni previst fl-Artikolu 7(ċ) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ tipi ta’ kuntratti konklużi minn entitajiet pubbliċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

117    Dawn huma, fl-ewwel lok, kuntratti konklużi minn entità pubblika ma’ persuna ġuridikament distinta minnha meta, fl-istess ħin, din l-entità teżerċita fuq din il-persuna kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u dik il-persuna twettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħha mal-entità jew l-entitajiet li tagħmel parti minnhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C-159/11, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Fit-tieni lok, dawn huma kuntratti li jistabbilixxu kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi li għandhom l-għan li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku li huwa komuni għalihom. F’dan il-każ, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma humiex applikabbli sa fejn: barra minn hekk, tali kuntratti jkunu konklużi esklużivament minn entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata; ebda fornitur privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni privileġġata meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu; u l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu tkun irregolata biss minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti xierqa għat-tfittxija tal-għanijiet ta’ interess pubbliku (ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).

119    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għad-domanda ħdax fil-Kawża C‑203/11 għandha tingħata r-risposta li l-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li mbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni tal-fornitur tas-servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni b’din l-organizzazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 meta l-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

120    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik prevista fil-Ktieb 5 tad-Digriet tar-Reġjun Fjamming, tas-27 ta’ Marzu 2009, dwar il-politika tal-artijiet u tal-immobbli, li tissuġġetta t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet indikati mill-Gvern Fjamming għall-verifika minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali tal-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” bejn l-akkwirent jew il-kerrej potenzjali u dawn il-muniċipalitajiet.

2)      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik adottata fil-Ktieb 4 tal-imsemmi Digriet tar-Reġjun Fjamming, li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ “obbligu soċjali” fuq ċerti operaturi ekonomiċi meta dawn tal-aħħar jingħataw permess tal-bini jew tal-qsim tal-art f’lottijiet, sa fejn ikun ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju li din il-leġiżlazzjoni hija neċessarja u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata provvista ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti għal persuni bi dħul baxx jew għal kategoriji żvantaġġati oħra tal-popolazzjoni lokali.

3)      L-inċentivi fiskali u l-mekkaniżmi ta’ sussidju previsti fl-istess Digriet tar-Reġjun Fjamming jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat humiex sodisfatti u, fil-każ affermattiv, fir-rigward tal-miżuri previsti fil-Ktieb 4 ta’ dan id-digriet intiżi sabiex jikkumpensaw għall-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-kuntratturi u l-iżviluppaturi, li tivverifika jekk id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) [KE] rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, tapplikax xorta waħda għal tali miżuri.

4)      Il-bini ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li mbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika tal-akkomodazzjoni soċjali jew permezz tas-sostituzzjoni tal-fornitur tas-servizzi li bena dawn il-postijiet ta’ akkomodazzjoni b’din l-organizzazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, meta l-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u l-Olandiż.