Language of document : ECLI:EU:C:2015:34

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 (1)

Kawżi magħquda C-317/13 u C-679/13

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Kawża C-540/13

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Bażi legali — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Miżuri ta’ implementazzjoni — Assenza ta’ konsultazzjoni tal-Parlament — Effett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 — Għan — Effetti legali”





1.        Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ġab bidliet sinjifikattivi fil-pajsaġġ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, li jifforma l-isfond legali sabiex jiġu adottati miżuri dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali fl-UE (li kien it-Titolu VI tat-Trattat UE) (ukoll iktar ’il quddiem it-“tielet pilastru”). Tradizzjonalment, it-tielet pilastru kien ikkaratterizzat minn teħid ta’ deċiżjonijiet intergovernattivi, u l-Parlament Ewropew kien igawdi biss sinjifikat marġinali. Iżda, permezz tal-“Lisbonizzazzjoni”, it-tielet pilastru ġie inkorporat fil-qafas sovranazzjonali tal-UE u, konsegwentement, il-proċessi deċiżjonali applikabbli ġew allinjati mill-ġdid ma’ dawk ta’ oqsma oħra tal-politika tal-UE. L-estensjoni għal dan il-qasam tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (li kienet il-“proċedura ta’ kodeċiżjoni”) saħħet b’hekk b’mod ġenerali l-pożizzjoni tal-Parlament bħala koleġiżlatur, li l-kompetenzi tiegħu f’dan il-qasam illum huma ugwali għal dawk tal-Kunsill.

2.        Dawn ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Parlament huma manifestazzjoni tal-kumplessitajiet ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-kawżi li qed jinstemgħu jirrigwardaw l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 (2) dwar id-dispożizzjonijiet tranzitorji, anness mat-Trattati. Skont dan l-artikolu, l-effetti legali tal-atti adottati skont it-tielet pilastru qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu ppreżervati sakemm l-atti rilevanti jiġu rrevokati, isiru nulli jew jiġu emendati. Fid-dawl tal-interpretazzjoni adottata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità tiddetermina l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità ta’ miżuri adottati mill-Kunsill wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona abbażi ta’ atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Protokoll Nru 36

3.        L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jgħid:

“L-effetti legali ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

B –    Id-deċiżjonijiet rilevanti

1.      Id-Deċiżjoni tal-2005 (3)

4.        Id-Deċiżjoni tal-2005 ġiet adottata abbażi tat-Trattat UE ta’ qabel Lisbona u, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 29, 31(1)(e) u 34(2)(ċ) UE. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tat-tielet pilastru u tikkonċerna l-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

5.        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-2005, din id-deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għal skambju ta’ informazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda. Hija tipprovdi wkoll mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ kontroll fil-konfront ta’ dawn is-sustanzi. B’mod iktar ġenerali, id-Deċiżjoni tal-2005 tistabbilixxi mekkaniżmu intiż li jiżgura reazzjoni b’ħeffa u kkoordinata mill-Istati Membri għal sustanzi psikoattivi ġodda meqjusa li jikkostitwixxu riskju (għas-saħħa pubblika jew ta’ natura oħra).

6.        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-2005 jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni, fil-konfront ta’ sustanzi psikoattivi speċifiċi ġodda, ta’ miżuri ta’ kontroll diġà applikati fi Istati Membri fil-konfront ta’ sustanzi narkotiċi u psikotropiċi. L-Artikolu 8(3) jgħid li d-deċiżjoni li miżuri ta’ kontroll jiġu applikati fil-konfront ta’ sustanza psikoattiva ġdida għandha tittieħed mill-Kunsill, b’maġġoranza kkwalifikata, abbażi tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE.

7.        Skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-2005, meta tkun ittieħdet deċiżjoni għal dan l-għan mill-Kunsill, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa skont id-dritt nazzjonali sabiex jiżguraw li jiġu applikati miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali fil-konfront tas-sustanzi l-ġodda.

8.        Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13 jikkonċernaw deċiżjonijiet (4) meħuda mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005.

2.      Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1

9.        Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1 tikkonċerna l-4-metilamfetammina li hija derivattiv sintetiku metilat fiċ-ċirku tal-amfetammina. Fil-preambolu tad-deċiżjoni jingħad li hija kienet adottata abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005.

3.      Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2

10.      Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2 tikkonċerna derivattiv sintetiku tal-indol, li wieħed jista’ jgħid li għandu effetti alluċinoġeniċi. Bħal fil-każ tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1, fil-preambolu tad-deċiżjoni jingħad li hija kienet adottata abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005.

4.      Id-Deċiżjoni VIS (5)

11.      Id-Deċiżjoni VIS (6) ġiet adottata abbażi tat-Trattat UE ta’ qabel Lisbona u, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 30(1)(b) u 34(2)(ċ) UE. Bħad-Deċiżjoni tal-2005, id-Deċiżjoni VIS ġiet adottata għalhekk abbażi tat-tielet pilastru u tikkonċerna l-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

12.      Il-VIS hija sistema għall-iskambju ta’ data dwar il-viżi bejn l-Istati Membri. Wieħed mill-għanijiet iddikjarati espressament tas-sistema huwa t-tisħiħ tas-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Sabiex jiġi żgurat li dan l-għan jinkiseb, il-Kunsill qies li kien jeħtieġ li jingħata aċċess għad-data disponibbli fil-VIS lill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri responsabbli għas-sigurtà interna, kif ukoll lill-Europol. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni VIS ġiet adottata sabiex tikkomplementa r-Regolament VIS (7).

13.      Minħabba d-diffikultajiet sabiex tiġi stabbilita s-sistema ta’ aċċess, ġie deċiż li d-Deċiżjoni VIS kienet ser tibda tapplika minn data sussegwenti, li kellha tiġi ddeterminata mill-Kunsill. L-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, għalhekk, jgħid li d-deċiżjoni kellha tibda tapplika minn data li kellha tiġi stabbilita mill-Kunsill malli l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament VIS ikun daħal fis-seħħ u jkun applikabbli fl-intier tiegħu.

5.      Id-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni

14.      Il-Kawża C‑540/13 tikkonċerna d-deċiżjoni (8) meħuda mill-Kunsill sabiex tiġi ffissata d-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni VIS.

15.      Malli ġie mgħarraf mill-Kummissjoni li r-Regolament VIS kien applikabbli fl-intier tiegħu, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni abbażi tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, id-Deċiżjoni VIS kellha tibda tapplika mill-1 ta’ Settembru 2013.

II – Il-proċedura u t-talbiet

16.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 2013 u tat-28 ta’ April 2014, ir-Repubblika tal-Awstrija ngħatat permess sabiex tintervjeni insostenn tal-Kunsill fil-Kawżi C‑317/13 u C‑679/13. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2014, dawk iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

A –    Il-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13

17.      Permezz tar-rikorsi tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni;

–        iżżomm fis-seħħ l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet sakemm jiġu ssostitwiti b’atti ġodda adottati bil-mod preskritt; u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

18.      Il-Kunsill jitlob — sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward ta’ diversi talbiet — li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità (9) fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-2005 bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala infondata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż; u

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, iżżomm fis-seħħ l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet sakemm jiġu ssostitwiti b’atti ġodda.

B –    Il-Kawża C‑540/13

19.      Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni;

–        iżżomm fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni sa dak iż-żmien li tiġi ssostitwita b’att ġdid adottat bil-mod preskritt; u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż; u

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, iżżomm fis-seħħ l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid.

C –    Il-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, u l-Kawża C‑540/13

21.      Il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014 għat-tliet kawżi ineżami.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      L-argumenti ewlenin imressqa mill-partijiet

22.      Fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, il-Parlament jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, billi jallega li, f’kull każ, il-Kunsill kien uża bażi legali ħażina. Il-Kawża C‑540/13, min-naħa l-oħra, tikkonċerna deċiżjoni li biha l-Kunsill, billi jaġixxi skont l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, jiffissa d-data li fiha dik id-deċiżjoni tibda tapplika. Barra minn hekk, f’din il-kawża l-Parlament jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni, billi jerġa’ jallega l-użu tal-bażi legali l-ħażina.

23.      Minkejja d-differenzi ovvji, it-tliet kawżi għandhom rabta mill-qrib ħafna. Dan mhux biss minħabba li, fit-tliet kawżi, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq deċiżjoni adottata abbażi tal-ex tielet pilastru. Fit-tliet kawżi wkoll, iż-żewġ naħat ippreżentaw argumenti kważi identiċi.

24.      Hawnhekk ikolli nirrimarka li l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Parlament, b’mod partikolari, ibatu minn nuqqas ta’ ċarezza u rigorożità. Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u mill-argumenti mressqa fis-seduta niddeduċi li l-Parlament jibbaża r-rikorsi tiegħu essenzjalment fuq żewġ motivi ta’ dritt. L-ewwel nett, huwa jgħid li l-Kunsill uża bażi legali ħażina għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, kif ukoll tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni. Skont il-Parlament, il-Kunsill irrikorra għal bażi legali mħassra jew, sussidjarjament, għal bażi legali sekondarja invalida. It-tieni nett, meta għamel hekk, il-Kunsill segwa proċess deċiżjonali li ma kienx previst fit-Trattat FUE (10).

25.      Dwar dan, il-Parlament jargumenta li, għalkemm id-Deċiżjonijiet 2013/129, 2013/496 u 2013/392 (kollettivament iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) jidentifikaw il-bażijiet legali tagħhom b’riferiment ġenerali għat-Trattat FUE u b’riferiment speċifiku, fl-ewwel żewġ każijiet, għall-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u, fit-tielet, għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma fir-realtà bbażati fuq l-Artikolu 34(2)(ċ) UE (11). Minħabba l-fatt li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE kien tħassar bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma, għalhekk, skont il-Parlament, ibbażati fuq bażi legali invalida. B’mod iktar speċifiku l-Parlament jargumenta li la l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u lanqas l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma jistgħu jintużaw bħala bażi legali għall-ebda waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

26.      Skont il-Parlament, il-korollarju loġiku tat-tħassir tal-Artikolu 34(2)(c) UE huwa li l-miżuri tad-dritt sekondarju li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprovdu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni, ma jistgħux jiġu applikati iktar. L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ma għandu ebda effett, fil-fehma tal-Parlament, fuq din l-analiżi. Peress li din id-dispożizzjoni tranżitorja hija eċċezzjoni għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat FUE, hija għandha tiġi interpretata restrittivament.

27.      Il-Kunsill, sostnut mill-Gvern Awstrijak fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, ma jaqbilx. Huwa jsostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati setgħu kienu bbażati validament, skont il-każ, fuq l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jew fuq l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36.

28.      Barra minn hekk, fl-għeluq tal-proċedura bil-miktub kien hemm konfużjoni kunsiderevoli dwar jekk il-Parlament ressaqx, sussidjarjament, l-argument tal-illegalità fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Din il-konfużjoni tkebbset mid-diskussjoni fit-tul kemm dwar l-ammissibbiltà kif ukoll dwar is-sustanza ta’ dan l-argument imressaq miż-żewġ partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom (12). Madankollu, waqt is-seduta l-Parlament iċċara l-affarijiet billi qal li ma kellux dubju dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet bażiċi (jew ta’ partijiet minnhom), bħala tali. Huwa argumenta biss li, b’riżultat tat-tħassir tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE u tal-Artikolu 39 UE, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma setgħux jintużaw iktar għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati: fil-fehma tiegħu, l-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dan l-għan kien ifisser l-użu ta’ bażi legali sekondarja invalida li ma kinitx prevista fit-Trattat FUE.

2.      Il-kwistjonijiet ewlenin sottostanti f’dawn il-kawżi

29.      F’dawn il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li mingħajr dubju huma ta’ importanza kostituzzjonali. Dawn il-kwistjonijiet jirrigwardaw is-sistema istituzzjonali tal-UE u l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali li jifforma l-pedament tal-arkitettura kostituzzjonali tal-UE (13). B’mod iktar speċifiku, il-kawżi ineżami jqajmu kwistjoni istituzzjonali mingħajr preċedent li tirriżulta mill-kumplessitajiet inerenti fil-“Lisbonizzazzjoni” tal-ex tielet pilastru intergovernattiv li jirregola l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja kriminali u tal-pulizija.

30.      Kuntrarjament għall-acquis ta’ Schengen, li ġie inkorporat fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma kien hemm ħtieġa ta’ miżuri tranżitorji partikolari (14), il-“Lisbonizzazzjoni” tat-tielet pilastru għaxar snin wara kienet maħsuba li ssir b’mod iktar gradwali. Dan jidher b’mod ċar mill-fatt li t-Trattat FUE issa għandu regoli tranżitorji speċifiċi dwar atti adottati skont it-tielet pilastru. L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jistabbilixxi waħda minn dawn ir-regoli.

31.      Is-sigriet għar-riżoluzzjoni ta’ dawn il-kawżi jinsab fid-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Tabilħaqq, l-azzjonijiet ippreżentati mill-Parlament jirnexxu jew ifallu skont l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Parlament jargumenta li, essenzjalment, mingħajr is-sostenn tal-Artikolu 34(2)(ċ) UE, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma kinux jistgħu jservu ta’ bażi legali għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fehma tiegħu, il-qafas ġenerali tat-TFUE kellu japplika u li konsegwentement kien hemm żewġ għażliet biss possibbli sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu adottati validament.

32.      Skont l-ewwel għażla, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati tqiesu li jirregolaw element essenzjali tal-qasam irregolat, huma messhom ġew adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, skont l-Artikolu 83(1) TFUE fil-każ tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, u skont l-Artikoli 87 u 88 TFUE fl-każ tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni. Skont l-għażla l-oħra, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati tqiesu li jirregolaw elementi mhux essenzjali, id-deċiżjonijiet bażiċi messhom ġew emendati (skont il-proċeduri stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-Trattat FUE) sabiex jiġi speċifikat jekk wieħed kellux jirrikorri, skont il-każ, għal att iddelegat jew għal att ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE (15). Irrispettivament minn jekk kinitx adottata l-ewwel għażla jew dik alternattiva, il-Parlament kien ikun aġixxa bħala koleġiżlatur.

33.      Il-Kunsill, min-naħa l-oħra, jargumenta li huwa kellu s-setgħa, preċiżament minħabba l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li jkompli jadotta miżuri (ta’ implementazzjoni) abbażi ta’ atti li għalihom għandu japplika l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36; u li din tibqa’ l-pożizzjoni, sakemm dawn l-atti ma jiġux mħassra, annullati jew emendati.

34.      F’dan l-istadju, teħtieġ li ssir kjarifika importanti. Il-Parlament jimplika li d-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu ma jkunux, fil-fatt, miżuri ta’ implementazzjoni, peress li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jitqiesu li jirregolaw elementi essenzjali tal-qasam irregolat (16). Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 52 sa 55 iktar ’l isfel, ma naqbilx ma din il-fehma.

35.      Hu x’inhu, id-distinzjoni mħaddma mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward ta’ elementi essenzjali u mhux essenzjali (17) ma hijiex, f’kull każ, rilevanti fil-kawżi ineżami. Hija raġuni hija li, minħabba l-interpretazzjoni proposta, spjegata iktar ’l isfel, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, il-qafas ġenerali tat-TFUE ma huwiex intiż li japplika għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ għażliet imsemmija iktar ’il fuq.

36.      Għaldaqstant, ser nittratta l-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-kawżi billi l-ewwel nanalizza l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 fid-dettall. Abbażi tal-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, mbagħad ngħaddi biex nevalwa fil-qosor l-argumenti mressqa mill-partijiet fit-tliet kawżi. Kif hija l-intenzjoni tiegħi li nuri, in-neċessità li tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi u ordnata għall-qafas istituzzjonali l-ġdid għandha tkun ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36.

B –    It-tifsira tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36

1.      Interpretazzjoni restrittiva jew estensiva?

37.      Kif diġà sar riferiment iktar ’il fuq, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jistabbilixxi s-sistema tranżitorja għal atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ta’ qabel Lisbona. Skont din ir-regola, l-effetti legali ta’ dawn l-atti għandhom jinżammu sakemm jiġu mħassra, annullati jew emendati skont it-Trattati. Il-partijiet jaqblu li l-Artikolu 9 għandu jiġi applikat fir-rigward tad-deċiżjonijiet bażiċi. Madankollu, il-qbil jintemm hemmhekk.

38.      Il-Parlament isostni li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ma huwiex rilevanti għal-legalità ta’ atti bħalma huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, adottati wara Lisbona. Fil-fehma tiegħu, il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għar-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat FUE.

39.      Għaldaqstant, il-Parlament jieħu pożizzjoni restrittiva (għalkemm huwa stess jgħid mod ieħor) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 billi jsostni li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata restrittivament. B’mod iktar speċifiku, huwa jargumenta li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa maħsub biss sabiex jiġi żgurat li, minkejja d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, atti adottati skont l-ex tielet pilastru ma jitħassrux awtomatikament. Dawn l-atti (bħal deċiżjonijiet qafas) jibqgħu jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jinkisbu, mingħajr ma jkollhom effett dirett. Madankollu l-Parlament jiċħad l-idea li dispożizzjonijiet stabbiliti f’atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 9 u li jagħtu setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kunsill (bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS) ikomplu jkunu applikabbli fil-pajsaġġ kostituzzjonali l-ġdid.

40.      Il-Kunsill, għall-kuntrarju, jadotta interpretazzjoni iktar estensiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Huwa jargumenta li d-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti f’atti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 9 iżommu fis-seħħ l-effetti legali tagħhom, inklużi dawk li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

41.      Ċertament l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa altru milli mhux ambigwu. Fil-fatt ma hemm xejn li, mill-bidu nett, jeskludi definittivament l-interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Parlament jew, wara kollox, it-tifsira wiesgħa li l-Kunsill jiffavorixxi. It-tnejn għandhom xi mertu. Madankollu, għalkemm l-interpretazzjoni li l-Parlament jargumenta favur tagħha timplika tranżizzjoni ta’ malajr għas-sistema l-ġdida, nemmen li din tista’ twassal għal konsegwenzi li ma jkunux raġonevoli.

2.      Tranżizzjoni mingħajr problemi għall-kuntest ġuridiku l-ġdid

42.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tiegħu u, b’mod iktar speċifiku, billi jiġi kkunsidrat l-għan globali tiegħu. Tabilħaqq, filwaqt li regoli tranżitorji jistgħu jsegwu għadd ta’ għanijiet differenti, jiena nsostni li ġeneralment huma jkunu intiżi sabiex jiżguraw tranżizzjoni ordinata u koerenti għal sistema ġdida (18). Fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża nemmen li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 għandu jinftiehem bħala għodda intiża sabiex tiżgura tranżizzjoni mingħajr problemi minn sistema għal oħra.

43.      Għalkemm regoli ġodda bla dubju jġibu bidliet sinjifikattivi għal kull sistema legali partikolari, l-eżistenza fiha nfisha ta’ regoli tranżitorji f’dan il-kuntest tindika, fil-fehma tiegħi, li dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona ma nsewx id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fil-proċess ta’ riallinjament. Dan jirriżulta b’mod ċar mid-Dikjarazzjoni Nru 50 annessa mat-Trattati (19). Din id-dikjarazzjoni tistieden lill-istituzzjonijiet sabiex jagħmlu ħilithom sabiex jadottaw, fil-każijiet xierqa u fejn ikun possibbli fi żmien ħames snin kif imsemmi fl-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 36, l-atti leġiżlattivi li jemendaw jew jissostitwixxu l-atti tat-tielet pilastru li kienu jeżistu qabel (20).

44.      Għalhekk id-dikjarazzjoni tinkoraġġixxi b’mod ċar lil-leġiżlatur sabiex jieħu l-passi meħtieġa sabiex jallinja mill-ġdid l-ex miżuri tat-tielet pilastru mal-qafas ġuridiku l-ġdid. Jiena nifhem madankollu li din id-dikjarazzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li żżomm fis-seħħ l-effetti legali ta’ atti adottati skont it-tielet pilastru (mingħajr ma tispeċifika ebda terminu), tindika li l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 huwa intiż li jiżgura tranżizzjoni mis-sistema intergovernattiva l-antika għall-qafas ġenerali tal-UE kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li taċċetta l-limitazzjonijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċess leġiżlattiv. Tabilħaqq, kieku dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona xtaqu li jiżguraw li l-proċess ta’ tranżizzjoni jitlesta b’mod sħiħ f’ċertu perijodu ta’ żmien, l-Artikolu 9 bla dubju kien jindika xi termini għal dan il-għan.

45.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, sabiex l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jiġi interpretat sewwa, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għal-Lisbonizzazzjoni tat-tielet pilastru u l-introduzzjoni tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali fil-qafas usa’ tal-UE. Tabilħaqq, regoli tranżitorji huma x’aktarx wisq iktar importanti meta jseħħu bidliet fl-arkitettura kostituzzjonali. F’dan il-kuntest, huwa evidenti li miżuri tranżitorji bħal dawk stabbiliti fil-Protokoll Nru 36 huma intiżi sabiex jiżguraw tranżizzjoni mingħajr problemi għas-sistema l-ġdida (u jiżguraw livell ta’ kontinwità). Għaldaqstant, nemmen li l-ħsieb sottostanti ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 9 huwa li jiġi evitat tfixkil bla bżonn fl-applikazzjoni ta’ atti ġuridiċi adottati skont qafas li ma jeżistix iktar.

46.      Sabiex inkun iktar speċifiku, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jissuġġetta sustanzi psikoattivi ġodda għal miżuri ta’ kontroll. L-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS jagħti s-setgħa lill-Kunsill sabiex jiffissa d-data li fiha d-Deċiżjoni VIS għandha tibda tapplika. Iż-żewġ dispożizzjonijiet, għalhekk, jagħtu setgħat (eżekuttivi) lill-Kunsill. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bażiċi, dan l-għoti ta’ setgħat kien ibbażat — kif jirrikonoxxu ż-żewġ partijiet — fuq l-Artikolu 34(2)(ċ) UE. Għalkemm dan huwa teoretikament possibbli, ikun jidher kemxejn illoġiku li jingħad, hekk kif jagħmel il-Parlament, li l-kunċett ta’ “effetti legali” (21), imsemmi fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, jirreferi biss għal ftit, iżda mhux għal kollha, mill-effetti kkawżati mill-atti inkwistjoni. Skont din l-interpretazzjoni, il-kunċett ta’ “effetti legali” ma jkoprix effetti li jikkonċernaw il-possibbiltà li jiġu adottati l-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji sabiex jiġi żgurat li atti adottati taħt l-ex tielet pilastru jkomplu jkunu effettivi jew tabilħaqq, bħal fil-każ tad-Deċiżjoni VIS, tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tagħhom.

47.      Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9 ma jagħmilx distinzjoni bħal din bejn tipi differenti ta’ effetti legali. F’dan il-kuntest, jidhirli wkoll li l-argument imressaq mill-Kunsill huwa partikolarment konvinċenti. Jekk l-interpretazzjoni restrittiva (u xi ftit selettiva) mogħtija mill-Parlament dwar l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 kellha tiġi aċċettata, dan ikun jinvolvi l-paraliżi ta’ għadd ta’ atti adottati qabel Lisbona li jkun jeħtiġilhom aġġornament kostanti sabiex iwettqu l-funzjoni tagħhom. Dan kien ikun notevolment il-każ kieku l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 kellu jieqaf awtomatikament milli jipproduċi effetti wara Lisbona. Id-data tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni VIS kienet ukoll tittawwal kunsiderevolment.

48.      Huwa importanti wkoll li wieħed jiftakar li l-leġiżlatur għandu biss għażliet limitati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida (jew meta jiġu emendati partijiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni). L-għażla li jiġu emendati atti adottati abbażi tal-ex tielet pilastru hija waħda ta’ politika li għandha tibqa’ eżattament hekk. Interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 tpoġġi f’dan ir-rigward piż mhux iġġustifikat fuq il-proċedura leġiżlattiva u tillimita l-għażla disponibbli għal-leġiżlatur dwar liema proposti huwa jkun jixtieq iressaq. Fi kliem ieħor, dan iġib miegħu sempliċement ħela ta’ riżorsi (22).

49.      Huwa minnu li l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali intuża sikwit sabiex jissaħħaħ ir-rwol (oriġinarjament konsultattiv biss) tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv (23). Madankollu, ma hemmx għalfejn jingħad li dan l-prinċipju ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti, awtomatikament, iktar setgħat lill-Parlament bi ħsara għal istituzzjonijiet oħra (24). B’mod iktar fundamentali, dan il-prinċipju għandu jiġi applikat b’mod li jiggarantixxi l-osservanza tat-tqassim ta’ setgħat bejn l-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattat (u, bħalma huwa l-każ hawnhekk, fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36).

50.      Fid-dawl ta’ dan, huwa diffiċli li ma tiġix appoġġata l-idea tat-tisħiħ tal-involviment tal-Parlament fl-adozzjoni ta’ atti konnessi mal-ex tielet pilastru. Tabilħaqq, dan huwa konformi mal-għan iktar ġenerali tal-proċess ta’ Lisbonizzazzjoni li r-responsabbiltà demokratika tissaħħaħ f’dan il-qasam (25).

51.      Madankollu, sakemm l-att inkwistjoni ma jkunx għadu ġie mħassar, annullat jew emendat, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ikompli japplika bħala lex specialis, meta mqabbel mar-regoli ġenerali tat-Trattat FUE. L-istess jista’ jingħad dwar l-għoti ta’ setgħat lill-Kunsill sabiex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ dawn l-atti.

3.      X’jikkostitwixxi emenda?

52.      Ċertament wieħed jista’ jargumenta (kif jagħmel każwalment il-Parlament u mingħajr ma jelabora iktar dwar dan il-punt) li d-deċiżjonijiet ikkontestati — u, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni — jikkostitwixxu emendi għad-deċiżjonijiet bażiċi. Jekk dan huwa minnu, ikun ifisser li għandhom jiġu applikati r-regoli ġenerali tat-Trattat FUE.

53.      Din il-fehma tippresupponi interpretazzjoni estremament wiesa’ ta’ x’inhi emenda. Din twassal sabiex, essenzjalment, kull miżura (ta’ implementazzjoni) — li tibbaża ruħa, għal-legalità tagħha, fuq att tal-ex tielet pilastru u li għalih għandu jiġi applikat a priori l-Artikolu 9 — adottata wara Lisbona tista’ tiġi interpretata bħala emenda tal-att bażiku inkwistjoni (26).

54.      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni, dawn id-deċiżjonijiet ma jaffettwawx, fl-opinjoni tiegħi, l-għażliet ta’ politika involuti sabiex tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-evalwazzjoni ta’ riskji relatati ma’ sustanzi psikoattivi ġodda, kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-2005. Dawn id-deċiżjonijiet jiżguraw pjuttost li d-Deċiżjoni tal-2005 tiġi applikata b’mod effettiv fir-rigward ta’ sustanzi li jkunu għadhom ġew skoperti. Għalkemm jestendu l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2005 għal sustanzi ġodda, id-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni b’ebda mod ma jemendaw is-sistema stabbilita b’din id-deċiżjoni.

55.      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, ninnota li l-iffissar ta’ data ta’ applikazzjoni għad-Deċiżjoni VIS ma jaffettwax is-sustanza tad-Deċiżjoni VIS jew id-dħul fis-seħħ attwali ta’ din id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-2008 bħala parti minn pakkett ta’ miżuri li jinkludi wkoll ir-Regolament VIS. F’dan is-sens, kuntrarjament għad-data ta’ dħul fis-seħħ, l-iffissar ta’ data ta’ applikazzjoni jikkostitwixxi sempliċement miżura purament eżekuttiva maħsuba sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tiegħu fl-Unjoni Ewropea kollha.

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, issa ser ngħaddi sabiex nevalwa l-argumenti mressqa mill-partijiet dwar il-bażijiet legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

C –    Il-bażijiet legal tad-deċiżjonijiet ikkontestati

57.      B’mod mhux tas-soltu, il-partijiet ma jaqblux mhux biss dwar il-validità tal-bażijiet legali użati, iżda wkoll dwar il-bażijiet legali nfishom tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk, qabel ma tkun tista’ tiġi evalwata l-validità tal-bażijiet legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat fuq liema bażijiet ġew attwalment adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

58.      Bħala motiv prinċipali, il-Parlament jargumenta li l-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija fil-fatt l-Artikolu 34(2)(ċ) UE mħassar. Għalkemm il-Kunsill ma jaqbilx dwar dan il-punt, iż-żewġ partijiet jaqblu li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali valida għad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li tħassar meta t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ skont il-punt 51 tal-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Lisbona. Tabilħaqq, fil-qafas kostituzzjonali attwali, ma hemmx miżura tranżitorja sabiex jinżammu l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni mħassra matul perijodu tranżitorju. Madankollu, il-partijiet jisiltu konklużjonijiet differenti ħafna minn dan il-fatt stabbilit.

59.      L-ewwel punt li għandu jiġi nnotat huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina sistematikament il-validità tal-bażi legali ta’ att b’riferiment għall-elementi li jistgħu jiġu dedotti mill-att inkwistjoni. Fir-rigward ukoll tal-obbligu li tiġi indikata b’mod ċar il-bażi legali ta’ miżura tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li n-nuqqas li tiġi speċifikata dispożizzjoni preċiża tat-Trattat ma jikkostitwixxix awtomatikament ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sakemm il-bażi legali ta’ miżura tkun tista’ tiġi ddeterminata minn partijiet oħra ta’ dik il-miżura (27).

60.      La l-Artikolu 34(2)(ċ) UE u, wara kollox, lanqas l-ex Trattat UE ma jissemmew fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt tassew separat mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tissemmiex fid-deċiżjonijiet bażiċi u x’implikazzjonijiet dan jista’ jkollu għal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet) (28). Id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjonijiet bażiċi (Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, skont il-każ) u għat-Trattat FUE fl-intier tiegħu.

61.      Minħabba l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja kif deskritt iktar ’il fuq fir-rigward tal-validità tal-bażi legali ta’ att u fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-deċiżjonijiet bażiċi u tat-Trattat FUE, għandi diffikultà sabiex nifhem għaliex l-Artikolu 34(2)(ċ) UE huwa ta’ rilevanza hawnhekk. Din id-dispożizzjoni tat sempliċement lill-Kunsill, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħa li jieħu miżuri sabiex jiżgura l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Huwa minnu li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jirreferi tabilħaqq għal din id-dispożizzjoni (filwaqt li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS ma jagħmilx hekk). Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan ir-riferiment (jew l-assenza tiegħu) ma għad għandu ebda rilevanza fil-kuntest ta’ din l-analiżi. Peress li t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati kollha ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiena konvint li t-Trattat FUE jikkostitwixxi l-uniku qafas rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tagħhom (u tal-kompetenza tal-Kunsill li jadottahom).

62.      F’dan ir-rigward, ma jidhirx li hemm xi dubju dwar il-bażi legali attwalment użata sabiex ittieħdu d-deċiżjonijiet ikkontestati: kif indikat fil-preambolu ta’ kull deċiżjoni, id-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni ġew adottati abbażi tal-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u tat-Trattat FUE, u d-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS u tat-Trattat FUE.

63.      Hawnhekk ikolli nindirizza l-argument tal-Parlament li r-riferiment għat-Trattat FUE (fl-intier tiegħu) huwa, f’kull każ, ġenerali wisq sabiex jikkostitwixxi bażi legali adegwata. Dan ir-riferiment vag ikun sors ta’ inċertezza legali.

64.      Bħala regola, riferiment mhux preċiż għat-Trattat, bħar-riferiment inkwistjoni hawnhekk, iwassalni sabiex nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati. Tabilħaqq, in-nuqqas li tiġi identifikata b’mod ċar il-bażi legali użata — bħalma jintalab bħala prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja — huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-għoti ta’ setgħat (29). Madankollu, fil-kuntest partikolari ta’ dawn il-kawżi, ma naqbilx mal-Parlament. Minbarra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE ma tidher li hija ta’ rilevanza hawnhekk.

65.      Għalkemm il-Kunsill seta’ ċertament daħħal riferiment għall-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, kemm dak ir-riferiment seta’ kien ta’ għajnuna jibqa’ dubjuż: tabilħaqq, din id-dispożizzjoni tranżitorja ma tistabbilixxi ebda regola sostanzjali li setgħet intużat bħala bażi legali. Minflok, hija sempliċement iżżomm fis-seħħ l-effetti ta’ atti ta’ liġi sekondarja li jaqgħu taħt l-ex tielet pilastru, sakemm dawk l-atti jiġu mħassra, issostitwiti jew annullati. F’dan il-kuntest partikolari, huwa preċiżament minħabba l-bażijiet legali “sekondarji” — jiġifieri l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS — li jissostanzjaw ir-riferiment ġenerali għat-Trattat FUE li dak ir-riferiment ġenerali għat-Trattat jista’ jiġi aċċettat.

66.      Kif issemma iktar ’il fuq, la d-Deċiżjoni tal-2005 u lanqas id-Deċiżjoni VIS ma ġew emendati sa issa. Għalhekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jagħmlu riferiment espress għall-Artikoli 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, skont il-każ, u għat-Trattat FUE b’mod ġenerali, jikkostitwixxi fil-fehma tiegħi indikazzjoni suffiċjenti tal-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

67.      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, l-interpretazzjoni adottata iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 ser tkun deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill setax jadotta legalment id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq din il-bażi.

68.      Fid-dawl tal-interpretazzjoni proposta fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma nistax naċċetta l-pożizzjoni sostnuta mill-Parlament fir-rigward tal-invalidità tal-bażijiet legali użati sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fid-dawl tal-fatt li nemmen li l-idea ta’ tranżizzjoni mingħajr problemi għandha tkun ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li żżomm fis-seħħ l-effetti kollha tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, sakemm id-deċiżjonijiet bażiċi ma jkunux ġew emendati, il-kompetenza mogħtija lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni żżomm fis-seħħ l-effetti kollha tagħha. Fi kliem ieħor, sabiex ir-regoli ġenerali tal-UE jibdew joperaw, ikun meħtieġ li d-deċiżjonijiet bażiċi jiġu emendati. Is-setgħa li tiġi proposta l-emenda — jew, tabilħaqq, is-sostituzzjoni jew it-tħassir — ta’ dawn l-atti tibqa’, madankollu, il-prerogattiva tal-Kummissjoni. Kif diġà spjegajt, jiena konvint li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux emendi għad-deċiżjonijiet bażiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36.

69.      Din hija r-raġuni għaliex jiena nikkonkludi li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fuq il-bażi legali korretta.

70.      Konklużjoni f’dan is-sens tkun biżżejjed sabiex ir-rikorsi ppreżentati mill-Parlament f’dawn il-kawżi jiġu miċħuda bħala infondati. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta’ żewġ kwistjonijiet li dwarhom kien hemm dibattitu estensiv mill-partijiet matul dawn il-proċeduri: l-użu ta’ bażi legali sekondarja u l-fatt li l-Parlament ma ġiex ikkonsultat.

D –    Kwistjonijiet oħra: użu ta’ bażi legali sekondarja u konsultazzjoni tal-Parlament

71.      Matul il-proċeduri, il-Parlament ilmenta ripetutament li huwa ma kienx ġie involut fil-proċess deċiżjonali, bħalma kien jiġri skont is-sistema li kien hemm qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll skont il-qafas ġenerali tat-Trattat FUE. Madankollu, waqt is-seduta deher ċar li l-Parlament ma kienx talab li jiġi kkonsultat fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala tali. L-argument relatat mal-assenza ta’ konsultazzjoni kien sempliċi mezz sabiex jintwera li l-proċess deċiżjonali segwit mill-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien differenti minn dak li kien jeżisti qabel Lisbona u li, fil-fehma tal-Parlament, kellu jiġi segwit sabiex il-qafas ġenerali tat-Trattat FUE jiġi applikat b’mod korrett (30).

72.      F’dan l-istadju jeħtieġ niftakru ftit li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikoli 34(2)(ċ) u 39 UE tħassru. Kif iż-żewġ partijiet josservaw, dawn id-dispożizzjonijiet, għalhekk, waqfu milli jipproduċu effetti legali u ma jistgħux jintużaw bħala qies sabiex tiġi indikata l-proċedura adatta għat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk — u speċjalment fid-dawl tal-prinċipju ta’ tempus regit actum — bilkemm wieħed jista’ jargumenta li seta’ jkompli jeżisti obbligu li l-Parlament jiġi kkonsultat bis-saħħa tal-Artikolu 39 UE (31). Dan kollu jidher li huwa ċar. Madankollu jibqa’ jippersisti nuqqas ta’ qbil kunsiderevoli dwar jekk it-tħassir tal-ex Trattat UE jfissirx li l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS issa jikkostitwixxux bażijiet legali sekondarji invalidi (32), l-iktar minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet ma jitolbux il-konsultazzjoni tal-Parlament (33).

73.      Kif diġà ssemma diversi drabi iktar ’il fuq, il-fatt li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE tħassar ma għandu ebda effett fuq l-għoti ta’ setgħat ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS. Ir-raġuni għal dan huwa l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36. Din id-dispożizzjoni żżomm fis-seħħ l-effetti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ għoti ta’ setgħat minkejja t-tħassir tal-qafas kostituzzjonali li fih kienu ġew adottati d-Deċiżjoni tal-2005 u d-Deċiżjoni VIS.

74.      Minkejja r-riskju li qed ngħid l-ovvju, għandu jingħad li dak il-qafas ġie ssostitwit bit-Trattat FUE. Madankollu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jifforma parti integrali minn dan it-Trattat, u għalhekk mill-qafas kostituzzjonali l-ġdid (34). Hija din id-dispożizzjoni ta’ liġi primarja li tippermetti li jkomplu jintużaw setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kunsill qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li żżomm fis-seħħ l-effetti, matul il-perijodu tranżitorju, ta’ kull għotja eżistenti ta’ setgħat ta’ implementazzjoni. Minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 9, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS bl-ebda mod ma jmorru lil hinn mir-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE b’mod li jikkostitwixxu bażijiet legali sekondarji invalidi.

75.      Ċertament huwa minnu li wieħed jista’ jargumenta li l-obbligu ta’ qabel Lisbona li ssir konsultazzjoni abbażi tal-Artikolu 39 UE ma jiqafx jeżisti sempliċement għaliex ikun inbidel il-qafas kostituzzjonali. Il-fatt li dan l-obbligu jibqa’ jeżisti huwa konsistenti mal-għan tal-proċess ta’ Lisbonizzazzjoni sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

76.      Madankollu, nemmen li għandha tingħata importanza partikolari lill-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, li sempliċement iżomm fis-seħħ l-effetti legali ta’ strumenti eżistenti ta’ liġi sekondarja adottati abbażi tal-ex tielet pilastru. Fid-dawl tal-fatt li kemm din id-dispożizzjoni ta’ liġi primarja kif ukoll it-Trattat FUE inġenerali ma jsemmux l-obbligu li jiġi kkonsultat il-Parlament fir-rigward ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati abbażi ta’ setgħat mogħtija qabel, jiena ma nqisx li jkun xieraq li nasal għall-eżistenza ta’ tali obbligu fit-Trattat FUE attwali. Dan iktar u iktar għaliex kemm l-Artikolu 34(2)(ċ) kif ukoll l-Artikolu 39 UE tħassru skont il-punt 51 tal-Artikolu 1 tat-Trattat ta’ Lisbona (35). Għaldaqstant deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni meħuda fuq il-bażi doppja ta’ atti tat-tielet pilastru u tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 jikkostitwixxu, ad interim, tip speċjali ta’ miżura li ma titlobx l-involviment tal-Parlament għall-adozzjoni tagħha.

77.      Għalhekk nikkonkludi li t-tliet rikorsi ppreżentati mill-Parlament fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, u fil-Kawża C‑540/13 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx bżonn li tiġi ttrattata t-talba magħmula miż-żewġ partijiet dwar il-ħtieġa li jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm jiġu ssostitwiti b’atti ġodda.

E –    Spejjeż

78.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Fit-tliet kawżi l-Kunsill talab l-ispejjeż u l-Parlament tilef.

79.      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13.

IV – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mill-Parlament fil-Kawżi magħquda C‑317/13 u C‑679/13, u fil-Kawża C‑540/13;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – L-Artikolu 9 jinsab fit-Titolu VII ta’ dan il-protokoll, li jikkonċerna atti adottati abbażi tat-Titoli V u VI tal-verżjoni ta’ qabel Lisbona tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.


3 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, tal-10 ta’ Mejju 2005, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 30).


4 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE, tas-7 ta’ Marzu 2013, li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 72, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 1”), u Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE, tas-7 ta’ Ottubru 2013, dwar l-issuġġettar ta’ 5-(2-aminnopropil)indol għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 272, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2”), (jew, kollettivament, id-“deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni”).


5 – Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. Il-VIS ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2004, li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 60).


6 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, p. 129).


7 – Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60).


8 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, tat-22 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 198, p. 45), (jew, iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni”).


9 – Il-Parlament jsostni, sussidjarjament, li l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-2005 jikkostitwixxi bażi legali sekondarja invalida. Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jinterpreta dan l-ilment bħala eċċezzjoni ta’ illegalità skont it-tifsira tal-Artikolu 277 TFUE. Minkejja li ma saritx talba espressa għal dan il-għan fil-Kawża C‑540/13, jeżisti argument simili dwar id-Deċiżjoni VIS fit-test prinċipali tal-osservazzjonijiet tal-Kunsill f’dik il-kawża.


10 – Minkejja li l-motivi invokati mill-partijiet fit-tliet kawżi huma simili, dawn il-motivi huma ppreżentati bil-maqlub fil-Kawża C‑679/13 u fil-Kawża C‑540/13, meta mqabbla mal-Kawża C‑317/13. Il-Parlament jikkontesta l-proċedura segwita, minħabba li, skont ir-regoli fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament kellu jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 39 EU meta l-Kunsill adotta deċiżjonijiet taħt it-tielet pilastru.


11 – L-Artikolu 34(2)(ċ) UE ta lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta b’maġġoranza kkwalifikata miżuri neċessarji sabiex jiġu implementati fil-livell tal-UE deċiżjonijiet konsistenti mal-għanijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE, bl-esklużjoni ta’ kull approssimazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri, adottati skont din id-dispożizzjoni.


12 – Il-konfużjoni setgħet, fil-fatt, oriġinat mir-risposta tal-Kunsill fil-Kawża C‑317/13. Il-Kunsill interpreta l-argumenti mressqa mill-Parlament fir-rikors tiegħu fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bħala eċċezzjoni ta’ illegalità skont it-tifsira tal-Artikolu 277 TFUE. Madankollu, il-Parlament ma għamel ebda sforz sabiex jiċċara l-kwistjoni fir-replika tiegħu jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub l-oħra. Għall-kuntrarju, il-Parlament kompla jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ qbil billi ta lill-Qorti tal-Ġustizzja spjegazzjonijiet fit-tul dwar, b’mod partikolari, ir-raġunijiet għaliex il-Parlament kellu jkollu locus standi sabiex jikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni tal-2005 u dik tad-Deċiżjoni VIS (iktar ’il quddiem, kollettivament, id-“deċiżjonijiet bażiċi”).


13 – Għal ħarsa ġenerali tal-evoluzzjoni tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ bilanċ istituzzjonali fis-sistema legali tal-UE ara J.‑P. Jacqué, “The Principle of Institutional Balance”, 41(2004) Common Market Law Review, p. 383 sa 391. Ara wkoll D. Curtin, “EU Constitution as Architecture – Separation of Powers in the Twenty-First Century”, f’J.-H. Reestman, A. Schrauwen, M. van Montfrans u J. Jans, De Regels en het spel – Opstellen over recht, filosofie, literatuur en geschiedenis aangeboden aan Tom Eijsbouts, TMC Asser Press, The Hague: 2011, p. 123 sa 133, b’mod partikolari f’126 et seq. Għal diskussjoni iktar bikrija tal-prinċipju fil-ġurisprudenza, ara s-sentenza Meroni vs High Authority, 9/56, EU:C:1958:7.


14 – Dan sar wara li ġie ffirmat it-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999. F’dan il-kuntest, il-Kunsill kellu jagħmel lista tal-elementi tal-miżuri ta’ Schengen li jifformaw l-acquis, billi jistabbilixxi l-bażi legali korrispondenti għal kull wieħed minn dawn l-elementi fit-Trattati (it-Trattat KE jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dan sar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, dwar id-definizzjoni tal-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jista[b]bilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 136) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformita mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbil[i]xxi l-Komunita Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152).


15 – Barra minn hekk, skont l-għażla l-oħra, id-deċiżjonijiet bażiċi setgħu jiġu emendati ukoll billi tiddaħħal dispożizzjoni dwar, fil-każ tad-Deċiżjoni tal-2005, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll fil-konfront ta’ sustanzi psikoattivi ġodda, jew, fil-każ tad-Deċiżjoni VIS, id-data ta’ applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.


16 – Għalkemm waqt is-seduta l-Parlament sikwit irrefera għad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala miżuri ta’ implementazzjoni.


17 – Għal din id-distinzjoni fil-ġurisprudenza, ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 64 sa 66. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ regoli li jirrigwardaw punti essenzjali ma għandhomx jiġu ddelegati. Ara, għal riferimenti oħra li saru qabel dan il-prinċipju, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑156/93, EU:C:1995:238, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑303/94, EU:C:1996:238, punt 23; Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 34; u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, il-punt 45.


18 – Fil-kuntest tal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji lil dawn l-Istati tat lok għal korp kbir ta’ ġurisprudenza. F’din is-sitwazzjoni, l-għan globali ta’ miżuri tranżitorji huwa li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Ara, pereżempju, il-kawżi Danisco Sugar, C‑27/96, EU:C:1997:563; Weidacher, C‑179/00, EU:C:2002:18; Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑413/04, EU:C:2006:741; u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑336/09 P, EU:C:2012:386.


19 – Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 36 annessa mal-Att finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007.


20 – L-Artikolu 10 jirrigwarda s-setgħat rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward ta’ atti tat-tielet pilastru li kienu diġà jeżistu. L-Artikolu 10(1) jgħid, inter alia, li fir-rigward ta’ atti tat-tielet pilastru li kienu diġà jeżistu, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jibqgħu l-istess bħalma kienu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat. Skont l-Artikolu 10(2), l-emenda ta’ tali att ttemm is-sistema speċjali li tirregola l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(3) jillimita l-applikazzjoni ratione temporis tal-miżura tranżitorja msemmija fil-paragrafu 1. Is-sistema tranżitorja speċjali kellha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2014.


21 – F’kuntest differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” b’mod wiesa’ sabiex jiġu inklużi rakkomandazzjonijiet adottati minn organizzazzjoni internazzjonali. Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 56 et seq.


22 – Id-Dikjarazzjoni Nru 50 issostni din il-fehma, minħabba li tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet sabiex jagħmlu riallinjament ta’ miżuri tal-ex tielet pilastru mal-qafas il-ġdid, sa fejn ikun possibbli, matul il-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36.


23 – Għal eżempji fundamentali ta’ din it-tendenza, ara, pereżempju, is-sentenzi Roquette Frères vs Il‑Kunsill, 138/79, EU:C:1980:249, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑70/88, EU:C:1990:217.


24 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Wybot, 149/85, EU:C:1986:310, punt 23.


25 – Ara, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata. Mhux kulħadd jaqsam din il-fehma pożittiva dwar ir-responsabbiltà. Ara, fuq nota ta’ kritika, Charlemagne, “The will to power: The European Parliament would like you to know that it matters”, The Economist, 4 ta’ Ottubru 2014: “Billi jinvoka l-argument superfiċjalment attraenti li huwa l-unika istituzzjoni Ewropea li hija direttament responsabbli lejn il-votanti, il-Parlament akkumula setgħat tul dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Bħal tifel li jingħata l-ħelu, kull ħelwa li jaqla’ ġġiegħlu jitlob iktar”. [traduzzjoni libera]


26 – Madankollu, naqbel mal-idea li anki emenda żgħira ħafna (sakemm tkun tista’ attwalment tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi emenda) tkun biżżejjed sabiex tagħti lok għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Ara, fl-assenza ta’ regola de minimis f’dan il-kuntest u l-problemi fir-rigward tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi emenda, S. Peers, “Finally ‘Fit for Purpose’? The Treaty of Lisbon and the End of the Third Pillar Legal Order”, f’P. Eeckhout u T. Tridimas (ed), 27(2008) Yearbook of European Law, p. 47 sa 64, b’mod partikolari f’p. 55 et seq.


27 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata. Riferiment espliċitu bħal dan huwa, madankollu, meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja meta, fl-assenza tiegħu, il-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu inċerti dwar il-bażi legali preċiża.


28 – Kif imsemmi iktar ’il fuq, dwar din il-kwistjoni kien hemm dibattitu bejn il-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għalkemm wara rriżulta fis-seduta li l-Parlament ma kellux l-intenzjoni jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet bażiċi jew ta’ partijiet minnhom.


29 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2009:590, punt 56 et seq. Dwar il-prinċipju tal-għoti ta’ setgħat, ara, pereżempju, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C‑403/05, EU:C:2007:624, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll reċentement il-Konklużjonijiet 1/13, EU:C:2014:2303, punt 74.


30 – Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.


31 – Il-Kunsill jinnota, mingħajr ebda kontestazzjoni mill-Parlament dwar dan il-punt, li qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, deċiżjoni simili għad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni inkwistjoni kienet ittieħdet wara li l-Parlament kien ġie kkonsultat skont Artikolu 39 EU.


32 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 57. Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod inekwivoku l-possibbiltà li jintużaw bażijiet legali li jimmodifikaw il-proċeduri stabbiliti fit-Trattati.


33 – Fir-rigward tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS, il-Parlament jargumenta wkoll li l-assenza ta’ regola ta’ votazzjoni fformulata espressament f’din id-dispożizzjoni tammonta għal modifika tal-proċess deċiżjonali previst fit-Trattati (f‘dan il-kuntest, kif stabbilit fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE).


34 – Ara l-Artikolu 51 TEU.


35 – L-istess osservazzjoni tapplika għall-kwistjoni tar-regoli ta’ votazzjoni (jew l-assenza tagħhom) fl-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni VIS u l-allegat effett ta’ tixrid (spill-over effect) tar-regoli ta’ votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 UE. Sakemm l-għoti ta’ setgħat imsemmi f’din id-dispożizzjoni ta’ liġi sekondarja jibqa’ fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36, ir-regola ta’ votazzjoni rilevanti għandha, kif jinnota l-Kunsill, tkun ir-regola msemmija fl-Artikolu 16(3) TEU. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. Għandu jiġi nnotat ukoll li dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi japplikaw għal votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata. Dawn ir-regoli, li kienu applikati mill-Kunsill fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni, huma stabbiliti fil-Protokoll Nru 36.