Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Portugall) fis-6 ta’ Diċembru 2017 – Cofemel – Sociedade de Vestuário SA vs G-Star Raw CV

(Kawża C-683/17)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal de Justiça

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cofemel – Sociedade de Vestuário SA

Konvenuta: G-Star Raw CV

Domandi preliminari

L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) tal-Código de Direitos de Autor e Direitos Conexos (il-Kodiċi tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Konnessi, iktar ’il quddiem iċ-“CDADC”) – li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design li, lil hinn mill-għan utilitarju li jservu, joħolqu effett viżiv proprju u distintiv mill-perspettiva estetika, fejn l-oriġinalità tagħhom hija kriterju ċentrali għall-għoti ta’ protezzjoni, fl-ambitu tad-drittijiet tal-awtur?

L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, regola li tirriżulta mill-Artikolu 2(1)(i) taċ-CDADC– li tagħti protezzjoni tal-copyright lil xogħlijiet ta’ arti applikata, disinni industrijali jew lil xogħolijiet ta’ design jekk, fid-dawl ta’ evalwazzjoni partikolarment eżiġenti fir-rigward tan-natura artistika tagħhom, u fid-dawl tal-ideat dominanti fiċ-ċirkoli kulturali u istituzzjonali, jixirqilhom li jiġu kklassifikati bħala “ħolqien artistiku” jew “xogħol ta’ arti”?

____________

1     Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).