Language of document : ECLI:EU:C:2013:71

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Frar 2013 (*)

“Kunċett ta’ akkordju – Ftehim konkluż bejn diversi banek – Impriża kompetitriċi li topera fis-suq inkwistjoni b’mod allegatament illegali – Effett – Assenza”

Fil-Kawża C‑68/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja), b’deċiżjoni tal-10 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2012, fil-kawża

Protimonopolný úrad Slovenskej republiky

vs

Slovenská sporiteľňa a.s.,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Protimonopolný úrad Slovenskej republiky, minn T. Menyhart, bħala aġent,

–        għal Slovenská sporiteľňa a.s., minn M. Nedelka, advokát,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, P. Van Nuffel u N. von Lingen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Protimonopolný úrad Slovenskej republiky (Awtorità tal-kompetizzjoni tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem, il-“Protimonopolný úrad”) u Slovenská sporitel’ňa a.s. (iktar ’il quddiem “Slovenská sporitel’ňa”) fir-rigward tal-aġir ta’ tliet banek li jikkostitwixxi, skont din l-awtorità, ftehim intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-liġi applikabbli fis-Slovakkja fil-qasam tal-kompetizzjoni hija l-Liġi Nru 136/2001 dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4        B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2009, il-Protimonopolný úrad Slovenskej republiky, odbor dohôd obmedzujúcich súťaž (Servizz tal-ftehim ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni tal-Awtorità tal-kompetizzjoni tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem is-“Servizz”), organu tal-prim’istanza kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, ikkunsidra li tliet banek kbar stabbiliti fi Bratislava (Slovakkja), jiġifieri Slovenská sporiteľňa a.s., Československá obchodná banka a.s. u Všeobecná úverová banka a.s., kienu kisru l-Artikolu 81 KE kif ukoll id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Liġi Nru 136/2001 billi kkonkludew ftehim dwar ir-resiljazzjoni tal-kuntratti dwar il-kontijiet kurrenti ta’ Akcenta CZ a.s. (iktar ’il quddiem “Akcenta”), kumpannija stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), kif ukoll dwar in-nonkonklużjoni ta’ kuntratti ġodda ma’ din il-kumpannija. Is-Servizz qies li Akcenta, stabbiliment mhux bankarju li jipprovdi servizzi li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ kambju mhux f’kontanti, kellha bżonn kontijiet kurrenti miftuħa f’banek sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha, li kienu jinkludu t-trasferiment ta’ muniti minn u lejn pajjiżi barranin, inkluż għall-klijenti tagħha fis-Slovakkja. Skont is-Servizz, it-tliet banek ikkonċernati, li kienu jikkunsidraw li Akcenta kienet kompetitur li kien jipprovdi servizzi lill-klijenti tagħhom u li ma kinux kuntenti bit-tnaqqis fil-profitti tagħhom b’riżultat tal-attività ta’ din il-kumpannija, issorveljaw din l-attività, ftehmu u ddeċidew, bi ftehim komuni, li jxolju b’mod ikkoordinat il-kuntratti konklużi mal-kumpannija msemmija. Abbażi tal-provi dwar l-eżistenza ta’ kuntatti bejn il-banek imsemmija, li b’mod partikolari jinkludu l-laqgħa li saret minnhom fl-10 ta’ Mejju 2007 u tal-komunikazzjonijiet permezz tal-email ulterjuri, is-Servizz stabbilixxa li kull wieħed minn dawn it-tliet banek kien aċċetta li jxolji l-kuntratt li kien jorbtu ma’ Akcenta bil-kundizzjoni li l-banek l-oħra jagħmlu l-istess, sabiex jipprekludu li parti mill-klijenti tiegħu jittrasferixxu l-kontijiet tagħhom lejn il-bank li jkompli jopera l-kontijiet kurrenti ta’ Akcenta. Minn dan, is-Servizz ikkonkluda li l-aġir tal-banek imsemmija fis-suq inkwistjoni, iddefinit bħala s-suq Slovakk tas-servizzi li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ kambju mhux f’kontanti, kien jikkostitwixxi ftehim intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni u impona multi ta’ EUR 3 197 912 lil Slovenská sporitel’ňa, ta’ EUR 3 183 427 lil Československá obchodná banka a.s. u ta’ EUR 3 810 461 lil Všeobecná úverová banka a.s.

5        Wara l-preżentata, minn Slovenská sporitel’ňa, ta’ rikors kontra d-deċiżjoni mogħtija mis-Servizz, ir-Rad Protimonopolného úradu Slovenskej republiky (Kunsill tal-Awtorità tal-kompetizzjoni tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem il-“Kunsill”), organu amministrattiv tat-tieni istanza, adotta, fid-19 ta’ Novembru 2009, deċiżjoni li permezz tagħha biddel id-deċiżjoni kkontestata billi kabbar il-kwalifika legali tal-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Kunsill ma biddilx l-ammont tal-multa imposta mis-Servizz.

6        Slovenská sporitel’ňa kkontestat id-deċiżjoni tal-Kunsill billi ppreżentat rikors quddiem il-Krajský súd Bratislava (Qorti Reġjonali ta’ Bratislava).

7        B’sentenza tat-23 ta’ Settembru 2010, il-Krajský súd Bratislava annullat id-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-9 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Novembru 2009 sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil Slovenská sporitel’ňa u rrinvijat il-kawża quddiem il-Protimonopolný úrad.

8        B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha, il-Krajský súd Bratislava rrilevat li din l-Awtorità kienet applikat b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ kompetitur u ta’ suq inkwistjoni. Skont din il-qorti, l-Awtorità msemmija ma vverifikatx jekk Akcenta setgħetx titqies bħala kompetitur ta’ Slovenská sporitel’ňa fis-suq inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li hija kienet topera fis-Slovakkja mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa mingħand in-Národná banka Slovenska (Bank Nazzjonali tas-Slovakkja), u din lanqas ma eżaminat il-kwistjoni jekk l-attività illegali eżerċitata minn din il-kumpannija setgħetx tibbenefika minn protezzjoni legali. F’dan ir-rigward, il-Krajský súd Bratislava irrileva li n-Národná banka Slovenska kienet imponiet fuq Akcenta multa f’ammont ta’ EUR 35 000, minħabba li matul il-perijodu minn Jannar 2008 sa Ġunju 2009, din kienet twettaq, mingħajr awtorizzazzjoni, operazzjonijiet ta’ kambju fis-Slovakkja. Madankollu, il-Krajský súd Bratislava irrilevat ukoll li d-deċiżjoni tan-Národná banka Slovenska li timponi din il-multa kienet ġiet annullata mill-Banková rada Národnej banky Slovenska (Kunsill bankarju tal-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja) u li l-proċedura mressqa kontra Akcenta kienet waqfet għaliex din tal-aħħar ma setgħetx tiġi ssanzjonata, minħabba li kien skada t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tas-sanzjonijiet pekunjarji. Barra minn hekk, il-Krajský súd Bratislava enfasizzat li mill-proċess kien jirriżulta li Akcenta ma kinitx kompetitriċi tal-banek ikkonċernati, iżda kienet biss klijenta tagħhom, peress li hija kienet tipprovdi s-servizzi tagħha fuq livell differenti minn dak ta’ dawn il-banek u skont metodi differenti minn dawk osservati minnhom. Il-Krajský súd Bratislava rrilevat ukoll li l-Protimonopolný úrad ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi li fihom kien ġie konkluż il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din ikkunsidrat li ma kienx ġie pprovat, b’mod partikolari, li Akcenta kienet ipprovat tiftaħ, mingħajr suċċess, kontijiet bankarji ġodda ma’ Slovenská sporitel’ňa.

9        Il-Protimonopolný úrad ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Krajský súd Bratislava quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka).

10      Il-Protimonopolný úrad issostni li hija pprovat b’mod suffiċjenti li Akcenta kienet kompetitriċi tal-banek ikkonċernati fis-suq inkwistjoni, jiġifieri s-suq Slovakk tal-kambju mhux f’kontanti. Fir-rigward tal-allegata natura illegali tal-attività eżerċitata minn Akcenta fis-Slovakkja, din l-Awtorità tenfasizza li l-fatt li din il-kumpannija eżerċitat l-attività tagħha mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-aġir tal-banek ikkonċernati fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni. L-Awtorità msemmija tirrileva wkoll li la Slovenská sporitel’ňa u lanqas il-banek l-oħra ma kkontestaw il-legalità tal-attività ta’ Akcenta qabel ma din bdiet il-proċedura fil-kawża prinċipali. Din tqis li ma teżisti ebda prova li Akcenta kienet topera illegalment. Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill bankarju tal-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja, il-Protimonopolný úrad tenfasizza li din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-perijodu minn Jannar 2008 sa’ Ġunju 2009, filwaqt li Akcenta kienet ilha topera fis-suq Slovakk mill-2003 u li l-banek ikkonċernati kkoordinaw il-prattiċi tagħhom u xoljew il-kuntratti konklużi ma’ Akcenta matul l-2007. Barra minn hekk, din l-Awtorità tirrileva li d-deċiżjoni msemmija ġiet annullata.

11      Slovenská sporitel’ňa ssostni li l-Protimonopolný úrad ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-fatt li Akcenta, li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni meħtieġa, kienet topera illegalment fis-suq Slovakk ikkonċernat. Peress li, skont din l-impriża, il-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tal-kompetizzjoni ma kinux sodisfatti, ma tista’ tiġi invokata ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Ma hemm ebda raġuni għalfejn jiġi ssanzjonat aġir li jwassal għall-esklużjoni ta’ impriża li topera illegalment. Slovenská sporitel’ňa tenfasizza li ma ġiex ipprovat li l-laqgħa li nżammet mit-tliet banek ikkonċernati fl-10 ta’ Mejju 2007 waslet għal ftehim, peress li, matul din il-laqgħa, l-impjegat tagħha li kien preżenti ġabar biss informazzjoni dwar il-proġett ta’ xoljiment tal-kuntratti relattivi għall-kontijiet kurrenti ta’ Akcenta.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky, fil-kwalità tagħha ta’ qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal appell taħt id-dritt intern, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 101(1) TFUE […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li għandu rilevanza legali l-fatt li kompetitur (impriża) li jkun affettwat minn akkordju bejn kompetituri oħra (impriżi) kien jopera fis-suq inkwistjoni b’mod illegali meta ġie konkluż l-akkordju?

2)      Il-fatt li, meta ġie konkluż l-akkordju, il-legalità tal-aġir tal-kompetitur (impriża) inkwistjoni ma ġietx ikkontestata mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti fit-territorju tar-Repubblika Slovakka għandu rilevanza legali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE […]?

3)      L-Artikolu 101(1) TFUE […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ akkordju restrittiv għall-kompetizzjoni teħtieġ il-prova ta’ aġir personali tar-rappreżentant awtorizzat jew ta’ ftehim partikolari li, permezz tiegħu, ir-rappreżentant awtorizzat ta’ impriża li pparteċipat jew li hija ssusspettata li pparteċipat fil-ftehim restrittiv għall-kompetizzjoni jkun awtorizza, taħt forma ta’ mandat, l-aġir tal-impjegat tiegħu, fil-każ fejn l-impriża ma tkunx tbiegħdet minn tali aġir u, fl-istess ħin, il-ftehim ikun ġie implementat?

4)      L-Artikolu 101(3) TFUE […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal ftehim ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE […] li, min-natura tiegħu, għandu l-effett li jeskludi mis-suq kompetitur (impriża) individwali partikolari, li fir-rigward tiegħu ġie sussegwentement stabbilit li kien iwettaq tranżazzjonijiet f’valuta barranija, fis-suq tat-tranżazzjonijiet bla ħlas fi flus kontanti, mingħajr ma kellu l-liċenzja kif rikjesta għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

13      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Protimonopolný úrad, minn Slovenská sporitel’ňa mill-Gvern tas-Slovakkja, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

14      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa ta’ importanza legali l-fatt li kompetitur affettwat minn akkordju bejn kompetituri oħrajn kien jopera fis-suq ikkonċernat b’mod allegatament illegali meta ġie konkluż l-akkordju msemmi.

15      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ċek espona l-fatti relattivi għal din il-kwistjoni, hekk kif ġew ittrattati skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/893/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2001, dwar il-prinċipji għall-użu tas-“Solvit” – in-Network għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (ĠU L 331, p. 79). Essenzjalment, meta jitqies li Akcenta, kumpannija Ċeka, li għandha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa fir-Repubblika Ċeka, kienet taħdem esklużivament permezz tat-telefon mal-klijenti Slovakki tagħha, iċ-ċentru Solvit ta’ dan l-Istat Membru kkunsidra li l-provvisti ta’ servizzi mogħtija ma kinux jeħtieġu l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni fis-Slovakkja. Madankollu, iċ-ċentru Solvit tas-Slovakkja esprima opinjoni kuntrarja, fejn qies li f’dan il-każ hemm kwistjoni relatata mal-libertà ta’ stabbiliment, minħabba li l-provvista ta’ servizzi differenti kienet saret permezz ta’ intermedjarji stabbiliti fis-Slovakkja. Skont id-database Solvit, il-każ ġie kklassifikat bħala mhux riżolt fit-2 ta’ Jannar 2006.

16      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattika miftiehma, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

17      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu jekk ikun jidher li dan ikollu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 508, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 75).

18      L-Artikolu 101 TFUE huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 63).

19      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ftehim konkluż bejn il-banek ikkonċernati kellu b’mod speċifiku l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u li ebda waħda minnhom ma kkontestat il-legalità tal-attività ta’ Akcenta qabel il-preżentata tal-proċedura kontrihom fil-kawża prinċipali. B’hekk, l-allegata sitwazzjoni legali ta’ Akcenta hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

20      Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi privati li għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali. Is-sitwazzjoni ta’ Akcenta, kif deskritta mill-Gvern Ċek, hija xhieda biżżejjed tal-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tista’ teħtieġ evalwazzjonijiet kumplessi li ma humiex fil-kompetenza ta’ dawn l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi privati.

21      Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża milquta minn akkordju li għandu bħala skop ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kienet topera fis-suq inkwistjoni b’mod allegatament illegali matul il-konklużjoni ta’ dan l-akkordju huwa irrilevanti għall-kwistjoni jekk l-akkordju inkwistjoni jikkostitwixxix ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

22      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE jistax jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni teħtieġx il-prova ta’ aġir personali tar-rappreżentant awtorizzat jew ta’ ftehim partikolari li, permezz tiegħu, ir-rappreżentant awtorizzat ta’ impriża li pparteċipat jew li hija ssuspettata li pparteċipat fil-ftehim restrittiv għall-kompetizzjoni jkun awtorizza, taħt forma ta’ mandat, l-aġir tal-impjegat tiegħu, fil-każ fejn l-impriża ma tkunx tbiegħdet minn tali aġir u, fl-istess ħin, il-ftehim ikun ġie implementat.

23      Il-Gvern Slovakk u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni għandhom dubji dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda fid-dawl tal-fatti deskritt mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jagħmlu sforz sabiex jagħtu elementi ta’ risposta.

24      Il-Protimonopolný úrad tosserva li din id-domanda għandha bħala oriġini l-fatt li, f’dan il-każ, Slovenská sporiteľna kienet qegħda ssostni li l-impjegat tagħha li kien ipparteċipa fil-laqgħa tar-rappreżentanti tal-banek ikkonċernati li saret fl-10 ta’ Mejju 2007 ma kienx irċieva mandat għal dan il-għan u li, fl-istess ħin, ma kienx ġie pprovat li dan kien irreġistra l-qbil tiegħu mal-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tippreżumi mhux azzjoni jew saħansitra għarfien tal-persuni assoċjati jew mill-amministraturi prinċipali tal-impriża kkonċernata, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97).

26      Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni f’akkordji pprojbiti mit-Trattat FUE spiss tikkostitwixxi attività moħbija li ma hijiex suġġetta għal regoli formali. Huwa rari li rappreżentant ta’ impriża jipparteċipa f’laqgħa b’mandat għall-finijiet li jwettaq ksur.

27      Barra minn hekk, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, meta jkun stabbilit li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi kompetitriċi li jkollhom natura antikompetittiva, hija din l-impriża li għandha tressaq ħjiel ta’ natura li jistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha kienet nieqsa minn kull spirtu antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qedha tipparteċipa għal dawn il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom. Sabiex il-parteċipazzjoni ta’ impriża għal tali laqgħa ma tkunx tista’ titqies bħala approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali u lanqas bħala qbil mar-riżultat tagħha, hemm bżonn li din l-impriża titbiegħed pubblikament minn din l-inizjattiva b’mod li l-parteċipanti l-oħra jikkunsidraw li din waqfet il-parteċipazzjoni tagħha, jew inkella li din tirrapportaha lill-entitajiet amministrattivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, punti 74 u 75, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma teħtieġx il-prova ta’ aġir personali tar-rappreżentant awtorizzat ta’ impriża jew ta’ ftehim partikolari li permezz tiegħu dan ir-rappreżentant awtorizza, taħt forma ta’ mandat, l-aġir tal-impjegat tiegħu li pparteċipa f’laqgħa antikompetittiva.

 Fuq ir-raba’ domanda

29      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 101(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ftehim prekluż mill-Artikolu 101(1) TFUE li, min-natura tiegħu, kellu l-effett li jeskludi mis-suq lil kompetitur individwali determinat, li dwaru ġie stabbilit a posteriori li, fis-suq tal-kambju mhux f’kontanti kkonċernat, kien iwettaq operazzjonijiet ta’ kambju mingħajr ma kellu l-liċenzja meħtieġa mil-liġi nazzjonali f’dan il-qasam.

30      Peress li l-Artikolu 101(3) TFUE jista’ jiġi applikat biss meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ftehim prekluż minn dan l-Artikolu 101, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li saret tali konstatazzjoni.

31      Hekk kif fakkret il-Kummissjoni, sabiex tapplika l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 101(3) TFUE, għandhom ikunu sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. L-akkordji għandhom, l-ewwel nett, jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew biex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett, għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw minnhom, it-tielet nett, ma għandhomx jimponu fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ dawk l-għanijiet, u, ir-raba’ nett , ma għandhomx joħolqu l-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni.

32      Hija l-persuna li tinvoka din id-dispożizzjoni li għandha turi, b’argumenti u provi konvinċenti, li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn eżenzjoni (sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

33      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Slovenská sporitel’ňa tosserva li l-fatt li ftehim antikompetittiv ikollu l-għan li jipprekludi li kompetitur ieħor jaġixxi b’mod illegali fis-suq minħabba li ma’ jkollux l-awtorizzazzjoni meħtieġa għandu jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) TFUE, peress li tali ftehim jipproteġi, skont din l-impriża, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u b’hekk huwa intiż, f’sens iktar wiesa’, sabiex jippromwovi l-progress ekonomiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Għandu jiġi kkonstatat li Slovenská sporitel’ňa tinvoka biss waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 101(3) TFUE.

35      Anki kieku din il-kundizzjoni kienet sodisfatta, ma jidhirx li l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet meħtieġa l-oħra u, b’mod partikolari, it-tielet kundizzjoni, li tgħid li ftehim ma għandux jimponi fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija mill-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) TFUE. Fil-fatt, anki jekk il-motiv invokat mill-partijiet f’dan l-akkordju kien jikkonsisti f’li Akcenta tiġi mġiegħela li tirrispetta l-leġiżlazzjoni Slovakka, kienu dawn tal-aħħar, hekk kif imfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li kellhom iressqu lment f’dan ir-rigward quddiem l-awtoritajiet kompetenti, u mhux jeliminaw huma stess lil din l-impriża kompetitriċi mis-suq.

36      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal ftehim prekluż mill-Artikolu 101(1) TFUE biss meta l-kumpannija li tinvoka din id-dispożizzjoni tkun ressqet il-prova li kienu sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li impriża milquta minn akkordju li għandu bħala skop ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kienet topera fis-suq inkwistjoni b’mod allegatament illegali matul il-konklużjoni ta’ dan l-akkordju huwa irrilevanti għall-kwistjoni jekk l-akkordju inkwistjoni jikkostitwixxix ksur ta’ din id-dispożizzjoni

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma teħtieġx il-prova ta’ aġir personali tar-rappreżentant awtorizzat ta’ impriża jew ta’ ftehim partikolari li permezz tiegħu dan ir-rappreżentant awtorizza, taħt forma ta’ mandat, l-aġir tal-impjegat tiegħu li pparteċipa f’laqgħa antikompetittiva

3)      L-Artikolu 101(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal ftehim prekluż mill-Artikolu 101(1) TFUE biss meta l-kumpannija li tinvoka din id-dispożizzjoni tkun ressqet il-prova li kienu sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.