Language of document : ECLI:EU:C:2013:851

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ʽintervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istatʼ — Elettriku li ġej mir-riħ — Obbligu ta’ xiri bi prezz ogħla għall-prezz tas-suq — Kumpens integrali — Kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku”

Fil-Kawża C‑262/12,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Association Vent De Colère! Fédération nationale,

Alain Bruguier,

Jean-Pierre Le Gorgeu,

Marie-Christine Piot,

Eric Errec,

Didier Wirth,

Daniel Steinbach,

Sabine Servan-Schreiber,

Philippe Rusch,

Pierre Recher,

Jean-Louis Moret,

Didier Jocteur Monrozier

vs

Ministre de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement,

Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie,

fil-preżenza ta’:

Syndicat des énergies renouvelables,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Association Vent De Colère! Fédération nationale, minn A. Marlange u M. Le Berre, avukati,

–        għas-Syndicat des énergies renouvelables, minn F. Thiriez u T. Lyon-Caen, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, J. Gstalter u J. Rossi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn I. Pouli u K. Boskovits, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u É. Gippini Fournier kif ukoll minn K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1)KE, li sar l-Artikolu 107(1) TFUE.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Association Vent De Colère! Fédération nationale kif ukoll minn ħdax‑il persuna fiżika kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Ekoloġija, tal-Enerġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ippjanar tat-Territorju, tas-17 ta’ Novembru 2008, li jistabbilixxu r-rekwiżiti għax-xiri tal-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw enerġija mekkanika tar-riħ (JORF tat-13 ta’ Diċembru 2008, p. 19032), u tat-23 ta’ Diċembru 2008, li jikkompletaw id-deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2008 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 2008, p. 20310, iktar ʼil fuq id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Franċiż

3        L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku (JORF tal-11 ta’ Frar 2000, p. 2143), kif emendat bil-Liġi Nru 2006‑1537, tas-7 ta’ Diċembru 2006 dwar il-qasam tal-enerġija (JORF tat-8 ta’ Diċembru 2006, p. 18531, iktar ʼil quddiem il-“Liġi Nru 2000‑108”) jipprevedi li:

“I.-      L-ispejjeż imputabbli lill-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku assenjati lill-operaturi tal-elettriku huma integralment ikkumpensati. Dawn jinkludu:

a) Fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku:

1° L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw, jekk ikun il-każ, mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 10 mqabbla mal-ispejjeż evitati lil Électricité de France [SA (EDF) (iktar ʼil quddiem ‘Électricité de Franceʼ] jew, ikun il-każ, [ta’] dawk evitati lid-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46-628 tat-8 ta’ April 1946 [fuq in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u l-gass (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651)] li jkunu kkonċernati. L-ispejjeż evitati huma kkalkulati b’riferiment għall-prezz tas-suq tal-elettriku jew, għad-distributuri mhux nazzjonalizzati, b’riferiment għat-tariffi ta’ ċessjoni msemmija fl-Artikolu 4 proporzjonalment għal parti mill-elettriku mixtri b’dawn it-tariffi fil-provvista totali tagħhom, bi tnaqqis tal-kwantitajiet mixtrija skont l-Artikoli 8 u 10 ċċitati iktar ʼil fuq. L-istess valuri tal-ispejjeż evitati huma użati bħala riferiment sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż ikkumpensati meta l-installazzjonijiet ikkonċernati huma operati minn Electricité de France jew minn distributur mhux nazzjonalizzat. Meta l-oġġett tal-kuntratti huwa x-xiri tal-elettriku prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni li tinsab f’żona mhux interkonnessa għan-netwerk metropolitana kontinentali, l-ispejjeż addizzjonali huma kkalkulati mqabbla mal-parti relatata mal-produzzjoni fit-tariffi rregolati tal-bejgħ tal-elettriku;

[...]

Dawn l-ispejjeż huma kkalkulati abbażi ta’ kontabbiltà xierqa miżmuma mill-operaturi li jsostnuhom. Din il-kontabbiltà, stabbilita skont ir-regoli definiti mill-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, li hija kkontrollata a spejjeż tal-operaturi li jbatu dawn l-ispejjeż permezz tal-awditur tagħhom jew, għal dawk tal-Istat, mill-awditur pubbliku tagħhom. […]. Il-Ministru tal-Enerġija għandu jiddetermina l-ammont tal-ispejjeż fuq proposta mill-Kummissjoni li tirregola l-enerġija fis-sena.

Il-kumpens għal dawn l-ispejjeż, favur l-operaturi li jbatuhom, huwa żgurat mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku installati fit-territorju nazzjonali.

L-ammont tal-kontribuzzjonijiet imsemmija hawn fuq huwa kkalkulat proporzjonatament għall-ammont tal-elettriku kkunsmat. […].

L-ammont tal-kontribuzzjoni dovut skont is-sit ta’ konsum, mill-konsumaturi finali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(I) ma jistax jaqbeż EUR 500 000. L-istess limitu japplika għall- kontribuzzjoni dovuta mill-impriżi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(I) għall-elettriku tal-ġbid kkunsmat fit-territorju nazzjonali u l-kontribuzzjoni dovuta mill-impriżi msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 22(II) għall-elettriku kkunsmat downstream tal-punti ta’ għoti li jirċievu l-elettriku fuq netwerk interkonness elettrikament.

L-ammont tal-kontribuzzjoni applikabbli għal kull siegħa kilowatt huwa kkalkulat sabiex il-kontribuzzjonijiet ikopru l-ispejjeż kollha msemmija f’(a) u (b), kif ukoll l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni inkorsi mill-Caisse des Dépôts et Consignations, elenkati hawn taħt, u l-baġit tal-ombudsman nazzjonali tal-enerġija. Il-Ministru għall-Enerġija stabbilixxa dan l-ammont fuq proposta mill-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, magħmula kull sena. L-ammont tal-kontribuzzjoni annwali, stabbilita għal kull sena speċifika, huwa applikabbli għas-snin segwenti fin-nuqqas ta’ dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni ġdida għas-sena kkunsidrata.

[...]

Il-kontribuzzjonijiet tal-konsumaturi finali eliġibbli li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija fl-Artikolu 22(III) pprovduti permezz tan-netwerk pubbliku tat-trasport jew permezz ta’ netwerk pubbliku ta’ distribuzzjoni huma rkuprati mill-operatur inkarigat mill-ġestjoni tan-netwerk li dawn il-konsumaturi huma mqabbda miegħu fil-forma ta’ ħlas addizzjonali fuq it-tariffi ta’ użu tan-netwerks. [...] Il-kontribuzzjonijiet effettivament irkuprati jitħallsu lill-operaturi li jbatu l-ispejjeż ta’ servizz pubbliku permezz tal-Caisse des Dépôts et Consignations.

[...] Il-Caisse des dépôts et consignations tħallas erba’ darbiet fis-sena lill-operaturi li jsostnu l-ispejjeż imsemmija f’(1) u (2) u f’(a) u (b) is-somom miġbura. Hija tħallas lill-ombudsman nazzjonali tal-enerġija somma daqs l-ammont tal-baġit tiegħu fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Il-Caisse des dépôts et consignations tirreġistra dawn it-tranżazzjonijiet differenti f’kont speċifiku. L-ispejjeż tal-ġestjoni sostnuti mill-Caisse huma deċiżi kull sena mill-Ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 41, fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ insuffiċjenza ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni fi żmien xahrejn mid-data li hija dovuta, il-Kummissjoni li tirregola l-enerġija tibgħat ittra ta’ tfakkira akkumpanjata minn penalità ta’ dewmien li r-rata tagħha hija stabbilita għal 10 % tal-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta.

[...]

Meta l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miġbura ma jaqbilx mal-ammont ikkonstatat tal-ispejjeż tas-sena, l-aġġustament għandu jsir fis-sena ta’ wara bl-ispejjeż dovuti għal din is-sena. Jekk is-somom dovuti ma jiġux irkuprati matul is-sena, huma jiżdiedu mal-ammont tal-ispejjeż tas-sena segwenti.

Il-Kummissjoni li tirregola l-enerġija tevalwa kull sena fir-rapport annwali tagħha l-operat tal-arranġamenti dwar l-ispejjeż tas-servizz tal-pubbliku tal-elettriku intiżi minn dan il-paragrafu I.

[...]

III. – Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas minn persuna li għandha tħallas tal-kontribuzzjonijiet previsti fil-paragrafu I [...] iktar ʼ il fuq, il-Ministru responsabbli mill-enerġija jiddikjara sanzjoni amministrattiva fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41 tal-imsemmija liġi.

IV- Digrieti tal-Conseil d’État li jippreċiżaw il-modi ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.”

4        L-Artikolu 10 tal-Liġi 2000‑108 jistabbilixxi:

“Bla ħsara għall-ħtieġa li jinżamm it-tħaddim tajjeb tan-netwerks, Electricité de France u, fil-kuntest tal-għan legali tagħhom u meta l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni huma konnessi man-netwerks pubbliċi ta’ distribuzzjoni li joperaw, id-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46-628 tat-8 ta’ April 1946 iċċitata iktar ʼil fuq huma marbuta li jikkonkludu, jekk il-produtturi kkonċernati jagħmlu din it-talba, kuntratt għax-xiri tal-elettriku prodott fit-territorju nazzjonali minn:

[...]

2° L-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija rinnovabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ li jinsabu fiż-żoni interkonnessi man-netwerk metropolitan kontinentali, jew li jimplementaw tekniki effettivi f’termini ta’ effiċjenza fl-enerġija, bħal ma hija l-koġenerazzjoni. Digriet tal-Conseil d’État jiffissa l-limiti ta’ kapaċità installati fl-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-obbligu ta’ xiri. Dawn il-limiti, li ma jistgħux jaqbżu 12 il-megawatt, huma stabbiliti għal kull kategorija ta’ installazzjoni li tista’ tibbenefika mill-obbligu ta’ xiri fuq sit ta’ produzzjoni. [...]

[...]

3° L-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ li jinsabu fil-perimetru ta’ żona ta’ żvilupp tal-enerġija tar-riħ, iddefinita skont il-modalitajiet stipulati fl-Artikolu 10‑1;

[...] Digriet jippreċiża l-obbligi li għandhom il-produtturi li jibbenefikaw mill-obbligu ta’ xiri, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija jiddeċiedu, wara opinjoni notifika mill-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, il-kundizzjonijiet tax-xiri tal-elettriku hekk prodott. Bla ħsara għaż-żamma tal-kuntratti ta’ obbligu ta’ xiri fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 2004‑803 tad-9 ta’ Awwissu 2004 relatata mas-servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass u mal-impriżi elettriċi u tal-gass, l-installazzjonijiet jibbenefikaw mill-obbligu ta’ xiri taħt dan l-artikolu jew skont l-Artikolu 50 ta’ din il-liġi jistgħu jibbenefikaw darba biss minn kuntratt ta’ xiri.

L-ispejjeż eventwali tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-elettriku operati minn Electricité de France jew mid-distributuri mhux nazzjonalizzati imsemmija iktar ʼil fuq li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu kkumpensati fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(I).

[...]

L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw huma kkumpensati skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(I).

[...]”.

5        L-Artikolu 8(2) tad-Digriet Nru 2001‑410, tal-10 ta’ Mejju 2001, dwar il‑kundizzjonijiet ta’ xiri tal-elettriku prodott minn produtturi li jibbenefikaw mill-obbligu ta’ xiri emendat (JORF Nru 110, tat-12 ta’ Mejju 2001, p. 7543), huwa hekk redatt:

“Deċiżjonijiet tal-Ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija, meħuda wara opinjoni tal-Kunsill superjuri tal-enerġija u tal-gass u wara l-opinjoni tal-Kummissjoni li tirregola l-elettriku, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet li jibbenefikaw mill-obbligu ta’ xiri previst mill-Artikolu 10 tal-Liġi tal-10 ta’ Frar 2000 [...]. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ xiri jippreċiżaw li b’mod partikolari:

[...]

2°      it-tariffi ta’ xiri tal-elettriku”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Ministru tal-Ekoloġija, tal-Enerġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ippjanar tat-Territorju stabbilixxa r-rekwiżiti għax-xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ.

7        Dawn id-deċiżjonijiet kienu, sussegwentement, suġġetti għal rikors għal annullament quddiem il-Conseil d’État ippreżentat mill-Association Vent de colère! Fédération nationale u ħdax-il rikorrent ieħor.

8        Dawn ir-rikorrenti, b’mod partikolari, sostnew li l-imsemmija deċiżjonijiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

9        Skont il-qorti tar-rinviju, ix-xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ bi prezz ogħla mill-valur tas-suq tiegħu jikkostitwixxi vantaġġ li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkollu effett fuq il-kompetizzjoni.

10      Fir-rigward tal-kriterju bbażat fuq l-intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Conseil d’État fakkar li, f’deċiżjoni datata 21 ta’ Mejju 2013, huwa applika s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099), fejn ġie deċiż li l-piż finanzjarju tal-obbligu ta’ xiri li minnu jibbenefikaw l-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ kien maqsum bejn ċertu numru ta’ impriżi, mingħajr ma jkun hemm kontribuzzjoni ta’ riżorsi pubbliċi, b’mod dirett jew indirett, għall-finanzjament tal-għajnuna u b’hekk ikkunsidra li l-mekkaniżmu li kien fis-seħħ dak iż-żmien ta’ xiri tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

11      Dan il-mekkaniżmu madankollu ġie mmodifikat bil-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta’ Jannar 2003, dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u tas-servizz pubbliku tal-enerġija (JORF tal-4 ta’ Jannar 2003, p. 265). Fil-fatt, preċedentement, l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu ta’ xiri impost fuq l-Électricité de France Elettriku u fuq id-distributuri mhux nazzjonalizzati kienu kkumpensati bis-sħiħ minn fond tas-servizz pubbliku tal-produzzjoni tal-elettriku ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet dovuti mill-produtturi, mill-fornituri u mid-distributuri msemmija fil-liġi. Issa, dawn l-ispejjeż addizzjonali huma kkumpensati mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku installati fit-territorju nazzjonali, li l-ammont tagħhom huwa kkalkulat prorata għall-ammont ta’ elettriku kkunsmat u approvat mill-Ministru għall-Enerġija fuq proposta mill-Kummissjoni ta’ regolament tal-enerġija fuq proposta tal-Kummissjoni li tirregola l-enerġija.

12      Il-Conseil d’État jirrileva wkoll li, fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C-206/06, Ġabra p. I‑5497), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li osservat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ʼil fuq, l-impriżi kkonċernati ma kinux awtorizzati mill-Istat Membru sabiex jiġġestixxu riżorsa tal-Istat, ikkunsidrat li finanzjament permezz ta’ żieda fil-prezz imposta mill-Istati fuq ix-xerrejja tal-elettriku, li jikkostitwixxi taxxa, bil-fondi li jifdal jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istat Membru, għandu jitqies bħala intervent tal-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat .

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tat-tibdil tal-mod ta’ finanzjament tal-kumpens integrali tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq [Électricité de France] u fuq id-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46‑628 [...], minħabba l-obbligu li jinxtara l-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq ta’ dan l-elettriku, minħabba l-Liġi Nru 2003‑8 [...], għandu dan il-mekkaniżmu issa jitqies bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [107(1) TFUE]?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk mekkaniżmu ta’ kumpens integrali għall-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi minħabba obbligu ta’ xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ bi prezz ogħla minn dak tas-suq li l-finanzjament tiegħu huwa sostnut mill-konsumaturi finali, bħal dak li jirriżulta mil-Liġi Nru 2000‑108, għandux jiġi kkunsidrat bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

15      Għandu jiġi ppreċiżat li, qabel kollox, għalkemm il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tippresupponi li jeżistu erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li għandu jkun hemm intervent tal Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887, punt 18, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑AREE, C‑677/11, punt 25), din id-domanda tirrigwarda biss l-ewwel waħda minn il-kundizzjonijiet.

16      Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (ara s-sentenzi tal-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 24, kif ukoll Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 27).

17      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni dwar lil min hija attribwibbli l-miżura, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 52).

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet stabbilit bil-Liġi Nru 2000‑18 u għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala attribwibbli lill-Istat.

19      Rigward, fit-tieni lok, il-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li miżuri li ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16).

20      Fil-fatt il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat sabiex tiġi ġestita l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike u Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 21; Sloman Neptun, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 19, kif ukoll Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 26).

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jgħinu lil impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jagħmlu parti, kontinwament, mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura inkwistjoni ma humiex kontinwament fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Franza vs Il-Kummissjoni, punt 37; Essent Netwerk Noord et, punt 70, kif ukoll Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑AREE, punt 35).

22      Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, is-somom intiżi li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu ta’ xiri impost fuq l-impriżi huma miġbura mill-konsumaturi tal-elettriku fit-territorju Franċiż u mogħtija lill-Caisse des dépôts et consignations.

23      Skont il-leġiżlazzjoni Franċiża applikabbli fil-kawża prinċipali, l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandu jħallas kull konsumatur finali tal-elettriku huwa deċiż kull sena mill-Ministru responsabbli mill-enerġija fuq proposta tal-Kummissjoni li tirregola l-enerġija. Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ministerjali, l-ammont tal-kontribuzzjoni jiżdied awtomatikament kull sena.

24      Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000‑108 jistabbilixxi sanzjoni amministrattiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni mill-konsumatur.

25      Issa, diġà ġie deċiż li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 35).

26      Fl-aħħar nett, kien spjegat, fis-seduta, li l-Liġi Nru 2000‑18 introduċiet prinċipju ta’ kopertura integrali tal-obbligu ta’ xiri mill-Istat Franċiż li jobbliga li dan tal-aħħar għal clearance tal-passat u għal kopertura sħiħa tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq l-impriżi fil-każ li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet miġbura mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku ma huwiex se jkun suffiċjenti sabiex ikopru dawn l-ispejjeż addizzjonali.

27      B’hekk, mill-punti 20, 25 u 26 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt, invokat mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, li l-impriżi suġġetti għall-obbligu ta’ xiri jżommu l-kontribuzzjonijiet miġbura mingħand il-konsumaturi finali sakemm dawn tal-aħħar ma jkoprux l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali tagħhom stess, sabiex parti mill-flus ma jgħaddux mill-kont tal-Caisse des dépôts et consignations, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

28      Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fondi li jgħaddu permezz tal-Caisse des dépôts et consignations, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Liġi Nru 2000‑108, din tal-aħħar tiċċentralizza s-somom miġbura fuq kont speċifiku qabel ma tħallas lill-operaturi kkonċernati, u b’hekk tintervjeni bħala intermedjarju fil-ġestjoni ta’ dawn il-fondi.

29      Il-Caisse des dépôts et consignations hija persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku, stabbilit mil-Liġi tal-Finanzi tal-1816. Id-Direttur Ġenerali tagħha, li huwa l-korp eżekuttiv, huwa maħtur fil-Kunsill tal-Ministri mill-President tar-Repubblika. Il-bord ta’ superviżjoni kif ukoll il-kumitati maħluqa fi ħdan tal-aħħar huma magħmula minn persuni maħtura mill-Assemblea Nazzjonali, is-Senat u l-istituzzjonijiet pubbliċi l-oħra. Il-president tal-bord ta’ sorveljanza tagħha huwa maħtur minnha fi ħdanha. Huwa, fil-prattika, membru kemm tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll tas-Senat.

30      Dan l-organu pubbliku, awtorizzat mill-Istat Franċiż, jiżgura servizzi ta’ ġestjoni amministrattiva, finanzjarja u ta’ kontabbiltà għan-nom tal-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq tal-elettriku u tal-gass fi Franza. Il-Caisse des dépôts et consignations tikkonstata wkoll id-dewmien u n-nuqqasijiet ta’ ħlas tal-konsumaturi u tindikahom lil din il-kummissjoni.

31      Barra minn hekk, din l-entità pubblika tista’ tinvesti l-kontribuzzjonijiet li nġabru mill-konsumaturi finali, filwaqt li huwa ppreċiżat li r-remunerazzjoni li tirriżulta minn dawn l-investimenti titnaqqas kull sena mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet dovuti għas-sena ta’ wara.

32      Barra minn hekk, hija ma tagħmel ebda profitt minn din l-attività u l-ispejjeż ta’ ġestjoni amministrattivi huma imputabbli fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumaturi finali tal-elettriku.

33      Għaldaqstant, l-imsemmija ammonti b’hekk ġestiti mill-Caisse des dépôts et consignations għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt kontroll pubbliku.

34      Dawn l-elementi kollha jistgħu jiddistingwu l-kawża preżenti minn dik li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ʼil fuq, li fiha ġie deċiż li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat l-obbligu impost fuq impriżi privati tal-provvista tal-elettriku li jixtru bi prezzijiet minimi stabbiliti l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa fejn ma sar ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku hija indotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 59).

35      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tirrileva, fil-punt 74 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, fil-kawża li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ʼil fuq, l-impriżi privati ma kinux awtorizzati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġġestixxu riżorsa tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess.

36      B’hekk, il-fondi inkwistjoni ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala riżorsa tal-Istat peress li ma kienu fl-ebda ħin taħt kontroll pubbliku u li ma kien hemm ebda mekkaniżmu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita u rregolata mill-Istat Membru, ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan l-obbligu ta’ xiri u li biha l-Istat jiggarantixxi lil dawn l-operaturi privati l-kopertura integrali tal-imsemmija spejjeż addizzjonali.

37      Għaldaqstant, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li mekkaniżmu ta’ kumpens integrali tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi minħabba obbligu ta’ xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ bi prezz ogħla minn dak tas-suq li l-finanzjament tiegħu huwa sostnut mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fit-territorju nazzjonali, bħal dik li jirriżulta mil-Liġi Nru 2000‑108, jikkostitwixxi intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis

38      Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li metodu ta’ finanzjament, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-gvern Franċiż jitlob il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza li ġejja.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiftakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it‑talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk jiġu ssodisfatti l‑kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27; tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I‑199, punt 50, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, punt 58).

40      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq, Skov u Bilka, punt 51, kif ukoll RWE Vertrieb, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 59).

41      Fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, dwar il-kundizzjoni ta’ bona fide ta’ dawk ikkonċernati, li l-gvern Franċiż ma setax jinjora l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni, prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, ta’ miżura ta’ għajnuna u l-konsegwenzi ġuridiċi li ġġib l-assenza ta’ notifika tal-miżura inkwistjoni.

42      Rigward, fit-tieni lok, ir-rekwiżit ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija b’mod preliminari ma jistgħu qatt jiġġustifikaw, minnhom infushom, il-limitazzjoni ratione temporis ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson, C‑137/94, Ġabra p. I‑3407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm f’din il-kawża l-ebda element li jista’ jiġġustifika deroga mill-prinċipju li l-effett ta’ sentenza ta’ interpretazzjoni jmorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Bautiaa u Société française maritime, C‑197/94 u C‑252/94, Ġabra p. I‑505, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li mekkaniżmu ta’ kumpens integrali tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi minħabba obbligu ta’ xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ bi prezz ogħla minn dak tas-suq li l-finanzjament tiegħu huwa sostnut mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fit-territorju nazzjonali, bħal dak li jirriżulta mil-Liġi Nru 2000-108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku, kif emendat bil-Liġi Nru 2006‑1537, tas-7 ta’ Diċembru 2006, dwar il-qasam tal-enerġija, jikkostitwixxi intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.