Language of document : ECLI:EU:C:2010:264

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑467/08

Sociedad General de Autores y Editores (SGAE)

vs

PADAWAN S.L.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona [Spanja])

(Direttiva 2001/29/KE– Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 2 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kumpens ġust – Ambitu – Sistema ta’ ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali )






I –    Introduzzjoni

1.        L-invenzjoni tal-istampar minn Johannes Gutenberg bejn wieħed u ieħor fl-1450 kienet wieħed mill-iktar passi importanti mil-lat kulturali u storiku fl-istorja tal-Ewropa u tad-dinja. Dan l-avveniment, li involva l-introduzzjoni ta’ metodu ġdid ta’ riproduzzjoni u li, mal-ewwel ħarsa, kien biss ta’ relevanza teknika, kien kapaċi joħloq rivoluzzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni li wasslet b’mod partikolari biex tiffjorixxi l-ħajja intellettwali Ewropea. Din iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni, permezz tar-riproduzzjoni eżatta tal-għarfien sa punt li qatt qabel ma kien magħruf u fi ħdan il-mezzi ta’ iktar u iktar ċittadini. Dan għen id-disseminazzjoni tal-massa u l‑iskambju vivaċi ta’ ideat, li witta t-triq għar-Rinaxximent u iktar tard għal żmien l-Illuminiżmu. Fl-istess ħin, l-identità tal-awtur bdiet issir iktar sinjifikattiva, peress li l-kwistjoni ta’ min kien kiteb xiex u f’liema kuntest fattwali u temporali saret iktar u iktar importanti. Minn dan, inħolqot il-ħtieġa li tingħata protezzjoni effettiva lid-drittijiet tal-awturi fix-xogħlijiet tagħhom u d-drittijiet tal-istampaturi u l-pubblikaturi involuti fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet stampati. B’dan il-mod, tnisslet l-idea bażika tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Meta wieħed iħares lura, jirriżulta li l-problemi marbuta mal-kontroll tar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi huma qodma daqs il-metodi tekniċi għall-produzzjoni ta’ dawk ir-riproduzzjonijiet infushom (2). Kif turi din il-kawża, dawn il-problemi saru iktar topiċi, b’mod speċjali peress li l-iżvilupp teknoloġiku sal-era diġitali ta lok għal metodi u apparat ġodda li jagħmluha possibbli għal kull persuna li taħżen data b’mod diġitali, li temendaha u li tirriproduċiha meta u kif trid. Il-leġiżlatur u l-qorti għandhom il-kompitu sensittiv li jiżviluppaw soluzzjonijiet xierqa għal dawn l-isfidi l-ġodda li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-awtur u tal-utent bl-istess mod.

2.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE (3), l-Audiencia Provincial de Barcelona (Qorti Provinċjali, Barcelona, ‘il-qorti tar-rinviju’) tissottometti serje ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘kumpens ġust’, imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4), li huma intitolati għalih, skont din l-eċċezzjoni għar-regola, id-detenturi ta’ kwalunkwe drittijiet tal-awtur f’każ ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol jew materjal ieħor għal użu privat.

3.        Dawn id-domandi jqumu fil-kuntest ta’ proċeduri fejn is-Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE; ‘ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali’), soċjetà Spanjola tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, qed tressaq talba kontra l-kumpannija Padawan S.L. (‘il-konvenuta fil-kawża prinċipali’) għall-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal kopja privata fir-rigward ta’ mezzi ta’ ħżin ikkummċerjalizzati minnha matul perjodu ddefinit b’mod preċiż.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara:

“Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.”

5.        Il-premessa 31 hija fformulata kif ġej:

“Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utenti ta’ mezzi protett[i] għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru iktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra iktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

6.        Fil-premessa 32 huwa ddikkjarat dan li ġej:

“Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implementattiva fil-futur.”

7.        Il-premessa 35 hija fformulata kif ġej:

“F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħlijiet protetti tagħhom jew mezzi ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.”

8.        Il-premessa 38 tiddikjara inter alia:

“L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ mezzi awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet.”

9.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjara dan li ġej:

“Artikolu 2

Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

(b) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

10.      L-Artikolu 5(2)(b) tad-direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 5

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

[…]

(2)      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat.”

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 ġie implementat fid-dritt nazzjonali mill-Artikolu 17 tal-verżjoni konsolidata tal-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali (Texto Refundido de la Ley de Propiedad Intelectual; (‘TRLPI’)) li ġiet approvata mir-Real Decreto Legislativo (Digriet Leġiżlattiv Irjali) 1/1996, tat-12 ta’ April 1996, li jipprovdi li “l-awtur għandu drittijiet esklużivi għall-isfruttar tax-xogħlijiet tiegħu irrispettivament mill-forma tagħhom u, b’mod partikolari, drittijiet ta’ riproduzzjoni […] li ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħajr il-permess tiegħu ħlief fiċ-ċirkustanzi stipulati f’din il-Liġi”, u permezz tal-artikoli segwenti li jestendu dak id-dritt ta’ riproduzzjoni għal detenturi oħrajn ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

12.      L-Artikolu 18 TRLPI jispeċifika li riproduzzjoni tfisser: “l-iffissar tax-xogħol fuq mezz li jippermetti l-komunikazzjoni tax-xogħol u l-ikkuppjar tax-xogħol kollu jew parti minnu.”

13.      B’mod konformi mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 31(1)(2) TRLPI jipprovdi li xogħlijiet li diġà ġew iċċirkulati jistgħu jiġu riprodotti mingħajr il-permess tal-awtur għal “użu privat minn min jikkopja mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25 u 99(a) ta’ din il-Liġi, kemm-il darba l-użu tal-kopja ma jkunx kollettiv jew għal profitt.”

14.      Il-verżjoni tal-Artikolu 25 TRLPI li kien hemm qabel il-Liġi ta’ Emenda Nru 23/2006 tas-7 ta’ Lulju 2006 (5) tistabbilixxi regoli ferm dettaljati dwar il-kumpens li huma intitolati għalih id-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet li jsiru għal użu esklużivament privat “permezz ta’ tagħmir jew apparat tekniċi mhux tipografiċi, ta’ xogħlijiet iċċirkulati fil-forma ta’ kotba jew pubblikazzjonijiet meqjusa mir-regolazzjoni li huma ekwivalenti, kif ukoll fonogrammi, vidjogrammi u mezzi oħrajn awdjo, viżwali, jew awdjoviżwali.”

15.      Dan il-kumpens, li għandu jkun ġust u jitħallas darba biss, jikkonsisti fi ħlas applikabbli mhux biss għal apparat u tagħmir għar-riproduzzjoni ta’ kotba iżda wkoll għal apparat u tagħmir għar-riproduzzjoni ta’ fonogrammi u vidjogrammi, u għal mezzi għar-riproduzzjoni ta’ awdjo, viżwali u awdjoviżwali (Artikolu 25(5) TRLPI). Il-ħlas għandu jiġi impost fuq manifatturi u importaturi tat-tagħmir u mezzi msemmija iktar ’il fuq, u fuq “bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut bħala xerrejja sussegwenti tal-prodotti kkonċernati” (Artikolu 25(4)(a) CTLIP), u għandu jitħallas lis-soċjetajiet ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Artikolu 25(7) TRLPI).

16.      Il-Liġi ta’ Emenda Nru 23/2006 emendat l-Artikolu 25 TRLPI sabiex testendi l-applikazzjoni ta’ dak il-ħlas speċifikament għal tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali. L-ammont tal-kumpens għandu jiġi approvat konġuntament mill-Ministeru tal-Kultura u l-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ skont il-proċedura segwenti: fl-ewwel lok, is-soċjetajiet għall-ġestjoni tad-drittijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira jirrappreżentaw lil persuni responsabbli għall-ħlas, għandhom jingħataw perjodu ta’ erba’ xhur sabiex jiddeterminaw liema apparat, tagħmir u mezzi jattiraw kumpens ġust għal kopja privata, flimkien mal-ammont pagabbli f’kull każ; fit-tieni lok, tliet xhur wara n-notifika tal-ftehim, jew wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ erba’ xhur jekk ma jkun intlaħaq ebda ftehim, il-Ministeru tal-Kultura u l-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ għandhom japprovaw il-lista ta’ apparat, tagħmir u mezzi suġġetti għall-ħlas u l-ammont tiegħu (Artikolu 25(6) tas-CTLIP).

17.      F’dan ir-rigward, il-Liġi tistabbilixxi numru ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati: (a) id-dannu attwalment ikkawżat lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala riżultat tar-riproduzzjonijiet ikklassifikati bħala kopja privata; (b) il-grad sa fejn l-apparat, tagħmir u mezzi jintużaw għall-iskop ta’ tali kopja privata; (ċ) il-kapaċità ta’ ħżin tal-apparat, tagħmir u mezzi użati għal kopja privata; (d) il-kwalità tar-riproduzzjonijiet; (e) id-disponibbiltà, il-livell ta’ applikazzjoni u l-effettività tal-miżuri teknoloġiċi; (f) għal kemm żmien jistgħu jiġu ppreżervati r-riproduzzjonijiet u (g) l-ammont ta’ kumpens applikabbli għall-apparat, tagħmir u mezzi kkonċernati għandu jkun ekonomikament proporzjonat mal-prezz finali tal-bejgħ bl-imnut ta’ dawk il-prodotti (Artikolu 25(6) tas-CTLIP).

18.      Sabiex timplementa d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Orden Ministerial (Digriet Ministerjali) Nru 1743/2008 tat-18 ta’ Ġunju 2008 (6) stabbilixxa liema tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għandhom jattiraw ħlas tal-kumpens għal kopja privata, u l-ammont ta’ kumpens pagabbli fir-rigward ta’ kull prodott minn kull persuna responsabbli.

III – Fatti tal-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.      Kif issemma fir-rimarki introduttorji tiegħi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija soċjetà Spanjola għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkumerċjalizza mezzi ta’ ħżin elettroniku, inter alia fil-forma ta’ CD‑Rs, CD‑RWs, DVD‑Rs u MP3 players. Ir-rikorrenti ippreżentat rikors kontra l-konvenuta għall-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa bħala kumpens għal kopji privati fir-rigward tal-mezzi ta’ ħżin ikkummerċjalizzati minnha bejn Settembru 2002 u Settembru 2004.

20.      Fl-ewwel istanza, it-talba ġiet milqugħa fl-intier tagħha u l-konvenuta ġiet ordnata tħallas EUR 16 759.25 flimkien mal-interessi. Il-konvenuta appellat minn dik is-sentenza.

21.      Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju, li trid tiddeċiedi l-appell, tesprimi inċertezza fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Hija għandha dubju dwar jekk id-dispożizzjoni li hija applikabbli fir-Renju ta’ Spanja, li permezz tagħha l-ħlas għal kopji privati jiġi impost mingħajr distinzjoni fuq tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, għandhiex titqies bħala kumpatibbli mad-direttiva. Hija tal-fehma li r-risposta għad-domandi tagħha ser taffettwa r-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li ser tiddetermina jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex intitolata li titlob kumpens ġust għal kopja privata fir-rigward tas-CD-Rs, CD-RWs, DVD-Rs u MP3 players kollha kkumerċjalizzati mill-konvenuta fil-perjodu msemmi iktar ’il fuq, jew biss fir-rigward ta’ dawk l-apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li jistgħu jiġu preżunti li ntużaw għal kopji privati.

22.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

(1)      Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE jimplika jew le armonizzazzjoni, indipendentement mill-fakultà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jagħżlu s-sistemi ta’ ġbir li jqisu xierqa sabiex jagħmlu effettiv id-dritt għal “kumpens ġust” tad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali milquta mill-istabbiliment tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għad-dritt ta’ riproduzzjoni?

(2)      Indipendentement mis-sistema użata minn kull Stat Membru sabiex jistabbilixxi l-kumpens ġust, din is-sistema għandha tirrispetta bilanċ ġust bejn il-persuni kkonċernati, jiġifieri minn naħa, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali milquta mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, li huma kredituri ta’ dan il-kumpens u, min-naħa l-oħra, il-persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens? U dan il-bilanċ għandu jiġi ddeterminat mill-ġustifikazzjoni għal kumpens ġust, li jikkonsisti fir-rimedju tad-dannu li jirriżulta mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata?

(3)      Jekk fil-każijiet fejn Stat Membru jagħżel sistema ta’ tassazzjoni jew ħlas lill-awtur fir-rigward tat-tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, dan il-ħlas (il-kumpens ġust għal kopja privata) għandu jkun neċessarjament marbut, skont l-għan imfittex taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE u fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, mal-użu preżunt ta’ dan it-tagħmir u mezzi sabiex isiru riproduzzjonijiet li jibbenefikaw mill-eċċezzjoni ta' kopja privata, b’mod li l-applikazzjoni tal-ħlas tkun iġġustifikata meta preżumibbilment it-tagħmir, apparat jew il-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jkunu intiżi sabiex isiru kopji privati, u ma jkunx hekk f’każ kuntrarju?

(4)      Fil-każ li Stat Membru jagħżel sistema ta’ “ħlas” għal kopji privati, l-applikazzjoni nondiskriminatorja tar-referenza “ħlas” għal impriżi u professjonisti li b’mod ċar jixtru l-apparat u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għal għanijiet li ma humiex relatati ma’ kopji privati hija konformi mal-kunċett ta’ “ħlas ġust”?

(5)      Is-sistema adottata mill-Istat Spanjol li tapplika l-ħlas għal kopji privati għal kull tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali mingħajr distinzjoni tista’ tmur kontra d-Direttiva 2001/29/KE, peress li ma tibqax teżisti konnessjoni adegwata bejn il-kumpens ġust u l-limitazzjoni tad-dritt [ta’ riproduzzjoni] għal kopja privata li tiġġustifikah, li tapplika b’mod sinjfikattiv għal każijiet differenti li fihom ma teżistix il-limitazzjoni ta’ drittijiet li tiġġustifika l-kumpens ekonomiku?

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Id-digriet tar-rinviju ddatat 15 ta’ Settembru 2008 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2008.

24.      Ġew ippreżentati noti ta’ osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Portugiża, is-Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO), l-Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), l-Asociación de Artistas Intérpretes o Ejecutantes – Sociedad de Gestión de España (AIE), l-Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI) u l-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.      Fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010, ir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ta’ EGEDA, AIE, AGEDI u CEDRO, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

V –    Argumenti ewlenin tal-partijiet

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

26.      Il-Gvern Spanjol u CEDRO jipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara r-rinviju inammissibbli, peress li, fl-opinjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ proċeduri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġew sostitwiti mil-leġiżlazzjoni Spanjola li timplementa d-Direttiva 2001/29. Huma jissottomettu li huma esklużivament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 TRPLI li kienu japplikaw qabel ma daħlet fis-seħħ il-Liġi ta’ Emenda 23/2006 li huma applikabbli. Għaldaqstant, mhijiex meħtieġa deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kumpens ġust” fid-Direttiva 2001/29 sabiex tkun tista’ tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

27.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipproponi wkoll li r-rinviju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, iżda għal raġuni differenti. Hija tikkunsidra li huwa ovvju li l-kumpens għal kopja privata huwa suġġett biss għal armonizzazzjoni minima. Id-Direttiva 2001/29 la tistipula l-metodi, li skonthom għandu jiġi kkalkulat il-kumpens ġust għal kopja privata, la l-apparat, it-tagħmir u l-mezzi, li l-bejgħ tagħhom jagħti lok għal talba għal kumpens ġust, u lanqas iċ-ċirkustanzi speċifiċi meta ma għandux jintalab ħlas.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

28.      Il-Kummissjoni, il-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Ġermanja u dak tal-Finlandja u EGEDA u AIE huma tal-opinjoni li l-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġ interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha u għandu jiġi applikat minn kull Stat Membru fil-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju u b’mod partikolari d-direttiva msemmija hawn fuq.

29.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol, dak Franċiż u inparti dak Grieg, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, CEDRO u AGEDI huma tal-opinjoni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet kjarament li tillimita l-funzjoni ta’ armonizzazzjoni ta’ kunċett, jiġifieri dak ta’ “kumpens ġust”, għar-raġuni li, fl-ewwel lok, mhux neċessarjament għandu jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u fit-tieni lok, ma fihx il-kriterji essenzjali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jiddeterminaw is-suġġett u l-kontenut tar-relazzjoni ġuridika, li huwa neċessarju sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat kunċett armonizzat f’livell Ewropew. Isegwi li ma hemm ebda assoċjazzjoni bejn il-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u kwalunkwe armonizzazzjoni f’livell Komunitarju.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari

30.      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Grieg, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u EGEDA u AGEDI jsostnu li s-sistema għall-kalkolu tal-ammont tal-“kumpens ġust” ta’ kull Stat Membru trid tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn l-awturi u l-utenti, kif ukoll bejn il-persuni li huma affettwati direttament jew indirettament minn dan il-ħlas, billi jiġu kkunsidrati l-ħsara jew dannu li jista’ jsofri l-awtur, jekk ikun il-każ, b’riżultat tal-awtorizzazzjoni ta’ kopja privata. Il-Gvern Franċiż u dak Ġermaniż jissottomettu, b’mod partikolari, li l-kalkolu tal-“kumpens ġust” għandu jippermetti lill-awturi jirċievu ħlas xieraq għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom.

31.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol u CEDRO jsostnu li ebda rekwiżit ta’ bilanċ ma jista’ jiġi inferit mit-test tad-Direttiva 2001/29. Huma jiddikjaraw ukoll li l-għan ta’ dak il-kumpens ma jistax ikun biss biex jingħata kumpens għal telf, speċjalment peress li dak l-element jista’ jkun biss ‘kriterju siewi’, li ma jfissirx li huwa l-uniku kriterju li għandu jiġi kkunsidrat jew tabilħaqq dak deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens finanzjarju. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-opinjoni li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix is-sistema ta’ Stat Membru ta’ remunerazzjoni xierqa, ibbażata fuq somma f’daqqa relatata mal-użu preżunt tal-istrumenti li normalment jintużaw għal kopja privata, kemm-il darba dawk il-metodi ma jmorrux kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità.

32.      Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li sa fejn id-Direttiva 2001/29 ma fiha ebda dispożizzjoni dwar l-iffinanzjar tal-kumpens ġust stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b), huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw kemm il-mezzi għall-finanzjament ta’ dak il-kumpens u kemm, f’każ li jiffinanzjawh permezz ta’ ħlas, l-arranġamenti dettaljati għal dak il-ħlas, iżda dejjem fi ħdan il-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mid-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt.

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari

33.      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Franċiż u l-konvenuta fil-kawża prinċipali u AGEDI huma tal-opinjoni li jekk Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi sistema ta’ ħlas li tapplika għal tagħmir, apparat u mezzi, b’mod konformi mal-għan stipulat fl-Artikolu 5(2)(b) li jingħata kumpens lill-awturi għall-ħsara jew dannu li jġarrbu, il-ħlas għandu jkollu konnessjoni mal-użu preżunt ta’ dawk it-tagħmir u apparat ta’ riproduzzjoni diġitali.

34.      Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet ta’ Spanja, il-Finlandja u l-Greċja, u EGEDA u CEDRO huma tal-opinjoni li l-Istati Membri ngħataw diskrezzjoni, li tippermettilhom jintroduċu sistemi differenti ta’ kumpens, li fil-fatt huwa dak li għamlu s’issa. Huma jissottomettu li b’hekk kien permissibbli, fil-kuntest ta’ dik id-diversità, li jiġu introdotti tali sistemi bbażati fuq il-kapaċità oġġettiva tat-tagħmir jew strument biex jagħmel kopji għal użu privat. Huma jgħidu li huwa wkoll raġonevoli li wieħed jipproċedi fuq il-bażi tal-premessa li l-att ta’ manifatturar jew importazzjoni tal-istrument diġà jipprovdi l-mezz li jikkawża telf finanzjarju lill-awturi, irrispettivament mill-possibbiltà li jiġi adattat dak il-kriterju, kif kien diġà l-każ għal-leġiżlazzjoni Spanjola fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi u kriterji oħrajn.

35.      Il-Kummissjoni u AIE jindikaw li d-Direttiva 2001/29 tħalli f’idejn l-Istati Membri d-deċiżjoni dwar min għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-‘kumpens ġust’ u f’liema forma. Id-direttiva ma tipprekludix lil dawk li jiggwadanjaw mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet ta’ awturi, artisti, interpreti, produtturi jew kumpanniji tal-mezzi ta’ komunikazzjoni milli jkunu obbligati jħallsu ħlas kontributorju fil-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

E –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

36.      Il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Franċiż u l-konvenuta fil-kawża prinċipali huma tal-fehma li l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-ħlas għal impriżi u persuni professjonisti li b’mod ċar ikunu xtraw apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali mhux bl-iskop li jagħmlu kopji privati, iżda għal skopijiet oħrajn, mhijiex kumpatibbli mal-kunċett ta’ ‘kumpens ġust’. B’mod partikolari, fl-opinjoni tal-Gvern Finlandiż, jekk l-Istat Membru jkun għażel sistema ta’ ħlas fir-rigward tat-tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, huwa ġġustifikat li jastjeni minn ħlas għal dawk l-istrumenti li jintużaw għal skopijiet purament professjonali.

37.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol u dak Grieg, EGEDA, CEDRO u AGEDI huma tal-fehma li anki jekk huwa korrett li l-kriterju tal-idonejità oġġettiva tat-tagħmir jew strument jista’ wkoll jiġi aġġustat fuq il-bażi tad-dispożizzjoni soġġettiva tax-xerrej (inkwantu huwa ggarantit li huwa mhux ser jużah biex jagħmel kopji privati), ma huwiex inqas korrett li ma jista’ jkun hemm ebda raġuni li dak l-element soġġettiv jiġi elevat għall-grad ta’ kriterju deċiżiv, b’mod speċjali peress li l-iskop finali tal-apparat ma jistax jiġi ddeterminat faċilment. Huma jsostnu li d-Direttiva 2001/29 ma tobbligax lill-Istati Membri biex jeżentaw lil kategoriji partikolari ta’ xerrejja mill-obbligu li jħallsu kumpens xieraq. Il-Gvern Grieg huwa tal-fehma li t-tagħmir u apparat użati għal skopijiet professjonali ma għandhomx jiġu eżentati mill-ħlas tal-kumpens, peress li ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat l-użu attwali li jsir minn dak l-apparat.

38.      Il-Kummissjoni u AIE jirrimarkaw li d-Direttiva 2001/29 ma twaqqafx lil Stat Membru, li jkun introduċa sistema ta’ ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat u mezzi marbuta mar-riproduzzjoni diġitali ta’ xogħlijiet protetti għal użu privat, milli japplika din is-sistema irrispettivament minn jekk ix-xerrej ikunx individwu privat, negozju jew persuna professjonista.

F –    Fuq il-ħames domanda preliminari

39.      Il-Gvern Spanjol u dak Franċiż kif ukoll SGAE, EGEDA, CEDRO u AGEDI huma tal-fehma li l-leġiżlazzjoni magħżula mil-leġiżlatur Spanjol hija kumpatibbli mad-Direttiva 2001/29. Għalkemm il-Kummissjoni ma tagħtix l-opinjoni tagħha espressament dwar din id-domanda preliminari, hija wkoll tidher li tipproċedi fuq il-bażi li l-leġiżlazzjoni Spanjola hija kumpatibbli mad-Direttiva 2001/29.

40.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-kopji privati tmur kontra l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fid-dritt Komunitarju, inkwantu tapplika mingħajr distinzjoni għal kull tagħmir, apparat jew mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, irrispettivament minn jekk attwalment jintużawx biex isiru kopji privati (u mhux għal skopijiet kummerċjali) ta’ xogħlijiet u materjal ieħor.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Osservazzjonijiet introduttorji

41.      Id-Direttiva 2001/29, li ġiet adottata fit-23 ta’ Ġunju 2001 għall-finijiet ta’ implementazzjoni tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (7) fl-1996 f’livell Komunitarju, flimkien ma’ sitt direttivi oħrajn, tifforma l-bażi tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea (8). Hija r-reazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju għall-iżvilupp tekniku fit-teknoloġija tal-informazzjoni, li, minn naħa, jiftaħ forom ġodda ta’ produzzjoni u sfruttar għad-detenturi ta’ drittijiet (9), iżda min-naħa l-oħra jippreżenta sfidi ġodda għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fid-dawl tar-riskju tal-piraterija, l-iffalsifikar u r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet u materjal ieħor (10). Fl-istess ħin, id-direttiva hija intiża sabiex tagħmel konċessjonijiet għall-interess iġġustifikat tal-pubbliku li jaċċessa tali materjal. Id-Direttiva 2001/29 b’hekk tirrifletti l-isforzi tal-leġiżlatur Komunitarju biex isib bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet u dawk tal-pubbliku (11). Kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, id-direttiva tifforma parti minn serje ta’ miżuri leġiżlattivi, li l-Kunsill Ewropew adotta fil-laqgħa tiegħu f’Korfù fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, li kienu mmirati biex joħolqu qafas legali ġenerali u flessibbli fil-livell Komunitarju sabiex jitrawwem l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa.

42.      Kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-direttiva, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, l-Artikolu 47(2) KE u l-Artikolu 55 KE, tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont il-premessa 6 tagħha, l-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju hija intiża sabiex tirrispondi għar-riskju ta’ frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern bħala konsegwenza tad-differenzi fil-protezzjoni. Il-premessa 4 tagħmilha ċara li l-għan leġiżlattiv tad-Direttiva 2001/29 jikkonsisti fil-ħolqien ta’ qafas legali armonizzat għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-infrastruttura ta’ netwerk, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar tal-industrija Ewropea.

43.      F’termini ta’ politika regolatorja, id-Direttiva 2001/29 tirrappreżenta kompromess (12), li minkejja l-għan iddikjarat ta’ armonizzazzjoni, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti d-differenzi fit-tradizzjonijiet u l-fehmiet legali differenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – inkluż, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ copyright taħt il-common law u l-kunċett kontinentali Ewropew ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (13) – pereżempju billi jipprovdi għal għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet (14) filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri flessibbiltà konsiderevoli fit-traspożizzjoni tad-direttiva (15).

44.      Dan japplika wkoll għar-regola fl-Artikolu 5(2)(b) tad-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri biex jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fis-sistemi legali tagħhom fir-rigward tar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew prestazzjonijiet artistiċi protetti għal użu privat; f’dawk iċ-ċirkustanzi l-Istati Membri huma madankollu obbligati li jiżguraw li jkun hemm ‘kumpens ġust’ għad-detentur tad-dritt. Id-deċiżjoni dwar jekk tali eċċezzjoni jew limitazzjoni għandhiex tiġi introdotta hija ta’ natura fakultattiva, kif indikat mill-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni (“jistgħu”), li jfisser li din hija fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri (16). Madankollu, il-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, dwar id-dettalji ta’ kif għandha tiġi organizzata tali sistema ta’ kumpens, ma tistax tiġi mwieġba faċilment abbażi tal-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tad-direttiva. Dik il-kwistjoni teħtieġ interpretazzjoni profonda tad-direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni l-metodi ta’ interpretazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja.

45.      Fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa tad-domandi preliminari, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa essenzjalment immirat biex wieħed jitgħallem mill-Qorti tal-Ġustizzja fejn jinsabu l-limiti tad-dritt Komunitarju għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ implementazzjoni u xi kriterji għandhom jikkunsidraw għall-finijiet li jorganizzaw dan il-‘kumpens ġust’ fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju. Fl-interessi taċ-ċarezza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ġuridika ser insegwi l-ordni ta’ domandi użata mill-qorti tar-rinviju. Minħabba l-fatt li huma relatati mill-qrib f’termini ta’ suġġett, it-tielet sal-ħames domandi preliminari ser jiġu indirizzati flimkien.

B –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju

1.      Ammissibbiltà tas-suġġett għal interpretazzjoni u relevanza tar-rinviju

46.      Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi preliminari, xorta huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rinviju mqajma mill-Gvern Spanjol, CEDRO u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

47.      Il-Gvern Spanjol u CEDRO jsostnu essenzjalment li d-domandi preliminari huma rrelevanti għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, peress li ma humiex id-dispożizzjonijiet Spanjoli li jimplementaw id-Direttiva 2001/29 li huma applikabbli, iżda d-dispożizzjonijiet li ssostitwew. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, tirreferi għall-fatt li d-Direttiva 2001/29 tipprovdi għal livell minimu ta’ armonizzazzjoni, b’mod li l-kwistjoni dwar kif għandu jiġi kkalkulat il-kumpens ġust talli jsiru riproduzzjonijiet għal użu privat mhijiex kwistjoni tad-dritt Komunitarju, iżda tad-dritt nazzjonali, bil-konsegwenza li tiddependi għal kollox fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Istat Membru.

48.      Għandu jiġi osservat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet hawn fuq imsemmija – minkejja differenzi ċari fl-argumentazzjoni – hija essenzjalment ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali ma tiddependix fuq interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, iżda għall-kuntrarju, fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, il-partijiet jikkontestaw, minn perspettiva legali, minn naħa l-eżistenza ta’ suġġett ta’ interpretazzjoni ammissibbli u, min-naħa l-oħra, ir-relevanza tar-rinviju. Konsegwentement, jissottomettu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda setgħa li tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

49.      Filwaqt li dan tal-aħħar huwa korrett u jirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (17), huwa wkoll evidenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex awtorizzata li tevalwa l-motivi tal-qrati nazzjonali biex jirrinvjaw domanda partikolari (18). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’numru ta’ okkażjonijiet li fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi, u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata, li għandhom jikkunsidraw, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ kull kawża li jkollhom quddiemhom, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (19).

50.      Meta d-domandi sottomessi mill-qorti nazzjonali jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni (20), ħlief meta fir-realtà jkun ovvju li d-domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil-verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni dwar kawża ipotetika jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, meta l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (21).

51.      Għal dak li jirrigwarda dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fl-ewwel lok huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Ma hemm ebda dubju li dan jikkostitwixxi suġġett ammissibbli għal interpretazzjoni taħt l-Artikolu 234(1)(b) KE. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ relevanza, ma jista’ jinstab ebda appoġġ għat-teorija li d-domandi preliminari ma humiex relatati mal-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, jidher li l-oppost huwa l-każ, speċjalment billi fid-digriet tar-rinviju (22) tagħha l-qorti tar-rinviju tindika f’diversi okkażjonijiet li r-risposta għad-domandi preliminari ser taffettwa l-mod kif ser tinqata’ l-kawża li tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li ser tiddetermina sa liema punt ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija intitolata titlob kumpens ġust. Skont il-kummenti tal-qorti tar-rinviju, dan jiddependi fuq jekk il-formolazzjoni speċifika tal-leġiżlazzjoni applikabbli fi Spanja hijiex kumpatibbli mal-kunċett tad-dritt Komunitarju ta’ “kumpens ġust”, jew, fi kliem ieħor, jekk tissodisfax ir-rekwiżiti għal “kumpens ġust” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

52.      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar preċiżament liema dispożizzjonijiet nazzjonali huma applikabbli fil-kawża prinċipali hija bażikament irrelevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-evalwazzjoni ta’ dik il-kwistjoni taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-qorti nazzjonali li jkollha l-ġurisdizzjoni biex tiddetermina l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kawża prinċipali.

53.      Għaldaqstant, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

2.      Argument dwar l-introduzzjoni sussegwenti tal-kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ fil-liġi Spanjola dwar id-drittijiet tal-awtur

54.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nikkunsidra, f’dan il-kuntest, is-sottomissjoni tal-Gvern Spanjol li interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 mhijiex meħtieġa sabiex tiġi deċiża l-kawża, peress li l-kunċett ta’ “kumpens ġust” (“compensación equitativa”) fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 iddaħħal fl-Artikolu 25 TRLPI biss bħala sostituzzjoni għall-kunċett li kien jintuża qabel ta’ “ħlas ġust” (“remuneración equitativa”) bil-Liġi 23/2006 tas-7 ta’ Lulju 2006.

55.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Gvern Spanjol la spjega u lanqas ġab prova dwar il-grad sa fejn il-kunċett li kien jintuża qabel fil-leġiżlazzjoni Spanjola jvarja, f’termini ta’ kontenut regolatorju, mill-kunċett ta’ “kumpens ġust”. B’mod partikolari, għadu ma huwiex ċar jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur Spanjol meta għamel dik l-emenda kinitx biss biex jagħmilha semantikament iktar preċiża sabiex jadatta t-terminoloġija tal-liġi nazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-awtur għal dik tad-Direttiva 2001/29. Din tal-aħħar tidher li hija iktar probabbli fuq il-bażi tal-bidliet minuri fit-test (23).

56.      Għandu jitfakkar ukoll li proċeduri taħt l-Artikolu 234 KE huma bbażati fuq kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti nazzjonali hijiex korretta (24). Minn perspettiva proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment trid tikkunsidra, taħt id-diviżjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif deskritt fid-digriet tar-rinviju, li fih isiru d-domandi preliminari lilha (25). Peress li dak l-aspett ma tqajjimx mill-qorti tar-rinviju, dan li ġej jipproċedi fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ relevanza tiegħu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

57.      Madankollu, fid-dawl tal-ħtieġa li tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali dwar id-domandi preliminari (26), jidhirli li huwa neċessarju, bħala prekawzjoni, li jiġi indikat li inkwantu għandu jiddependi, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, fuq li tiġi ddeterminata bi preċiżjoni l-applikazzjoni temporali tad-dritt nazzjonali – mhux l‑inqas minħabba l-adattazzjonijiet għar-rekwiżiti tad-direttiva li saru għad-dritt sostantiv Spanjol – għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni li l-fatti li taw lok għal din il-kawża seħħew f’perjodu bejn Settembru 2002 u Settembru 2004 u konsegwentement, fil-biċċa l-kbira, fi żmien meta, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2001/29 kienet diġà fis-seħħ u sa liema żmien, fit-tieni lok, l-Istati Membri kien imisshom adottaw id-dispożizzjonijiet implementattivi meħtieġa. Huwa evidenti mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2001/29 li l-Istati Membri kienu obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.

58.      Jekk il-kunċett ta’ “kumpens ġust” kien japplika biss għal-Liġi Spanjola dwar id-drittijiet tal-awtur iktar tard bħala riżultat tal-Liġi ta’ Emenda 23/2006 tas-7 ta’ Lulju 2006, u ma kienx legalment identiku għall-kunċett li ssostitwixxa, allura għandu jiġi osservat li mill-iskadenza tal-perjodu għall-implementazzjoni tad-direttiva, il-qrati Spanjoli kienu obbligati jagħtu interpretazzjoni li kienet konformi mad-direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba jkun skada l-perijodu għall-implementazzjoni tad-direttiva, il-qrati nazzjonali għandhom obbligu ġenerali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali f’konformità mad-direttiva (27). L-obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi mad-direttiva jfisser li d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħqu r-riżultati mfittxija minn din tal-aħħar, billi jagħżlu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li tkun l-iktar konformi ma’ dak l-għan sabiex għalhekk jaslu għal soluzzjoni kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (28).

C –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

59.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob informazzjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jinvolvix armonizzazzjoni u jekk huwiex kunċett Komunitarju li għandu jingħata interpretazzjoni Komunitarja awtonoma.

60.      Id-Direttiva 2001/29 innifisha ma tinkludix definizzjoni legali ta’ dak il-kunċett. Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk dak il-fatt jeskludihiex milli tiġi kklassifikata bħala kunċett tad-dritt Komunitarju.

61.      Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (29), li fil-frattemp mingħajr dubju saret stabbilita, tista’ tiġi ċċitata favur tali klassifikazzjoni: l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġu li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-ambitu tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Madankollu, jekk il-leġiżlatur Komunitarju jagħmel referenza impliċita għall-konswetudni nazzjonali f’att Komunitarju, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti definizzjoni Komunitarja uniformi tat-terminu użat (30).

62.      Meta jkun hemm referenza impliċita għall-konswetudni jew saħansitra l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġi spjegat il-kunċett, ma tkunx meħtieġa definizzjoni tal-kunċett skont id-dritt Komunitarju. F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-dritt nazzjonali jkollu effett interpretattiv fi ħdan id-dritt Komunitarju. Ir-referenzi ta’ dan it-tip huma indispensabbli, b’mod partikolari jekk, f’qasam speċifiku, il-Komunità ma tkunx ħolqot terminoloġija uniformi għad-dritt Komunitarju minħabba li ma tkunx eżerċitat setgħa leġiżlattiva jew jekk ma jkollhiex tali setgħa. Għaldaqstant, tali referenzi huma l-konsegwenza tal-prinċipji tal‑kompetenza legali limitata u tas-sussidjarjetà, intrinsiċi għad-dritt Komunitarju u stabbiliti fl-Artikolu 5 KE (31).

63.      Peress li d-Direttiva 2001/29 ma tinkludi l-ebda referenza speċifika għal-liġi tal-Istati Membri, bħala prinċipju dan jipponta favur klassifikazzjoni bħala kunċett tad-dritt Komunitarju.

64.      Il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għandha tinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’mod ċar fuq il-bażi ta’ preżunzjoni favur interpretazzjoni awtonoma, minħabba l-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi u trattament ugwali, preżunzjoni li madankollu tista’ tiġi kkonfutata f’ċerti ċirkustanzi (32) jekk ma tkunx possibbli skema kunċettwali uniformi (33) jew jekk tkun teħtieġ biss armonizzazzjoni parzjali (34).

65.      Ma jeżistux ċirkustanzi bħal dawn f’din il-kawża, billi l-kontenut ta’ dak il-kunċett jista’ jiġi ddeterminat b’mod suffiċjentement preċiż permezz ta’ konsiderazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-direttiva, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju huwa neċessarju li wieħed jikkunsidra mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tar-regoli li tkun tifforma parti minnhom (35).

66.      Għaldaqstant, dak il-kunċett fl-Artikolu 5(2)(b) tad-direttiva huwa użat sabiex jiddeskrivi l-kontenut ta’ “kundizzjoni”. Kif intqal bħala introduzzjoni, l-Istati Membri għandhom jissodisfaw din il-kundizzjoni jekk huma jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2. Barra minn hekk, il-premessa 35 tispjega l-għan ta’ tali kumpens ġust: hija kwistjoni li jingħata kumpens adegwat lid-detentur tad-dritt għall-użu li jsir mix-xogħlijiet protetti tiegħu jew materjal ieħor. Madankollu, rekwiżiti individwali tad-dritt Komunitarju li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw b’rabta mal-forma ta’ tali kumpens, li se jiġu diskussi iktar fil-fond f’dawn il-Konklużjonijiet, jistgħu jiġu inferiti wkoll minn premessi oħra, fosthom il-premessi 31 u 32. Għalhekk, kif josserva tajjeb il-Gvern tar-Renju Unit (36), id-Direttiva 2001/29 tirregola l-kwistjoni sal-punt li hija tippermetti lil dawk li jkunu qegħdin japplikaw il-liġi li jiddeterminaw tal-inqas il-parametri ta’ tali kumpens ġust.

67.      Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-għan tad-Direttiva 2001/29 innifisha, jiġifieri li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni u b’dan il-mod tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba l-leġiżlazzjonijiet differenti tal-Istati Membri, jipponta lejn il-klassifikazzjoni bħala kunċett tad-dritt Komunitarju. L-approssimazzjoni tal-liġijiet teħtieġ neċessarjament l-iżvilupp ta’ kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju, fosthom terminoloġija uniformi, sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan leġiżlattiv tagħha (37). Għandu jkun possibbli li direttiva jkollha l-iskema kunċettwali partikolari tagħha irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jkollhomx dritt għal ċertu ammont ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni. L-interess tal-leġiżlatur Komunitarju li tinkiseb interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29 li tkun kemm jista’ jkun uniformi huwa rifless fil-premessa 32, li fiha l-Istati Membri jiġu msejħa sabiex jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawk l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni. Interpretazzjonijiet diverġenti tal-kunċett ċentrali ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 itellfu b’mod ċar dan l-għan.

68.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati fil-kawża SENA (38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja intalbet tinterpreta l-kunċett ta’ “ħlas ekwu” fit-tifsira tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (39). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fl-ewwel lok għall-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq b’rabta mal-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċetti Komunitarji (40), sabiex imbagħad tirrimarka dwar il-fatt li d-Direttiva 92/100 ma kienet tipprovdi l-ebda definizzjoni ta’ dak il-kunċett (41). Hija pproċediet b’mod ċar fuq il-bażi tal-preżunzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju qagħad lura intenzjonalment milli jistabbilixxi metodu dettaljat u li japplika dejjem sabiex jiġi kkalkulat il-livell ta’ tali ħlas (42). Konsegwentement, hija rrikonoxxiet b’mod ċar id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu metodi speċifiċi sabiex jiddeterminaw x’jikkostitwixxi tali “ħlas ekwu”, billi stabbiliet “l-iżjed kriterji rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mid-Direttiva 92/100, l-osservanza ta’ dak il-kunċett Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (43) u llimitat lilha nnifisha li titlob lill-Istati Membri jiżguraw l-akbar osservanza possibbli tal-kunċett ta’ “ħlas ekwu” madwar it-territorju kollu tal-Komunità fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 92/100, kif speċifikati b’mod partikolari fil-preambolu tagħha (44). Fl-istess ħin, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-kunċett kien jeħtieġ li tingħatalu espressjoni iktar dettaljata permezz ta’ kriterji li għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali, ma waqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli ssostni li l-kunċett ta’ “ħlas ekwu” fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 kellu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u applikat minn kull Stat Membru (45). Għalhekk, fl-aħħar nett, anki fiċ-ċirkustanzi speċjali ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet twieġeb fl-affermattiv li dan kien kunċett tad-dritt Komunitarju li kien jeħtieġ interpretazzjoni Komunitarja awtonoma.

69.      Jidhirli li huwa konċepibbli li dawk il-prinċipji jistgħu jiġu applikati fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, speċjalment billi din il-kawża tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ kunċett legali fil-kamp tad-dritt Komunitarju dwar id-drittijiet tal-awtur, li b’riżultat tal-approċċ regolatorju adottat mil-leġiżlatur Komunitarju huwa wkoll vag u jeħtieġ espressjoni iktar dettaljata.

70.      Fl-aħħar nett, jista’ jitressaq argument ieħor favur il-klassifikazzjoni bħala kunċett ta’ dritt Komunitarju, li huwa bbażat fuq interpretazzjoni storika tad-Direttiva 2001/29. Mill-istorja tal-abbozzar ta’ dik id-direttiva jista’ jiġi inferit li l-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) kien maħsub sabiex ikun “kunċett ġdid”, li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni legali fil-proposta tal-Kummissjoni, kien jeħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi linji gwida dwar l-applikazzjoni tiegħu (46). Dawk il-linji gwida issa jistgħu jinstabu fil-premessa 35 tad-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li jintroduċi kunċett ġdid fuq livell Komunitarju, mingħajr ma jkun marbut ma’ kunċett diġà eżistenti fid-dritt internazzjonali jew dak tal-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-awtur (47). Dan jagħmel dan il-kunċett xi ftit differenti mill-kunċett ta’ “ħlas ekwu” użat fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li ħareġ mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur (48) u ġie adottat kelma b’kelma fis-sistema ġuridika Komunitarja.

71.      Għalhekk, fid-dawl tal-istorja tal-abbozzar tiegħu, il-ħtieġa li jiġi żviluppat iktar, l-awtonomija tiegħu fir-rigward tat-terminoloġija tal-Istati Membri u internazzjonali, u l-għan ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva 2001/29, l-għażla ta’ kunċett ġdid sabiex l-awtur jiġi kkumpensat f’każ ta’ kopja privata tidher li hija ispirata mill-isforzi tal-leġiżlatur Komunitarju sabiex jikkunsidra l-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà eżistenti li toriġina mit-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, jista’ jiġi preżunt li l-leġiżlatur Komunitarju ra l-ħtieġa għal kunċett kemm jista’ jkun flessibbli, li kapaċi jiżviluppa fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet regolari skont l-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi (49).

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u traspost minn kull Stat Membru. Madankollu, kull Stat Membru għandu l-kompetenza li jiddeċiedi, għat-territorju tiegħu, l-iżjed kriterji xierqa sabiex tiġi żgurata, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u d-Direttiva b’mod partikolari, konformità ma’ dak il-kunċett Komunitarju.

D –    Fuq it-tieni domanda preliminari

73.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Istati Membri humiex obbligati li jiżguraw bilanċ bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens. Jekk din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġustifikazzjoni għall-kumpens ġust li għandu jinkiseb hijiex il-mitigazzjoni tad-dannu kkawżat lid-detentur tad-drittijiet.

74.      Fl-opinjoni tiegħi r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda għandha fil-prinċipju tkun fl-affermattiv. Il-ħtieġa li jiġi żgurat tali bilanċ tirriżulta fl-ewwel lok mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, fejn issir referenza għall-assigurazzjoni ta’ “bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi” bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utenti ta’ materjal protett. It-test tal-Artikolu 5(2)(b) jirreferi b’mod ċar ukoll għall-fatt li l-limitazzjoni fir-rigward tal-kopji privati hija suġġetta għall-kundizzjoni ta’ “kumpens ġust”. Minn perspettiva semantika waħedha, dan il-kunċett jimplika ċertu bilanċ bejn interessi opposti. Barra minn hekk, ir-rikors tal-leġiżlatur Komunitarju għal kunċett bħalma huwa l-ġustizzja fil-fatt joħroġ minn filosofija tad-dritt, li jiffaċilita fehim iktar profond tal-konsiderazzjonijiet leġiżlattivi wara r-regola. F’dak ir-rigward, huwa neċessarju mhux biss li nfakkru lil Aristotli li, fix-xogħol tiegħu “Nicomachean Ethics”, għamel l-ewwel tentattiv sabiex jeżamina u jistruttura dak il-kunċett b’mod sistematiku, fejn stabbilixxa li l-ġustizzja mhux biss hija virtù iżda dejjem għandha tiġi kkunsidrata f’relazzjoni mal-oħrajn. Aristotli argumenta li persuna taġixxi b’mod inġust jekk hija titlob iktar milli jkollha dritt għalih bil-liġi. Min-naħa l-oħra, ma ssirx ġustizzja meta xi ħadd jirċievi ftit wisq meta mqabbel mal-isforzi tiegħu. Fl-opinjoni ta’ Aristotli, il-kompitu li tiġi żgurata l-ugwaljanza, u konsegwentement il-ġustizzja, ġeneralment jaqa’ fuq l-imħallef (dikastes). Hawnhekk, ta’ min jinnota li sabiex jispjega t-teżi tiegħu dwar il-‘ġustizzja kommutattiva’ (iustitia commutativa) huwa rrefera, inter alia, għad-dritt ta’ kull artist li jirċievi ħlas għax-xogħol tiegħu li jkun xieraq f’termini kwantitattivi u kwalitattivi (50). Għalhekk, isegwi li n-natura ġusta ta’ dak il-kumpens trid tinkiseb, kif sostna tajjeb il-Gvern tar-Renju Unit, billi jiġu bbilanċjati l-interessi tad-detentur tad-drittijiet u tal-utent.

75.      Il-fatt li fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tirreferix b’mod espliċitu għall-“utent”, iżda għall-“persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens”, ma għandux il-kapaċità li jdgħajjef dawk il-konsiderazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, id-domanda preliminari għandha titqiegħed fil-kuntest korrett, li jeħtieġ xi kjarifika f’dawn il-Konklużjonijiet. Il-karatteristika formali li tkun il-persuna responsabbli biex tħallas kumpens għadha fiha nnifisha ma tiżvela xejn dwar l-identità tal-persuna fiżika, fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li tagħmel użu mir-regola tal-kopja privata. Fl-opinjoni tiegħi, dik il-persuna għandha titqies bħala l-fokus pjuttost milli l-persuna responsabbli biex tħallas kumpens. Billi l-utent għandu jerfa’ l-piż ekonomiku tal-kumpens skont il-prinċipju cuius commoda, eius incommoda (51), għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-interessi tiegħu meta jsir il-bilanċ tal-interessi. Jidhirli li dan jikkorrispondi iktar mill-qrib mal-ħsieb tal-leġiżlatur Komunitarju li huwa mfisser fil-premessa 31 tad-direttiva.

76.      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jistabbilixxix min fil-fatt għandu jkun responsabbli sabiex iħallas. Lanqas il-premessa 35 tad-direttiva ma tipprovdi xi għajnuna fl-interpretazzjoni. F’ċerti ċirkustanzi, il-persuna responsabbli sabiex tħallas tista’ tkun possibbilment l-utent innifsu, bħalma huwa pereżempju l-każ fir-rigward tal-“ħlas ekwu” previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (52). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li f’sistema ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa permezz ta’ ħlas – kif ipprovdut fis-sistema legali Spanjola – dawk li huma direttament responsabbli sabiex iħallsu tali kumpens ġust, jiġifieri n-negozjanti u l-importaturi skont l-Artikolu 25(4)(a) CTLIP, dak il-ħlas normalment jgħaddi għand l-klijent u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar lill-utent permezz tal-prezz tax-xiri (53). Għalhekk, kif jikkummenta sewwa l-Gvern Ġermaniż (54), l-effett ta’ dik id-dispożizzjoni fuq in-negozjanti u l-importaturi jirriżulta newtrali. Filwaqt li għandhom iħallsu l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-awturi, huma ma jsofru l-ebda ħsara minħabba f’hekk peress li jiġu rimborsati għall-kumpens mill-utent permezz tal-prezz tax-xiri. F’dak ir-rigward, ma jkunx korrett li l-interessi tal-persuna responsabbli biex tħallas il-kumpens jittieħdu bħala l-unika bażi. Madankollu, dan ma jeskludihomx milli jingħataw xi importanza f’ċerti ċirkustanzi, pereżempju meta n-negozjanti u l-importaturi jaġixxu sabiex jipproteġu l-interessi tal-utent.

77.      Għalhekk, l-ewwel parti tad-domanda tagħmel sens biss jekk wieħed jifhem l-espressjoni “il-persuni indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens” użata mill-qorti tar-rinviju f’sens mhux tekniku, jiġifieri li tirreferi għall-utenti, li finalment iġorru l-piż ekonomiku tal-kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, japplikaw il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq.

78.      Rigward it-tieni parti tad-domanda, għandu jiġi rrimarkat fl-ewwel lok li l-“kumpens ġust” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex maħsub sabiex jikkumpensa lid-detentur tad-drittijiet għal azzjonijiet illegali marbuta mar-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor. Hemm biss talba għall-kumpens fir-rigward ta’ kopja privata, bil-kundizzjoni li tali kkupjar ikun permess skont il-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-Istati Membri (55). Il-fatt li – pereżempju fuq l-Internet permezz tal-hekk imsejjaħ qsim ta’ fajls P2P (“peer to peer”) – jista’ jiġi osservat ksur estensiv tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni essenzjalment komprensivi tal-awtur, ma huwiex rilevanti fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni tad-direttiva, u lanqas ma jista’ jitqies bħala fattur għall-iskopijiet li jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi tad-detentur ta’ drittijiet u tal-utent (56). Il-kopji li jsiru illegalment b’dak il-mod jaqdu l-iktar skopijiet kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, huma jaqdu skopijiet li ma humiex “użu privat” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u għalhekk ma humiex koperti mid-dispożizzjoni ta’ limitazzjoni (57).

79.      Id-dritt għal “kumpens ġust” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kif jirrimarka tajjeb il-Gvern Ġermaniż, għandu primarjament in-natura ta’ remunerazzjoni (58). Dan huwa evidenti mill-għaxar premessa, li tgħid li sabiex l-awturi jew l-artisti jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma kreattiva u artistika tagħhom, huma għandhom jirċievu “kumpens xieraq” għall-użu tax-xogħol tagħhom. Il-premessa 35 tagħmilha ċara li l-“kumpens ġust” għandu jiġi kklassifikat ukoll f’din il-kategorija ta’ remunerazzjoni, fejn huwa ddikjarat li f’ċerti każijiet ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, id-detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust sabiex jiġu kkumpensati adegwatament għall-użu li jsir mix-xogħlijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor.

80.      Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni legali tal-kunċett legali ta’ “kumpens ġust” bħala talba sempliċi għad-danni, kif donnha tassumi l-qorti tar-rinviju, ma tistax tiġi kkonfermata faċilment. Naturalment, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi espressjoni tal-proprjetà intellettwali tal-awtur. Għalhekk, eċċezzjoni jew limitazzjoni ta’ dak id-dritt skont l-Artikolu 5(2)(a) tista’ titqies bħala interferenza ma’ dak id-dritt fundamentali li huwa protett mid-dritt Komunitarju (59). Madankollu, il-kriterju tad-dannu mhux bilfors għandu jittieħed bħala bażi sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens ġust. Id-direttiva tippermetti biss li d-dannu jew ħsara jittieħdu bħala gwida, iżda ma tagħmilhomx kriterji vinkolanti (60).

81.      Għalhekk, mit-tieni sentenza tal-premessa 35 tad-direttiva jirriżulta li, meta jiġu ddeterminati l-forma, l-arranġamenti dettaljati u l-livell possibbli ta’ tali kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ; fl-evalwazzjoni ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, “kriterju siewi” jista’ jkun id-dannu possibbli għad-detentur ta’ drittijiet. Dak jissuġġerixxi li d-dannu possibbli, kif josserva tajjeb il-Gvern Spanjol, la għandu jitqies bħala l-uniku kriterju sabiex jiġi stabbilit tali “kumpens ġust” u lanqas bħala l-kriterju deċiżiv, iżda minflok jikkostitwixxi sempliċiment wieħed minn numru ta’ kriterji, li l-Istati Membri jistgħu jieħdu bħala bażi sabiex jistabbilixxu kumpens ġust. Jistgħu jiżdiedu kriterji oħra, li huma elenkati fil-premessa 35 tad-direttiva, pereżempju ħlas li diġà jkun ġie riċevut f’xi forma oħra, il-livell ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi jew in-natura minima tal-ħsara mġarrba. Madankollu, dik il-lista ma għandhiex titqies bħala eżawrjenti (61).

82.      Id-Direttiva 2001/29 teħtieġ, sa ċertu punt, li tinżamm l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, meta fl-ewwel sentenza tal-premessa 38 hija ssostni li l-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċertu tipi ta’ materjal awdjo, viżwali u awdjoviżwali għall-użu privat, akkumpanjata b’kumpens ġust. Fl-istess ħin, madankollu, hija tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri dwar kif is-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom jimplementaw tali kumpens ġust (62), pereżempju meta fit-tieni sentenza tal-premessa 38 hija tipprovdi li dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew it-tkomplija ta’ skemi ta’ ħlas sabiex jikkumpensaw għall-ħsara lid-detenturi ta’ drittijiet.

83.      Dak l-approċċ regolatorju huwa konsistenti man-natura legali ta’ direttiva li, skont l-Artikolu 249(3) KE, hija vinkolanti fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, iżda fil-biċċa l-kbira tħalli l-għażla tal-forma u l-metodi f’idejn l-Istat Membru (63). Fl-istess ħin, hija karatteristika tad-Direttiva 2001/29 li tinkludi rekwiżiti individwali, sa ċertu punt mhux speċifiċi ħafna, tad-dritt Komunitarju, pereżempju skont il-premessa 35 tagħha b’rabta mal-forma, l-arranġamenti dettaljati u l-livell tal-“kumpens ġust”. L-obbligu ta’ kull Stat Membru li jipproduċi riżultat partikolari (64) huwa assoċjat mal-implementazzjoni ta’ kull direttiva, u fil-każ tad-Direttiva 2001/29 jikkonsisti fil-garanzija ta’ kumpens finanzjarju għall-awturi mill-utenti, f’każ li dak l-Istat Membru jiddeċiedi li jipprovdi għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fir-rigward tad-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awturi skont l-Artikolu 5(2)(b) (65).

84.      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari trid tkun li, irrispettivament mis-sistema użata minn kull Stat Membru sabiex jikkalkula l-kumpens ġust, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw bilanċ ġust bejn il-persuni affettwati – id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali affettwati mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, li lilhom ikun dovut il-kumpens, minn naħa waħda, u l-persuni direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens, min-naħa l-oħra. Ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda hija li l-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jinftiehem bħala ħlas lid-detentur ta’ drittijiet li, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-kopja privata permessa, jikkostitwixxi kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol protett tiegħu jew materjal ieħor.

E –    Fuq it-tielet sal-ħames domanda preliminari

85.      It-tielet sal-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju kollha jirrigwardaw il-mod kif l-Istati Membri għandhom jorganizzaw is-sistemi tagħhom għall-implementazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-kumpens ġust, fejn jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. L-għan tagħhom huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi liema rekwiżiti tad-dritt Komunitarju trid tissodisfa sistema nazzjonali li, bħal dik Spanjola, tipprovdi għal ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa lid-detentur ta’ drittijiet fir-rigward tal-użu ta’ tagħmir, apparat u mezzi għal kopja privata. Il-kwistjoni kkontestata, dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din mad-dritt Komunitarju, l-iktar id-Direttiva 2001/29, tinħoloq b’mod partikolari fl-isfond tal-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni għal sensiela sħiħa ta’ destinatarji u apparat tekniċi.

86.      Fi proċeduri taħt l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Madankollu, hija għandha ġurisdizzjoni biex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwida kollha neċessarja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti tkun tista’ tistabbilixxi jekk dawk id-dispożizzjonijiet legali humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (66).

1.      Ħtieġa ta’ rabta bejn il-kumpens u l-użu preżunt għal kopja privata

87.      It-tielet domanda preliminari hija waħda fundamentali u għalhekk trid tiġi eżaminata qabel kollox. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għandux bilfors ikun hemm rabta bejn il-ħlas, li bih għandu jiġi ffinanzjat il-kumpens ġust, u l-użu preżunt tal-apparat u l-mezzi ta’ ħażna msemmija iktar ’il fuq. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk metodu ta’ kalkolu tal-ħlas lid-detentur ta’ drittijiet fuq bażi ta’ somma f’daqqa huwiex konformi mad-dritt Komunitarju.

(a)      Ir-rabta bħala element fattwali mhux miktub

88.      Kif diġà ġie spjegat, eċċezzjoni jew limitazzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 tista’ titqies bħala forma ta’ interferenza mad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur ta’ drittijiet li huwa permess mid-dritt Komunitarju (67), għalkemm f’każ bħal dak, dik id-dispożizzjoni tad-direttiva bilfors teħtieġ kumpens għall-awtur. Fejn Stat Membru jittrasponi dik id-dispożizzjoni fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, l-għemil ta’ kopja privata minn persuna fiżika għandu jitqies bħala l-att speċifiku tal-interferenza li, suġġett għal iżjed kriterji li għandhom jiġu stipulati mil-liġi, joħloq id-dritt tad-detentur ta’ drittijiet għal kumpens finanzjarju.

89.      F’dak ir-rigward, żgur hemm rabta bejn l-għemil ta’ kopja privata u l-ħlas li jkun dovut. Dan japplika irrispettivament minn kif tkun organizzata fid-dettall is-sistema ta’ ġbir għall-kumpens għal kopja privata tal-Istat Membru rispettiv u jekk tkunx iffinanzjata, pereżempju, permezz ta’ ħlas. Loġikament, mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju għandu jkun meħtieġ ukoll li fi kwalunkwe każ ikun hemm rabta mill-qrib biżżejjed bejn il-ħlas u l-użu tal-apparat u l-mezzi ta’ ħażna msemmija hawn fuq.

90.      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ dik ir-rabta ma għandhomx jitpoġġew f’livell tant għoli li finalment ikollu jkun meħtieġ l-użu attwali tal-apparat rilevanti għall-iskopijiet ta’ kopja privata. Minflok, anki użu potenzjali għandu jitqies bħala suffiċjenti. Tali konklużjonijiet jistgħu jirriżultaw mis-sentenza SGAE (68), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett legali ambigwu ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u qieset is-sempliċi possibbiltà li xogħol isir disponibbli għall-pubbliku, f’dan il-każ speċifiku permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni, bħala suffiċjenti (69). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li kien rilevanti li xi utenti ma kinux għamlu użu minn dik il-possibbiltà minħabba li ma kinux xegħlu s-settijiet tat-televiżjoni (70). Il-kummenti tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Konklużjonijiet tagħha f’dik il-kawża huma siewja ħafna peress li hija fakkret li, skont il-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-awtur, id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur huma mħallsa mhux fuq il-bażi tat-tgawdija proprja tax-xogħol iżda fuq il-possibbiltà legali ta’ dik it-tgawdija (71).

(b)      Iż-żamma tar-rabta f’sistema ta’ ħlas li tippermetti l-ħlasijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa

91.      Huwa dubjuż jekk il-ħtieġa ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn l-użu tad-dritt u l-kumpens finanzjarju korrispondenti għal kopja privata tinżammx fi ħdan sistema ta’ ħlas nazzjonali li tuża metodu ta’ kalkolu tal-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa.

92.      Madankollu, il-ħtieġa ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib ma twaqqafx lill-Istati Membri, meta jeżerċitaw il-marġini wiesgħa tad-diskrezzjoni għall-implementazzjoni li jgawdu, milli jintroduċu sistema bbażata fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi, li tkun ibbażata mhux fuq id-daqs proprju ta’ kopja privata iżda fuq l-użu preżunt għal kopja privata mill-utenti ta’ apparat li jista’ jagħmel kopji bħal dawn, u konsegwentement tikkalkula l-“kumpens ġust” skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-bażi ta’ stima. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-fatt li huwa kważi impossibbli kemm li tiġi kkontrollata b’mod effettiv tali riproduzzjoni kif ukoll li jsir stħarriġ statistiku tal-kwantità eżatta ta’ kopji privati, probabbilment jagħmel l-introduzzjoni ta’ sistema bħal din fil-livell ta’ Stat Membru tidher neċessarja (72). Għalhekk għandu jiġi preżunt li bħala regola ġenerali, id-detentur ta’ drittijiet ma huwiex f’pożizzjoni li jsir jaf jekk saritx riproduzzjoni privata u kemm. Għaldaqstant, talba ta’ ħlas dirett lill-utent għandha tiġi eskluża għal raġunijiet ta’ prattikabbiltà (73). Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Greċja, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit jirreferu b’mod espliċitu għal dawn id-diffikultajiet.

93.      Il-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa lid-detentur ta’ drittijiet previst fil-liġi Spanjola, li huwa marbut mal-użu preżunt ta’ apparat u mezzi ta’ ħażna, jegħleb dawn id-diffikultajiet prattiċi b’mod oġġettiv: il-manifattur, l-importatur jew in-negozjant ta’ apparat jew mezz ta’ ħażna, li fil-fatt ġeneralment jintuża għar-riproduzzjonijiet, iħallas direttament somma f’daqqa, li tiġi mitluba bħala ħlas għal kopja privata għall-benefiċċju tad-detenturi kollha ta’ drittijiet. Fir-realtà, l-utent proprju ma huwiex suġġett għall-obbligu ta’ ħlas; dan l-obbligu jgħaddi fuq l-ewwel grupp imsemmi ta’ persuni. Madankollu, kif diġà ssemma, wieħed għandu jassumi li s-somma f’daqqa tiġi mgħoddija lix-xerrej ta’ apparat jew mezz ta’ ħażna, u finalment lill-utent, bil-prezz tax-xiri (74). Konsegwentement, il-ħlas fil-fatt huwa marbut mal-użu tal-apparat jew mezzi ta’ ħażna għal kopja privata.

94.      L-addattament tal-approċċ leġiżlattiv għall-konvenjenza oġġettiva ta’ apparat għal kopja privata huwa bbażat, kif isostni l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (75), sa ċertu punt fuq preżunzjoni legali li x-xerrej probabbilment se juża din il-possibbiltà (76). Għalhekk, teżisti rabta suffiċjentement mill-qrib sakemm dik il-preżunzjoni ma tiġix ikkonfutata b’evidenza speċifika għall-kuntrarju. Din il-preżunzjoni legali tikkunsidra r-rabta meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bejn l-użu tad-dritt, minn naħa waħda, u l-kumpens ġust min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, metodu li jikkalkula l-ħlas lid-detentur ta’ drittijiet bħala somma f’daqqa għandu jitqies li fil-prinċipju huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

 (ċ)   Konklużjoni

95.      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li, meta Stat Membru jagħżel sistema ta’ tassazzjoni jew ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat jew mezz ta’ riproduzzjoni diġitali, dak il-ħlas jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 biss meta jkun jista’ jiġi preżunt li dak it-tagħmir, apparat jew mezz se jintużaw biex isiru riproduzzjonijiet koperti bl-eċċezzjoni ta’ kopja privata.

2.      Applikazzjoni mingħajr distinzjoni tal-ħlas għal impriżi u persuni professjonisti

96.      Ir-raba’ domanda preliminari hija ta’ natura kemxejn iktar speċifika, billi permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għal karatteristika speċjali tas-sistema ta’ ħlas Spanjola. Hija tistaqsi jekk l-impożizzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas, b’mod partikolari fuq impriżi u persuni professjonisti, kif previst fis-sistema Spanjola, huwiex kompatibbli mal-kunċett ta’ “kumpens ġust”. F’dak il-kuntest, il-qorti tar-rinviju timxi fuq il-preżunzjoni li l-impriżi u l-persuni professjonisti b’mod ċar jixtru l-apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali inkwistjoni għal skopijiet li ma humiex għal kopja privata (77). Għalhekk, hemm konstatazzjoni importanti ta’ fatti fid-domanda preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tinkorpora fl-evalwazzjoni ġuridika tagħha.

(a)      Ħtieġa li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ

97.      L-impożizzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas, mingħajr ma tingħata konsiderazzjoni xierqa għall-fatt li, minħabba fatturi speċifiċi għal ċerta linja ta’ negozju, l-apparat inkwistjoni jista’ jinkiseb għal skopijiet differenti minn kopja privata, ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29. Dan ma huwiex ‘kumpens ġust’ fit-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, speċjalment billi, kif muri bil-premessa 35, l-Istati Membri huma mħeġġa speċifikament (78), meta jkunu qegħdin jiddeċiedu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u l-livell possibbli ta’ tali kumpens ġust, sabiex iqisu ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Konsegwentement, dik il-ħtieġa ma tintlaħaqx fil-każ fil-kawża prinċipali.

(b)      Rabta meħtieġa bejn il-kopja privata u l-kumpens

98.      Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni bħal din tinjora b’mod partikolari r-rabta li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għandha teżisti bejn l-att li jippreġudika d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur u l-kumpens finanzjarju korrispondenti. Fil-kawża prinċipali diġà fil-fatt ma jidher li hemm l-ebda bażi legali għal kumpens. Skont din id-dispożizzjoni, ir-rekwiżit prinċipali għal kumpens huwa riproduzzjoni magħmula “minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali”.

99.      Li impriża tiġi mgħobbija mingħajr distinzjoni bi ħlas bħala kumpens għal kopja privata ma jistax jiġi ġġustifikat, billi fl-ewwel lok il-kopji privati kollha riedu jkunu saru “minn ċittadin fiżiku”, u għalhekk riproduzzjoni “minn impriża’ mhijiex koperta, għallinqas fuq il-bażi tal-formulazzjoni. Madankollu, anki jekk wieħed iħares lejn ir-realtà tas-sitwazzjoni, fejn l-att tar-riproduzzjoni bilfors għandu jitwettaq minn persuna fiżika, pereżempju impjegat tal-impriża, l-attribuzzjoni ta’ att ta’ riproduzzjoni lill-impriża tqajjem mistoqsijiet legali li dwarhom ma tistax tingħata opinjoni konklużiva. Min-naħa l-oħra, mill-ħsieb u l-iskop tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) jirriżulta indirettament li l-kopja inkwistjoni trid fi kwalunkwe każ tkun intiza “minn ċittadin fiżiku għal użu privat”. L-għemil ta’ kopja privata għal użu minn persuna ġuridika għalhekk pereżempju tkun eskluża, sa fejn dak ikun mifhum li jfisser l-użu tal-kopja minn għadd ta’ persuni (79).

100. Madankollu, anki jekk b’mod eċċezzjonali l-att ta’ riproduzzjoni kellu jitqies bħala attribwibbli, il-kundizzjonijiet fattwali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) ma jkunux sodisfatti. Din id-dispożizzjoni teskludi b’mod espliċitu kwalunkwe tip ta’ kkupjar għal skopijiet kummerċjali, irrispettivament minn jekk ikunx għal skopijiet legali (pereżempju kopji ta’ backup) jew skopijiet kummerċjali illegali (pereżempju piraterija tal-mużika). F’każ fejn, fil-kliem tal-qorti tar-rinviju, impriżi jew persuni professjonisti “jiksbu b’mod ċar għal skopijiet li ma jkunux għal użu privat”, l-apparat għal riproduzzjoni diġitali u l-mezzi ta’ ħażna msemmija iktar ’il fuq, pereżempju għal skopijiet professjonali, dak ma jkunx kopert bil-limitazzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) (80). Il-ħlas finanzjarju għad-detenturi ta’ drittijiet f’ċirkustanzi bħal dawk għalhekk imur lil hinn minn dak li fil-fatt kienet titlob id-Direttiva 2001/29 fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ “kumpens ġust” (81).

101. Minn perspettiva legali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 billi, fl-ewwel lok, testendi l-obbligu ta’ kumpens previst f’dak l-artikolu lil hinn mill-persuni fiżiċi u, fit-tieni lok, billi testendih għal każijiet li ma jinvolvux riproduzzjoni “għal użu privat”.

(ċ)      Leġiżlazzjoni eżawrjenti tal-“kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b)

102. Il-konsegwenzi ta’ dak li ntqal hawn fuq jiddependu essenzjalment fuq jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirregolax b’mod eżawrjenti jew le l-“kumpens ġust” għal kopja privata.

103. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jirregolaw kwistjoni partikolari b’mod eżawrjenti, f’dak il-każ ma jkunux ammissibbli dispożizzjonijiet iktar estensivi adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-istess fatti. Il-kwistjoni jekk direttiva hijiex intiża sabiex tistabbilixxi tali leġiżlazzjoni eżawrjenti għandha tiġi eżaminata fuq bażi ta’ każ b’każ, billi jiġu kkunsidrati l-formulazzjoni, l-għanijiet u s-sistema regolatorja tad-direttiva (82). Fil-fatt, direttiva tista’ tinkludi kemm dispożizzjonijiet ta’ natura eżawrjenti, u kemm fl-istess ħin dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni – pereżempju fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni mogħtija minn dispożizzjoni (83).

104. F’dak il-kuntest, għandha terġa’ ssir referenza għall-fatt li l-“kumpens ġust” fit-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni tad-direttiva, huwa kunċett suffiċjentement preċiż tad-dritt Komunitarju. Minkejja l-livell relattivament baxx ta’ armonizzazzjoni fid-Direttiva 2001/29 - li f’dak ir-rigward hija paragunabbli ma’ direttiva qafas - l-Artikolu 5(2)(b) jistabbilixxi b’mod ċar iċ-ċirkustanzi li fihom id-detentur ta’ drittijiet huwa intitolat għal ħlas. Barra minn hekk, il-persuna li tista’ tinżamm responsabbli tista’ tiġi aċċertata bi preċiżjoni mill-ispirtu u l-għan tad-dispożizzjoni: f’każ ta’ dubju, huwa l-utent li jibbenefika mir-regola tal-kopja privata (84). F’dan l-isfond, għandu jiġi preżunt li l-Artikolu 5(2)(b) jinkludi leġiżlazzjoni eżawrjenti skont id-dritt Komunitarju tal-“kumpens ġust” għal kopja privata, li ma tħallix lill-Istati Membri – tal-inqas fir-rigward tal-kopja privata – jespandu b’mod unilaterali ċ-ċirku ta’ dawk li jistgħu jinżammu responsabbli għal gruppi oħra ta’ persuni bħal impriżi u persuni professjonisti, li mill-esperjenza jixtru apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għal skopijiet li ma humiex għal użu privat.

105. Għalhekk, il-ħlas li jingħata lid-detenturi ta’ drittijiet b’riżultat tal-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas lil impriżi u persuni professjonisti fuq il-bażi ta’ regola dwar il-kopja privata, lanqas ma jista’ jammonta għal ‘kumpens ġust’ fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

106. Madankollu, dan ma jfissirx li l-impożizzjoni ta’ ħlas skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fuq impriżi u persuni professjonisti skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa fundamentalment ipprojbit. Id-direttiva tarmonizza biss ċerti aspetti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Konsegwentement, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li titlob ħlas minn impriżi u persuni professjonisti fir-rigward ta’ kumpens għal kopja privata fuq apparat, mezzi u tagħmir, fil-każ biss li jkun jista’ jiġi preżunt li dawk l-apparat, mezzi u tagħmir ma jkunux ser jintużaw għal kopja privata fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timponi ħlas għal raġunijiet oħra (85).

(d)      Konklużjoni

107. Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-ħlas li jingħata lid-detenturi ta’ drittijiet, b’riżultat tal-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas lil impriżi u persuni professjonisti fuq il-bażi tar-regola ta’ kopja privata, fi kwalunkwe każ ma huwiex “kumpens ġust” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

3.      Il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ ħlas Spanjola mad-Direttiva 2001/29

108. Ir-risposta għall-ħames domanda preliminari, dwar jekk sistema ta’ ħlas bħal dik applikabbli fi Spanja tiksirx id-Direttiva 2001/29, għandha tingħata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u billi jiġu kkunsidrati l-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju.

109. Sistema ta’ kumpens għal kopja privata ffinanzjata bi ħlas, li għal raġunijiet prattiċi tistabbilixxi “kumpens ġust” fil-forma ta’ somma f’daqqa hija, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu minnha l-Istati Membri, essenzjalment kompatibbli mad-Direttiva 2001/29. Madankollu, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jiżgura li l-korrelazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 bejn l-interferenza mad-dritt eżawrjenti ta’ riproduzzjoni tad-detentur ta’ drittijiet u l-kumpens finanzjarju korrispondenti, tinżamm b’mod sostanzjali (86).

110. Meta tali korrelazzjoni ma tkunx għadha teżisti, pereżempju minħabba li l-ħlas rilevanti japplika prinċipalment għal sitwazzjonijiet differenti li fihom ma jkun hemm l-ebda limitazzjoni tad-drittijiet li tiġġustifika l-kumpens, il-ħlas mogħti lid-detenturi ta’ drittijiet xorta ma jikkostitwix “kumpens ġust” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

111. Għalhekk, ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li sistema nazzjonali li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata fuq kull tagħmir, apparat u mezzi, tikser l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE sa fejn ma jkunx hemm korrelazzjoni suffiċjenti bejn il-kumpens ġust u l-limitazzjoni tad-dritt ta’ kopja privata li jiġġustifikah, peress li fil-biċċa l-kbira l-ħlas jiġi applikat għal sitwazzjonijiet differenti fejn il-limitazzjoni tad-drittijiet li tiġġustifika l-kumpens ma teżistix.

VII – Konklużjoni

112. Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari mill-Audiencia Provincial de Barcelona skont kif ġej:

1.      Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni huwa kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha u traspost minn kull Stat Membru. Madankollu, kull Stat Membru għandu l-kompetenza li jiddeċiedi, għat-territorju tiegħu, l-iżjed kriterji xierqa sabiex tiġi żgurata, fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-Direttiva, konformità ma’ dak il-kunċett Komunitarju.

2.      Il-kunċett ta’ “kumpens ġust” għandu jinftiehem bħala ħlas lid-detentur ta’ drittijiet li, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-kopja privata permessa, jikkostitwixxi kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol protett tiegħu jew materjal ieħor. Irrispettivament mis-sistema użata minn kull Stat Membru għall-kalkolu tal-kumpens ġust, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw bilanċ ġust bejn il-persuni affettwati – id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali milquta mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, li lilhom huwa dovut il-kumpens, minn naħa waħda, u l-persuni direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l-kumpens, min-naħa l-oħra.

3.      Meta Stat Membru jagħżel sistema ta’ ħlas fir-rigward ta’ tagħmir, apparat jew mezz ta’ riproduzzjoni diġitali, dak il-ħlas għandu, b’mod konformi mal-għan intiż mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 u fil-kuntest ta’ dik id-dispożizzjoni, neċessarjament ikun marbut mal-użu preżunt ta’ dak it-tagħmir u mezzi li jintużaw biex isiru riproduzzjonijiet koperti bl-eċċezzjoni ta’ kopja privata, li jfisser li l-applikazzjoni tal-imposta hija ġġustifikata biss meta jkun jista’ jiġi preżunt li t-tagħmir, apparat jew mezz ta’ riproduzzjoni diġitali ser jintużaw għal kopja privata.

4.      L-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ ħlas, fuq il-bażi ta’ regola dwar kopji privati, lil impriżi u persuni professjonisti li b’mod ċar jakkwistaw apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għal skopijiet li ma humiex għal kopji privati, mhijiex kompatibbli mal-kunċett ta’ “kumpens ġust” fit-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

5.      Sistema nazzjonali li tapplika mingħajr distinzjoni ħlas għal kopja privata fuq kull tagħmir, apparat u mezzi, tikser l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE sa fejn ma jkunx hemm korrelazzjoni suffiċjenti bejn il-kumpens ġust u l-limitazzjoni tad-dritt ta’ kopja privata li jiġġustifikah, għaliex ma jistax jiġi preżunt li dawk it-tagħmir, apparat u mezzi ser jintużaw biex isiru kopji privati.



1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara wkoll f’dan is-sens R. Falcón Tella, “El llamado ‘canon por derechos de autor’ (Copyright Levy) o compensación equitativa por copia privada (I): antecedentes y configuración en la Ley 23/2006, de 7 julio (RCL 2006, 1386)”, Quincena Fiscal Aranzadi, Nru 15/2006, p. 1, li jirreferi għall-iżvilupp ta’ diversi metodi ta’ riproduzzjoni. Ara wkoll J.F. Ortega Díaz, “Medidas tecnológicas y derechos de autor”, Noticias de la Unión Europea, 2008, Nru 286, p. 67, li jirreferi għall-isfidi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li nħolqu bl-invenzjonijiet tas-snin tmenin, pereżempju l-photocopiers u l-cassettes tal-mużika u mill-kompjuter fl-hekk imsejħa “era tal-informazzjoni”.


3 – Skont it-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 C 306, p. 1), ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari issa huwa rregolat mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


4 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


5 – B.O.E. Nru 162 tat-8 ta’ Lulju 2006, p. 25561.


6 – B.O.E. Nru 148 tad-19 ta’ Ġunju 2008, p. 27842.


7 – It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li ġie adottat fl-1996 mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), huwa ftehim speċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berna; dan jifforma qafas għall-adattament tal-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur għall-ħtiġijiet tal-mezzi tan-netwerk diġitali (ippubblikat fil-ĠU 2000 L 89, p. 8).


8 – Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009 L 111, p. 16), Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006 L 376, p. 28), Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU 2006 L 372, p. 12), Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 15, p. 459), Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240).


9 – Ara l-premessa 5.


10 – Ara l-premessa 22.


11 – Ara, pereżempju, inter alia, il-premessi 9, 14 u 23 tad-direttiva u l-premessa 5 fil-preambolu tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li jitkellem dwar il-ħtieġa li “jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-awturi u l-interess pubbliku iktar wiesa’, b’mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni, kif rifless fil-Konvenzjoni ta’ Berna”.


12 – Ara A. Buhrow, “Richtlinie zum Urheberrecht in der Informationsgesellschaft”, European Law Reporter, 2001, Volum 10, p. 313, li jifhem l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 bħala kompromess politiku, fejn ġew espressi it-tradizzjonijiet u l-opinjonijiet legali differenti. Fil-fehma tal-awtur, il-grad attwali ta’ armonizzazzjoni jibqa’ dibattibbli, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni, sakemm tiġi finalment implementata fl-Istati Membri kollha.


13 – Ara J.N. Ullrich, “Clash of Copyrights – Optionale Schranke und zwingender finanzieller Ausgleich im Fall der Privatkopie nach Artikel 5(2)(b) Richtlinie 2001/29/EG und Dreistufentest’, Gewerblicher Rechtsschutz and Urheberrecht – Internationaler Teil, 2009, Volum 4, p. 283, li jirreferi għall-fatt li bħal fil-kumplament tad-dinja, is-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa ssib ruħha esposta għal multitudni ta’ sistemi nazzjonali tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur li jvarjaw, xi kultant konsiderevolment, f’termini tal-kunċett, il-forma u d-definizzjoni tal-protezzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur. Fil-fehma tal-awtur, ir-rikonċiljazzjoni tad-differenzi bejn il-kunċett Ewropew ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-kunċett ta’ copyright fil-pajjiżi tal-common law hija u tibqa’ l-akbar sfida.


14 – Ara F. Philapitsch, Die digitale Privatkopie, Graz 2007, p. 85, li jirreferi għan-numru konsiderevoli ta’ dispożizzjonijiet ta’ limitazzjoni li ħarġu matul il-proċess leġiżlattiv. Waqt li kien għad hemm disa’ dispożizzjonijiet fil-proposta għad-direttiva, dawn żdiedu għal ħdax fit-tieni proposta emendata u finalment għan-numru finali ta’ tnejn u għoxrin bħala riżultat tal-Pożizzjoni Konġunta.


15 – Skont A. Metzger /T. Kreutzer, “Richtlinie zum Urheberrecht in der Informationsgesellschaft – Privatkopie trotz technischer Schutzmaßnahmen?”, Multimedia und Recht, 2002, Volum 3, p. 139, id-direttiva tippermetti lill-Istati Membri diskrezzjoni konsiderevoli fir-rigward tal-implementazzjoni. Huma jasserixxu li r-raġuni għal dan huwa li ma kienx ikun possibbli li jaqblu dwar kwistjonijiet ċentrali fir-rigward tas-sistema futura tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fuq livell Ewropew. Skont S. Guntrum,  Zur Zukunft der Privatkopie in der Informationsgesellschaft, Hamburg 2007, p. 126, in-natura fakultattiva u l-formulazzjoni tal-limitazzjoni Ewropea fuq kopji privati u l-premessi korrispondenti jimmilitaw favur għażla libera fir-rigward tal-limitazzjoni fuq kopji privati.


16 – Ara, f’dan is-sens, S. Guntrum, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), p. 118, 125; J. Plaza Penadés, “Propiedad intelectual y sociedad de la información”, Contratación y nuevas tecnologías, Madrid 2005, p. 147; R. Bércovitz Rodríguez-Cano, ‘El canon de copia privada: escaramuza sobre el fuero’, Aranzadi Civil, Nru 14/2009, p. 1; B. Hugenholtz/L. Guibault/ S. van Geffen, “The Future of Levies in a Digital Environment”, 2003, disponibbli fuq l-Internet (http://www.ivir.nl/publications/other/DRM&levies-report.pdf), p. 32, jirreferu għall-fatt li d-Direttiva 2001/29 ma tinponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jintroduċu eċċezzjoni għall-kopji privati. Huma jargumentaw li l-leġiżlatur nazzjonali b’hekk huwa liberu li jipprojbixxi għal kollox il-kopji privati jew li jippermettihom sa ċertu punt.


17 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1977, Enka (38/77, Ġabra, p. 2203, punt 20).


18 – Ara A. Middeke, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union, it-2 edizzjoni, Munich 2003, p. 226, punt 38. Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Union Laitière Normande (244/78, Ġabra, p. 2663, punt 5).


19 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra, p. I‑3763, punti 33 u 34); tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, Ġabra, p. I‑4003, punti 18 u 19); tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, Ġabra, p. I‑4161, punt 24); tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra, p. I‑271, punt 36); u tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra, p. I‑411, punt 42).


20 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra, p. I‑2099, punt 38); tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et (C‑18/01 Ġabra, p. I‑5321, punt 19); tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra, p. I‑1389, punt 21); tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, Ġabra, p. I‑2999, punt 30); u tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I-2949, punt 32).


21 –       Ara, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia/Novello (244/80, Ġabra, p. 3045, punt 18); tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra, p. I‑1567, punt 29); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra, p. I‑4921, punt 61); tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C‑314/96, Ġabra, p. I‑1149, punt 19); PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 39); Schneider (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 22); tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra, p. I‑1683, punt 29); u VTB-VAB (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 33).


22 – Ara d-digriet tar-rinviju, p. 2 u 13.


23 – Ara l-preambolu (Parti I, ir-raba’ punt) tal-Liġi 23/2006 tas-7 ta’ Lulju 2006, fejn jista’ jinqara li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 fil-liġi Spanjola, kellha bħala l-għan ewlieni tagħha l-osservanza tal-prinċipju ta’ “traspożizzjoni litterali” ta’ din id-direttiva u tar-“riforma minima tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ”. G. Ruiz Zapatero, “Naturaleza y límites constitucionales de la compensación equitativa por copia digital privada establecida en la Ley 23/2006 de modificación del texto refandido de la Ley de Propiedad Intelectual”, Jurisprudencia Tributaria Aranzadi, 2007, Volum 7, huwa tal-fehma li l-formulazzjoni oriġinali tat-test tal-Artikolu 25 TRLPI ma setgħetx tinżamm iktar minħabba d-differenza bejn it-termini użati hemmhekk u fid-Direttiva 2001/29. Il-Liġi 23/2006 kienet għamlet il-bidliet neċessarji, li kienu primarjament ta’ natura teknika, biex jagħmluha iktar preċiża. R. Falcón Tella, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 4, jispjega li l-emenda għall-kunċett li kien jintuża qabel ta’ “remunerazzjoni ġusta” fl-Artikolu 25 TRLPI kienet irriżultat mill-intenzjoni li tiġi segwita t-terminoloġija tad-Direttiva 2001/29.


24 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C‑58/98, Ġabra, p. I‑7919, punt 24), u tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra, p. I‑5257, punt 42).


25 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, Ġabra, p. I‑8089, punt 10); tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02 Ġabra, p. I‑3555, punti 34 u 35); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 42); u tal-21 ta’ April 2005, Lindberg (C‑267/03, Ġabra, p. I‑3247, punti 41u 42).


26 – Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprova tagħti risposti utli għad-domandi preliminari li jsirulha. Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra I-10923, punt 28); tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, p. I-2119, punt 29); u tal-21 ta’ April 1991, Höfner u Elsner (C‑41/90, Ġabra, p. I‑1979, punt 16).


27 – Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra, p. I‑6057, punt 115), u tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, Ġabra I-217, punt 17).


28 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra, p. I‑8835, punti 115, 116, 118 u 119), u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adelener et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 111).


29 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra, p 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra, p. I‑6917, punt 43); tad-9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C‑357/98, Ġabra, p. I‑9265, punt 26); tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C‑245/00, Ġabra, p. I‑1251, punt 23); tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C‑55/02, Ġabra, p. I‑9387, punt 45); tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, Ġabra, p. I‑885, punti 27 sa 30), u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra, p. I‑11519, punt 31).


30 – Ara s-sentenza Ekro (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 14).


31 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007 fil-Kawża Zefeser (C‑62/06, Ġabra, p. I‑11995, punti 32 u 33).


32 – Ara f’dan is-sens, K. Riesenhuber, Europäische Methodenlehre, Berlin 2006, p. 247, punt 7.


33 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti (C‑369/90, Ġabra, p. I‑4239, punti 10 sa 15), f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “nazzjonalità” , u tas-6 ta’ Ottubru 1976, Tessili (12/76, Ġabra, p. 1473, punt 14), f’dak li jikkonċerna l-kunċett tal-“post tal-prestazzjoni” għall-finijiet tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.


34 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Danmols Inventar (105/84, Ġabra, p. 2639, punti 22 sa 27), dwar il-kunċett ta’ “impjegat” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji [traduzzjoni mhux uffiċjali].


35 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑156/98, Ġabra, p. I‑6857, punt 50); tas-6 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑53/05, Ġabra, p. I‑6215, punt 20), u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 34).


36 – Ara n-nota ta’ osservazzjonijiet tar-Renju Unit, punt 16.


37 – Skont K. Riesenhuber, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 32), p. 246, punt 6, l-approssimazzjoni tal-liġijiet tfisser li għandu jinħoloq kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju. Jekk l-intenzjoni tkun li jiġu approssimati l-liġijiet, l-awtur jargumenta li għandu jiġi stabbilit standard wieħed. Permezz ta’ referenza dinamika għall-interpretazzjoni nazzjonali fiż-żmien ikkonċernat, id-dritt Komunitarju jitlef l-awtonomija tiegħu, filwaqt li referenza statika għall-istat oriġinali tiegħu tiffossilizzah. P. Rott, “What is the Role of the ECJ in EC Private Law?”, Hanse Law Review, Nru 1/2005, p. 8, jirrimarka li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni awtonoma jikkawża diffikultajiet f’dawk il-każijiet fejn id-dritt Komunitarju juża klawżoli ġenerali. L-awtur jitkellem strettament kontra li l-Istati Membri jitħallew fil-libertà li jsibu l-interpretazzjoni tagħhom stess ta’ dan il-kunċett. Fil-fehma tal-awtur, din il-pożizzjoni hija inaċċettabbli jekk il-Komunità taspira għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, pereżempju fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. L-użu ta’ klawżoli ġenerali kienet teknika regolatorja li kienet tintuża spiss fis-sistema legali tal-Ewropa kontinentali fejn kien jirriżulta li huwa impossibbli li jiġu ddefiniti ċerti elementi ta’ definizzjoni bil-quddiem. Madankollu, l-awtur isostni li dan ma jistax ikollu l-għan li jillimita l-influwenza tad-dritt Komunitarju fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri.


38 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


39 – ĠU L 346, p. 61.


40 – Sentenza SENA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 21).


41Ibid, punti 7, 25, u 34.


42Ibid, punt 32.


43Ibid, punt 34.


44Ibid, punt 36.


45Ibid, punt 38.


46 – Ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 48/2000 adottata mill-Kunsill, fit-28 ta’ Settembru 2000, skont il-proċedura taħt l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li tiġi adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU 2000 C 344, p. 1), premessa 19.


47 – Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha, sa fejn ikun possibbli, tiġi interpretata b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu intiżi speċifikament biex jagħtu effett lil ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità (ara, inter alia, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja [C‑61/94, Ġabra, p. I‑3989, punt 52]; tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati [C‑341/95, Ġabra, p. I‑4355, punt 20], u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE [iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 34]). Ċerti konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur jagħtu lill-Istati firmatarji l-possibbiltà li jipprovdu għal limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet f’ċerti każijiet speċjali, fir-rigward tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Artikolu 10) u l-Konvenzjoni dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) (Artikolu 13). Madankollu, ebda kunċett ma jista’ jittieħed minn xi wieħed jew waħda minn dawn li jikkorrispondi eżattament mal-kunċett ta’ “kumpens ġust” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.


48 – Ara l-Artikolu 11a sa 11(2) u l-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni Riveduta ta’ Berna.


49 – Ara fl-istess sens , F. Carbajo Cascón, “Copia privada y compensación equitativa”, Noticias de la Unión Europea, Nru 286/2008, p. 34 et seq.


50 – Ara Aristotli,  Nicomachean Ethics, il-ħames ktieb, is-seba’ kapitlu – Ġustizzja kommutattiva, 322 BC, 1132b. Hemm huwa indikat: ‘Das Gesagte muss auch noch in anderer Hinsicht, bei den Leistungen der verschiedenen Künste, vor Augen gehalten werden. Es wäre um sie geschehen, wenn der Künstler nicht tätig ein Produkt schüfe, das sich quantitativ and qualitativ bewerten ließe, and nicht leidend dafür sowohl quantitativ als qualitativ entsprechend ausgelohnt würde.’ (Traduzzjoni Ġermaniża: Eugen Rolfes, ippubblikata minn Günther Bien, ir-4 edizzjoni, Hamburg 1985, p. 110).


51 – Dan il-prinċipju tad-dritt Ruman jiddikjara li l-persuna li tikseb benefiċċju minn oġġett għandha tbati wkoll l-iżvantaġġi. Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, is-sistema ta’ ħlas Spanjola hija bbażata fuq dan il-prinċipju.


52 – L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jipprovdi skont kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jassiguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm jixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jassiguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”


53 – R. Falcón Tella, b’mod ċar jipproċedi fuq din il-bażi, “El llamado ‘canon por derechos de autor’ (Copyright Levy) o compensación equitativa por copia privada (II): antecedentes y configuración en la Ley 23/2006, de 7 julio (RCL 2006, 1386)”, Quincena Fiscal Aranzadi, Nru 17/2006, p. 1, billi jirreferi għall-ispirtu u l-iskop tal-ħlas, li fl-opinjoni tiegħu jikkonsisti f’li jippermetti lin-negozjanti u – permezz tagħhom – ix-xerrejja ta’ tagħmir, strumenti u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jikkontribwixxu għall-kumpens ġust. Ara wkoll F. Carbajo Cascón, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 26, li jirrimarka li l-manifatturi, importaturi u negozjanti li huma responsabbli biex iħallsu dan il-ħlas normalment jgħadduh lill-klijenti permezz tal-prezz tax-xiri, li permezz tiegħu huma jiżguraw bilanċ bejn l-interessi tal-awtur u tal-utent. B’mod simili, ara wkoll R. Bércovitz Rodríguez-Cano, “Compensación equitativa por copia privada”, Aranzadi Civil, Nru 16/2007, p. 2, u l-istess, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 1.


54 – Ara n-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, punt 26.


55 – Ara, f’dan is-sens, F. Carbajo Cascón, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 31, li ma jarax il-“kopji privati” fis-sens tar-regola Spanjola fl-Artikolu 31(2) TRLPI bħala li tinkludi r-riproduzzjoni ta’ materjal illeċitu (pereżempju fil-kuntest ta’ piraterija ta’ mużika fuq l-internet). Huwa jirreferi fl-istess ħin għall-formulazzjoni mhux ambigwa ta’ din ir-regola (“… a partir de obras a las que haya accedido legalmente …”).


56 – F. Philapitsch, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), p. 91, huwa tal-fehma li “kumpens ġust” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa pprovdut biss fir-rigward ta’ riproduzzjoni privata leġittima, kif deskritt fid-direttiva. Huwa jargumenta li d-dannu mġarrab bħala riżultat ta’ kkupjar illegali fis-sens iktar wiesa’ ma għandux jiġi kkumpensat b’dan il-mod u għaldaqstant lanqas ma hu kriterju ammissibbli biex tiġi ddeterminata s-sistema ta’ ġbir.


57 – Ara, f’dan is-sens, B. Hugenholtz/L. Guibault/S. van Geffen, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 32, li ma jarawx li l-atti ta’ riproduzzjoni li jmorru lil hinn mill-użu privat (pereżempju piraterija tal-mużika) jaqgħu fl-ambitu ta’ din l-eċċezzjoni għar-regola.


58 – F. Philapitsch, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 14), p. 90, jitkellem dwar “remunerazzjoni għar-riproduzzjoni” f’konnessjoni mal-eċċezzjoni għar-regola fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. F. Carbajo Cascón, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 26, jitkellem dwar “kunċett ta’ remunerazzjoni” fir-rigward tal-kopji privati.


59 – Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-proprjetà, li jinkludi d-dritt għall-proprjetà intellettwali, huwa dritt fundamentali, li huwa protett fis-sistema legali Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C‑479/04, Ġabra, p. I‑8089, punt 65, u Promusicae iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 62). Il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara wkoll li l-proprjetà intellettwali ġiet rikonoxxuta bħala parti integrali tal-proprjetà.


60 – Ara f’dak is-sens ukoll J.N. Ullrich, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), p. 291. L-awtur jiddikjara li billi jsemmi “dannu” bħala kriterju, il-leġiżlatur Komunitarju ried jieħu inkunsiderazzjoni t-tradizzjoni legali tal-common law, li tattribwixxi rwol ċentrali lid-dannu kkawżat mill-kopji privati meta tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ kumpens finanzjarju li għandu jingħata. Madankollu l-awtur isostni li peress li r-relevanza tad-dannu għall-finijiet li tiġi ddeterminata remunerazzjoni xierqa mhijiex magħrufa fid-dritt tal-Ewropa Kontinentali dwar id-drittijiet tal-awtur, il-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li jirrikonċilja ż-żewġ tradizzjonijiet legali permezz tad-direttiva li tippermetti li ħsara u dannu jittieħdu bħala gwida, iżda mingħajr ma tagħmilhom kriterji vinkolanti. Madankollu, ħaġa li l-premessa 35 taderixxi magħha permezz ta’ applikazzjoni ġenerali: meta detentur ta’ dritt isofri dannu bħala riżultat tal-kopja privata li tkun ittieħdet, li tkun taqbeż livell minimu, it-tradizzjonijiet legali kollha għandhom jipprovdu għal kumpens finanzjarju għalih.


61 – Ara l-punt 35 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tas-26 ta’ Settembru 2002 fil-Kawża C‑245/00 SENA, Ġabra, p. I‑1251, punt 35.


62 – Ara f’dan is-sens, M. Lehmann, Handbuch desUrheberrechts (ippubblikat minn Ulrich Loewenheim), l-1 edizzjoni, Munich 2003, p. 878, punt 46, li jipproċedi fuq il-bażi li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni libera dwar kif il-“kumpens ġust” għall-finijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi kkalkulat u organizzat fid-dettall.


63 – Ara T. Dreier, “Die Umsetzung der Urheberrechtsrichtlinie 2001/29/EG in deutsches Recht”, Zeitschrift für Urheber- and Medienrecht, 2002, p. 28, li jgħid li d-Direttiva 2001/29, min-natura tagħha stess, hija vinkolanti biss fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb, u jħalli l-għażla tal-forom u metodi fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. L-awtur josserva li xi kultant id-direttiva tagħti marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli lil-leġiżlatur nazzjonali, b’referenza għall-20 dispożizzjoni fakultattiva minn total ta’ 21 dispożizzjoni ta’ limitazzjoni. F. Carbajo Cascón, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), p. 26, jilmenta dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rekwiżiti tad-direttiva, li, fil-fehma tiegħu, jippreġudika l-għan ta’ armonizzazzjoni tagħha. J.N. Ullrich, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), p. 291, josserva li l-leġiżlatur Komunitarju abbozza l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 wara reviżjoni bir-reqqa tar-regoli relevanti fl-Istati Membri. Matul dik ir-reviżjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien stabbilixxa li fejn il-kumpens kien irregolat minn Stat Membru, b’mod konformi mat-tradizzjoni legali konsistenti tal-Istati Membri kollha, dan kien jieħu l-forma ta’ kumpens finanzjarju, li wera biss differenzi fir-rigward tal-forma, l-arranġamenti ddettaljati u l-livell tiegħu. Fil-fehma ta’ dan l-awtur, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jiffissa dawk id-denominaturi komuni l-iktar baxxi fl-Artikolu 5(2)(b), waqt li l-Istati Membri kellhom ikomplu jirregolaw il-forma u d-dettalji tal-ħlas. Sabiex jissostanzja dan l-argument, l-awtur jiċċita t-test tat-tieni sentenza tal-premessa 35.


64 – Il-kunċett ta’ “Ziel” (“oġġettiv”) fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 249(3) KE jinftiehem ukoll fil-ġurisprudenza bil-lingwa Ġermaniża fis-sens ta’ “Ergebnis” (“riżultat”) preskritt mid-direttiva. Din l-opinjoni hija appoġġjata mill-formulazzjoni f’verżjonijiet b’lingwi oħrajn (“résultat”, “result”, “resultado”, “risultato”, “resultaat”). Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal pożizzjoni legali mixtieqa mid-direttiva (ara f’dan is-sens W. Schroeder, EUV/EGV – Kommentar [ippubblikat minn Rudolf Streinz], Munich 2003, Artikolu 249 KE, punt 77, p. 2178, u B. Biervert, EU-Kommentar [ippubblikat minn Jürgen Schwarze], Baden-Baden 2000, Artikolu 249 KE, punt 25, p. 2089). Għal dik ir-raġuni, il-kunċett Franċiż ta’ “obligation de résultat” kien stabbilixxa ruħu fil-ġurisprudenza (ara K. Lenaerts/P. Van Nuffel, Constitutional Law of the European Union, it-2 edizzjoni, Londra, punt 17-123, p. 768).


65 – Fil-fehma ta’ M. Häuser, ‘Pauschalvergütung und digitale Privatkopie’, Computer and Recht, 2004, p. 830, id-direttiva tagħmilha ċara b’mod inekwivoku li meta l-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi favur il-kopji privati, huwa obbligat li jiżgura kumpens ġust għad-detenturi ta’ drittijiet. B’dan il-mod, huwa jargumenta, huwa ċar li l-limitazzjoni tal-kopji privati u s-sistema ta’ obbligu biex tingħata remunerazzjoni lid-detentur tad-dritt jikkostitwixxu ż-żewġ naħat tal-istess munita li ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin.


66 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra, p. 1251); Enka (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22); tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund (C‑292/92, Ġabra, p. I‑6787, punt 8); tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C ‑17/00, Ġabra, p. I‑9445, punt 23), u tas-16 ta’ Jannar 2003, Pansard et (C‑265/01, Ġabra, p. I‑683, punt 18).


67 – Ara l-punt 80 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


68 – SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29).


69Idem, punti 37, 38 u 43 et seq.


70Idem, punt 43.


71 – Ara l-punt 67 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tat-13 Lulju 2006 fil-kawża SGAE. Hemmhekk hija tirreferi għall-kummenti tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Settembru 1999 fil-Kawża Egeda (sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, C‑293/98, Ġabra, p. I‑629, punt 22), li qal hekk: “[L-] argument [ li wieħed ma jistax jassumi l-komunikazzjoni lill-pubbliku minħabba li r-riċeviment attwali tax-xogħol imxandar jiddependi fuq azzjoni indipendenti mill-mistednin,] jikkontradixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-awtur: id-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jingħataw remunerazzjoni mhux fuq il-bażi tat-tgawdija attwali tax-xogħol iżda fuq is-sempliċi possibbiltà legali ta’ dik it-tgawdija. Pereżempju, il-pubblikaturi għandhom iħallsu royalties lill-awturi għar-rumanzi tagħhom fuq il-bażi tan-numru ta’ kopji mibjugħa, irrispettivament minn jekk jinqrawx jew le mill-persuni li jixtruhom. Bl-istess mod, il-lukandi responsabbli għat-trasmissjoni mill-ġdid internament bil-kejbil – simultanja, mingħajr qtugħ u bidliet – ta’ xandira oriġinali bis-satellita ma jistgħux jirrifjutaw li jħallsu lill-awtur ir-remunerazzjoni dovuta lilu billi jsostnu li x-xogħol imxandar attwalment ma ġiex riċevut mit-telespettaturi potenzjali li għandhom aċċess għat-televiżjonijiet fil-kmamar tagħhom”.


72 – Ara f’dak is-sens, ir-Rapport tal-Kummissjoni “Kumpens ġust għal atti ta’ kopji privati”, tal-14 ta’ Frar 2008, li huwa disponibbli fuq l-Internet (http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/levy_reform/backgroand_en.pdf). F’dak ir-rapport, “ħlas għal kopji privati” huwa ddefinit fil-forma ta’ kumpens għad-detenturi tad-drittijiet ibbażat fuq il-premessa li att ta’ kopji privati ma jistax jingħata liċenzja għal skopijiet prattiċi u b’hekk jikkawża dannu ekonomiku lid-detenturi tad-drittijiet relevanti. Huwa indikat ukoll li s-sistema tal-ħlas għal kopji privati ġiet introdotta fil-livell tal-Istati Membri fuq il-bażi li ma kienx hemm mezzi effettivi biex tiġi ssorveljata u b’hekk awtorizzata r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet għal użu privat.


73 – Ara f’dan is-sens J. Geerlings, “Das Urheberrecht in der Informationsgesellschaft und pauschale Geräteabgaben im Lichte verfassungs- und europarechtlicher Vorgaben”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 2004, Volum 3, p. 208, li jeżamina s-sistema ta’ ħlas fil-forma ta’ rata fissa li kienet diġà applikata fil-Ġermanja sa mill-1965 (Punt 53(5) tal-Urheberrechtsgesetz [Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur] [verżjoni qadima] / Punti 54 u 54a tal-Urheberrechtsgesetz [verżjoni ġdida]), li tixbah is-sistema Spanjola f’dan ir-rigward. Is-sistema Ġermaniża hija bbażata wkoll fuq il-premessa li l-impożizzjoni ta’ ħlas dirett fuq l-utent ma tidhirx li hija prattika, bil-konsegwenza li ma tiġix skattata mill-att ta’ riproduzzjoni iżda mill-bejgħ ta’ strumenti li jiffaċilitaw il-kopji privati.


74 – Ara l-punt 76 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


75 – Ara p. 19, punt 44 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol.


76 – Ara R. Bercovitz Rodríguez-Cano, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 2, li fil-fehma tiegħu l-Artikolu 25 TRLPI jipproċedi, billi jimponi ħlas, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni konfutabbli: l-istrumenti u l-mezzi ta’ ħżin huma intiżi għall-kopji privati.


77 – Il-Kummissjoni tipproċedi fuq l-istess bażi fir-rapport tagħha “Kumpens ġust għal atti ta’ kopji privati”, tal-14 ta’ Frar 2008, billi tirreferi għal dikjarazzjonijiet minn numru ta’ soċjetajiet tal-ġbir (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72), punt 4.2, p. 12.


78 – Il-premessa 35 tiddikjara: “Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.”


79 – Ara J. Plaza Penadés, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 152, li huwa tal-opinjoni li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma tkoprix kopja li persuna fiżika tagħmel għal użu minn persuna ġuridika (taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt ċivili), inkwantu dan jittieħed li jfisser l-użu tal-kopja minn numru ta’ persuni. Min-naħa l-oħra, l-awtur huwa b’mod ċar tal-fehma li persuna ġuridika tista’ wkoll tagħmel użu mid-dispożizzjoni tal-kopja privata, kemm-il darba l-kopja tintuża esklużivament għall-użu privat tal-persuna ġuridika.


80 – Ara J. Plaza Penadés, loc.cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), p. 152, li huwa tal-fehma li l-użu tal-kopja relevanti minn persuna ġurifika għal skopijiet kummerċjali ma jaqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.


81 – Ara f’dan il-kuntest, ir-risposta minn McCreevy, Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern u Servizzi, tad-19 ta’ Settembru 2007, għad-domanda bil-miktub mill-Membri tal-Parlament Ewropew, Romeva u Rueda tal-5 ta’ Ġunju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-ħlas diġitali fi Spanja (E‑2864/07). F’dik ir-risposta, il-Kummissarju jesprimi l-opinjoni tal-Kummissjoni: il-ħlas jista’ jiġi impost biss fuq strumenti u tagħmir li jistgħu jintużaw, u li effettivament jintużaw għall-produzzjoni ta’ kopji privati. Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li ma għandux jiġi impost ħlas fuq tagħmir li jintuża għal skopijiet kummerċjali (pereżempju f’kumpanniji, amministrazzjonijiet pubbliċi) peress li dan b’mod ċar imur lil hinn mir-rekwiżit li jingħata kumpens għal atti permessi (jiġifieri kopji privati) kif stipulat fid-direttiva.


82 – Ara f’dak is-sens H.-H. Herrnfeld, EU-Kommentar (ippubblikat minn Jürgen Schwarze), it-2 eduzzjoni, Baden-Baden 2009, Artikolu 94, p. 1127, punt 42.


83 – Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Gallagher (C‑11/92, Ġabra, p. I‑3545, punti 11 et seq), u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crespelle (C‑323/93, Ġabra, p. I‑5077, punt 33 et seq).


84 – Ara l-punti 75 sa 78 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


85 – Tali ħlas, li ma huwiex konness mal-kumpens għal kopji privati taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u li preżumibbilment ma jaqax taħt l-ambitu tad-Direttiva 2001/29, ma jaffettwax il-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati Membri, suġġett għal limitazzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Moteurs Leroy Somer, C‑285/08 Ġabra p. I-4733, punt 31).


86 – Ara l-punt 94 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.