Language of document : ECLI:EU:C:2013:426

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Proprjetà intellettwali u industrijali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 2001/29/KE — Dritt ta’ riproduzzjoni — Kumpens ġust — Kunċett ta’ ‛Riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’ — Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi disponibbli intiżi sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati — Konsegwenzi ta’ awtorizzazzjoni espliċita jew impliċita għal riproduzzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑457/11 sa C‑460/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Lulju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2011, fil-proċeduri

Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)

vs

Kyocera, li kienet Kyocera Mita Deutschland GmbH,

Epson Deutschland GmbH,

Xerox GmbH (C‑457/11),

Canon Deutschland GmbH (C‑458/11),

u

Fujitsu Technology Solutions GmbH (C‑459/11),

Hewlett-Packard GmbH (C‑460/11),

vs

Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort), minn U. Karpenstein, G. Schulze u R. Staats, avukati,

–        għal Fujitsu Technology Solutions GmbH, minn C. Frank, avukat,

–        għal Hewlett-Packard GmbH, minn G. Berrisch u A. Strowel, avukati,

–        għal Kyocera (li kienet Kyocera Mita Deutschland GmbH), Epson Deutschland GmbH, Xerox GmbH u Canon Deutschland GmbH, minn C. Lenz u T. Würtenberger, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn D. Hadroušek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė u R. Vaišvilienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) u, min-naħa l-oħra, Kyocera, li kienet Kyocera Mita Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Kyoceraˮ), Epson Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Epsonˮ) u Xerox GmbH (iktar ’il quddiem “Xeroxˮ), fil-kawża C‑457/11, u Canon Deutschland GmbH fil-Kawża C‑458/11, u bejn, minn naħa, Fujitsu Technology Solutions GmbH (iktar ’il quddiem “Fujitsuˮ) kif ukoll Hewlett Packard GmbH u, min-naħa l-oħra, VG Wort, fil-Kawżi C‑459/11 u C‑460/11 rispettivament, dwar ir-remunerazzjoni li dawn l-impriżi huma obbligati jħallsu lil VG Wort minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ printers u/jew ta’ plotters kif ukoll ta’ kompjuters personali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi  2, 5, 35, 36, 39 u 52 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[...]      

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

(36)      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet ukoll meta japplikaw disposizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.

[...]

(39)      Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli. Dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet m’għandhomx jimpedixxu l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi jew l-infurzar tagħhom kontra li jduru magħhom [kontra kull att ta’ evitar].

[...]

(52)      Meta jimplimentaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ikkupjar privat skond l-Artikolu 5(2)(b), l-Istati Membri għandhom bl-istess mod jippromwovu l-użu ta’ miżuri volontarji biex jiffaċilitaw li jiksbu l-għanijiet ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni. Jekk, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, ma jkunu ttieħdu l-ebda miżuri volontarji bħal dawn biex tkun tista’ ssir riproduzzjoni għal użu privat, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jippermettu li benefiċjarji ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni relatata jibbenefikaw minnha. Miżuri volontarji meħuda minn detenturi ta’ drittijiet, magħduda ftehim bejn detenturi ta’ drittijiet u partijiet oħra relatati, kif ukoll miżuri meħuda minn Stati Membri, ma jipprevenux detenturi ta’ drittijiet milli jużaw miżuri teknoloġiċi li huma konsisti ma’ l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq ikkupjar privat f’liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(b), waqt li jikkunsidraw il-kondizzjoni ta’ kumpens ġust skond dik id-disposizzjoni u separazzjoni li jista’ jkun hemm bejn diversi kondizzjonijiet ta’ użu skond l-Artikolu 5(5), bħal li jikkontrollaw l-għadd ta’ riproduzzjonijiet. Sabiex ma jħallux l-abbuż ta’ dawn il-miżuri, kull miżura tekonoloġika applikata fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgawdi minn protezzjoni legali.ˮ

4        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a)      rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

(ċ)      rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

[...]ˮ

6        L-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

(a)      użu għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali;

[...]

(n)      użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku kif b’terminali għal tapposta fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett ieħor li mhumiex regolati bit-termini ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom:

[...]ˮ

7        Skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[...]

3.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ʻmiżuri teknoloġiċiʼ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ʻeffettiviʼ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

4.      Minkejja l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1, fl-assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad-drittijiet jagħmlu disponibbli għall-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il-mezzi li jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il-benfċjarju jkollu aċċess legali għax-xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

[...]ˮ

9        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/29 bit-titolu “Applikazzjoni maż-żmien”, jipprovdi li:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħolijiet kollha u suġġetti oħra msemmija f’din id-Direttiva li huma, fit-22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.ˮ

10      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Huma għandhom minn dakinhar jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.ˮ

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

11      L-Artikolu 53 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte, Urheberrechtsgesetz) tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273), kif emendata bl-Artikolu 1 tal-liġi tal-10 ta’ Settembru 2008 (BGBl. I, p. 1774, iktar ’il quddiem l-“UrhG”) huwa fformulat kif ġej:

“Riproduzzjoni għall-użu privat u għal użi oħra personali

(1)      It-twettiq ta’ kopji uniċi ta’ xogħol minn persuna fiżika fuq kwalunkwe mezz u għal użu privat huwa legali sakemm il-kopji ma jservux, direttament jew indirettament, għal finijiet ta’ lukru u sakemm ma jsirux fuq il-bażi ta’ mudell li jkun ġie prodott b’mod manifestament illegali. Il-persuna li hija awtorizzata twettaq kopji tista’ wkoll tqabbad lil terz iwettaq il-kopji sa fejn dan isir bla ħlas jew sa fejn dawn ikunu kopji fuq il-karta jew fuq mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.

(2)      Persuna tista’ tagħmel kopji jew li tqabbad lil persuna oħra tagħmel kopji uniċi ta’ xogħol:

1.      għal usu xjentifiku personali jekk u sa fejn l-ikkuppjar huwa neċessarju għal dan il-għan;

2.      għall-inklużjoni f’arkivji personali jekk u sa fejn l-ikkuppjar huwa neċessarju għal dan il-għan u sakemm kopja personali tax-xogħol tintuża bħala s-sors għal dan l-ikkuppjar;

3.      għal informazzjoni personali dwar ġrajjiet kurrenti fil-każ fejn ix-xogħol ikun diġà ġie mxandar;

4.      għal kwalunkwe użu ieħor personali:

a)      fil-każ ta’ siltiet qosra minn xogħol ippubblikat jew minn artikoli uniċi li jkunu dehru f’gazzetti jew f’rivisti;

b)      fil-każ ta’ xogħol li jkun ilu ma jiġi stampat għall-inqas sentejn.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fil-każ imsemmi fl-ewwel sentenza Nru 2, ħlief jekk, barra minn hekk,

1.      il-kopja ssir fuq il-karta jew fuq mezz ieħor simili, bl-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, jew

2.      l-użu huwa esklużivament analoġiku jew

3.      l-arkivji ma jservux, direttament jew indirettament, għal finijiet ta’ lukru jew finijiet ekonomiċi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza Nru 3 u Nru 4, ħlief jekk, barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni senteza Nru 1 jew Nru 2, tkun issodisfatta.

(3)      Persuna tista’ tagħmel kopji jew tqabbad lil persuna oħra tagħmel kopji ta’ partijiet żgħar minn xogħol, jew minn xogħlijiet fuq skala żgħira jew minn artikoli uniċi li jkunu dehru f’gazzetti jew f’rivisti, jew li saru aċċessibbli għall-pubbliku, jekk dawn il-kopji huma ddestinati għal użu personali:

1.      għall-finijiet tat-tagħlim fl-iskejjel, f’istituzzjonijiet mhux kummerċjali tat-taħriġ u ta’ taħriġ kontinwu, kif ukoll f’istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali, inkwantu neċessarju għal klassi ta’ studenti, jew

2.      għall-finijiet ta’ eżamijiet tal-Istat u eżamijiet organizzati fi skejjel, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, istituzzjonijiet mhux kummerċjali ta’ taħrig u ta’ taħriġ kontinwu kif ukoll fil-kuntest tat-taħriġ professjonali, fi kwantità neċessarja, jekk u sa fejn l-ikkuppjar ikun neċessarju għal dan il-għan.

(4)      Ir-riproduzzjoni

a)      ta’ rrekordjar grafiku ta’ xogħlijiet mużikali;

b)      ta’ ktieb jew ta’ rivista, fil-każ ta’ riproduzzjoni li ftit jew wisq tkun kompleta,

sa fejn din ma tkunx tikkonsisti fl-ikkuppjar mill-ġdid tax-xogħol bl-idejn, ma hijiex awtorizzata ħlief bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet jew taħt il-kundizzjoni tal-paragrafu 2, Nru 2, jew għal użu personali jekk ix-xogħol ikun ilu ma jiġi stampat għall-inqas sentejn.

(5)      Il-paragrafu 1, il-paragrafu 2, Nru 2 sa Nru 4, u l-paragrafu 3, Nru 2, ma japplikawx għad-databases li l-elementi minnhom huma aċċessibbli individwalment permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Il-paragrafu 2, Nru 1, kif ukoll il-paragrafu 3, Nru 1, japplikaw għal dawn id-databases bil-kundizzjoni li l-użu għal finijiet xjentifiċi u għat-tagħlim ma jsirx għal finijiet ta’ lukru.

(6)      Il-kopji la jistgħu jixxandru u lanqas jiġu kkomunikati lill-pubbliku. Madankollu, is-self ta’ kopji mwettqa legalment ta’ gazzetti u ta’ xogħlijiet li jkunu ilhom ma jiġu stampati, kif ukoll ta’ xogħlijiet li partijiet żgħar minnhom li jkunu ġarbu ħsara jew li jkunu ntilfu jkunu ġew issostitwiti minn kopji, huwa legali.

(7)      L-irrekordjar ta’ konferenzi pubbliċi, ta’ rappreżentazzjonijiet jew ta’ eżekuzzjonijiet fil-pubbliku ta’ xogħol fuq mezzi viżivi jew tal-awdjo, it-twettiq ta’ pjanti u ta’ skeċċijiet ta’ xogħlijiet tal-arti, kif ukoll il-konstruzzjoni ta’ kopja ta’ xogħol ta’ arkitettura ma humiex awtorizzati ħlief bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet.ˮ

12      L-Artikolu 54a tal-UrhG jipprovdi li:

“Obbligu ta’ remunerazzjoni għal kull kopja miksuba permezz ta’ fotokopja

(1)      Jekk minħabba n-natura tax-xogħol huwa probabbli li dan jiġi riprodott, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(1) sa (3), permezz ta’ fotokopja jew permezz ta’ proċess li għandhu effetti paragunabbli, l-awtur tax-xogħol huwa intitolat għal ħlas, mill-manifattur tal-apparati intiżi għat-twettiq ta’ dawn il-kopji, ta’ remunerazzjoni ġusta bħala kumpens għall-possibbiltà li jsiru tali kopji li tirriżulta mill-bejgħ jew minn kwalunkwe forma ta’ tqegħid fis-suq ta’ dawn l-apparati. Hija debitriċi in solidum mal-manifattur kwalunkwe persuna li timporta jew timporta mill-ġdid b’mod kummerċjali l-apparati fit-territorju fejn din il-liġi tapplika jew tagħmel kummerċ minn dan. In-negozjant ma huwiex obbligat iħallas jekk jixtri inqas minn 20 apparat f’perijodu ta’ sitt xhur.

(2)      Jekk apparati ta’ dan it-tip huma użati fi skejjel, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali jew istituzzjonijiet oħra ta’ taħriġ u ta’ taħriġ kontinwu (stabbilimenti ta’ tagħlim), ċentri ta’ riċerka, libreriji pubbliċi jew istituzzjonijiet li jagħmlu dawn l-apparati disponibbli sabiex isiru fotokopji bi ħlas, l-awtur huwa wkoll intitolat għal ħlas ta’ remunerazzjoni ġusta mill-operatur tal-apparat.

(3)      L-Artikolu 54(2) japplika mutatis mutandis.ˮ

13      Skont l-Artikolu 54d u l-Anness tal-UrhG, ir-remunerazzjoni miġbura fuq l-apparati skont l-Artikolu 54a(1) tal-UrhG hija ffissata għal somma li tvarja bejn EUR 38.35 u EUR 613.56, skont in-numru ta’ kopji li jistgħu jsiru fil-minuta u l-possibbiltà li jsiru kopji bil-kulur jew le. Madankollu, jistgħu jiġu nnegozjati ammonti oħra.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑457/11

14      VG Wort hija soċjetà awtorizzata għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Hija għandha r-responsabbiltà esklużiva li tirrappreżenta lill-awturi u lill-pubblikaturi ta’ xogħlijiet letterarji fil-Ġermanja. Konsegwentement, hija intitolata titlob, f’isem l-awturi, ir-rimunerazzjoni dovuta mill-produtturi, l-importaturi jew id-distributuri ta’ apparati li jaqgħu taħt l-Artikolu 54a(1) tal-UrhG.

15      Filwqt li aġixxiet kemm f’isimha stess kif ukoll f’isem soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva oħra li tirrappreżenta dawk li għandhom id-drittijiet fuq xogħlijiet grafiċi ta’ kull tip, jiġifieri VG Bild‑Kunst, VG Wort talbet informazzjoni, minn naħa, dwar in-natura tal-printers mibjugħa jew imqiegħda fis-suq b’mod ieħor, sa mill‑1 ta’ Jannar 2001, u dwar il-kwantitajiet ikkonċernati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-kapaċitajiet ta’ dawn l-apparati u dwar is-sors tal-provvista ta’ dawn fil-Ġermanja. Barra minn hekk, VG Wort sabiex jiġi kkonstatat li Kyocera, Epson u Xerox għandhom iħallsuha remunerazzjoni, fil-forma ta’ ħlas miġbur fuq il-kompjuters personali, il-printers u/jew il-plotters ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja bejn l‑1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2007. L-ammonti mitluba huma bbażati fuq ir-rati miftehma ma’ VG Bild-Kunst u ppubblikati fil-Bundesanzeiger (il-Gazzetta Federali).

16      Il-Landgericht Düsseldorf laqgħat din it-talba għal informazzjoni kollha kemm hi, filwaqt li kkonstatat b’mod sinjifikattiv li Kyocera, Epson u Xerox kienu obbligati jħallsu kumpens lil VG Wort. Adita minn Kyocera, Epson u Xerox, il-qorti tal-appell annullat is-sentenza tal-ewwel istanza. B’riferiment għas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, il-Bundesgerichtshof ċaħdet, permezz ta’ digriet, it-talba għal “Reviżjoniˮ ippreżentata minn VG Wort.

17      Il-Bundesverfassungsgericht annullat id-deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof u rrinvijat il-kawża quddiem din il-qorti tal-aħħar.

18      Fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida ta’ “Revisionˮ, VG Wort talbet li s-sentenza tal-ewwel istanza tiġi kkonfermata. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li l-azzjoni għal “Reviżjoniˮ tiġi miċħuda.

19      Peress li qieset li r-riżultat ta’ dan l-azzjoni jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 2001/29 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, meta l-okkorrenzi kkonċernati seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva tat‑22 ta’ Ġunju 2001, iżda qabel id-data tal-applikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2002?

2)      Ir-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers jistgħu jitqiesu bħala riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: fil-każ li eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni huma previsti skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, il-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva fir-rigward tal-kumpens ġust jistgħu wkoll jiġu sodisfatti, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali stipulat fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta d-debituri tal-kumpens ġust ma humiex il-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ printers, iżda l-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ diversi apparati oħra li, flimkien ma’ apparati oħra, jippermettu li jsiru r-riproduzzjonijiet mixtieqa?

4)      Il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 hija suffiċjenti sabiex tħassar il-kundizzjoni tal-kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva?

5)      Il-fatt li d-detentur tad-drittijiet jawtorizza espressament jew impliċitament ir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jippermetti li l-kundizzjoni [Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29] u l-possibbiltà (premessa 36 tad-Direttiva) ta’ kumpens ġust jitħassru?ˮ

 Il-Kawżi C‑458/11 sa C‑460/11

20      Il-fatti u l-argumenti legali inkwistjoni fil-Kawżi C‑458/11 sa C‑460/11 essenzjalment jikkorrispondi għal dawk relatati mal-Kawża C‑457/11.

21      Fil-Kawżi C‑457/11 u C‑458/11, id-domandi magħmula huma identiċi. Fil-Kawża C‑460/11, id-domandi preliminari huma identiċi għall-ewwel u t-tielet domandi magħmula fil-Kawża C‑457/11. Fil-Kawżi C‑457/11 u C‑459/11, l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domanda huma identiċi. Min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑459/11, it-tieni u t-tielet domanda huma differenti minn dawk magħmula fil-Kawża C‑457/11, sa fejn dawn ma humiex relatati ma’ printers iżda ma’ kompjuters.

22      Fil-Kawża C‑459/11, it-tieni u t-tielet domanda preliminari magħmula huma dawn li ġejjin:

“2)      Ir-riproduzzjonijiet miksuba permezz tal-kompjuters jistgħu jitqiesu bħala riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: fil-każ li eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni huma previsti skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, il-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva fir-rigward tal-kumpens ġust jistgħu wkoll jiġu sodisfatti, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali stipulat fl-Artikolu 20 tal-Karta [...], meta d-debituri tal-kumpens ġust ma humiex il-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ kompjuters, iżda l-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ diversi apparati oħra li, flimkien ma’ apparati oħra, jippermettu li jsiru r-riproduzzjonijiet mixtieqa?ˮ

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2011, il-Kawżi C‑457/11 sa C‑460/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn it-22 ta’ Ġunju 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, u t-22 ta’ Diċembru 2002, id-data meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, l-atti ta’ użu ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett humiex affettwati mid-Direttiva 2001/29.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minn din tal-aħħar u, b’hekk, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      L-obbligu ġenerali li għandhom il-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi mad-direttiva jeżisti biss minn meta jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 115).

27      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-Direttiva 2001/29, mill-Artikolu 10(2) tagħha jirriżulta li din għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.

28      Kif jirriżulta mill-istorja leġiżlattiva tal-imsemmi Artikolu 10(2) u b’mod partikolari, mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 1997 [COM(97) 628], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29, il-protezzjoni tal-atti deskritti tirriżulta “minn prinċipju ġenerali li jiżgura li din id-direttiva ma jkollha ebda effett retroattiv, u li ma tapplikax fir-rigward ta’ atti ta’ sfruttar ta’ xogħlijiet u ta’ materjal ieħor protett li jkunu saru qabel id-data li fiha l-imsemmija direttiva għandha tiġi trasposta mill-Istati Membriˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn it-22 ta’ Ġunju 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29, u t-22 ta’ Diċembru 2002, id-data meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-atti ta’ użu ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett ma humiex affettwati mill-imsemmija Direttiva 2001/29.

 Fuq il-ħames domanda

30      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminati fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li detentur tad-drittijiet jkun awtorizza espressament jew impliċitament ir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew ta’ materjal ieħor protett għandux impatt fuq il-kumpens ġust li huwa previst, fuq bażi obbligatorja jew fakultattiva, skont dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/29, u jekk ikun il-każ, jekk tali awtorizzazzjoni tistax trendi inapplikabbli l-imsemmi kumpens?

31      F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati, li l-kumpens ġust għandu l-għan li jikkumpensa lill-awturi meta jsir dan l-ikkuppjar tax-xogħlijiet protetti tagħhom, għal skopijiet privati, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom b’tali mod li għandu jitqies bħala l-korrispettiv tal-preġudizzju subit mill-awturi, li jirriżulta minn tali kopja mhux awtorizzata minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, Ġabra p. I‑10055, punti 39 u 40).

32      Din il-ġurisprudenza hija wkoll rilevanti għal dak li jikkonċerna dispożizzjonijiet oħra li jinsabu fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.

33      F’dan l-Artikolu 5, il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa, taħt it-titolu stess ta’ dan l-artikolu, distinzjoni bejn l-eċċezzjonijiet, minn naħa, u l-limitazzjonijiet, min-naħa l-oħra, għad-dritt esklużiv tad-detenturi ta’ drittijiet li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal ieħor protett.

34      Għaldaqstant, dan id-dritt esklużiv jista’ jkun, skont iċ-ċirkustanzi, jew totalment eskluż, bħala eċċezzjoni, jew sempliċement limitat. Ma huwiex eskluż li tali limitazzjoni tista’ tinkludi, parzjalment, skont id-diversi sitwazzjonijiet partikolari li hija tirregola, esklużjoni, restrizzjoni, jew anki ż-żamma tal-imsemmi dritt.

35      Għaldaqstant, għandu jingħata effett lil din id-distinzjoni fuq il-livell leġiżlattiv.

36      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jintroduċu, fid-dritt intern tagħhom, eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni. Fil-każ li Stat Membru ma jużax din il-possibbiltà, id-detenturi ta’ drittijiet iżommu, fi ħdan dan l-Istat, id-dritt esklużiv tagħhom li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal ieħor protett.

37      Fil-każ li Stat Membru jkun iddeċieda, abbażi ta’ dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, li jeskludi kwalunkwe dritt, tad-detenturi ta’ drittijiet, li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal ieħor protett, kwalunkwe att ta’ awtorizzazzjoni potenzjali adottat minnhom jkun nieqes minn kull effett legali fid-dritt tal-imsemmi Stat. Għaldaqstant, tali att ma għandu ebda impatt fuq il-preġudizzju kkawżat lid-detenturi ta’ drittijiet minħabba l-introduzzjoni tal-miżura inkwistjoni li ċċaħħadhom minn dan id-dritt u, għalhekk, ma jista’ jkollha ebda impatt fuq il-kumpens ġust, kemm jekk dan ikun previst fuq bażi obbligatorja u kemm jekk fakultattiva, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva.

38      Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi li Stat Membru jkun iddeċieda li ma jeskludix totalment dan id-dritt tad-detenturi ta’ drittijiet li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal ieħor protett, iżda li jintroduċi sempliċi limitazzjoni għal tali dritt, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-leġiżlatur nazzjonali kellux l-intenzjoni jipproteġi d-dritt ta’ riproduzzjoni li jibbenefikaw minnu l-awturi.

39      Jekk fil-każ ineżami dan id-dritt ta’ riproduzzjoni ġie protett, id-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens ġust ma jistgħux japplikaw peress li l-limitazzjoni prevista mil-leġiżlatur nazzjonali ma tippermettix li ssir riproduzzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awturi u peress li hija b’hekk ma tiġġenerax it-tip ta’ preġudizzju li tiegħu il-kumpens ġust jikkostitwixxi korrispettiv. Bil-kontra, jekk fil-każ ineżami d-dritt ta’ riproduzzjoni ma nżammx, l-att ta’ awtorizzazzjoni ma għandu ebda impatt fuq il-preġudizzju kkawżat lill-awturi u, konsegwentement, ma jista’ jkollu ebda impatt fuq il-kumpens ġust.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għal ħames domanda għandha tkun li, fil-kuntest ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, kwalunkwe att potenzjali li permezz tiegħu detentur tad-drittijiet ikun awtorizza r-riproduzzjoni ta’ xogħlu jew ta’ materjal ieħor protett ma għandu ebda impatt fuq il-kumpens ġust, kemm jekk dan ikun previst fuq bażi obbligatorja u kemm jekk fakultattiva, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda

41      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, tistax trendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ammissibbiltà

42      Mingħajr ma qajmet espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, Fujitsu esprimiet dubji dwar ir-rilevanza tar-raba’ domanda għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

43      Fl-osservazzjonijiet tagħha Fujitsu essenzjalment issostni li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma japplikax għal kawża prinċipali peress li jikkonċerna biss ir-riproduzzjonijiet ta’ prodotti awdjo, viżivi u awdjoviżivi għal użu privat u mhux il-kopji ta’ testi u ta’ stampi fissi fuq il-kompjuter.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tagħhom ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, Ġabra p. I‑9391, punt 33, u tat-18 ta’ April 2013, L, C‑463/11, punt 28).

45      Ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

46      Barra minn hekk, l-oġġezzjoni mqajma minn Fujitsu, ibbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawżi prinċipali ma hijiex relatata mal-ammissibbiltà tar-raba’ domanda iżda mal-mertu.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

48      Kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva2001/29, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprovdu eċċezzjoni, fid-dritt intern tagħhom, rigward l-ikkuppjar għal skopijiet privati sakemm, madankollu d-detenturi ta’ drittijiet jirċievu kumpens ġust li jieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva għax-xogħlijiet jew għall-materjal l-ieħor ikkonċernati.

49      F’dan ir-rigward għandu qabelxejn jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 31 tas-sentenza preżenti, li l-kumpens ġust għandu l-għan li jikkumpensa lill-awturi minħabba l-preġudizzju subit minnhom wara l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati u, għaldaqstant, għall-użu tax-xogħlijiet protetti tagħhom imwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom.

50      Barra minn hekk, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/29, “miżura teknoloġikaˮ tfisser kwalunkwe teknoloġija, strument jew komponent li, fl-andament normali tal-operazzjoni tiegħu, ikun imfassal sabiex jevita jew jirrestrinġi atti, fir-rigward ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor protett, li ma jkunux awtorizzati mid-detentur ta’ kwalunkwe drittijiet tal-awtur jew kwalunkwe dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur.

51      Minn dan isegwi li l-“miżur[i] teknoloġi[ċi]ˮ, li jirreferi għalih il-kliem tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma t-teknoloġiji, l-istrumenti jew il-komponenti intiżi sabiex jirrestrinġu l-atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet, jiġifieri sabiex jiżguraw applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi restrizzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati u sabiex b’hekk jiġu evitati l-atti li ma josservawx il-kundizzjonijiet stretti li l-imsemmija dispożizzjoni timponi.

52      Madankollu, huma l-Istati Membri u mhux id-detenturi ta’ drittijiet li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati u li jawtorizzaw, għall-finijiet ta’ tali kkuppjar, dan l-użu ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett.

53      Konsegwentement, huwa l-obbligu tal-Istat Membru li, billi stabbilixxa din l-eċċezzjoni, awtorizza li jsir dan l-ikkuppjar għal skopijiet privati, li jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija eċċezzjoni u li jillimita b’hekk atti mhux awtorizzati mid-detenturi ta’ drittijiet.

54      Minn dan jirriżulta li l-fatt li Stat Membru ma jkunx żgura l-applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati bl-ebda mod ma jwassal għall-inapplikabbiltà tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi ta’ drittijiet li, barra minn hekk, jistgħu jsofru preġudizzju addizzjonali, preċiżament minħabba tali ommissjoni tal-imsemmi Stat Membru.

55      Fid-dawl ta’ dan għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 52 tad-Direttiva 2001/29, id-detenturi ta’ drittijiet għandhom il-possibbiltà jużaw il-miżuri teknoloġiċi applikati volontarjament li huma kompatibbli mal-eċċezzjoni ta’ ikkuppjar għal skopijiet privati u li jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ din l-eċċezzjoni. Tali miżuri teknoloġiċi għandhom jiġu mħeġġa mill-Istati Membri.

56      Għaldaqstant, il-miżuri teknoloġiċi li d-detenturi ta’ drittijiet għandhom il-possibbiltà li jużaw għandhom jitqiesu bħala t-teknoloġiji, l-istrumenti jew il-komponenti li huma tali li jiżguraw li jintlaħaq l-għan imfittex mill-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati u li jiġu evitati jew limitati r-riproduzzjonijiet li ma humiex awtorizzati mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni.

57      Fid-dawl tan-natura volontarja tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri teknoloġiċi, anki jekk tali possibbiltà teżisti, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżuri ma tistax twassal għall-inapplikabbiltà tal-kumpens ġust.

58      Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà li jagħmel il-livell konkret tal-kumpens dovut lid-detenturi ta’ drittijiet dipendenti fuq l-applikazzjoni jew le ta’ tali miżuri teknoloġiċi, sabiex dawn tal-aħħar ikun effettivament imħeġġa jużawhom u jikkontribwixxu għalhekk volontarjament għall-applikazzjoni korretta tal-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati .

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, ma tistax trendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

60      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effettiˮ, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora r-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers u ta’ kompjuter personali, prinċipalment fil-każ fejn dawn l-apparati jintużaw flimkien, u f’tali każ, liema hija l-persuna li għandha titqies bħala d-debitriċi tal-kumpens ġust skont din id-dispożizzjoni.

61      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jagħtu, fil-prinċipju, lill-awturi u lid-detenturi ta’ drittijiet relatati, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, sħiħa jew parzjali, tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materjal ieħor protett.

62      Madankollu, skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprovdu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur jew tad-detentur tad-drittijiet relatati fuq ix-xogħol tiegħu jew fuq materjal ieħor protett, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti sakemm, madankollu, li d-detenturi ta’ drittijiet jirċievu kumpens ġust (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni ta’ riproduzzjoni fuq il-karta jew mezz ieħor similiˮ).

63      L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li xejn fil-proċess ma jindika li l-kwistjoni dwar liema għandha tkun in-natura, f’dan il-każ, tal-oriġinali li minnu tinkiseb ir-riproduzzjoni, għandha rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward.

64      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, jistabbilixxi distinzjoni bejn il-mezz ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l-karta jew mezz ieħor simili u l-manjiera użata għall-finijiet ta’ din ir-riproduzzjoni, jiġifieri kull xorta ta’ teknika fotografika jew xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.

65      L-ewwel nett, fir-rigward tal-mezz, element materjali li fuqu tinsab ir-riproduzzjoni partikolari ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor protett, il-kliem tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 isemmi espliċitament il-karta, li magħha jassoċja, f’termini ġenerali, sottostrat ieħor li għandu jkollu kwalitajiet simili, jiġifieri kumparabbli u ekwivalenti għal dawk tal-karta.

66      Minn dan jirriżulta li mezzi li ma għandhomx kwalitajiet kumparabbli u ekwivalenti għal dawk tal-karta ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, l-effett utli ta’ din l-eċċezzjoni ma jkunx jista’ jiġi żgurat, b’mod partikolari fid-dawl tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li jirrigwarda “r-riproduzzjonijiet [fuq] kull mezzˮ.

67      Minn dak isegwi li kull mezz ta’ riproduzzjoni mhux analoġiku, jiġifieri, b’mod partikolari, diġitali, għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 sa fejn, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex ikun simili għall-karta bħala mezz ta’ riproduzzjoni, is-sottostrat għandu jkun kapaċi juri rappreżentazzjoni fiżika li tista’ tiġi pperċepita mis-sensi umani.

68      Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-mezz li jippermetti riproduzzjoni fuq il-karta jew mezz ieħor simili, mill-kliem tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li dan ma jirreferix biss għat-teknika fotografika, iżda wkoll għal “xi proċess ieħor li jkollu l-istess effettiˮ, jiġifieri kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti li jkun hemm riżultat simili għal dak miksub bit-teknika fotografika, jiġifieri r-rappreżentazzjoni analoġika ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor protett.

69      Barra minn hekk, tali konklużjoni hija kkorraborata mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(97) 628], li waslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29, li jipprovdi li l-eċċezzjoni kkonċernata ma hijiex ibbażata fuq it-teknika użata iżda pjuttost fuq ir-riżultat li jrid jintlaħaq.

70      Sa fejn dan ir-riżultat huwa żgurat, in-numru ta’ operazzjonijiet jew in-natura tat-teknika jew tat-tekniki użati waqt il-proċess ta’ riproduzzjoni inkwistjoni ftit huma importanti sakemm, madankollu, id-diversi elementi jew id-diversi stadji mhux awtonomi ta’ dan il-proċess uniku jaġixxu jew jiżvolġu taħt il-kontroll tal-istess persuna u l-għan tagħhom ikun li jirriproduċu x-xogħol jew il-materjal l-ieħor protett fuq il-karta jew mezz ieħor simili.

71      Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-premessi 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29, li jipprovdu li l-għan tad-Direttiva 2001/29 huwa li jinħoloq qafas ġenerali u flessibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u jadatta u jikkompleta r-regoli attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni teknoloġika, li ħolqot forom ġodda ta’ sfruttament tax-xogħlijiet protetti (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Circul Globus Bucureşti, C‑283/10, Ġabra p. I-12031, punt 38).

72      Minn dan isegwi li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix, bla ħsara għar-riżervi tal-punt 70 tas-sentenza preżenti, li fil-kuntest tal-proċess imsemmi fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jiġu użati diversi apparati, inklużi dawk b’funzjoni diġitali.

73      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar liema hija l-persuna li, fil-kuntest ta’ tali proċess li jinvolvi diversi apparati flimkien, uħud minnhom b’funzjoni analoġika u oħrajn b’funzjoni diġitali, għandha titqies bħala l-persuna responsabbli mill-kumpens ġust, għandha qabelxejn titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal skopijiet privati li, madankollu, tista tiġi applikata b’analoġija għall-eċċezzjoni ta’ riproduzzjoni fuq il-karta jew mezz ieħor simili, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali, bil-kundizzjoni li d-dritt fundamentali għal ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġi rrispettat.

74      Għal dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha titqies bħala d-debitriċi tal-kumpens ġust, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolawx espliċitament il-kwistjoni dwar min huwa dan id-debitur, t’tali mod li l-Istati Membru għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, Ġabra p. I‑5331, punt 23).

75      Fid-dawl ta’ dan kollu, peress li l-kunċett ta’ “kumpens ġustˮ huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, kif tfakkar fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, li dan il-kumpens għandu l-għan li jikkumpensa lill-awturi meta ssir riproduzzjoni tax-xogħlijiet protetti tagħhom, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom b’tali mod li għandu jitqies bħala l-korrispettiv tal-preġudizzju subit mill-awturi, li jirriżulta minn tali riproduzzjoni. Għaldaqstant, fil-prinċipju, huwa l-obbligu tal-persuna li tikkawża tali preġudizzju, jiġifieri dik li tkun ikkuppjat ix-xogħol protett mingħajr ma tkun talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-drittijiet, li tikkumpensa d-dannu subit billi tiffinanzja l-kumpens li għandu jingħata lil dan id-detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 44 u 45).

76      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi marbuta ma’ tali sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri jistgħu jmorru lura għal stadji preċedenti, għal dak tal-ikkuppjar, u jistabbilixxu, sabiex jiġi ffinanzjat il-kumpens ġust, “ħlas fuq ikkuppjar għal skopijiet privatiˮ mill-persuni li għandhom tagħmir, apparati u mezzi ta’ riproduzzjoni u li, abbażi ta’ dan, fid-dritt jew fil-fatt, iqiegħdu dawn l-oġġetti għad-dispożizzjoni ta’ persuni li jagħmlu l-kopji jew jipprovdu servizz ta’ riproduzzjoni lil dawn tal-aħħar, peress li tali sistema tippermetti lill-persuni responsabbli mill-ħlas jgħaddu dan il-ħlas fuq l-utenti privati u li, għaldaqstant, dawn tal-aħħar iġorru l-piż tal-ħlas għal kopji privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Padawan, punti 46 u 49, kif ukoll Stichting de Thuiskopie, punti 27 u 28).

77      Jekk din il-ġurisprudenza tiġi applikata mutatis mutandis għall-eċċezzjoni ta’ riproduzzjoni fuq il-karta jew mezz ieħor simili, fil-prinċipju, huwa l-obbligu tal-persuna li twettaq tali riproduzzjoni li tiffinanzja l-kumpens li għandu jingħata lid-detenturi ta’ drittijiet. Madankollu, l-Istati Membri huma liberi, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi, li jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, ħlas minn persuni li jkollhom it-tagħmir li bih tkun saret din ir-riproduzzjoni.

78      Fil-każ li r-riproduzzjonijiet inkwistjoni jkunu effettwati permezz ta’ proċess uniku, bl-għajnuna ta’ sensiela ta’ apparati, l-Istati Membri jistgħu wkoll imorru lura għal stadji preċedenti, għal dak tal-ikkuppjar u jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, sistema fejn il-kumpens ġust ikun imħallas mill-persuni li jkollhom apparat li jagħmel parti minn din is-sensiela ta’ apparati li jikkontribwixxi għal dan il-proċess b’mod mhux awtonomu sa fejn dawn il-persuni jkollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ħlas fuq il-klijenti tagħhom. Madankollu, l-ammont globali tal-kumpens ġust dovut inkambju tal-preġudizzju subit mid-detenturi ta’ drittijiet wara tali proċess uniku, ma għandux ikun essenzjalment differenti minn dak iffissat għar-riproduzzjoni miksuba permezz ta’ apparat wieħed.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt fundamentali tal-partijiet ikkonċernati kollha għal ugwaljanza fit-trattament huwa rrispettat.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effettiˮ, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora r-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers u ta’ kompjuter personali, fil-każ fejn dawn l-apparati jintużaw flimkien. F’tali ipoteżi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema fejn il-kumpens ġust jitħallas mill-persuni li jkollhom apparat li, b’mod awtonomu, jikkontribwixxi għall-proċess uniku ta’ riproduzzjoni tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor protett fuq mezz partikolari, sa fejn dawn il-persuni jkollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ħlas fuq il-klijenti tagħhom, bil-kundizzjoni li l-ammont globali tal-kumpens ġust dovut inkambju tal-preġudizzju subit mill-awtur wara tali proċess uniku ma għandux ikun essenzjalment differenti minn dak iffissat għar-riproduzzjoni miksuba permezz ta’ apparat wieħed.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Għal dak li jirrigwarda l-perijodu bejn it-22 ta’ Ġunju 2001, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u t-22 ta’ Diċembru 2002, id-data meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-atti ta’ użu ta’ xogħlijiet u ta’ materjal ieħor protett ma humiex affettwati mill-imsemmija direttiva.

2)      Fil-kuntest ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29, kwalunkwe att potenzjali li permezz tiegħu detentur tad-drittijiet ikun awtorizza r-riproduzzjoni ta’ xogħlu jew ta’ materjal ieħor protett ma għandu ebda impatt fuq il-kumpens ġust, kemm jekk dan ikun previst fuq bażi obbligatorja u kemm jekk fakultattiva, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva.

3)      Il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, ma tistax trendi inapplikabbli l-kundizzjoni relatata mal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

4)      Il-kunċett ta’ “riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effettiˮ, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora r-riproduzzjonijiet miksuba permezz ta’ printers u ta’ kompjuter personali, fil-każ fejn dawn l-apparati jintużaw flimkien. F’tali ipoteżi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema fejn il-kumpens ġust jitħallas mill-persuni li jkollhom apparat li, b’mod awtonomu, jikkontribwixxi għall-proċess uniku ta’ riproduzzjoni tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor protett fuq mezz partikolari, sa fejn dawn il-persuni jkollhom il-possibbiltà li jgħaddu l-ħlas fuq il-klijenti tagħhom, bil-kundizzjoni li l-ammont globali tal-kumpens ġust dovut inkambju tal-preġudizzju subit mill-awtur wara tali proċess uniku ma għandux ikun essenzjalment differenti minn dak iffissat għar-riproduzzjoni miksuba permezz ta’ apparat wieħed.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.