Language of document : ECLI:EU:C:2009:66

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Frar 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 28 KE – Kunċett ta’ ‘miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni’ – Ċiklomuturi, muturi, triċikli u kwadriċikli pprojbiti milli jirmunkaw karru fit-territorju ta’ Stat Membru – Sigurtà fit-triq – Aċċess għas-suq – Ostakolu – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑110/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u F. Amato, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger, u mbagħad Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali, u mbagħad M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2006,

wara li rat id-digriet li fetaħ mill-ġdid il-proċedura orali tas-7 ta’ Marzu 2007 u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentanti:

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Recchia u F. Amato, bħala aġenti,

–        għar-Repubblika Taljana, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–        għar-Repubblika Ċeka, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għar-Renju tad-Danimarka, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

–        għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għar-Repubblika Ellenika, minn N. Dafniou, bħala aġent,

–        għar-Repubblika Franċiża, minn G. de Bergues u R. Loosli, bħala aġenti,

–        għar-Repubblika ta’ Ċipru, minn K. Lykourgos u A. Pantazi-Lamprou, bħala aġenti,

–        għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għar-Renju tal-Isvezja, minn A. Kruse, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprojbiet liċ-ċiklomuturi, lill-muturi, lit-triċikli u lill-kwadriċikli (“motoveicoli”, iktar ’il quddiem il-“muturi”) milli jirmunkaw karru, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE, tat-30 ta’ Ġunju 1992, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta (ĠU L 225, p. 72), kienet tistabbilixxi d-definizzjonijiet uniformi kif ukoll il-proċedura għall-approvazzjoni Komunitarja għal ċerti tipi ta’ vetturi koperti minn din id-direttiva jew għal ċerti komponenti ta’ dawn il-vetturi. L-Artikolu 1(1) u (2) tagħha kien ifformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal kull vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, kemm jekk b’rota doppja jew le, li tkun intenzjonata sabiex tintuża fit-triq, kif ukoll għall-komponenti u l-unitajiet tekniċi tagħha.

[…]

2.      Il-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 jaqgħu f’dawn il-kategoriji:

–        ċiklomuturi, jiġifieri l-vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta mgħammra b’magna b’kapaċità ċilindrika ta’ mhux iktar minn 50 ċentimetru kubu jekk tkun taħdem b’kombustjoni interna u b’veloċità massima mill-fabbrika ta’ mhux iktar minn 45 kilometru fis-siegħa,

–        muturi, jiġifieri l-vetturi b’żewġ roti, b’side-car jew mingħajrha, mgħammra b’magna b’kapaċità ċilindrika ta’ iktar minn 50 ċentimetru kubu jekk tkun taħdem b’kombustjoni interna u/jew b’veloċità massima mill-fabbrika ta’ iktar minn 45 kilometru fis-siegħa,

–        triċikli, jiġifieri l-vetturi bi tliet roti simetriċi mgħammra b’magna b’kapaċità ċilindrika ta’ iktar minn 50 ċentimetru kubu jekk tkun taħdem b’kombustjoni interna u/jew b’veloċità massima mill-fabbrika ta’ iktar minn 45 kilometru fis-siegħa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        Mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/61 jirriżulta li din id-direttiva kienet tapplika wkoll għall-vetturi bil-mutur b’erba’ roti, jiġifieri l-“kwadriċikli”, li kienu kkunsidrati, skont il-karatteristiċi tekniċi tagħhom, jew bħala ċiklomuturi jew bħala triċikli.

4        Id-Direttiva tal-Kunsill 93/93/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar il-massa u dimensjonijiet ta’ vetturi b’żewġ jew bi tliet roti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 94 - 200), li l-għan tagħha huwa li tarmonizza r-rekwiżiti tekniċi imperattivi sabiex ikunu jistgħu jiġu implementati l-proċeduri għall-approvazzjoni li huma s-suġġett tad-Direttiva 92/61, tipprovdi, fis-sitt premessa tagħha:

“[b]illi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jobbligaw dawk l-Istati Membri li ma jippermettux vetturi b’żewġ roti fit-territorju tagħhom li jġorru karrijiet li jemendaw ir-regoli tagħhom”.

5        Id-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ vetturi ta’ żewġ jew tl[ie]t roti b’mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 34 - 487), għandha l-għan li tarmonizza wkoll ċerti rekwiżiti tekniċi tal-vetturi msemmija, fosthom ir-rekwiżiti dwar l-apparat għall-irmunkar u l-apparat aċċessorju. Il-premessa 12 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“[b]illi […] l-għan tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva ma għandux ikun li jobbliga lil dawk l-Istati Membri li ma jippermettux l-irmonk ta’ trejlers minn vetturi ta’ żewġ jew tl[ie]t roti b’mutur fit-territiorju taghhom, sabiex jemendaw ir-regoli tagħhom”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Fl-Italja, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 285, tat-30 ta’ April 1992 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 114, tat-18 ta’ Mejju 1992, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi għat-traffiku fit-triq”), jiddefinixxi, fl-Artikolu 53 tiegħu, il-muturi bħala vetturi b’magna b’żewġ, bi tliet jew b’erba’ roti. Huma biss il-vetturi b’erba’ roti li jissejħu “kwadriċikli bil-mutur”.

7        Skont l-Artikolu 54 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, huma kkunsidrati bħala vetturi bil-mutur (“autoveicoli”) il-vetturi b’magna li jkollhom mill-inqas erba’ roti, bl-esklużjoni tal-vetturi ddefiniti fl-Artikolu 53 tal-istess kodiċi.

8        Skont l-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, il-vetturi bil-mutur, it-trolleybus (vetturi b’magna tal-elettriku li ma jiċċirkulawx fuq binarji u li jkollhom kuntatt ma’ kejbil sospiż fl-arja li jipprovdilhom il-kurrent elettriku meħtieġ) u t-trakters bil-mutur (vetturi b’magna bi tliet roti intiżi sabiex jirmunkaw trejlers) biss huma awtorizzati jirmunkaw karru.

 Il-proċedura prekontenzjuża

9        Wara lment imressaq minn individwu kontra r-Repubblika Taljana u wara investigazzjoni informali mill-Kummissjoni, din tal-aħħar bagħtet, fit-3 ta’ April 2003, ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fejn sostniet li l-projbizzjoni għall-muturi milli jirmunkaw karru kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 28 KE.

10      F’ittra tat-13 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Taljana wieġbet lill-Kummissjoni li hija kienet qiegħda timpenja ruħha li tagħmel l-emendi neċessarji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex telimina l-ostakolu għall-importazzjonijiet invokat fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.

11      Peress li ma rċeviet ebda komunikazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2003, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fejn stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

12      Peress li ma rċeviet ebda tweġiba għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat il-kawża lit-Tielet Awla. Peress li l-partijiet ma talbux li jinstemgħu l-osservazzjonijiet orali tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaddi għas-sentenza mingħajr ma tinżamm seduta għat-trattazzjoni. L-Avukat Ġenerali Léger ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2006, li għalqet il-proċedura orali.

14      B’applikazzjoni tal-Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tielet Awla ddeċidiet, fid-9 ta’ Novembru 2006, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti b’numru ikbar ta’ Mħallfin.

15      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Marzu 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u ddeċidiet li kellha tinżamm seduta. Il-partijiet fil-kawża u, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri l-oħra minbarra r-Repubblika Taljana, ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ sa fejn u b’liema kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu ta’ prodott, u mhux il-karatteristiċi tiegħu, u li japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE.

 Fuq ir-rikors

 L-osservazzjonijiet ippreżentati dwar id-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja

16      Il-partijiet fil-kawża, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija domanda.

17      Skont il-Kummissjoni, jistgħu jiġu identifikati żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ prodott, jiġifieri, minn naħa, dawk li jissuġġettaw l-użu ta’ dan il-prodott għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet partikolari għalih jew jillimitaw dan l-użu fl-ispazju jew fiż-żmien u, min-naħa l-oħra, dawk li jipprevedu projbizzjonijiet assoluti jew kważi assoluti fir-rigward tal-użu ta’ dan il-prodott.

18      Il-Kummissjoni tipproponi li għall-ewwel kategorija ta’ dispożizzjonijiet jiġu applikati l-kriterji stabbiliti fil-punt 5 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837), u li jsir eżami każ b’każ. Fir-rigward tat-tieni kategorija ta’ dispożizzjonijiet, sa fejn jimponu projbizzjoni assoluta fir-rigward tal-użu ta’ prodott partikolari jew projbizzjoni li tippermetti biss użu marġinali u eċċezzjonali ta’ dan il-prodott, dawn jikkostitwixxu, mid-definizzjoni tagħhom, miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE. Skont il-Kummissjoni, la huwa opportun u lanqas ma huwa meħtieġ li l-kriterji elenkati fil-punti 16 u 17 tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097) jiġu estiżi għall-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott u li tinħoloq, b’hekk, kategorija addizzjonali ta’ miżuri li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

19      Ir-Repubblika Taljana ssostni li regola dwar l-użu taqa’ taħt l-Artikolu 28 KE biss jekk tipprojbixxi kull tip ta’ użu ta’ prodott jew l-użu waħdieni tiegħu fil-każ ta’ prodott b’użu wieħed. Mill-banda l-oħra, jekk ikun hemm marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-possibbiltajiet li jintuża dan il-prodott, is-sitwazzjoni ma tibqax taqa’ taħt l-Artikolu 28 KE.

20      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li mhuwiex adegwat li jsiru distinzjonijiet riġidi bejn diversi kategoriji ta’ miżuri u li jiġu applikati kriterji ġuridiċi differenti skont il-kategorija tal-miżuri minħabba li l-introduzzjoni ta’ kategorija ta’ miżuri kompletament ġdida timplika inevitabbilment diffikultajiet fir-rigward tad-definizzjoni tagħha.

21      Dan l-Istat Membru josserva, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-kriterji introdotti bis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ bejgħ tal-prodotti ma għandhomx jiġu estiżi għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-prodotti minħabba l-fatt li, minn naħa, l-applikazzjoni tagħhom fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mingħajr diffikultajiet u li, min-naħa l-oħra, dawn il-kriterji ma kinux verament meħtieġa. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li ġew iddikjarati bħala dispożizzjonijiet li jirregolaw il-modalitajiet ta’ bejgħ setgħu ġew difiżi mill-awtoritajiet nazzjonali anki fin-nuqqas tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmija sentenza.

22      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Renju tal-Isvezja jqisu, mill-banda l-oħra, li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għandhom japplikaw, b’analoġija, għal dispożizzjoni nazzjonali li tillimita jew tipprojbixxi ċerti modalitajiet ta’ użu ta’ prodott. Għalhekk, huma jipproponu li jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni nazzjonali ma taqax taħt l-Artikolu 28 KE sakemm ma tkunx marbuta mal-prodott, sakemm tapplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u sakemm tolqot bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-prodotti nazzjonali u dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

23      Mill-banda l-oħra, dawn l-istess Stati Membri josservaw li deroga minn dawn il-kriterji tkun meħtieġa jekk jintwera li d-dispożizzjonijiet nazzjonali restrittivi jipprojbixxu purament u sempliċiment l-użu ta’ prodott preċiż jew jawtorizzaw biss użu marġinali tiegħu, b’tali mod li jillimitaw l-aċċess tiegħu għas-suq.

24      Skont ir-Renju tad-Danimarka, huwa importanti li jiġi kkonstatat li mhux ir-regoli nazzjonali kollha li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni ta’ individwu jew ta’ impriża fir-rigward ta’ prodott preċiż huma pprojbiti. Fir-rigward tal-kriterju li regola nazzjonali ma tistax tostakola l-aċċess ta’ prodott għas-suq, dan l-Istat Membru jikkunsidra li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-punt li minnu limitazzjoni għall-użu ta’ prodott tista’ tiġi kkunsidrata bħala tant restrittiva li tostakola dan l-aċċess. Fil-fehma tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi sa fejn minn jikkontesta tali regola jkun wera li l-aċċess għas-suq ġie ristrett bl-applikazzjoni tagħha.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott jikkostitwixxu l-wiċċ l-ieħor tal-modalitajiet ta’ bejgħ, fis-sens li numru minn dawn il-modalitajiet ta’ użu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala modalitajiet ta’ bejgħ u bil-maqlub. Skont dan l-Istat Membru, il-prinċipji li ħarġu mis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għandhom japplikaw bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji, jiggarantixxu opportunitajiet ugwali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati fl-Istat Membru li jkun stabbilixxa tali modalitajiet u dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra u sakemm ma jostakolawx totalment jew kważi totalment l-aċċess ta’ dawn il-prodotti għas-suq tal-imsemmi Stat Membru.

26      Ir-Repubblika Ellenika tqis li l-użu ta’ prodott, fih innifsu, mhuwiex ta’ natura tali li jostakola l-kummerċ intra-Komunitarju. Madankollu, jekk dan l-użu jikkostitwixxi element rilevanti inerenti għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott, kwistjoni din li għandha tiġi eżaminata każ b’każ, l-ostakolu għall-użu tiegħu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

27      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott u dawk li jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ bejgħ tiegħu huma komparabbli fir-rigward tan-natura u tal-intensità tal-impatt tagħhom fuq il-kummerċ intra-Komunitarju sa fejn, bħala prinċipju, huwa biss wara l-importazzjoni ta’ dan il-prodott li dawn il-modalitajiet jeżerċitaw l-effetti tagħhom, u dan permezz tal-konsumatur. Għalhekk, għandhom jiġu applikati l-istess kriterji għal dawn iż-żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet.

28      Ir-Repubblika ta’ Ċipru, minkejja li tesprimi l-istess riżervi bħall-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ natura essenzjalment ekonomika, issostni li, jekk il-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ma tkunx estiża għall-miżuri li jirregolaw l-użu ta’ prodott, kull miżura ta’ użu tista’ tiġi kkunsidrata bħala projbizzjoni skont ir-regola stabbilita fis-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq. Skont dan l-Istat Membru, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffoka fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ta’ natura li tipprojbixxi kompletament jew parzjalment l-aċċess ta’ merkanzija għas-suq nazzjonali.

29      Ir-Renju tal-Isvezja jqis li hija biss miżura nazzjonali li tipprojbixxi forma ta’ użu ta’ prodott li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, jekk din il-miżura tiġi applikata b’mod li, fil-prattika, tostakola l-aċċess għas-suq ta’ dan il-prodott.

30      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-ewwel eżami tal-miżuri nazzjonali għandu jsir fid-dawl tal-kwistjoni jekk l-effetti tagħhom fuq il-moviment liberu tal-merkanzija humiex aleatorji u indiretti żżejjed. Fi kliem ieħor, għandu jiġi analizzat jekk teżistix rabta kawżali bejn dawn il-miżuri u l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Numru kbir ta’ regoli dwar l-użu ta’ prodott jistgħu jibbenefikaw minn dan l-ewwel kriterju li jaqdi l-funzjoni ta’ filtru li permezz tiegħu dawn ir-regoli jevitaw milli jaqgħu fil-portata tal-Artikolu 28 KE.

31      Fir-rigward tal-estensjoni tal-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għall-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott, dan l-Istat Membru jinvoka argumenti favur u kontra tali estensjoni. Skont l-argumenti tal-ewwel, l-imsemmi approċċ jippermetti, l-ewwel nett, li r-regoli kollha intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi li mhumiex ta’ natura ekonomika jevitaw milli jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE. It-tieni nett, tali approċċ isegwi l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u jippermetti lill-qorti nazzjonali tagħmel applikazzjoni raġonevolment astratta li żżid iċ-ċertezza legali u tiffavorixxi l-koerenza fil-ġurisprudenza. Fl-aħħar nett, dan l-approċċ jantiċipa użu abbużiv tal-eċċezzjoni li tikkostitwixxi l-ġurisprudenza li segwiet l-imsemmija sentenza Keck u Mithouard fil-każ ta’ regoli li jwasslu għall-projbizzjoni tal-użu ta’ prodott jew għall-awtorizzazzjoni ta’ dan l-użu b’mod marġinali biss.

32      Fir-rigward tal-argumenti li jimmilitaw kontra l-estensjoni tal-imsemmija ġurisprudenza għall-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott, l-istess Stat Membru jqis, l-ewwel nett, li huwa diffiċli li jiġu stabbiliti limiti ċari fir-rigward tal-kategorija tal-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott. Huwa jqis, it-tieni nett, li kategorija ġdida ta’ eċċezzjonijiet tista’ toħloq konfużjoni għall-qorti nazzjonali peress li l-kriterji li japplikaw ivarjaw skont il-kategorija li fiha taqa’ dispożizzjoni partikolari. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li fost il-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott dejjem ikun hemm eċċezzjonijiet, jiġifieri l-każijiet fejn miżura tissodisfa l-kriterji ta’ eċċezzjoni minkejja li jkollha effetti serji fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

 Osservazzjonijiet preliminari

33      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 28 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5).

34      Minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 28 KE jirrifletti l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra, kif ukoll l-obbligu li jiġi żgurat aċċess liberu għas-swieq nazzjonali għall-prodotti Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1983, Sandoz, 174/82, Ġabra p. 2445, punt 26; tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punti 6, 14 u 15, kif ukoll Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17).

35      B’hekk, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni għall-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn hija mmanifatturata u kkummerċjalizzata legalment, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq, punti 6, 14 u 15; tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 8, u kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 67).

36      Mill-banda l-oħra, mhijiex ta’ natura li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, l-applikazzjoni għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, u sakemm jolqtu bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u dik tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip għall-bejgħ tal-prodotti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u li jissodisfaw ir-regoli stabbiliti minn dan l-Istat mhijiex ta’ natura li tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq jew li tagħmel dan l-aċċess iktar diffiċli milli tagħmlu diffiċli għall-prodotti nazzjonali (ara s-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17).

37      Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE l-miżuri meħuda minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, u kif ukoll il-miżuri msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. Taqa’ wkoll taħt dan il-kunċett kull miżura li tostakola l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru għall-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

38      Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 33 sa 37 ta’ din is-sentenza li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq.

 L-argumenti tal-partijiet

39      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq għandha l-effett li tostakola l-użu ta’ karrijiet immanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri li ma jipprovdux għal tali projbizzjoni u kif ukoll li tostakola l-importazzjoni u l-bejgħ tagħhom fl-Italja.

40      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, din il-projbizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE u tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mat-Trattat KE biss jekk kienet iġġustifikata inkonformità mal-Artikolu 30 KEW jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ma invokatx ġustifikazzjoni u lanqas raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali matul il-proċedura prekontenzjuża. Għall-kuntrarju, dan l-Istat Membru ammetta l-eżistenza ta’ din il-projbizzjoni u tal-ostakolu għall-importazzjonijiet li kienet tirriżulta minnha u impenja ruħu li jeliminaha.

41      Ir-Repubblika Taljana tosserva, fir-rigward tal-allegat ostakolu għall-importazzjoni, li l-ksur li biha hija akkużata jikkonċerna l-projbizzjoni għall-muturi rreġistrati fl-Italja milli jirmunkaw karru u mhux ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ tali vettura jew ta’ karru mmanifatturati fi Stat Membru ieħor u intenzjonati sabiex jiġi kkummerċjalizzati fit-territorju Taljan. Hija tqis li l-Kummissjoni qiegħda tonqos milli tagħmel distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet legali ta’ ċirkulazzjoni fit-territorju Taljan ta’ vettura speċifikament approvata fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz u l-kummerċjalizzazzjoni tal-istess vettura fl-Italja.

42      Dan l-Istat Membru jsostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata. L-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq jikkostitwixxi modalità ta’ eżerċizzju tas-setgħa derogatorja espressament rikonoxxuta lill-Istati Membri fis-sitt premessa tad-Direttiva 93/93. Sakemm ma jkunx hemm armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju tar-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-approvazzjoni tal-karrijiet u tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom fit-toroq, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-karrijiet jibqa’ setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri.

43      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-premessi ta’ direttiva mhumiex ta’ natura vinkolanti u li s-sitt premessa tad-Direttiva 93/93 la għandha l-għan u lanqas l-effett li tiddikjara kompatibbli mad-dritt Komunitarju dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq. Din il-premessa tal-aħħar tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/93 billi teskludi minn dan il-kamp il-leġiżlazzjoni dwar il-karrijiet għall-vetturi b’żewġ roti, mingħajr ma tiddikjara jekk eventwali projbizzjoni tkunx kompatibbli jew le mar-regoli tat-Trattat. Hija tfakkar ukoll il-prinċipju tas-supremazija tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq id-dritt derivat, prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi drabi.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li n-nuqqas ta’ regoli armonizzati f’ebda każ ma jista’ jiġġustifika l-ksur ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat.

45      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ użu ta’ muturi u ta’ karrijiet, li jistgħu jintużaw separatament, dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma s-suġġett ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE.

46      Barra minn hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni għandha konsegwenzi biss fir-rigward tal-prodott bħala tali, irrispettivament mill-post tal-produzzjoni tiegħu u miċ-ċittadinanza tal-manifattur, u għalhekk mhijiex miżura ta’ protezzjoni għall-prodotti Taljani u lanqas ma hija leġiżlazzjoni diskriminatorja fil-konfront tal-prodotti mmanifatturati fl-Istati Membri l-oħra. Fl-Italja, ebda mutur ma jista’ jiġi approvat sabiex jirmunka karru u ebda karru ma jista’ jiġi approvat sabiex jiġi rmunkat minn mutur. Sa fejn il-projbizzjoni li dawn il-vetturi u dawn il-karrijiet jintużaw flimkien għandha l-konsegwenza li l-impriżi Taljani ma għandhom ebda interess li jimmanifatturaw muturi mgħammra b’apparat li permezz tiegħu jkunu jistgħu jirmunkaw karru jew li jimmanifatturaw karrijiet intenzjonati esklużivament sabiex jiġu rmunkati minn tali vetturi, l-effett ta’ din il-projbizzjoni huwa li teskludi mis-suq Taljan il-prodotti li għandhom dawn il-karatteristiċi.

47      Ir-Repubblika Taljana tinvoka l-Konvenzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, konkluża fi Vjenna fit-8 ta’ Novembru 1968, li tipprovdi, fil-punt 3(a) tal-Anness I tagħha, li “[i]l-Partijiet Kontraenti jistgħu ma jaċċettawx fil-kuntest ta’ ċirkolazzjoni internazzjonali fit-territorju tagħhom il-kategoriji ta’ vetturi segwenti, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tipprojbixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ tali kategoriji ta’ vetturi: […] Muturi bil-karru”. Hija tippreċiża, madankollu, li hija ma għamlitx użu minn din il-possibbilta u li l-muturi li huma rreġistrati fi Stati Membri oħra jistgħu jirmunkaw karru fit-territorju Taljan peress li huma kkunsidrati bħala li huma f’ċirkolazzjoni internazzjonali fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni.

48      Ir-Repubblika Taljana tirreferi wkoll għall-premessa 12 tad-Direttiva 97/24 li, essenzjalment, għandha l-istess kontenut bħas-sitt premessa tad-Direttiva 93/93. Hija tenfasizza li r-riżerva mogħtija lill-Istati Membri f’dawn il-premessi tikkorrispondi għall-fatt li, minħabba l-aspett ġeografiku differenti tat-territorji nazzjonali, il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi huma importanti mill-aspett tas-sigurtà taċ-ċirkolazzjoni. Skont dan l-Istat Membru, fin-nuqqas ta’ normi ta’ approvazzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ prodotti użati flimkien (il-vettura li tirmunka u l-karru), il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa għaċ-ċirkolazzjoni huma neqsin.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi speċifikat li, minkejja li l-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq jikkonċerna l-projbizzjoni li jintużaw flimkien, fit-territorju Taljan, mutur u karru, din id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata b’mod partikolari mill-aspett tar-restrizzjoni li hija tista’ tikkostitwixxi fuq il-moviment liberu tal-karrijiet. Fil-fatt, għalkemm huwa paċifiku li l-muturi jistgħu jintużaw faċilment mingħajr karru, xorta jibqa’ l-fatt li karru ftit li xejn ikun utli mingħajr vettura bil-mutur li tkun tista’ tirmunkah.

50      Huwa paċifiku li l-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq japplika mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-oriġini tal-karrijiet.

51      Il-Kummissjoni ma speċifikatx jekk ir-rikors tagħha jikkonċernax biss il-karrijiet li huma ddisinjati speċjalment għall-muturi jew jekk jikkonċernax kull tip ieħor ta’ karrijiet. Għalhekk, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi eżaminat billi ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ karrijiet.

52      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-karrijiet li mhumiex iddisinjati speċjalment għall-muturi iżda li huma intiżi sabiex jiġu rmunkati minn vetturi bil-muturi jew vetturi oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq tostakola l-aċċess għas-suq għall-karrijiet ta’ dan it-tip.

53      Ir-rikors tal-Kummissjoni għalhekk għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-karrijiet li mhumiex iddisinjati speċjalment sabiex jiġu rmunkati minn muturi u li huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana.

54      Jifdal li jiġi eżaminat, it-tieni nett, in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-karrijiet li huma ddisinjati speċjalment sabiex jiġu rmunkati minn muturi u li huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana.

55      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma tkun kontradetta fuq dan il-punt mir-Repubblika Taljana, li, fil-każ tal-karrijiet iddisinjati speċjalment għall-muturi, il-possibbiltajiet li dawn il-karrijiet jintużaw b’xi mod ieħor għajr milli mal-muturi huma marġinali. Fil-fehma tagħha, minkejja li mhuwiex eskluż li dawn jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jiġu rmunkai minn vetturi oħra, b’mod partikolari minn vetturi bil-mutur, tali użu mhuwiex adegwat u jibqa’ mill-inqas insinjifikattiv, jekk mhux ukoll ipotetiku.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li projbizzjoni ta’ użu ta’ prodott fit-territorju ta’ Stat Membru għandha impatt kunsiderevoli fuq l-aġir tal-konsumaturi li, min-naħa tiegħu, għandu impatt fuq l-aċċess ta’ dan il-prodott għas-suq ta’ dan l-Istat Membru.

57      Fil-fatt, il-konsumaturi, peress li jafu li huwa pprojbit li jużaw il-mutur tagħhom ma’ karru ddisinjat speċjalment għalih, ma għandhom prattikament ebda interess li jixtru tali karru (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-projbizzjoni li jitwaħħal film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ quddiem ta’ vetturi bil-mutur, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-265/06, Ġabra p.I-2245, punt 33). B’hekk, l-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq jipprekludi l-eżistenza ta’ domanda fis-suq inkwistjoni għal tali karrijiet, b’tali mod li jostakola l-importazzjoni tagħhom.

58      Minn dan isegwi li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, sa fejn għandha l-effett li tostakola l-aċċess għas-suq Taljan għall-karrijiet iddisinjati speċjalment għall-muturi u li huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra minbarra fir-Repubblika Taljana, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni pprojbita mill-Artikolu 28 KE, sakemm ma tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.

59      Tali projbizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn rekwiżiti imperattivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-420/01, Ġabra p. I-6445, punt 29, u tal-5 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-270/02, Ġabra p. I-1559, punt 21). Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-54/05, Ġabra p. I-2473, punt 38, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-297/05, Ġabra p. I-7467, punt 75).

60      F’dan il-każ, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Taljana tikkonċerna l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq, ħtieġa li skont il-ġurisprudenza tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Schaik, C-55/93, Ġabra p. I-4837, punt 19; tat-12 ta’ Ottubru 2000, Snellers, C-314/98, Ġabra p. I-8633, punt 55; is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, punt 40; Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 77; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 38, u s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-170/07, Ġabra p.I-87, punt 49).

61      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell sa fejn jixtiequ jiżguraw is-sigurtà fit-triq fit-territorju tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 50/83, Ġabra p. 1633, punt 12, u, b’analoġija, tat-13 ta’ Lulju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-131/93, Ġabra p. I-3303, punt 16).

62      Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 76; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 39, u s-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-286/07, Ġabra p.I-63, punt 37).

63      Fir-rigward, minn naħa, tan-natura adegwata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, ir-Repubblika Taljana ssostni li hija kienet introduċiet din il-miżura minħabba li ma jeżistux, la fuq il-livell Komunitarju u lanqas fuq il-livell nazzjonali, regoli ta’ approvazzjoni li jippermettu li tiġi żgurata n-natura mhux perikoluża tal-użu ta’ mutur ma’ karru. Fin-nuqqas ta’ tali projbizzjoni, iċ-ċirkolazzjoni ta’ mutur flimkien ma’ karru li ma jkunux approvati tista’ tkun perikoluża kemm għas-sewwieq ta’ din il-vettura u kemm għall-vetturi l-oħra fiċ-ċirkolazzjoni peress li l-użu ta’ karru flimkien ma’ mutur jaffettwa l-istabbiltà u kif ukoll il-brejkijiet tagħhom.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija projbizzjoni hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà fit-triq.

65      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni tan-natura meħtieġa tal-imsemmija projbizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, fil-qasam tas-sigurtà fit-triq, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell sa fejn jixtieq jiżgura din is-sigurtà u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, għandu jiġi rikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u, għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk stabbiliti minn Stat Membru ieħor ma jistax ifisser li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-262/02, Ġabra p. I-6569, punt 37, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p.I-6935, punt 51).

66      F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ssostni, mingħajr ma tkun kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li ċ-ċirkulazzjoni ta’ mutur flimkien ma’ karru tippreżenta periklu għas-sigurtà fit-triq. Issa, għalkemm huwa minnu li huwa l-Istat Membru li jinvoka rekwiżit imperattiv sabiex jiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija li għandu juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija adegwata u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq, dan l-oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex dan l-Istat Membru jintalab juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq dan il-għan fl-istess kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-157/94, Ġabra p. I-5699, punt 58).

67      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm f’dan il-każ mhuwiex eskluż li miżuri oħra minbarra l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 56 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq jistgħu jiżguraw ċertu livell ta’ sigurtà fit-triq għaċ-ċirkolazzjoni ta’ mutur flimkien ma’ karru, bħal dawk imsemmija fil-punt 170 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jilħqu għan, bħalma huwa s-sigurtà fit-triq, billi jintroduċu regoli ġenerali u sempliċi li jistgħu jinftiehmu u jiġu applikati b’mod faċli mis-sewwieqa u li jistgħu anki jiġu amministrati u kkontrollati b’mod faċli mill-awtoritajiet kompetenti.

68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li la abbażi tal-formulazzjoni tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq u lanqas abbażi dik tal-premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24, invokati mir-Repubblika Taljana, ma jista’ jitqies li s-sigurtà fit-triq tista’ tiġi żgurata fl-istess livell bħal dak mixtieq mir-Repubblika Taljana bi projbizzjoni parzjali taċ-ċirkolazzjoni ta’ mutur u karru flimkien jew b’awtorizazzjoni taċ-ċirkolazzjoni li l-ħruġ tagħha jkun suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

69      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni li l-muturi jirmunkaw karru ddisinjat speċjalment għalihom u mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra minbarra fir-Repubblika Taljana għandha tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà fit-triq.

70      Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.