Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ottubru 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-485/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u M. Konstantinidis)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex timplementa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni E(2008) 3118, tat-2 ta' Lulju 2008 (kif rettifikata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummisjoni tat-13 ta' Awwissu 2008), dwar għajnuna li hija tat lill-impriża Ellinika Nafpigeia AE, jew, fi kwalunkwe każ, billi ma informatx b'mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 19 tad-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 18 tal-imsemmija deċiżjoni, u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors tal-Kummissjoni għandu bħala s-suġġett tiegħu l-implementazzjoni mir-Repubblika Ellenika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna illegali mill-Istat li ġiet mogħtija lill-impriża Ellinika Nafpigeia AE u li għandha tiġi rkuprata mid-dipartiment mhux militari ta' dik l-impriża.

Il-Kummissjoni tosserva li l-Greċja kellha tiżgura l-implementazzjoni tad-deċiżjoni f'terminu ta' erba' xhur li jibda jiddekorri min-notifika tagħha. Id-deċiżjoni ġiet innotifikata fit-13 ta' Awwissu 2008 u l-Kummissjoni ma tat l-ebda proroga tat-terminu previst għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni. Konsegwentement, it-terminu stabbilit għall-Greċja sabiex tikkonforma ruħha, minn perspettiva formali, mad-deċiżjoni skada fit-13 ta' Diċembru 2008.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-uniku motiv ta' ġustifikazzjoni li jista' jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq l-impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni.

Madankollu, f'dan il-każ, l-awtoritajiet Elleniċi qatt ma invokaw l-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà assoluta tal-implementazzjoni. Kuntrarjament, huma, qabel kollox esprimew l-volontà tagħhom li jimplementaw id-deċiżjoni mill-iktar fis possibbli. Il-Kummissjoni madankollu tinnota li meta hija ppreżentat dan ir-rikors, l-awtoritajiet Elleniċi kienu għadhom ma ħadu l-ebda miżura sabiex jimplementaw, anki parzjalment, id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni tqis li l-Greċja ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex timplementa d-deċiżjoni kemm skont is-soluzzjoni li kienet is-suġġett ta' skambju ta' opinjonijiet bejn is-servizzi tagħha u l-awtoritajiet Elleniċi kompetenti, jew inkella bi kwalunkwe mod adegwat ieħor.

____________