Language of document : ECLI:EU:C:2010:822

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Århus –Direttiva 2003/4/KE – Aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra –Regolament (KE) Nru 2216/2004 – Sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri – Aċċess għal data dwar tranżazzjonijiet fil-qasam tal-kwoti ta’ esmissjonijiet ta’ gassijiet serra – Rifjut ta’ komunikazzjoni – Amministratur Ċentrali – Amministraturi ta’ reġistri nazzjonali – Natura kunfidenzjali tad-data miżmuma fir-reġistri – Derogi”

Fil-Kawża C‑524/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal administratif de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Ville de Lyon

vs

Caisse des dépôts et consignations,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Ville de Lyon, minn C. Enckell, avukat,

–        għall-Caisse des dépôts u consignations, minn T. Garancher u L. Deruy, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. De Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u E. White, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, fil-kuntest tas-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”) tar-regoli ddettaljati dwar l-aċċess għat-tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet fil-qasam ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra miżmuma mill-amministratur tar-reġistru nazzjonali, kif definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva  2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319M , p. 1), u dan flimkien mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, p. 26).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ville de Lyon u l-Caisse des dépôts et consignations (iktar ’il quddiem is-“CDC”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jittrażmetti lil din l-awtorità lokali data dwar il-volumi ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mibjugħa matul is-sena 2005 minn ċerti operaturi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, imsejħa il-“Konvenzjoni ta Århus”, ġiet iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).

4        L-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li:

“Talba għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi rrifjutata fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

[…]

d)      is-sigriet kummerċjali u industrijali meta dan is-sigriet huwa protett bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, it-tagħrif fuq l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandu jiġi żvelat;

[…]

f)      in-natura kunfidenzjali tad-data u/jew tal-fajls personali li jikkonċernaw persuna fiżika jekk din il-persuna ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-iżvelar ta’ dan it-tagħrif lill-pubbliku, meta n-natura kunfidenzjali ta’ dan it-tip ta’ tagħrif hija prevista fid-dritt intern;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk dan it-tagħrif ikunx jirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/4

5        L-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2003/4, intitolat “Id-definizzjonijiet” jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

(a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturli […];

(b)      il-fatturi, bħalma juma […] l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

(ċ)      il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il-leġislazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew x’aktarx li jaffettwaw l-elementi u l-fatturi riferiti fil-(a) u fil-(b) kif ukoll il-miżuri jew l-attivitajiet iddisinjati għalbiex jipproteġu dawn l-elementi”.

6        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, “[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) jipprovdi li “[j]ekk talba tiġi fformolata f’manjiera ġenerali ħafna, l-awtorità pubblika għandha, malajr kemm jista’ jkun u l-iktar tard fil-kwadru taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2(a), titlob lill-aplikant sabiex jispeċifika t-talba u għandha tgħin lill-applikant għalbiex jagħmel dan, p.e. billi tipprovdi tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi riferiti fil-paragrafu 5(ċ) […]”.

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva intitolat “Eċċezzjonijiet” fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[…]

d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[…]”

 Id-Direttiva 2003/87

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li din għandha l-għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni Ewropea sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet serra, b’mod partikolari tad-dijossidu tal-karbonju, b’mod effettiv rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika.

9        Għaldaqstant, din id-direttiva tfittex li timplimenta l-obbligi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li għandha l-Unjoni taħt il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima. Dan il-protokoll ġie approvat f’isem il-Komunità mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi l-ewwel perijodu ta’ allokazzjonijiet u ta’ ħruġ tal-kwoti mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007, imbagħad perijodi ta’ allokazzjonijiet ta’ ħames snin sussegwenti li l-ewwel perijodu minnhom jibda fl-1 ta’ Jannar 2008.

11      Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jallokaw, abbażi ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, kwoti lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet matul dawn il-perijodi ta’ allokazzjonijiet huma ppreċiżati fl-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 12(3) u 14(3) tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, minn naħa, li l-iktar tard sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti li jikkorrispondi għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena ta’ qabel, kif ivverifikati skont l-Artikolu 15, u sabiex dawn il-kwoti jiġu sussegwentement ikkanċellati u, min-naħa l-oħra, li kull operatur ta’ stallazzjoni jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena lill-awtorità kompetenti, wara t-tmiem tas-sena kkonċernata.

12      Skont il-premessa 13 tal-istess direttiva, [s]abiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għat-tagħrif li jkollu x’jaqsam mal-allokazzjonijiet tal-kwoti u għar-riżultati tal-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet, bla ħsara biss għar-restrizzjonijiet ipprovduti fid-Direttiva 2003/4 […]”.

13      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/87 intitolat “L-aċċess għat-tagħrif” jipprovdi li:

“Id-Deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti, l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ proġetti fejn Stat Membru jipparteċipa jew jawtorizza lill-entitajiet privati jew pubbliċi biex jipparteċipaw, u r-rapporti dwar l-emissjonijiet meħtieġa fil-permess dwar l-emissjoni ta' gass serra u li jinżamm mill-awtorità kompetenti, għandhom ikunu aċċessibbli lill-pubbliku skond id-Direttiva 2003/4/KE.”

14      L-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi, min-naħa, li kull persuna jista’ jkollha kwoti u, min-naħa l-oħra, li r-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jkun fih kontijiet separati sabiex jirreġistra l-kwoti miżmuma minn kull wieħed mill-persuni li lilhom jew minn għandhom joħorġu jew jiġu ttrasferiti l-kwoti.

15      Skont l-Artikolu 19(3) tal-imsemmija direttiva, “[s]abiex timplimenta din id-direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) għal sistema standardizzata u ggarantita ta’ uffiċji tar-reġistrazzjonijiet [reġistri] fil-għamla ta’ databases elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta’ data sabiex jittraċċjaw il-ħruġ, iż-żamma. it-tramsferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet, sabiex jipprovvdu l-aċċess lill-pubblu u għall-kunfidenzalità kif xieraq u sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli ma’ l-obbliġi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto. [...]”

16      L-Artikolu 20(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tinnomina Amministratur Ċentrali sabiex iżomm reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet li jirreġistra l-ħruġ, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti.

2.      L-Amministratur Ċentrali għandu jikkonduċi kontroll awtomatizzat fuq kull waħda mit-transazzjonijiet fl-uffiċċji tar-reġistrazzjonijiet [reġistru] permezz ta’ reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda irregolarità fil-ħruġ, it-rasferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet.”

 Ir-Regolament Nru 2216/2004

17      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2216/2004, intitolat “Amministraturi tar-reġistri” jipprovdi li:

“1.      Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru amministratur tar-reġistru biex jopera u jżomm ir-reġistru tagħhom skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

[…]

3.      L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iżommu r-responsabbiltà u l-awtorità aħħarija għat-tħaddim u għaż-żamma tar-reġistri tagħhom.

4.      Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma’ l-amministraturi tarreġistri ta’ kull Stat Membru u ma’ l-Amministratur Ċentrali.”

18      Taħt it-Taqsima 1 intitolata “Ir-rapportaġġ u l-kunfidenzjalità” tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2216/2004, dwar il-“Kontenut tar-Reġistri”, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi bit-titolu “Ir-rapportaġġ” li:

“1.      Kull amministratur ta’ reġistru għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni [tagħrif] elenkata fl-Anness XVI fil-frekwenzi u lir-riċeventi stabbiliti fl-Anness XVI b’mod trasparenti u organizzat permezz tas-sit web tar-reġistru tiegħu. L-amministraturi tar-reġistri m’għandhomx joħorġu informazzjoni addizzjonali miżmuma fir-reġistru.

2.      L-Amministratur Ċentrali għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni elenkata fl-Anness XVI fil-frekwenzi u lir-riċeventi stabbiliti fl-Anness XVI b’mod trasparenti u organizzat permezz tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet. L-amministratur Ċentrali m’għandux joħroġ informazzjoni addizzjonali miżmuma fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

3.      Kull sit web għandu jippermetti li r-riċeventi tar-rapporti elenkati fl-Anness XVI jagħmlu mistosijiet dwar dawk ir-rapporti billi jużaw il-faċilitajiet ta’ riċerka.

4.      Kull amministratur ta’ reġistru huwa responsabbli għall-preċiżjoni ta’ l-informazzjoni li toriġina mir-reġistru tiegħu u li tkun disponibbli permezz tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

5.      La r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u lanqas ir-reġistri m’għandhom jeħtieġu li d-detenturi tal-kontijiet jissottomettu informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-kwoti jew ta’ l-unitajiet ta’ Kjoto.”

19      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali u bit-titolu “Il-kunfidenzjalità”, l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 2216/2004, li jinsab fl-istess Taqsima I tal-imsemmi Kapitolu III jipprovdi li:

“1.      L-informazzjoni [tagħrif] kollha, inklużi d-depożiti tal-kontijiet kollha u ttranżazzjonijiet kollha li saru, miżmuma fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, għandha titqies bħala kunfidenzjali għal kwalunkwe skop għajr l-implementazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-liġi nazzjonali.

2.      L-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ma tistax tintuża mingħajr il-kunsens minn qabel tad-detentur tal-kont rilevanti ħlief biex dawk ir-reġistri jitħaddmu u jinżammu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

20      Taħt it-titolu “Il-konnessjoni komunikattiva bejn ir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u l-pubbliku ġenerali, u kull reġistru u l-pubbliku ġenerali” l-punti 5 u 6 tal-Anness XV tar-Regolament Nru 2216/2004 huma fformulati kif ġej:

“5.      Il-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u s-sit web pubbliku ta’ reġistru m’għandhomx jeħtieġu l-awtentikazzjoni ta’ l-utenti tagħhom li jirrappreżentaw lill-pubbliku ġenerali.

6.      Il-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u l-parti pubblika ta’ sit web ta’ reġistru m’għandhomx jippermettu li l-utenti tagħhom li jirrappreżentaw lill-pubbliku ġenerali jkollhom aċċess dirett għad-data mid-database tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet jew għad-database ta’ dak ir-reġistru. Id-data li tkun pubblikament aċċessibbli, skond l-Anness XVI, għandu jkun hemm aċċess għaliha permezz ta’ database separata.”

21      L-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 intitolat “Ir-rekwiżiti tar-rapportaġġ ta’ kull amministratur ta’ reġistru u ta’ l-Amministratur Ċentrali” jinkludi parti relatata mat-“L-informazzjoni pubblikament disponibbli mir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet”, li tipprovdi dan li ġej:

“11.      L-Amministratur Ċentrali għandu juri u jaġġorna l-informazzjoni fil-paragrafu 12 fir-rigward tas-sistema tar-reġistru fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet skond il-ħin magħżul speċifikat.

12.      L-informazzjoni li ġejja għal kull tranżazzjoni kompluta li tkun rilevanti għas-sistema tar-reġistri għas-sena X għandha tintwera mill-15 ta’ Jannar ‘il quddiem tas-sena (X+5):

[…]

(ċ)      isem id-detentur tal-kont tal-kont ta’ trasferiment: id-detentur tal-kont (persuna, operatur, il-Kummissjoni, Stat Membru);

(d)      isem id-detentur tal-kont tal-kont ta’ l-akkwist: id-detentur tal-kont (persuna, operatur, il-Kummissjoni, Stat Membru);

(e)      kwoti jew unitajiet ta’ Kjoto involuti fit-tranżazzjoni skond il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ l-unità li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI;

[…]

(g)      id-data u l-ħin meta tlestiet it-tranżazzjoni […].

[…]”

22      Dan l-anness jinkludi wkoll parti intitolata “L-informazzjoni minn kull reġistru li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-detenturi tal-kontijiet” li jipprovdi:

“13.      Kull amministratur ta’ reġistru għandu juri u jaġġorna l-informazzjoni fil-paragrafu 14 fir-rigward tar-reġistru tiegħu fil-parti sigura tas-sit web ta’ dak ir-reġistru, skond il-ħin magħżul speċifikat.

14.      L-elementi li ġejjin għal kull kont, skond il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ l-unità li jinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI, għandhom jintwerew fuq it-talba tad-detentur tal-kont lil dak id-detentur tal-kont biss:

(a)      id-depożiti kurrenti ta’ kwoti jew ta’ unitajiet ta’ Kjoto;

(b)      lista ta’ tranżazzjonijiet proposti mibdija minn dak id-detentur tal-kont, fejn għal kull tranżazzjoni proposta jintwerew fid-dettall l-elementi fil-paragrafu 12(a) sa (f), id-data u l-ħin meta ġiet proposta t-tranżazzjoni (fil-Ħin Medjan ta’ Greenwich), l-istatus kurrenti ta’ dik it-tranżazzjoni proposta u kwalunkwe kodiċi ta’ rispons irritornat b’konsegwenza tal-verifiki magħmula skond l-Anness IX;

(ċ)      lista ta’ kwoti jew ta’ unitajiet ta’ Kjoto akkwistati minn dak il-kont minħabba tranżazzjonijiet ikkompletati, fejn għal kull tranżazzjoni jintwerew fid-dettall l-elementi fil-paragrafu 12(a) sa (g);

(d)      lista ta’ kwoti jew ta’ unitajiet ta’ Kjoto li ġew ittrasferiti minn dak il-kont minħabba tranżazzjonijiet ikkompletati, fejn għal kull tranżazzjoni jintwerew fid-dettall l-elementi fil-paragrafu 12(a) sa (g).”

 Id-dritt nazzjonali

23      L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 78-753, tas-17 ta’ Lulju 1978, dwar diversi miżuri ta’ titjib fir-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni u l-pubbliku u diversi dispożizzjonijiet ta’ natura amministrattiva, soċjali u fiskali (JORF tat-18 ta’ Lulju 1978, p. 2851), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 1 tiegħu:

“Id-dritt għat-tagħrif ta’ kull persuna hija ppreċiżata u żgurata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I, III u IV ta’ dan it-titolu għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ aċċess għad-dokumenti amministrattivi.

Għandhom ikunu meqjusa bħala dokumenti amministrattivi, fis-sens tal-Kapitoli I, III u IV ta’ dan it-titolu, ikun xi jkun il-mezz użat għat-talba, il-ħażna jew it-trażmissjoni ta’ tagħrif li tikkostitwixxi l-kontenut tad-dokumenti, id-dokumenti mfassla jew miżmuma mill-Istat, mill-awtoritajiet lokali kif ukoll mill-persuni l-oħra rregolati mid-dritt pubbliku jew il-persuni rregolati mid-dritt privat inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku […]”.

24      Mill-Artikolu 6 II ta’ din il-liġi jirriżulta li “jistgħu jiġu kkomunikati biss lill-persuna kkonċernata, id-dokumenti amministrattivi […] li l-komunikazzjoni tagħhom tippreġudika […] is-sigriet kummerċjali u dak industrijali”.

25      Fil-qasam tal-ambjent, id-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif huwa suġġett għal dispożizzjonijiet partikolari li jinsabu fil-Kodiċi tal-Ambjent Franċiż. Għaldaqstant, l-Artikolu L. 124-1 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“Id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għat-tagħrif ambjentali miżmum, ireċevuta jew stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu L. 124-3 jew f’isimhom għandu jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet iddefiniti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-Liġi Nru 78-753 […]”

26      L-Artikolu L. 124-2 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Huwa meqjus bħala tagħrif ambjentali fis-sens ta’ dan il-kapitolu, kull tagħrif disponibbli, ikun xi jkun l-appoġġ, ikun xi jkun il-mezz, li għandu bħala suġġett:

1°      L-istat tal-elementi tal-ambjent, b’mod partikolari, l-arja, l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajsaġġ , is-siti naturali, iż-żoni kostali jew marini u d-diversità bijoloġika kif ukoll l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

2°      Id-deċiżjonijiet, l-attivitajiet u l-fatturi, b’mod partikolari, is-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni, l-iskart, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jistgħu jaffettwaw l-istat tal-elementi msemmija fil-1;

[…]

5°      Ir-rapporti stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi jew f’isimhom dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet u regolamenti dwar l-ambjent.”

27      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 229-16 tal-istess kodiċi jipprovdi għall-ħolqien u ż-żamma ta’ reġistru nazzjonali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li fih jingħaddu l-kwoti maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u kkanċellati (iktar ’il quddiem ir-“reġistru nazzjonali”. Mit-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu jirriżulta li dan ir-reġistru huwa aċċessibbli għall-pubbliku bil-kundizzjonijiet stabbiliti premezz ta’ digriet.

28      F’dan ir-rigward ġie adottat id-Digriet Nru 2004-1412, tat-23 ta’ Diċembru 2004, dwar ir-reġistru nazzjonali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra previsti mill-Artikolu L. 229-16 tal-Kodiċi tal-Ambjent (JORF tat-28 ta’ Diċembru 2004, p. 22123). Dan id-digriet jipprovdi li s-CDC huwa inkarigat mill-implementazzjoni u ż-żamma tal-imsemmi reġistru nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-istess digriet jipprovdi li:

“I. – Il-funzjonijiet tas-[CDC] skont dan id-digriet jinkludu:

[…]

6      It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fuq is-sit internet speċjalizzat u bil-kundizzjonijiet iddefiniti mir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva [2003/87], tat-tagħrif li l-amministratur huwa marbut li jagħmel pubbliku;

[…]

II. – Is-[CDC] […] għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif li huwa jirċievi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u sabiex jevita kull użu ta’ dan it-tagħrif, inkluż dak, fi ħdanu, ta’ attivitajiet esterni għal din il-funzjoni.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2006, il-Ville de Lyon talbet lis-CDC jikkomunikalha, minn naħa, l-ammonti tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti ta’ emissjonijiet”) mibjugħa matul is-sena 2005 mill-operaturi ta’ 209 sit għall-produzzjoni ta’ tisħin urban mifruxin fit-territorju nazzjonali kollu li kienu ngħatawlhom kwoti ta’ emissjonijiet u, min-naħa l-oħra, id-data tat-tranżazzjonijiet kif ukoll id-destinatarji (iktar ’il quddiem id-“data dwar it-tranżazzjonijiet”). Skont il-Ville de Lyon, din id-data kienet utli għaliha, f’perspettiva komparattiva, għan-negozjazzjoni mill-ġdid tal-ftehim tal-kiri tat-tisħin urban tas-sit ta’ La Duchère, li jinsab fl-agglomerazzjoni ta’ Lyon.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2006, is-CDC irrifjuta li jibgħat din id-data billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 kif ukoll fuq il-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tiegħu. Meta l-Ville de Lyon talbet lill-Commission d’accès aux documents administratifs (CADA), din tat parir favorevoli għall-komunikazzjoni tad-dokumenti dwar l-imsemmija data dwar it-tranżazzjonijiet.

31      Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2006, is-CDC kkonferma r-rifjut ta’ komunikazzjoni tiegħu. Skont dan tal-aħħar, li huwa l-amministratur tar-reġistru nazzjonali, id-data dwar it-tranżazzjonijiet mitluba taqa’ taħt il-kompetenza tal-Amministratur Ċentrali u tista’ tiġi kkomunikata minnu biss, permezz tat-tqegħid fl-internet, wara terminu ta’ ħames snin minn meta jitwettqu t-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 ma humiex intiżi li jirregolaw il-komunikazzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, li għaliha l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda regoli speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 3003/87 u fir-Regolament Nru 2216/2004.

32      Permezz ta’ rikors tal-10 ta’ Jannar 2007, il-Ville de Lyon talbet lill-qorti tar-rinviju, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut tas-6 ta’ Marzu u tal-10 ta’ Novembru 2006 kif ukoll, min-naħa l-oħra, li s-CDC jiġi ordnat jikkomunikalha d-dokumenti dwar id-data dwar it-tranżazzjonijiet mitluba.

33      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal administratif de Lyon iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-komunikazzjoni jew rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 12 tal-Anness XVI tar-Regolament (KE) Nru 2216/2004[...] hija ta’ kompetenza biss tal-Amministratur Ċentrali jew ukoll tal-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali?

2)      Fil-każ li l-Amministratur tar-Reġistru Nazzjonali jkun kompetenti, din l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fit-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE [...] li għalih “il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali” ma tistax tiġi kkontestata jew il-komunikazzjoni tiegħu huwa rregolat minn regoli speċifiċi ta’ kunfidenzjalità?

4)      Fil-każijiet fejn japplikaw regoli speċifiċi ta’ kunfidenzjalità, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin jew dan it-terminu jikkonċerna biss il-perijodu ta’ ħames snin ta’ allokazzjoni ta’ kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE [...]?

5)      Fil-każ li dan it-terminu ta’ ħames snin ikun japplika, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 jippermetti deroga minn dan it-terminu u r-rifjut mill-possibbiltà ta’ deroga jista’ jiġi kkontestat, abbażi ta’ dan l-artikolu, kontra awtorità lokali li trid il-komunikazzjoni tal-informazzjoni sabiex tinnegozja konvenzjoni ta’ delega ta’ servizz pubbliku ta’ tisħin urban?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-komunikazzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, bħal dik li ntalbet fil-kawża prinċipali mill-Ville de Lyon, għandhiex tiġi rregolata minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 jew mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament 2216/2004, li ġie adottat b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta aderiet mal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-Unjoni ntrabtet li tiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, aċċess fil-prinċipju għat-tagħrif ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi.

36      Permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Århus billi jipprovdi għal sistema ġenerali li biha li jiġi żgurat li kull persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat Membru tal-Unjoni jkollha dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom mingħajr ma jkollhom għalfejn jiddikjaraw interess.

37      Fis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet implementata fl-Unjoni permezz tad-Direttiva 2003/87, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 17 tagħha jipprevedi, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet tal-kwoti lill-operaturi tal-installazzjonijiet awtorizzati li jirrilaxxaw gass ta’ effett serra, kif ukoll ir-rapporti dwar l-emissjonijiet meħtieġa fil-permess dwar l-emissjoni ta’ gassjiet serra u li jinżammu mill-awtorità kompetenti, għandhom ikunu aċċessibbli lill-pubbliku skont id-Direttiva 2003/4/KE.

38      Għalkemm il-leġiżlatur b’hekk integra, fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87, dispożizzjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dan it-tip ta’ tagħrif, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmi leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jissuġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 l-komunikazzjoni ta’ kull tagħrif jew data li għandhom relazzjoni mal-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-data dwar it-tranżazzjonijiet mitluba mill-Ville de Lyon ma taqax taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/87, li jirreferi għad-Direttiva 2003/4. Din id-data min-naħa l-oħra hija dik imsemmija fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87, fil-każ ta’ data dwar il-kwoti ttrasferiti li jridu jkunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni preċiża mill-Istati Membri fir-reġistri nazzjonali rispettivi tagħhom, u li l-karatteristiċi tekniċi tagħhom fir-rigward ta’ kif jinżammu, kif ukoll dawk dwar il-komunikazzjoni u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab f’dawn ir-reġistri huma ddeterminati mir-Regolament Nru 2216/2004.

40      Sa fejn l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87 ma jirriferix għad-Direttiva 2003/4, li huwa analogu għal dak li jidher fl-imsemmi Artikolu 17, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jissuġġetta talba dwar id-data dwar it-tranżazzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2003/4, imma bil-kontra waqqaf, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, sistema speċifika u eżawrjenti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija data kif ukoll tal-kunfidenzjalità tagħha.

41      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li talba għall-komunikazzjoni ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-ismijiet tal-persuni li f’isimhom jinsabu l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, taqa’ esklużivament taħt ir-regoli speċifiċi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ kunfidenzjalità li jinsabu fid-Direttiva 2003/87 kif ukoll ta’ dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 2216/2004.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

42      Bit-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-komunikazzjoni ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt ir-regoli speċifiċi ta’ kunfidenzjalità previsti fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 2216/2004. Min-naħa l-oħra, din il-qorti qed tistaqsi jekk il-pubblikazzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, dwar kull tranżazzjoni mwettqa, imsemmija fil-punti 11 u 12 tal-Anness XVI ta’ dan ir-regolament, għandhiex issir wara li jgħaddi perijodu ta’ ħames snin wara t-twettiq tat-tranżazzjoni inkwistjoni jew jekk din għandhiex tkun pubblikazzjoni ta’ tagħrif, li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul perijodu ta’ ħames snin tal-allokazzjonijiet fis-sens tad-Direttiva 2003/87, liema pubblikazzjoni jkollha sseħħ fl-aħħar ta’ dan il-perijodu ta’ ħames snin.

43      Fil-każ li din il-pubblikazzjoni tkun trid isseħħ fl-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara t-twettiq tat-tranżazzjoni inkwistjoni, l-imsemmija qorti tfittex li tkun taf f’dan il-każ jekk ir-rinegozzjazzjoni ta’ ftehim ta’ kiri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies li hija intiża li timplementa r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2216/2004, tad-Direttiva 2003/87 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, ħaġa li jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-kunfidenzjalità ma tkunx tista’ tiġi iktar invokata kontra l-komunikazzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet mitluba.

44      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, data dwar it-tranżazzjonijiet bħal dik mitluba mill-Ville de Lyon, dwar l-ismijiet tal-persuni li f’isimhom jinsabu l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, taqa’ speċifikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Nru 2216/2004.

45      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/87 ċertament jipprevedi li dan it-tagħrif jitniżżel fir-reġistri nazzjonali, li dawn ir-reġistri jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u li jkollhom kontijiet separati sabiex jiġu rreġistrati l-kwoti miżmuma minn kull persuna li lilha jew li minn għandha jkunu ngħataw jew ġew ittrasferiti. Madankollu, hekk kif talabha tagħmel il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 2216/2004, dwar sistema ta’ reġistri standardizzata u sikura, neċessarja għall-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, li biha din l-istituzzjoni b’mod partikolari ddefinixxiet ir-regoli intiżi li jiggarantixxu l-aċċess għall-pubbliku tad-data rreġistrata f’din is-sistema u l-kunfidenzjalità, sa fejn huma neċessarju, tagħhom.

46      Mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2216/2004 jirriżulta li l-amministraturi tar-reġistri nazzjonali, bħal ma hija CDC fi Franza, kif ukoll l-amministratur ċentrali, maħtur mill-Kummissjoni, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarji indikati fl-Anness XVI tal-imsemmi Regolament it-tagħrif previst f’dan l-anness u skont il-frekwenza indikata f’dan l-istess anness, b’mod trasparenti u organizzat, permezz tas-sit internet jew tas-sit internet tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet.

47      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004, it-tagħrif kollu, inkluża d-data dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa, miżmum fir-reġistri kollha, għandhom jitqies li huwa kunfidenzjali għall-finijiet kollha barra dawk tal-implementazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, tad-Direttiva 2003/87 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, dan it-tagħrif ma jistax jintuża mingħajr il-kunsens minn qabel tal-persuna li f’isimha huwa mniżżel il-kont ikkonċernat ħlief għal skopijiet ta’ ġestjoni u ta’ żamma tal-imsemmija reġistri.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li n-negozjazzjoni mill-ġdid ta’ ftehim ta’ kiri minn entità pubblika bħall-Ville de Lyon, fil-prinċipju, ma tikkostitiwixxix attività ta’ implementazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 2216/2004, tad-Direttiva 2003/87 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

49      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-Ville de Lyon ma għandhiex kont u li, konsegwentement, hija ma għandhiex aċċess, bil-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti 13 u 14 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, għat-tagħrif li jista’ jintwera, fil-parti mhux pubblika tar-reġistru nazzjonali, fil-każ ta’ talba minn dawk li jieħdu ħsieb is-sistemi tas-sħana urbana inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ ftehim minn qabel tad-detenturi ta’ kontijiet ikkonċernati, kif meħtieġ mill-Artikolu 10(2)tar-Regolament Nru 2216/2004, għall-użu ta’ tagħrif li jikkonċernahom għal finijiet oħra minbarra tat-tħaddim u taż-żamma tar-reġistri, tagħrif bħad-data dwar it-tranżazzjonijiet mitluba fil-kawża prinċipali għandha tibqa’ kunfidenzjali, b’tali mod li l-Ville de Lyon tista’ biss titlob l-aċċess għat-tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet fuq il-kwoti ta’ emissjonijiet fil-kundizzjonijiet iddefiniti għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri għall-konsultazzjoni ħielsa, skont il-punti 5 u 6 tal-Anness XV tar-Regolament Nru 2216/2004, tal-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u tal-parti pubblika tas-sit web tar-reġistri nazzjonali, li huma distinti mid-databases ta’ dan ir-reġistru Komunitarju u ta’ dawn ir-reġistri.

51      Fir-rigward tal-frekwenza li biha jsir disponibbli fuq is-sit web, fuq il-parti pubblika tar-reġistri, tagħrif bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li jsir allinjament ta’ din il-frekwenza mal-perijodi koperti minn pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-perijodi mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2007 u mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2012, u dan jimplika li t-tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa fuq il-kwoti mogħtija minn pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni jsir aċċessibbli għall-pubbliku immedjatament wara dawn il-perijodi, jiġifieri, fl-ewwel każ, fl-2008 u fit-tieni, fl-2013.

52      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprovdux tali allinjament. Fil-fatt, mill-imsemmija punti jirriżulta espressament, u b’mod partikolari mill-punt 12(ċ) sa (e) u (g), li d-data bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali, dwar l-ismijiet tad-detenturi l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, huma disponibbli fuq il-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet mill-Amministartur Ċentrali, mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati.

53      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li d-data dwar it-tranżazzjonijiet, bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali mill-awtorità pubblika li tixtieq tinnegozja mill-ġdid ftehim ta’ kiri, hija data kunfidenzjali fis-sens tar-Regolament Nru 2216/2004 u li, skont l-Artikoli 9 u 10 tiegħu, moqrija flimkien mal-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tal-imsemmi Regolament, fin-nuqqas ta’ ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet, tali data hija biss ikkonsultata liberament mill-pubbliku ġenerali fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet relattivit għat-trasferimenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

 Fuq l-ewwel domanda

54      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta ssirlu talba f’dan ir-rigward, l-amministratur tar-reġistru nazzjonali, li permezz tiegħu tiġi trażmessa d-data bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali u li l-komunikazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza tal-Amministratur Ċentrali, huwiex awtorizzat jirrifjuta tali komunikazzjoni huwa stess.

55      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, fis-sistema pprovduta mir-Regolament Nru 2216/2004, u b’mod partikolari fil-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tiegħu, huwa pprovdut espressament li d-data, li tikkonċerna l-ismijiet tad-detenturi tal-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, hija kkomunikata lill-pubbliku ġenerali billi jsir disponibbli fuq l-internet fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u li, f’dan ir-rigward, l-Amministratur Ċentrali huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jagħmel tali komunikazzjoni.

56      Tali tqegħid fuq l-internet għandu jsir mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet tat-trasferimenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, data li fiha d-data dwar it-tranżazzjonijiet ma jibqgħux igawdu iktar mis-sistema ta’ kunfidenzjalità stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

57      Konsegwentement, jekk issir talba lil amministratur ta’ reġistru nazzjonali għall-komunikazzjoni ta’ tagħrif dwar l-ismijiet tad-detenturi, stabbiliti fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-amministratur, tal-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, dan l-amministratur huwa obbligat, fin-nuqqas ta’ ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet ikkonċernati, li jiżgura l-kunfidenzjalità li jgawdi minnha tali tagħrif sakemm huwa ma jistax jiġi legalment ikkomunikat lill-pubbliku ġenerali mill-Amministratur Ġenerali. F’sitwazzjoni bħal din, l-amministratur tar-reġistru nazzjonali huwa obbligat jiċħad huwa stess it-talba għall-komunikazzjoni li tkun saritlu b’dan il-mod.

58      Madankollu, jekk dan it-tagħrif diġà sar disponibbli fuq l-internet, skont il-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004, mill-Amministratur Ċentrali fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, l-amministratur tar-reġistru nazzjonali huwa awtorizzat sabiex jikkomunika lill-applikant tali tagħrif jew li jindikalu s-sit web li fuqu tali tagħrif huwa legalment disponibbli.

59      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li għalkemm, għall-finijiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2216/2004, l-Amministratur Ċentrali huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jikkomunika lill-pubbliku ġenerali d-data msemmija fil-punt 12 tal-Anness XVI ta’ dan ir-Regolament, madankollu, huwa l-obbligu tal-amministratur tar-reġistru nazzjonali, li tkun saritlu talba għall-komunikazzjoni ta’ tali data dwar it-tranżazzjonijiet, li jiċħad huwa stess din it-talba sa fejn, fin-nuqqas tal-ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet ikkonċernati, dan l-amministratur huwa obbligat li jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ tali data, sakemm din ma tistax tiġi legalment ikkomunikata lill-pubbliku ġenerali mill-Amministratur Ċentrali.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Talba għall-komunikazzjoni ta’ data dwar it-tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-ismijiet tal-persuni li f’isimhom jinsabu l-kontijiet ta’ oriġini u tad-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-kwoti ta’ emissjonijiet, tal-kwoti jew unitajiet ta’ Kyoto involuti f’dawn it-tranżazzjonijiet, kif ukoll id-data u l-ħin tal-imsemmija tranżazzjonijiet, taqa’ esklużivament taħt ir-regoli speċifiċi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ kunfidenzjalità li jinsabu fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004, kif ukoll ta’dawk li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta’ Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2)      Id-data dwar it-tranżazzjonijiet, bħal dik mitluba fil-kawża prinċipali mill-awtorità pubblika li tixtieq tinnegozja mill-ġdid ftehim ta’ kiri, hija data kunfidenzjali fis-sens tar-Regolament Nru 2216/2004 u li, skont l-Artikoli 9 u 10 tiegħu, moqrija flimkien mal-punti 11 u 12 tal-Anness XVI tal-imsemmi Regolament, fin-nuqqas ta’ ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet, tali data hija biss ikkonsultata liberament mill-pubbliku ġenerali fil-parti pubblika tas-sit web tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, mill-15 ta’ Jannar tal-ħames sena (X+5) wara s-sena (X) tat-twettiq tat-tranżazzjonijiet relattivit għat-trasferimenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

3)      Għalkemm, għall-finijiet ta’ implementazzjoni tar--Regolament Nru 2216/2004, l-Amministratur Ċentrali huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jikkomunika lill-pubbliku ġenerali d-data msemmija fil-punt 12 tal-Anness XVI ta’ dan ir-Regolament, madankollu, huwa l-obbligu tal-amministratur tar-reġistru nazzjonali, li tkun saritlu talba għall-komunikazzjoni ta’ tali data dwar it-tranżazzjonijiet, li jiċħad huwa stess din it-talba sa fejn, fin-nuqqas tal-ftehim minn qabel tad-detenturi tal-kontijiet ikkonċernati, dan l-amministratur huwa obbligat li jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ tali data, sakemm din ma tistax tiġi legalment ikkomunikata lill-pubbliku ġenerali mill-Amministratur Ċentrali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.