Language of document : ECLI:EU:C:2013:619

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-26 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C‑295/12 P

Telefónica SA

Telefónica de España SAU

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet (kompressjoni tal-marġni) — Prezz bl-ingrossa mitlub minn Telefónica SA fis-suq Spanjol għall-aċċess tal-broadband — Multa — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni — Metodu ta’ kalkolu — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali”







Werrej


I –   Il-fatti li wasslu għall-kawża

II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV – L-appell

A –   Fuq it-talba li jkun hemm aċċess għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali

B –   Fuq l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell kollu kemm hu

C –   Fuq l-appell

1.     L-aggravji inammissibbli kollha kemm huma: it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji

a)     It-tieni aggravju

b)     It-tielet aggravju

c)     Ir-raba’ aggravju

d)     Il-ħames aggravju

2.     L-aggravji li għandhom jiġu miċħuda għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati: l-ewwel, is-sitt s-seba’ u d-disa’ aggravji

a)     L-ewwel u d-disa’ aggravji

b)     Is-sitt aggravju

c)     Is-seba’ aggravju

i)     L-ewwel parti tas-seba’ aggravju

ii)   It-tieni parti tas-seba’ aggravju

–       L-ewwel ilment

–       It-tieni ilment

3.     It-tmien aggravju (kalkolu tal-ammont tal-multa) u l-għaxar aggravju (ksur tal-obbligu li jiġi eżerċitat stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet)

i)     L-ewwel parti tat-tmien aggravju (it-tieni u t-tielet argumenti tal-ewwel ilment u tat-tieni lment)

ii)   L-ewwel u r-raba’ argumenti tal-ewwel lment, it-tielet u r-raba’ lmenti tal-ewwel parti kif ukoll il-bqija tat-tmien aggravju u l-għaxar aggravju

–       Argumenti tal-partijiet

–       Analiżi

α)     L-ewwel parti: drittijiet u obbligi tal-Kummissjoni

β)     It-tieni parti: ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali

αα)   It-teorija fuq is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

ββ)   L-applikazzjoni tat-teorija dwar is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għall-proċess inkwistjoni

V –   Konklużjoni


1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett appell ippreżentat minn Telefónica SA (iktar ʼil quddiem “Telefónica”) u Telefónica de España SAU (iktar ʼil quddiem “Telefónica de España”) minn sentenza tal-Qorti Ġenerali (2), fejn din kienet ċaħdet ir-rikors tagħhom għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3196 finali (3), kif ukoll it-talba sussidjarja tagħhom ta’ annullament jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

2.        Il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej fil-punti 3 sa 29 tas-sentenza appellata:

“3      Fil-11 ta’ Lulju 2003, Wanadoo España SL (li saret France Telecom España SA) (iktar ’il quddiem ‘France Telecom’) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni [...], li fih allegat li l-marġni bejn il-prezzijiet bl-ingrossa li s-sussidjarji ta’ Telefónica kienu japplikaw lill-kompetituri tagħhom għall-provvista bl-ingrossa għall-aċċess għall-high speed internet fi Spanja u l-prezzijiet bl-imnut li huma kienu japplikaw għall-utenti finali ma kinitx suffiċjenti sabiex il-kompetituri ta’ Telefónica setgħu jikkompetu magħha [...].

[...]

6      Fl-4 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett tal-kawża preżenti.

7      L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat tliet swieq ta’ prodotti inkwistjoni, jiġifieri suq bl-imnut tal-high speed internet u ż-żewġt iswieq bl-ingrossa tal-high speed internet [...].

[...]

15      Is-swieq ġeografiċi rilevanti bl-ingrossa u bl-imnut huma, skont id-deċiżjoni kkontestata, ta’ dimensjoni nazzjonali (it-territorju Spanjol) [...].

16      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li Telefónica kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fiż-żewġ swieq bl-ingrossa inkwistjoni [...]. B’hekk, fil-perijodu kkunsidrat, Telefónica kellha l-monopolju tal-provvista tal-prodott bl-ingrossa reġjonali u iktar minn 84 % tas-suq tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali [...]. Skont id-deċiżjoni kkontestata [...], Telefónica kienet ukoll f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut.

17      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk Telefónica kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq inkwistjoni [...]. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li Telefónica kienet kisret l-Artikolu 82 KE meta imponiet prezzijiet inġusti fuq il-kompetituri tagħha fil-forma ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet ta’ aċċess għal high speed internet bl-imnut fis-suq tal-‘pubbliku inġenerali’ Spanjol u l-prezzijiet ta’ aċċess għall-high speed internet bl-ingrossa fil-livelli reġjonali u nazzjonali, fil-perijodu bejn Settembru 2001 u Diċembru 2006 [...].

[...]

25      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni [kkontestata], il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [ (4)] u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-‘linji gwida tal-1998’).

26      L-ewwel nett, il-Kummissjoni evalwat il-gravità u l-impatt tal-ksur kif ukoll tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni. L-ewwel, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, hija qieset li kien każ ta’ abbuż serju minn naħa ta’ impriża li għandha pożizzjoni prattikament monopolista, li għandha tiġi kklassifikata bħala ‘serju ħafna’ fid-dawl tal-linji gwida tal-1998 [...]. Fil-premessi 744 sa 750 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ddistingwiet b’mod partikolari l-każ preżenti mid-Deċiżjoni [Deutsche Telekom (5)] li fiha l-abbuż ta’ Deutsche Telekom, li kien jikkonsisti f’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet [(‘margin squeeze’) jew ‘kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet’ (6)] ma kienx ġie ikklassifikat bħala ‘serju ħafna’ fis-sens tal-linji gwida tal-1998. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-impatt tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni qieset il-fatt li s-swieq inkwistjoni kienu ta’ valur ekonomiku kunsiderevoli, li huma għandhom rwol kruċjali fl-implementazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni u li l-impatt tal-abbuż ta’ Telefónica fis-suq bl-imnut kien sinjifikattiv [...]. Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li s-suq Spanjol tal-high speed internet kien il-ħames l-ikbar suq nazzjonali tal-high speed internet fl-Unjoni Ewropea u li, jekk il-każijiet tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienu neċessarjament limitati għal Stat Membru wieħed, dan kien iwaqqaf lil operaturi minn Stati Membri oħra milli jidħlu fis-suq li jkun qed jikber malajr [...].

27      Skont id-deċiżjoni [kkontestata], l-ammont minimu tal-multa, ta’ EUR 90 000 000, jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-prattika abbużiva ġiet ippreċiżata fil-perijodu kkunsidrat u, b’mod iktar partikolari, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom [...]. Ġie applikat fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 lill-imsemmi ammont sabiex tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika sinjifikattiva ta’ Telefónica u sabiex tiżgura lill-multa natura suffiċjentement dissważiva, b’mod li l-ammont minimu tal-multa tala’ għal EUR 112 500 000 [...].

28      It-tieni nett, peress li l-ksur seħħ minn Settembru 2001 sa Diċembru 2006, jiġifieri għal ħames snin u erba’ xhur, il-Kummissjoni żiedet l-ammont minimu tal-multa b’50 %. L-ammont bażiku tal-multa b’hekk ittalla’ għal EUR 168 750 000 [...].

29      It-tielet nett, fid-dawl tal-provi disponibbli, il-Kummissjoni qieset li l-eżistenza ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti setgħet tiġi kkunsidrata f’din il-kawża, peress li l-ksur kien għall-inqas twettaq b’negliġenza. B’hekk, ingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 10 % lil Telefónica, li biddel l-ammont tal-multa għal EUR 151 875 000 [...].”

II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3.        Fir-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Telefónica SA u Telefónica de España SAU (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”) invokaw, insostenn tat-talbiet prinċipali tagħhom, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni, fuq żbalji ta’ liġi skont l-Artikolu 102 TFUE għal dak li jirrigwarda l-aġir abużiv tagħhom kif ukoll l-impatt antikompetittiv tiegħu, u, fl-aħħar nett, ta’ applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 102 TFUE u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba.

4.        Sussidjarjament, ir-rikorrenti invokaw żewġ motivi għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha, ibbażati fuq: i) żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (7) u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, u ii) żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ obbligu tal-motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u r-rikors fl-intier tiegħu.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.        Minbarra r-rikorrenti u l-Kummissjoni, tliet partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza, jiġifieri l-Asociación de usuarios de servicios bancarios (Ausbanc Consumo, iktar ’il quddiem l-“Ausbanc”), France Telecom (lanjanti oriġinali f’din il-kawża) u l-European Competitive Telecommunications Association iktar ’il quddiem l-“ECTA”) ipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta li saret fis-16 ta’ Mejju 2013 — u li rrigwardat biss is-seba’, it-tmien u l-għaxar aggravji tal-appell (dwar allegati żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tagħmel stħarriġ b’ġurisdizzjoni sħiħa) ? dawn il-partijiet kollha ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.

IV – L-appell

A –    Fuq it-talba li jkun hemm aċċess għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali

6.        Ir-rikorrenti u Ausbanc talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtihom aċċess, bis-saħħa tal-Artikolu 15 TFUE, għat-traskrizzjoni litterali jew għar-reġistrazzjoni tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2011. Jiena tal-fehma li dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħudin, billi t-traskrizzjoni litterali jew ir-reġistrazzjoni tas-seduta li saret quddiem il-Qorti Ġenerali ma jagħmlux parti mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 5(1) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

B –    Fuq l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell kollu kemm hu

7.        Għandu jiġi kkonstatat li i) l-appell, ifformulat b’mod konfuż u ftit li xejn strutturat, huwa estremament twil ? it-traduzzjoni Franċiża tar-rikors fih xejn inqas minn 133 paġna, u dan bi spazju ta’ linja waħda, għal 492 punt (8) – u ripetittiv, billi fih mijiet ta’ aggravji, friegħi, ilmenti, argumenti u elementi ta’ argumenti (u dan jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni, rekord fl-istorja tal-litigazzjoni tal-Unjoni); ii) l-appell kważi sistematikament jimmira biex jikseb eżami ġdid tal-fatti, moħbi wara allegazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kienet applikat “kriterju ġuridiku żbaljat”; iii) l-aggravji ta’ spiss huma ppreżentati bħala sempliċi affermazzjonijiet mingħajr ebda motivazzjoni, u iv) min-naħa, ir-rikorrenti jikkritikaw ta’ spiss id-deċiżjoni kkontestata u mhux is-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, meta l-kritika tagħhom hija indirizzata effettivament kontra s-sentenza appellata, huma prattikament qatt ma jidentifikaw is-siltiet jew il-punti preċiżi ta’ din is-sentenza li suppost fihom l-allegati żbalji ta’ liġi.

8.        Dawn il-konstatazzjonijiet u d-diffikultà, anki l-impossibbiltà, għall-Kummissjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha spiraw l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà li hija tqajjem kontra l-appell kollu. Anki għalkemm jista’ jkolli ċerta simpatija għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità – u fuq kollox diversi partijiet tal-appell jidhirli li huma manifestament inammissibbli – jibqa’ l-fatt li l-appell bħala tali ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu, billi wħud mill-aggravji jew argumenti tal-appell (anki jekk huma fula f’qargħa) jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ammissibbilità. Dawn il-punti jqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ prinċipju, kultant anki ġodda, dwar, b’mod partikolari, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ reali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

9.        Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-appell jidhirli li fil-kumpless tagħha għandha tiġi miċħuda.

C –    Fuq l-appell

1.      L-aggravji inammissibbli kollha kemm huma: it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji

10.      Dawn l-aggravji – ibbażati fuq l-allegati żbalji ta’ liġi rispettivament fid-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni, l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni dominanti u tal-abbuż minn dik il-pożizzjoni kif ukoll l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq il-kompetizzjoni – jidhirli li huma inammissibbli billi jikkontestaw essenzjalment evalwazzjonijiet fattwali li hemm fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dawn l-aggravji rari jindikaw il-punti jew il-partijiet tas-sentenza appellata li jindirizzaw, mentri din l-indikazzjoni hija meħtieġa skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkodifikata u kkonfermata mill-Artikolu 169(2) u l-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

a)      It-tieni aggravju

11.      Ir-rikorrenti jallegaw (punt 37 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat irrifjutat li tikkunsidra, primarjament, li aċċess mhux marbut mal-loop lokali, il-prodott bl-ingrossa nazzjonali u l-prodott bl-ingrossa reġjonali jagħmlu parti mill-istess suq bl-ingrossa u, sussidjarjament, li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali jagħmlu parti mill-istess suq bl-ingrossa.

12.      Jiena nikkunsidra li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà, imqajma mill-Kummissjoni, l-ECTA, France Telecom u Ausbanc, kontra t-tieni aggravju kollu kemm hu, għandha tiġi milqugħa. L-ewwel nett, l-ilmenti mressqin insostenn ta’ dan l-aggravju huma oskuri u mfissra b’mod kawżi li ma jinftehimx. It-tieni nett, dan l-aggravju fil-verità huwa intiż biex jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. It-tielet nett, ir-rikorrenti jqajmu diversi elementi ġodda mhux diskussi fl-ewwel istanza, jiġifieri li l-Kummissjoni ma kinitx applikat t-“test SSNIP” (9), li d-definizzjoni ta’ swieq ma hijiex kompatibbli mal-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-swieq (10), li d-definizzjoni tas-suq kienet teħtieġ analiżi empirika bbażata fuq test tas-suq u/jew fuq studju ekonometriku, u fl-aħħar nett li t-test SSNIP kellu jiġi applikat f’qafas temporali konkret.

b)      It-tielet aggravju

13.      Ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 93 tar-rikors) ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq il-pożizzjoni dominanti li għandhom fis-suq bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali.

14.      Anki hemmhekk, inqis li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-ECTA, France Telecom u Ausbanc għandha tiġi milqugħa billi dan it-tielet aggravju huwa msejjes fuq allegazzjonijiet ġodda u huwa intiż biex jikkontesta evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali li wassluha tikkonkludi li teżisti pożizzjoni dominanti. Ir-rikorrenti, meta jikkritikaw il-punti 149, 150, 162 u 163 tas-sentenza appellata – fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq is-sehem fis-suq għoli f’idejn ir-rikorrenti biex tikkonstata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, u b’mod żbaljat ma kkunsidratx il-pressjonijiet kompetittivi li dawn huma suġġetti għalihom f’suq b’aċċess kontestabbli ? jikkontestaw fatti evalwati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li wassluha tiddeċiedi li s-suq bl-ingrossa inkwistjoni ma kienx suq kontestabbli (11). Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

c)      Ir-raba’ aggravju

15.      Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw (punt 120 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li huma kissru l-Artikolu 102 TFUE filwaqt li l-elementi kostituttivi ta’ rifjut abbużiv ta’ provvista (“refusal to deal”) ma kinux sodisfatti u li, meta ġara hekk, hija kisret id-dritt ta’ proprjetà tagħhom kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ legalità.

16.      Anki hemmhekk nikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-raba’ aggravju kollu kemm hu – imqajma mill-Kummissjoni, l-ECTA, France Telecom u Ausbanc – għandha tiġi milqugħa sa fejn l-argumenti li tistrieħ fuqhom: i) jew ma ġewx diskussi fl-ewwel istanza (pereżempju, l-argument dwar ksur allegat tad-dritt ta’ proprjetà, li jidher li huwa l-element ċentrali tal-aggravju, jew l-argumenti dwar il-prinċipji ta’ proporzjonalità u taċ-ċertezza legali); ii) jew huma intiżi biex jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali u fil-verità jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti; iii) jew li ma humiex ippreżentati b’mod ċar (bħall-kontestazzjoni mhux immotivata tal-ġurisprudenza TeliaSonera Sverige (12)) jew ma jippreċiżawx biżżejjed il-punti msemmijin fis-sentenza appellata.

d)      Il-ħames aggravju

17.      B’dan l-aggravju (punt 149 tar-rikors), ir-rikorrenti essenzjalment illimitaw ruħhom, wara li ġabru fil-qosor iż-żewġ testi tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet applikati mill-Kummissjoni, biex itennu l-kritika esposta f’dan ir-rigward fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll sabiex jikkontestaw ir-risposti li tat din tal-aħħar fil-punti 199 sa 265 tas-sentenza appellata.

18.      Fil-verità, u ta’ spiss mingħajr ma indikaw b’mod preċiż il-punti tas-sentenza appellata li jsemmu, ir-rikorrenti qed jippruvaw jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi deċiżi mill-Qorti Ġenerali, pretensjoni li b’mod ċar hija inammissibbli fl-istadju ta’ appell, u dan mingħajr preġudizzju għal każ ta’ żnaturament tal-provi li r-rikorrenti ma jistabbilixxux.

19.      Ser nagħti ftit eżempji iktar ’l isfel:

–        ir-rikorrenti jsostnu li l-operaturi alternattivi jużaw l-aħjar taħlita ta’ prodotti bl-ingrossa. B’dan huma jpoġġu fid-dubju konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punti 130, 195 u 280 tas-sentenza appellata, fejn intqal li ma seħħx l-użu ta’ taħlita ta’ prodotti bl-ingrossa;

–        ir-rikorrenti (punt 162 tar-rikors) apparentement jikkritikaw il-punt 207 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti meta kkonstatat li l-użu effettiv tal-loop lokali kien beda biss lejn l-aħħar tas-sena 2004. Skont ir-rikorrenti, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kellha tiddistingwi żewġ perijodi ta’ analiżi qabel u wara dik id-data u, min-naħa l-oħra, il-kompetituri kienu effettivament użaw l-loop lokali qabel l-2004. Issa, dan l-argument ma jidentifika l-ebda element konkret tal-proċess li allegatament ġie żnaturat mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti invokaw biss fl-ewwel istanza, perijodu ġdid li kien beda mill-2004;

–        ir-rikorrenti (punt 167 tar-rikors) apparentement jikkritikaw l-punt 217 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kienet assumiet b’mod żbaljat li l-estensjoni tal-perijodu ta’ riferiment rriżultat f’distorsjonijiet inaċċettabbli, u injorat il-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni proposti mir-rikorrenti u dan bi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Biżżejjed jingħad f’dan ir-rigward li l-Qorti Ġenerali sempliċiment ġabret fil-qosor argument tar-rikorrenti, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-argument dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza qed jitqajjem mir-rikorrenti għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell;

–        ir-rikorrenti (punt 178 et seq tar-rikors) jallegaw ukoll li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 233 sa 264 tas-sentenza appellata, tal-metodu “perijodu b’perijodu” implementat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Jidhirli li dawn l-argumenti huma inammissibbli, billi r-rikorrenti ma kkontestawx quddiem il-Qorti Ġenerali l-prinċipju tal-użu tal-metodu “perijodu b’perijodu”, imma sempliċiment l-implementazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni;

–        ir-rikorrenti jallegaw ukoll (punt 181 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami, fil-punti 234 sa 244 tas-sentenza appellata, tal-ispejjeż tal-impjegati kummerċjali. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin it-test tal-“kompetitur daqstant effiċjenti”, filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li kompetitur daqstant effiċjenti jista’ jissubkuntratta s-servizzi kummerċjali tiegħu. Dan huwa argument inammissibbli billi jestendi l-appell lil hinn mid-diskussjoni tal-ewwel istanza permezz ta’ allegazzjonijiet ġodda u jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti;

–        ir-rikorrenti (punt 183 tar-rikors) apparentement jikkritikaw il-punt 244 tas-sentenza billi jallegaw li l-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat injorat l-istimi tal-ispiża inklużi fit-tabelli tar-riżultati tar-rikorrenti, naqset milli teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, adottat ir-regola tal-ispejjeż medji inkrementali fit-tul (CMILT) u użat l-ispejjeż attwali maqsuma għal kollox mill-kompatibbiltà tagħhom biex tevalwa l-ispejjeż marġinali tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħudin ukoll billi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina mill-ġdid evalwazzjonijiet fattwali li hemm fil-punti 237 sa 244 tas-sentenza appellata;

–        l-argumenti tar-rikorrent dwar l-eżami tal-abbonament medju tal-klijentela dwar il-punti 245 sa 251 tas-sentenza appellata, huma inammissibbli billi jistrieħu fuq allegazzjonijiet ġodda;

–        meta jikkritikaw (punt 188 tar-rikors) apparentement il-punti 256 u 257 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament b’mod żbaljat ċaħdet l-ispiża medja peżata tal-kapital (WACC) li huma jipproponu, kif ukoll il-punti 259 sa 264 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-allegat dħul doppju fil-kotba ta’ diversi spejjeż individwali, ir-rikorrenti jpoġġu fid-dubju l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali (liema qorti bbażat il-konvinzjoni tagħha fuq eżami globali tal-elementi tal-proċess u tad-diskussjoni bejn il-partijiet);

–        ir-rikorrenti jsostnu (punt 218 tar-rikors) ukoll li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-marġni bejn il-prezz bl-ingrossa tal-konnessjonijiet u l-prezz bl-imnut kien pożittiv f’dan il-każ, li kellu jwassalha teħtieġ li jintwerew l-effetti konkreti jew livell ta’ prova partikolarment għoli tal-effetti probabbli tal-aġir tar-rikorrenti. Dan l-argument — billi jidher għall-ewwel darba fl-appell — huwa inammissibbli.

20.      Imbagħad, ir-rikorrenti jinvokaw tliet argumenti (punti 220, 227 u 231 tar-rikors) li jirrigwardaw apparentement il-punti 274 sa 276 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet ħażin li l-effetti probabbli tal-aġir tar-rikorrenti kienu ġew stabbiliti meta: a) il-Kummissjoni kellha teżamina jekk il-profitabbiltà tal-operaturi alternattivi effiċjenti daqs ir-rikorrenti kinitx ġiet effettivament imnaqqsa minħabba prattiċi tal-prezzijiet ta’ dawn tal-aħħar, b) il-Kummissjoni kellha tanalizza r-relazzjoni bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut fis-suq għad-determinazzjoni jekk il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kinitx effettivament illimitat il-kapaċità tal-operaturi alternattiv li jiffissaw il-prezzijiet bl-imnut, u ċ) meta l-Kummissjoni kellha tanalizza r-relazzjoni bejn il-prezzijiet bl-ingrossa, il-fluss ta’ fondi tal-operaturi, u l-livell tagħhom ta’ investiment għad-determinazzjoni jekk il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kinitx effettivament illimitat il-kapaċità ta’ investiment tal-operaturi alternattivi. Jidhirli li dawn it-tliet argumenti huma inammissibbli, billi ma tqajmux fl-ewwel istanza u għandhom bħala għan li jiftħu diskussjoni fuq l-“effetti konkreti” tal-aġir tar-rikorrenti fil-kuntest tal-appell. Ir-rikors fl-ewwel istanza kien qajjem biss il-kwistjoni tal-“effetti probabbli” fil-punti 191 u 199 tiegħu billi kkritika d-deċiżjoni kkontestata peress li ppreżumiet dawk l-effetti bħala konsegwenza meħtieġa tar-riżultati tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, dawn l-argumenti jridu wkoll jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 275 u 276 tas-sentenza appellata.

21.      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravji għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

2.      L-aggravji li għandhom jiġu miċħuda għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati: l-ewwel, is-sitt s-seba’ u d-disa’ aggravji

a)      L-ewwel u d-disa’ aggravji

22.      Dawn iż-żewġ aggravji jikkoinċidu sa tali punt li, fl-espożizzjoni tad-disa’ aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jirriproduċu identikament parti mill-argumenti żviluppati fl-ewwel aggravju tagħhom. Għalhekk, dawn iż-żewġ aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien. Fl-ewwel lok, l-argumenti tar-rikorrenti (punt 12 tar-rikors) jirrigwardaw id-dewmien sproporzjonat tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-1 ta’ Ottubru 2007 sad-29 ta’ Marzu 2012, li jiksrilhom id-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi żmien raġonevoli, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ir-rikorrenti jallegaw primarjament (punt 14 tar-rikors), li ż-żmien sproporzjonat li ħadet il-proċedura jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata minħabba l-effett tagħha fuq is-soluzzjoni tal-kawża, billi pprekludiethom milli jippreżentaw appell jew jadattaw l-argumenti tagħhom bil-miktub qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-Kawża TeliaSonera Sverige ċċitata iktar ’il fuq. Indipendentement mill-fatt li jiena ma naqbilx mal-opinjoni tar-rikorrenti fuq din ir-relazzjoni ta’ kawża u effett, nirrileva li fi kwalunkwe każ, huma esprimew espliċitament ruħhom fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza TeliaSonera Sverige, ċċitata iktar ’il fuq, waqt is-seduta tal-Qorti Ġenerali, li damet sejra diversi xhur wara li kienet ingħatat din is-sentenza msemmija.

23.      Imbagħad, ir-rikorrenti jenfasizzaw (punt 15 tar-rikors) sussidjarjament, li huma għandhom fi kwalunkwe każ, jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-ġurisprudenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (13).

24.      Flimkien mal-Kummissjoni, l-ECTA, France Telecom u Ausbanc, nikkunsidra li t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ta’ ftit iktar minn erba’ snin u sitt xhur, ma huwiex irraġonevoli f’din il-kawża (14) fid-dawl, fost affarijiet oħrajn, taċ-ċirkustanzi li ġejjin: i) il-kumplessità teknika tal-proċess (skont il-Qorti tal-Ġustizzja (15) “il-kumplessità tal-kawża tista’ tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika tul tal-bidu twil”); ii) ġew ippreżentati żewġ rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata, wieħed mir-rikorrenti u l-ieħor mir-Renju ta’ Spanja, li ġew eżaminati b’mod parallel mill-Qorti Ġenerali, li wassal biex il-proċedura twalet; iii) ir-rikorrenti ppreżentaw — anki fl-istadju tal-ewwel istanza — rikors ta’ tul eżaġerat u għal kollox mhux tas-soltu, li qabeż bi kbir in-numru massimu ta’ paġni rakkommandat mill-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet tal-Qorti Ġenerali. Dan ir-rikors kellu jiġi rregolarizzat, li tawwal il-proċedura bil-miktub, u minkejja dan, il-verżjoni rregolarizzata ta’ dan ir-rikors, li kien fih kważi 140 paġna kif ukoll annessi abbundanti u voluminużi, baqgħet eżaġerata u qabżet sew it-tul stabbilit fl-imsemmija struzzjonijiet prattiċi. Imbagħad ir-rikorrenti ppreżentaw replika ta’ 112-il paġna akkumpanjata b’25 anness, li fihom ippreżentaw ukoll allegazzjonijiet ġodda; iv) kien hemm diversi intervenjenti matul il-proċedura b’mod li l-proċedura bil-miktub damet sal-bidu tas-sena 2009, u v) ir-rikorrenti mbagħad għamlu diversi talbiet għal trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-partijiet intervenjenti, li ġew miċħudin fil-biċċa l-kbira tagħhom, imma li xorta kkontribwew biex titwal il-proċedura billi obbligaw lill-Qorti Ġenerali li tipproduċi verżjonijiet b’diversi dokumenti sfilzati.

25.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 19 tar-rikors) il-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-annessi tar-rikors u tar-replika ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni ħlief sa fejn jappoġġaw jew jikkompletaw l-aggravji jew l-argumenti espressament invokati fil-korp tal-atti tagħhom, kif ukoll il-punti 231, 250 u 262 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli, skont il-prinċipju mistqarr qabel, ċerti argumenti appoġġati mill-annessi u li jirrigwardaw il-kalkolu tal-valur terminali, it-tul tal-abbonament medju tal-klijentela u għad-dħul doppju fil-kotba ta’ diversi spejjeż individwali.

26.      Dawn l-argumenti jidhru li huma manifestament inammissibbli fil-kumpless tagħhom, billi ma jippreċiżawx fejn l-irregolarità eventwali ta’ proċedura kienet għamlet ħsara lill-interessi tagħhom jew id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Barra minn hekk, min-naħa, l-argument — li l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà meta din ma kinitx tqajmet mill-Kummissjoni ħlief fl-istadju tal-kontroreplika, u mhux fir-risposta tagħha — huwa mingħajr bażi, billi r-regolarità formali tal-atti ta’ proċedura hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li tista’ titqajjem ex officio mill-qorti, tkun xi tkun l-attitudni tal-konvenuta, li tista’, għall-istess raġuni, tqajjimha f’kull mument tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-argument li bih ir-rikorrenti jikkritikaw il-punt 62 tas-sentenza appellata — fejn il-Qorti Ġenerali ma ħtiġietx li r-rikors ikollu l-kalkoli ekonomiċi kollha li huma fil-bażi tal-argumenti tagħha — huwa wkoll mingħajr bażi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li teħtieġ fil-punt 58 tas-sentenza appellata li l-“elementi essenzjali” ta’ fatt u ta’ dritt “għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu”.

27.      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 24 tar-rikors) il-punt 182 tas-sentenza appellata billi l-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti u kisret id-drittijiet tad-difiża meta ddeċidiet li ma kinux invokaw in-natura mhux indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-aġir tagħhom. Prinċipalment huma jaffermaw li invokaw din in-natura fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza (punti 106 u 108), fir-replika tagħhom (punt 216) u fis-seduta, kemm fil-motiv dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE inġenerali kif ukoll fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-effetti. Skont ir-rikorrenti, l-argument fuq in-natura mhux indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa jikkostitwixxi t-twessigħ ta’ aggravju fformulat diġà fir-rikors. Bħall-Kummissjoni u France Telecom, għalija dan l-argument ma japplikax. Fil-fatt, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali, partikolarment fil-punti 268 sa 272, 274 sa 281 u 389 sa 410 tas-sentenza appellata, ma hijiex ibbażata fuq in-natura indispensabbli jew le tal-konnessjoni inkwistjoni.

28.      Sussidjarjament, ir-rikorrenti jżidu jgħidu (punt 28 tar-rikors) li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jagħtihom, fi kwalunkwe każ, id-dritt li jressqu aggravju ġdid li jkun ibbażat fuq element ta’ dritt jew ta’ fatt li jirriżulta matul il-kawża, u dan jidher fis-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat hemmhekk il-kriterji applikabbli għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Skont ġurisprudenza stabbilita, applikabbli mutatis mutandis għal deċiżjoni preliminari, sentenza li tiċħad rikors ma tiġġustifikax il-produzzjoni ta’ aggravji ġodda (16).

29.      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti (punt 33 tar-rikors) jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. Prinċipalment, huma jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza meta ddeċidiet li l-elementi li fuqhom straħet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, imma li ma jidhrux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma għandhomx jiġu mwarrba ħlief jekk ir-rikorrenti juru li r-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata kien jinbidel. Skont ir-rikorrenti, il-kriterju tal-prova li użat il-Qorti Ġenerali ma jikkonformax mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ewr. D.B”).

30.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli billi, minn naħa, ma jindikax b’mod biżżejjed preċiż il-punti tas-sentenza appellata li fihom l-iżball ta’ liġi li tagħha qed jintalab l-annullament u, min-naħa l-oħra, il-punti 86 sa 109 tas-sentenza appellata, li janalizzaw din id-domanda fid-dettall, jagħmlu evalwazzjoni fattwali li ma hijiex suġġetta għal appell. Inżid ngħid li l-punt 78 tas-sentenza appellata jidher li huwa biss obiter dictum ta’ raġunament ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn deċiżivi li jidhru fil-punti 79 et seq, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, dan l-argument huwa mingħajr bażi billi, minn naħa, il-kriterju applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (17), li tikkonforma perfettament mal-ġurisprudenza tal-Qorti ewr. D.B. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief meta l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq dak id-dokument biex issostni l-ilment tagħha u li dan l-ilment jiġi ppruvat biss b’dan id-dokument (18). Meta diversi provi jappoġġaw speċifikament talba jew ilment, in-nuqqas ta’ xi wieħed minnhom ma huwiex biżżejjed biex titwarrab jekk hemm oħrajn jikkollaborawha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bbażat ruħha fuq l-ebda element ġdid biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tar-rikorrenti, kif jixhdu l-punti 103 u 107 tas-sentenza appellata.

31.      Sussidjarjament, huma jikkunsidraw (punt 36 tar-rikors) li kienu wrew li r-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata seta’ kien differenti kieku l-provi ġodda kienu twarrbu. Huma jsostnu li, meta injorat dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-provi u, barra minn hekk, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. Jidhirli li dan l-ilment huwa kemm inammissibbli, billi huwa bbażat fuq affermazzjonijiet lakoniċi u ġenerali, kif ukoll mingħajr bażi peress li l-Qorti Ġenerali effettivament eżaminat, fil-punti 88 sa 109 tas-sentenza appellata, in-natura allegatament ġdida ta’ ċerti provi u l-effett tan-nuqqas allegat ta’ aċċess għalihom. Barra minn hekk, bħal France Telecom, naħseb li l-elementi msemmijin mir-rikorrenti ma ddaħħlux fid-deċiżjoni biss bil-għan li jiġu megħluba l-argumenti invokati minn dawn fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq id-dokumenti inkwistjoni biex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (ara l-punt 103 tas-sentenza appellata).

32.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel u d-disa’ aggravji huma parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondati u għalhekk għandhom jiġu miċħudin.

b)      Is-sitt aggravju

33.      Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti jallegaw (punt 242 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 287 sa 295 tas-sentenza appellata, tal-ksur allegat tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali vvalidat interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza Bronner (19), meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet kompetenti li tirregola ex post il-kundizzjonijiet ta’ prezzijiet li huwa suġġett għalihom l-użu ta’ infrastrutturi mhux indispensabbli. Issa, l-istess kif France Telecom u l-ECTA enfasizzaw ġustament, dan l-argument huwa manifestament mhux fondat billi dan isostni li l-Artikolu 102 TFUE ma japplikax meta l-kundizzjonijiet iffissati fis-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, ma jiġux issodisfatti.

34.      It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 249 tar-rikors) apparentement il-punt 289 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom, peress li huma ma kinux allegaw li d-dritt tal-kompetizzjoni ma kienx japplika għal “swieq strumentali”, imma pjuttost li ma kienx japplika għal obbligu ta’ aċċess impost mir-regolatur nazzjonali. Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma jidentifikawx l-elementi fin-noti tal-osservazzjonijiet tagħhom li kienu ġew żnaturati, u lanqas l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan iż-żnaturament. Barra minn hekk, fl-ewwel istanza r-rikorrenti sostnew sew li d-dritt tal-kompetizzjoni ma setax japplika għall-“swieq strumentali” (punt 241 tar-replika tagħhom). Fi kwalunkwe każ dan l-ilment ma japplikax, peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx li r-risposta tal-Qorti Ġenerali hija korretta fid-dritt.

35.      It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 251 tar-rikors) apparentement il-punt 290 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament ma poġġietx fid-dubju l-użu tal-kunċett ta’ “livell tal-investimenti” li kien wassal, min-natura “regolatorj[a]” tiegħu, lill-Kummissjoni biex tinjora l-possibbiltà li tiġi użata taħlita ta’ prodotti. Dan l-ilment jidhirli li huwa manifestament inammissibbli billi ma fih l-ebda żball ta’ liġi u ma jpoġġi fid-dubju l-ebda osservazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 290 tas-sentenza appellata.

36.      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 253 tar-rikors) apparentement il-punt 293 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom, peress li huma ma kinux ikkontestaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, imma kkritikaw l-użu tiegħu mill-Kummissjoni għall-finijiet regolatorji. Dan l-argument huwa inammissibbli billi r-rikorrenti ma identifikawx l-elementi tal-osservazzjonijiet tagħhom li suppost kienu ġew żnaturati u lanqas l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li effettivament kienu sostnew li ma kienx hemm abbuż ta’ pożizzjoni dominanti billi d-dritt tat-telekomunikazzjonijiet isegwi għanijiet differenti minn dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni.

37.      Il-ħames nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 254 tar-rikors) apparentement il-punt 294 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti meta kkonstatat li l-uniċi miżuri adottati fl-2006 kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni meta, minn naħa, ir-Renju ta’ Spajna integra il-qafas regolatorju ġdid fl-2003 permezz tal-liġi-qafas fuq it-telekomunikazzjonijiet Nru 32/2003, tat-3 ta’ Novembru 2003) u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eżerċitat kontroll permezz ta’ rapporti ta’ implementazzjoni li hija ppubblikat mill-1997. Issa, kif il-Kummissjoni, l-ECTA u France Telecom ġustament enfasizzaw, il-Qorti Ġenerali ma żnaturat l-ebda fatt għaliex l-ebda miżura ma kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-2006, ħaġa li r-rikorrenti ma jikkontestawx. Il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli aġixxew qabel l-2006 fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni huwa, fil-prinċipju, mingħajr rilevanza, peress li l-argument tar-rikorrenti kien jikkonsisti f’li l-Kummissjoni kellha tuża l-poteri tagħha skont il-qafas regolatorju l-ġdid (punt 291 tas-sentenza appellata), imma li l-Qorti Ġenerali osservat li dawn ma setgħux jintużaw qabel in-notifika tal-miżuri fl-2006 (punt 294 tas-sentenza appellata).

38.      Bit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti jallegaw (punt 255 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 296 sa 308 tas-sentenza appellata. L-ewwel nett, huma jikkritikaw (punt 259 tar-rikors) apparentement il-punt 306 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta naqset milli teżamina jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx xierqa u meħtieġa fid-dawl tal-għanijiet leġittimi segwiti anki mill-awtorità ta’ regolament nazzjonali [la Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (il-Kummissjoni tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet Spanjola), iktar ’il quddiem iċ-“CMT”]. Huma jsostnu li kien hemm ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża, billi l-Qorti Ġenerali ġegħlithom juru li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li kienet il-Kummissjoni li kellha turi li l-azzjoni tagħha kienet tikkonforma ma’ dan il-prinċipju. Jiena naqbel mal-Kummissjoni u l-ECTA li dan l-argument huwa inammissibbli, billi ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali.

39.      It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 261 tar-rikors) apparentement il-punt 306 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta aċċettat li aġir li jikkonforma mal-qafas regolatorju jista’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Dan l-argument huwa inammissibbli wkoll billi, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sempliċiment invokaw il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li allegatament irriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-aġir taċ-CMT.

40.      It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 264 tar-rikors) il-punti 299 sa 304 tas-sentenza appellata fejn allegatament il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u injorat li l-għanijiet segwiti mid-dritt tal-kompetizzjoni u mill-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet huma identiċi. Dan l-argument jidhirli li huwa inammissibbli billi r-rikorrenti ma jidentifikawx l-allegazzjonijiet tagħhom li l-Qorti Ġenerali suppost żnaturat.

41.      Fit-tielet parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 267 tar-rikors) l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba. Huma għandhom f’moħħhom partikolarment il-punti 313 u 314 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-allegazzjonijiet tagħhom peress li huma ma lmentawx li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonsultat liċ-CMT fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li ma kinitx aġixxiet fuq il-bażi tal-elementi kollha ta’ fatt meħtieġa biex tifformula opinjoni u li ma kinitx kkooperat b’mod adegwat maċ-CMT fuq il-bażijiet u l-fondamenti tal-azzjoni tagħha kif ukoll fuq l-impatt tagħha fuq it-twettiq tal-għanijiet regolamentari. B’hekk, huma jgħidu li l-Qorti Ġenerali żbaljatament naqset milli tevalwa jekk, fl-eżerċizzju tal-obbligu tagħha ta’ kollaborazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni kinitx analizzat il-motiv u ddiskutitx maċ-CMT il-finalità tal-azzjoni tagħha u tal-metodu tagħha ta’ kalkolu ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet (jiġifieri t-test li CMT applikat). Jidhirli li dan l-argument huwa manifestament inammissibbli billi r-rikorrenti ma jidentifikawx l-elementi li suppost ġew żnaturati u lanqas l-iżbalji fl-analiżi li suppost twettqu. Barra minn hekk, l-argument huwa manifestament mingħajr ebda bażi billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat, u r-rikorrenti dan ma kkontestawhx, min-naħa li ċ-CMT kienet effettivament assoċjata mal-proċedura amministrattiva, u min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistabbilixxux obbligu għall-Kummissjoni li tikkonsulta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

42.      Minn dak li għedt iktar ’il fuq jidhirli li s-sitt aggravju huwa kemm inammissibbli, kif ukoll infondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

c)      Is-seba’ aggravju

i)      L-ewwel parti tas-seba’ aggravju

43.      Ir-rikorrenti jallegaw (punt 274 tar-rikors) li, fil-qafas tal-eżami tad-deskrizzjoni tal-ksur bħala “abbuż serju” fil-punti 353 sa 369 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-legalità tal-pieni ggarantiti fl-Artikolu 7 tal-KEDB u fl-Artikolu 49 tal-Karta. Huma jenfasizzaw li, skont is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (20), dawn il-prinċipji jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ġurisprudenzjali ta’ regola li tistabbilixxi ksur, li r-riżultat tagħha ma kienx raġonevolment prevedibbi fil-mument meta sar il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni magħmula ta’ din ir-regola f’dik l-epoka fil-ġurisprudenza.

44.      Bl-ewwel ilment tagħhom (punt 281 tar-rikors), bl-isem “Eżistenza ta’ preċedenti ċari u prevedibbli”, ir-rikorrenti kkuntentaw ruħhom li jiġbru fil-qosor il-punti 357 sa 368 tas-sentenza appellata. Fit-tieni lment tagħhom (punt 284 tar-rikors) huma jikkritikaw il-punt 357 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali qagħdet fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni dwar li kien opportun li tiġi imposta multa, biex b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 229 KE (li sar l-Artikolu 261 TFUE), kif ukoll il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-KEDB. Bit-tielet ilment tagħhom (punt 286 tar-rikors), huma jikkritikaw apparentement il-punti 356 sa 362 tas-sentenza appellata billi l-Qorti Ġenerali allegatament ikkonkludiet b’mod żbaljat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-aġir tagħhom kien ibbażat fuq preċedenti ċari u prevedibbli. Fir-raba’ lment tagħhom (punt 302 tar-rikors), ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punti 363 sa 369 tas-sentenza appellata, billi allegatament l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet raġonevolment fondata fuq preċedenti ċari u prevedibbli.

45.      Jidhirli li din l-ewwel parti fil-kumpless tagħha hija inammissibbli billi r-rikorrenti ma qajmux fl-ewwel istanza l-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ preċedenti ċari biex jikkontestaw il-prinċipju tal-impożizzjoni ta’ multa, imma biss f’relazzjoni mal-ammont tal-multa u l-eżistenza ta’ “abbuż serju”.

ii)    It-tieni parti tas-seba’ aggravju

46.      Ir-rikorrenti jallegaw (punt 310 tar-rikors) li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 319 sa 352 tas-sentenza appellata, tad-deskrizzjoni tal-aġir tagħhom bħala “ksur imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza” fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

–       L-ewwel ilment

47.      L-ewwel argument: ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punti 322 sa 326 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament b’mod żbaljat ikkunsidrat li huma setgħu jipprevedu d-definizzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Biżżejjed jiġi kkonstatat, flimkien mal-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji klassiċi ta’ definizzjoni tas-swieq bbażati fuq is-sostitwibbiltà, li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “imprevedibbli”. Barra minn hekk, l-allegata imprevedibbiltà tad-distinzjoni bejn swieq bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali ma tapplikax billi dawn is-swieq kienu t-tnejn affettwati b’pożizzjoni dominanti u b’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet implementata mir-rikorrenti.

48.      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 317 tar-rikors) apparentement il-punt 323 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti ewr. D.B. f’kwistjoni ta’ previdibbiltà, iddeċidiet li r-rikorrenti kien messhom jirrikorru għal pariri ċari, mingħajr ma vverifikat jekk huma effettivament kinux għamlu hekk u ppreżumiet li dawk il-pariri kienu jikkoinċidu mal-approċċ tal-Kummissjoni. Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-ġurisprudenza qatt ma tat importanza għall-fatt jekk l-impriża ħaditx jew le parir, li jippresupponi li l-impriżi jibqgħu mingħajr sanzjoni jekk ma jitolbux pariri legali.

49.      Imbagħad, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 319 tar-rikors) apparentement il-punt 326 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament applikat ħażin il-kriterju legali tal-prevedibbiltà tad-definizzjoni tas-suq u, għaldaqstant dak tal-prevedibbiltà tal-konsegwenzi tal-aġir tagħhom, u ma jitteħidtx inkunsiderazzjoni l-kuntest u ta’ ċerti ċirkustanzi msemmijin mir-rikorrenti, bħall-fatt li l-preċedenti disponibbli jiddefinixxu suq uniku, il-fatt li ċerti operaturi jużaw taħlita ta’ konnessjonijiet, il-fatt li s-swieq bl-ingrossa nazzjonali u/jew reġjonali ma jeżistux fi Stati Membri oħrajn, il-fatt li d-Direttiva 2002/21/KE (21) tiddefinixxi suq wieħed li jinkludi l-infrastruttura nazzjonali u reġjonali, jew il-fatt li ċ-CMT hija stess ikkonfermat din il-pożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ April 2006. Dawn l-allegazzjonijiet jidhirli li huma inammissibbli billi, għalkemm fl-appell iċ-ċirkustanzi differenti ċċitati iktar ’il fuq huma msemmijin, dawn ma kinux ssemmew fl-ewwel istanza għall-finijiet li tiġi miċħuda l-prevedibbiltà tal-konsegwenzi tal-aġir tar-rikorrenti (u la fil-punti 297 sa 301 tar-rikors, u lanqas fil-punti 271 sa 275 tar-replika fl-ewwel istanza).

50.      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 323 tar-rikors) apparentement il-punt 326 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet ħażin li ma setgħux jinjoraw li kellhom pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti. Din l-affermazzjoni titlaq minn premessa żbaljata li r-rikorrenti kellhom raġonevolment jipprevedu d-definizzjoni ta’ suq li adottat il-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali użat kriterju legali żbaljat meta għamlet analiżi fil-mertu minflok ma applikat il-kriterju ta’ prevedibbiltà. Dawn l-allegazzjonijiet huma inammissibbli billi, fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti ma esprimew l-ebda dubju fuq il-fatt li s-sehem fis-suq tagħhom seta’ jindika raġonevolment pożizzjoni dominanti, la fil-punti 297 sa 310 tar-rikors, u lanqas fil-punti 272 sa 275 tar-replika.

51.      It-tieni argument: ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punti 338 sa 341 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet ħażin li kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-politika tal-prezzijiet tagħhom setgħet tikkostitwixxi aġir kompetittiv.

52.      L-ewwel nett, huma jikkritikaw (punt 330 tar-rikors) apparentement il-punti 339 u 340 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament applikat kriterju legali żbaljat meta għamlet analiżi fil-mertu sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx leġittimament tintervjeni ex post, minflok ma għamlet analiżi ta’ pervedibbiltà, sabiex jiġi ddeterminat jekk intervent bħal dak kienx raġonevolment prevedibbli, meta r-rikorrenti kienu suġġetti għal obbligu li jagħtu aċċess u għal stħarriġ fil-fond min-naħa taċ-CMT. Fil-fehma tiegħi, huwa assolutament evidenti u, għaldaqstant, “prevedibbli” li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ ċertu segwitu mill-awtoritajiet settorjali nazzjonali ma jipprekludux l-applikazzjoni tat-trattati (kif inhu enfasizzat fil-punt 340 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 119, 124 u 127) stabbiliet li l-leġiżlazzjoni settorjali setgħet kienet rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kinitx taf bin-natura illegali tal-aġir tagħha, imma mhux biex tiġi stabbilita n-natura intenzjonata jew negliġenti ta’ din tal-aħħar, b’din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-impriża ma setgħetx tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kellhiex jew le l-ħsieb li tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat.

53.      Imbagħad, ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement l-ewwel parti tal-punt 341 tas-sentenza appellata, rigward il-prodott bl-ingrossa reġjonali, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinux ikkontestaw li s-CMT kienet eżaminat l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhux fuq il-bażi tal-ispejjeż storiċi reali tar-rikorrenti, imma fuq il-bażi ta’ stimi ex ante. Ir-rikorrenti b’hekk jippretendu li kienu sostnew fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza (punt 320) li ċ-CMT ma kinitx xtaqet tuża l-kontabbiltà tal-ispejjeż reali tagħhom, u ppreferiet tqabbad lill-konsulent ARCOME jelabora mudell ibbażat fuq l-ispejjeż ta’ kompetitur ipotetiku, “raġonevolement effiċjenti”, u mhux fuq dawk ta’ kompetitur “daqstant effiċjenti”. Il-Qorti Ġenerali għalhekk allegatament injorat il-fatt li r-rikorrenti setgħu legittimament jippreżumu li l-analiżi taċ-CMT kellha tkun iktar preċiża mill-analiżi bbażata fuq l-ispejjeż tagħhom stess. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat manifestament il-fatti meta ma kkunsidratx li l-prezzijiet inkwistjoni kienu ġew suġġetti għal kontroll ex post. Jiena nirrileva li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni fattwali li ċ-CMT ma analizzatx il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq il-bażi ta’ dejta storika reali. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet li ċ-CMT kienet irrikorriet għall-kriterju tal-kompetitur “raġonevolment effiċjenti”, minbarra li ma humiex kkorroborati, huma manifestament inammissibbli peress li r-rikorrenti qatt ma qajmuhom fl-ewwel istanza, anki għalkemm id-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 733 tagħha, affermat li l-metodu użat miċ-CMT kien dak tal-operatur “daqstant effiċjenti”. Imbagħad, dawn l-allegazzjonijiet huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr rilevanza u inapplikabbli għaliex, kif hemm indikat fil-punt 302 tas-sentenza appellata, iċ-CMT iddikjarat diversi drabi li ma kellhiex l-informazzjoni meħtieġa għall-eżami tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, b’mod li r-rikorrenti ma setgħux jistennew li l-istħarriġ tas-CMT, ibbażat fuq stimi ex ante, kien jipproteġihom kontra l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni ex post, li jistrieħ fuq id-dejta reali u storika. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx li tieħu inkunsiderazzjoni l-allegat kontroll ex post, imma sempliċiment kkunsidrat li dan il-kontroll ma jimminax il-konklużjoni tagħha (punti 303, 340, 347 u 348 tas-sentenza appellata).

54.      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw (punt 334 tar-rikors) apparentement it-tieni parti tal-punt 341 tas-sentenza appellata, dwar il-prodott bl-ingrossa nazzjonali, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti u injorat il-fatt li, minn naħa, huma kienu allegaw li l-infrastrutturi nazzjonali tagħhom kienu jagħmlu parti minn suq iktar vast li jinkludi l-loop lokali u, tal-inqas, l-aċċess reġjonali, suġġett għal leġiżlazzjoni ta’ aċċess ex ante miċ-CMT u, min-naħa l-oħra, li huma kienu suġġetti għal kontroll ex post taċ-CMT. Biżżejjed jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ kontroll miċ-CMT huwa kwistjoni ta’ fatt u li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma ċari f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti huma inapplikabbli billi s-sempliċi fatt li jeżisti kontroll ex post potenzjali ma jeskludix l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

–       It-tieni ilment

55.      B’dan l-ilment (punt 338 tar-rikors), ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punt 343 sa 352 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet li n-nuqqas ta’ intervent tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet taċ-CMT ma setgħux joħolqu fir-rikorrenti aspettattiva leġittima fil-fatt li l-prattiċi tal-prezzijiet tagħhom kienu jikkonformaw mal-Artikolu 102 TFUE. Jidhirli li dawn l-argumenti huma inammissibbli, peress li jikkostitwixxu kritika sempliċi fformulata kontra l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

56.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.

3.      It-tmien aggravju (kalkolu tal-ammont tal-multa) u l-għaxar aggravju (ksur tal-obbligu li jiġi eżerċitat stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet)

57.      L-ewwel nett ser nanalizza, biex nipproponi li jiġu miċħudin, it-tieni u t-tielet argumenti tal-ewwel ilment u tat-tieni lment tal-ewwel parti tat-tmien aggravju. Imbagħad ser nanalizza l-ewwel u r-raba’ argumenti tal-ewwel aggravju u l-ilmenti l-oħrajn tat-tmien aggravju kif ukoll l-għaxar aggravju li, b’mod jew ieħor, kollha huma marbutin mal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali eżerċitatx sew is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa.

i)      L-ewwel parti tat-tmien aggravju (it-tieni u t-tielet argumenti tal-ewwel ilment u tat-tieni lment)

58.      Bit-tieni argument tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti (punt 371 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punt 384 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kkunsidrat ħażin li huma kienu f’sitwazzjoni ta’ monopolju virtwali, u b’hekk injorat ċerti karatteristiċi essenzjali tas-suq, bħall-possibbiltà li jiġu ddupplikati l-prodotti bl-ingrossa, in-natura kontestabbli tas-suq, il-leġiżlazzjoni stretta li kienu suġġetti għaliha u l-pressjonijiet kompetittiv indiretti. Billi dan l-argument ma għandux għan ieħor ħlief li titpoġġa fid-dubju l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, dan huwa inammissibbli.

59.      Imbagħad, bit-tielet argument tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti (punt 374 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punt 385 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet ħażin li l-metodu ta’ kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jirriżulta mill-prattika deċiżjonali ta’ qabel tal-Kummissjoni, meta dak il-metodu kien jinkludi diversi elementi ġodda bħal, fost l-oħrajn, il-preżenza ta’ konnessjoni mhux indispensabbli jew ta’ suq fi żvilupp.

60.      Ir-rikorrenti jirripetu l-idea li s-sanzjoni ma kinitx prevedibbli għaliex fil-każ tagħhom kien hemm konnessjoni (speċifikament “in-netwerk ta’ aċċess lokali ta’ Telefónica”) mhux essenzjali (22) u jirreferu ripetutament għas-sentenza Bronner (23), għall-fatt li l-preċedenti kienu jikkonċernaw esklużivament il-“konnessjonijiet essenzjali” u għas-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kummissjoni (24) (biex jiġi allegat li l-kwistjoni jekk il-prezz kellux ikun eċċessiv jew predatorju ma ngħatatx risposta ċara). Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Bronner, jiena nikkonstata li, f’dan il-każ, li l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx jew le obbligata li tipprovdi prodott ma kinitx tqum, għaliex dan l-obbligu kien jeżisti diġà. Barra minn hekk, huwa żbaljat b’mod ċar li jiġi affermat li l-preċedenti kollha kienu jagħmlu riferiment għal konnessjonijiet essenzjali. Pereżempju, Telefónica naqset milli ssemmi d-deċiżjoni National Carbonising, dwar abbuż li jikkonsisti f’dak li llum jissejjaħ “kompressjonijiet fuq il-marġni tal-prezzijiet” (25). Fil-kawża Napier Brown (26), il-Kummissjoni kkonkludiet li kien jeżisti abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet meta kien hemm disponibbli alternattivi għall-prodott upstream. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma ħtiġitx f’dan il-każ li l-konnessjoni tkun indispensabbli (27). Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (28), li kienet ittrattat din il-problema diġà fl-1998, lanqas ma teħtieġ l-eżistenza ta’ konnessjoni essenzjali jew ta’ prezz eċċessiv jew predatorju. Fil-verità, il-kwistjoni li tqum quddiem il-Qorti Ġenerali kienet jekk kinux jeżistu preċedenti li kienu jeħtieġu li l-konnessjoni tkun essenzjali u mhux il-kontra.

61.      Barra minn hekk, l-argument imressaq mir-rikorrenti fl-ewwel istanza (punt 341 tar-rikors) li n-natura “mhux essenzjali” tal-konnessjoni fil-każ tagħha ma kienx evidenti u anki inapplikabbli għaliex il-Kummissjoni mkien ma kkonkludiet li kien hemm natura “essenzjali” ta’ din il-konnessjoni, billi din il-karatteristika ma kinitx kundizzjoni tar-raġunament li hija tapplika biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż. Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti sempliċiment jinsistu fuq il-fatt li l-qari tagħhom tas-sentenza hija dik tajba, mingħajr ma verament jidħlu f’diskussjoni fuq l-interpretazzjoni konġunta li jagħtuha l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali.

62.      Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti fuq elementi oħrajn ġodda użati mill-Kummissjoni u li l-Qorti Ġenerali allegatament injorat, biżżejjed jiġi kkonstatat li huwa inammissibbli, għaliex, fl-ewwel lok, ma tressaqx ħlief biex titnaqqas il-multa u mhux biex jiġi kkontestat il-fatt li l-Kummissjoni setgħet timponiha. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament l-argument dwar is-swieq li qed jiżviluppaw, id-deċiżjonijiet Wanadoo Interactive (29) u Deutsche Telekom, iċċitati iktar ’il fuq, jirrigwardaw ukoll swieq li kienu qegħdin jikbru sew, b’mod li kien ċar li din iċ-ċirkustanza minnha nnifisha ma kinitx biżżejjed biex teskludi l-eżistenza ta’ abbuż.

63.      Fl-aħħar nett, bit-tieni lment, ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punti 377 sa 407 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament ikkommettiet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti konkreti tal-abbuż inkwistjoni u iktar speċifikament (fi kwalunkwe każ apparentement): i) il-punti 394 sa 398 tas-sentenza appellata fejn it-Tribunal allegatament wettaq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tiegħu tal-evoluzzjoni tas-sehem tagħhom fis-suq tal-imnut (punt 380 tar-rikors); ii) il-punt 399 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat il-fatti peress li l-Kummissjoni kienet hija stess irrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li żewġ operaturi kienu laħqu sehem fis-suq ta’ iktar minn 1 % Wanadoo España u Ya.com) (punt 385 tar-rikors); iii) il-punt 401 tas-sentenza kkontestata fejn il-Qorti Ġenerali kienet ddeċidiet ħażin li r-ritmu ta’ tkabbir superjuri tar-rikorrenti fis-suq bl-ingrossa kien indizju konkret ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħhom (punt 390 tar-rikors); iv) il-punt 407 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament ikkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-livell għoli tal-prezz bl-imnut fi Spanja kien jikkostitwixxi indizju kredibbli tal-impatt konkret tal-aġir tagħhom fis-suq Spanjol filwaqt li l-Kummissjoni allegatament ma stabbilietx rabta ta’ kawżalità bejn l-abbuż inkwistjoni u l-livell għoli tal-prezz bl-imnut (punt 393 tar-rikors), u v) il-punt 409 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li r-rata dgħajfa ta’ penetrazzjoni tal-broadband fi Spanja kienet tikkostitwixxi indizju kredibbli tal-impatt konkret tal-aġir tagħhom fis-suq Spanjol filwaqt li injorat fatturi oħrajn invokati mir-rikorrenti li kienu jispjegaw din ir-rata dgħajfa (punt 399 tar-rikors).

64.      Jiena nikkunsidra li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma kontra dan it-tieni lment fil-kumpless tiegħu mill-Kummissjoni u France Telecom għandha tiġi milqugħa. Fil-fatt, dan l-ilment jistrieħ fuq allegazzjonijiet li ma sarux fl-ewwel istanza u jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid elementi ta’ fatt. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tapplika l-kriterju adegwat, jiġifieri l-preżenza ta’ “indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li jiġi evalwat l-effett reali li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni” (punt 390 tas-sentenza appellata), u r-rikorrenti llimitaw ruħhom biex jikkontestaw n-natura suffiċjenti tal-indizji, mingħajr b’daqshekk ma invokaw kwalunkwe żnaturament.

ii)    L-ewwel u r-raba’ argumenti tal-ewwel lment, it-tielet u r-raba’ lmenti tal-ewwel parti kif ukoll il-bqija tat-tmien aggravju u l-għaxar aggravju

65.      Ser nesponi l-argumenti tal-partijiet qabel ma nagħmel sinteżi tagħhom biex niżola l-kwistjoni essenzjali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell.

–       Argumenti tal-partijiet

66.      Bl-ewwel argument tal-ewwel ilment (punt 362 tar-rikors), ir-rikorrenti jikkritikaw apparentement il-punti 382 sa 387 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żbalji ta’ liġi fid-deskrizzjoni tan-natura tal-ksur fir-rigward tal-linji ta’ gwida tal-1998 għall-kalkoli tal-multi. B’mod partikolari kkunsidrat li konstatazzjoni tal-assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kien jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ “abbuż serju”. Skont ir-rikorrenti, ir-raġunament tagħhom dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali ried juri li huma ma kinux f’pożizzjoni li jbassru li l-aġir tagħhom kien illegali, filwaqt li dak fuq l-abbuż serju ried jistabbilixxi li ma kinitx kwistjoni ta’ abbuż evidenti jew “clear-cut” fir-rigward tal-linji gwida tal-1998. Ir-rikorrenti jgħidu li huma setgħu leġittimament jiddubitaw min-natura abbużiva tal-aġir tagħhom.

67.      Essenzjalment il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tittratta l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm “abbuż serju” billi tirrispondi b’mod estremament iddettaljat, fil-punti 353 sa 369 tas-sentenza appellata, kull argument imressaq fl-ewwel istanza, u kkonkludiet li l-preċedenti kienu suffiċjentement ċari.

68.      Bir-raba’ argument tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti (punt 375 tar-rikors) jikkritikaw inter alia l-punt 386 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta rrifjutat li tiddeskrivi l-ksur bħala “serju” minflok “serju ħafna” għall-perijodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom.

69.      Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata għandha tinqara kollha kemm hi u li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ksur kien “serju ħafna” indipendentement mid-deċiżjoni Deutsche Telekom, iċċitata iktar ’il fuq.

70.      Fit-tielet ilment ir-rikorrenti (punt 409 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punti 412 u 413 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kisret il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni billi ddeċidiet li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, anki fil-preżenza ta’ preċedenti simili ħafna, bħall-fajl tagħhom id-deċiżjonijiet Wanadoo Interactive u Deutsche Telekom.

71.      Skont il-Kummissjoni, dan l-ilment ma jiżvela l-ebda żball ta’ liġi peress li l-ebda regola ta’ dritt ma tipprekludi li ksur li l-portata tiegħu hija limitata għal Stat Membru jiġi deskritt bħala “serju ħafna”. Barra minn hekk, hija tirreferi għall-punt 413 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali wriet d-differenzi sinjifikattivi mal-kawżi ta’ qabel, li qatt ma kienu ġew kkontestati mir-rikorrenti.

72.      Bir-raba’ lment tagħhom, ir-rikorrenti (punt 414 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punti 415 sa 420 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità varjabbli tas-serjetà tal-ksur matul il-perijodu ta’ ksur.

73.      Il-Kummissjoni tafferma essenzjalment li kienet irrikonoxxiet, fil-premessi 750 u 760 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien “anqas serju” matul ċerti perijodi, li juri li l-intensità varjabbli tas-serjetà kienet ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li taqsim f’żewġ perijodi distinti ma huwiex f’loku għaliex il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-ksur huwa serju ħafna matul iż-żewġ perijodi.

74.      Fit-tieni parti tat-tmien aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni. Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti (punt 424 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punti 424 sa 427 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament iddeċidiet, bi ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma kinitx isservi ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam ta’ kompetizzjoni.

75.      Il-Kummissjoni tfakkar li kienet uriet fl-ewwel istanza id-differenzi bejn din il-kawża u l-kawżi ċċitati mir-rikorrenti u żżid tgħid li hija għandha s-setgħa li żżid il-livell tal-multi, partikolarment meta l-livell preċedenti ma jkunx wera li kien dissważiv. Għaldaqstant, il-fatt li l-ammont bażiku huwa ferm superjuri għal dak impost fid-deċiżjonijiet Wanadoo Interactive jew Deutsche Telekom ma huwiex rilevanti biex tiġi evalwata l-legalità tal-ammont bażiku f’din il-kawża.

76.      Bit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti (punt 428 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punti 428 sa 432 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma għamlet stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tiġi vverifikata n-natura proporzjonata tas-sanzjoni u għalhekk, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sempliċiment imxiet mal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-Kummissjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi.

77.      Il-Kummissjoni tosserva sostanzjalment li l-Qorti Ġenerali ma tagħmilx biss riferiment għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, imma effettivament tivverifika fil-punt 432 tas-sentenza appellata jekk il-multa hijiex sproporzjonata

78.      Bit-tielet lment tagħhom, ir-rikorrenti (punt 432 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punt 433 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tivverifika jekk il-prinċipju tal-effett dissważiv tal-multa kienx indebitament ipprevala fuq il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni.

79.      Il-Kummissjoni tistqarr li ma rat l-ebda żball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti. Hija tenfasizza, minn naħa, li l-ebda prinċipju legali ma jafferma li l-“effett individwali” għandu jipprevali fuq l-“effett dissważiv ġenerali” u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kienet spjegat b’mod iddettaljat ħafna r-raġuni għaliex il-multa kienet ġiet adattata għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

80.      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lment tagħhom, ir-rikorrenti (punt 435 tar-rikors) jikkritikaw apparentement il-punti 434 u 435 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li timmotiva b’xi attenzjoni partikolari d-deċiżjoni tagħha li timponi multa kunsiderevolment ogħla milli fid-deċiżjonijiet Wanadoo Interactive u Deutsche Telekom.

81.      Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li, billi r-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kienet ivverifikat li d-dejta “tidher” fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raba’ lment ma jiżvela l-ebda żball ta’ liġi billi, fil-kuntest tal-motivazzjoni, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni tipprovdix motivi biżżejjed u mhux jekk hija pproduċietx il-provi insostenn tal-motivi tagħha.

82.      Fit-tielet parti tat-tmien aggravju tagħhom, ir-rikorrenti (punti 439 u 440 tar-rikors) isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 437 sa 443 tas-sentenza appellata, taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni.

83.      Il-Kummissjoni u France Telecom josservaw l-ewwel nett li l-punti 437 sa 443 tas-sentenza appellata jiċħdu bi preċiżjoni l-argumenti mressqin mir-rikorrenti. Imbagħad, il-Kummissjoni tenfasizza li l-qrati tal-Unjoni kkonfermaw il-legalità tal-prattika li tikkonsisti fiż-żieda tal-multa imposta fuq l-impriżi l-kbar, bħal fis-sentenzi Showa Denko vs Il-Kummissjoni u Lafarge vs Il-Kummissjoni (30). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid tgħid li ż-żieda ta’ 25 % hija ferm inqas minn dik tradizzjonalment applikata mill-Kummissjoni.

84.      Fir-raba’ parti tat-tmien aggravju, li huwa formalment inkluż fi ħdan it-tielet parti fl-appell, ir-rikorrenti (punt 445 tar-rikors) essenzjalment jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 444 sa 452 tas-sentenza appellata, tad-deskrizzjoni tal-aġir tagħha bħala “ksur fit-tul”.

85.      Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ebda element tal-fajl ipprovdut mir-rikorrenti ma jsemmi t-tibdil fil-prezzijiet bejn Ġunju u Diċembru 2006.

86.      Fil-ħames parti tat-tmien aggravju tagħhom, li huwa formalment inkluż fi ħdan it-tielet parti fl-appell, ir-rikorrenti (punt 453 tar-rikors) jallegaw essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 453 sa 461 tas-sentenza appellata, tat-tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

87.      Għal dak li jirrigwarda n-negliġenza, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tevalwa b’attenzjoni dan l-aspett fil-punt 458 tas-sentenza appellata, li għandha tinqara fid-dawl tal-kumpless tas-sentenza appellata. Għar-rigward tan-natura ġdida, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet sew, fil-punt 461 tas-sentenza appellata, li rriferiet għall-punti 356 sa 368 ta’ dik is-sentenza għaliex kienet evalwat diġà l-gravità tal-ksur u li ċirkustanza attenwanti tikkontribwixxi wkoll għall-evalwazzjoni ta’ din is-serjetà.

88.      Fl-għaxar aggravju tagħhom, ir-rikorrenti (punt 474 tar-rikors) jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 229 KE (li sar l-Artikolu 261 TFUE) bi ksur tal-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fuq is-sanzjonijiet.

89.      Il-Kummissjoni ssostni li kull allegazzjoni fformulata fl-għaxar aggravju ġiet miċħuda b’mod iddettaljat fir-risposti tagħha għall-aggravji l-oħrajn.

–       Analiżi

90.      Kif wieħed jista’ jikkonstata meta jaqra l-argumenti tal-partijiet, l-ewwel (fl-ewwel u r-raba’ argumenti), it-tielet u r-raba’ lmenti tal-ewwel parti tat-tmien aggravju, l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ lmenti tat-tieni parti tat-tmien aggravju, kif ukoll it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet tiegħu u fl-aħħar nett l-għaxar aggravju jikkoinċidu kunsiderevolment. Fil-fatt, l-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar il-kalkolu tal-multa essenzjalment jolqtu l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni. Għalhekk issa ser nanalizza l-kwistjoni jekk fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali effettivament eżerċitax is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kif inhi obbligata jew ikkuntentatx ruħha żbaljatament li toqgħod fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni.

 α)     L-ewwel parti: drittijiet u obbligi tal-Kummissjoni

91.      Jekk, fi ħdan l-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-ġurisprudenza teħtieġ, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, li l-istess metodu ta’ kalkolu jintuża fir-rigward tal-membri kollha tal-kartell (31), huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li “l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni” (32).

92.      Għalhekk “il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell, jekk żieda tas-sanzjonijiet tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li hija rregolata biss mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003” (33). Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid (34) li “[i]l-Kummissjoni ma tistax, fil-fatt, tkun obbligata tiffissa multi proporzjonali għall-fatturat u b’koerenza perfetta ma’ dawk iffissati f’każijiet oħra”.

93.      Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “l-implementazzjoni tal-imsemmija politika teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi skont il-bżonnijiet tal-politika f’dan il-qasam” (35), partikolarment meta l-livelli applikati preċedentement ma jkunux urew ruħhom dissważivi.

94.      Dejjem skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jingħad ukoll li “s-serjetà tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ bosta elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva ta’ l-ammendi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista obbligatorja jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jitqiesu f’mod obbligatorju” (36).

95.      Għandha tiġi ċċitata wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li ntalbet tiddeċiedi dawn il-kwistjonijiet. Hija osservat, ġustament, fis-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, li, “[f]ir-rigward tal-komparazzjonijiet […] ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi, jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ħlief jekk jiġi ppruvat li l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma komparabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ” (37) (l-enfasi hija tiegħi).

96.      Fis-sentenza Tréfilunion vs Il-Kummissjoni (imsejħa akkordju ta’ “Treillis soudés”) (38), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ġustament li “għalkemm huwa deżiderabbli li l-impriżi sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw fid-dettall, skont kwalunkwe sistema li l-Kummissjoni jidhrilha li hija opportuna, il-mod tal-kalkolu tal-multa li imponitilhom, mingħajr ma jkunu obbligati, biex isir dan, li jippreżentaw rikorsi ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħaġa li tkun kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – f’dan il-każ u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, elementi li hemm fid-deċiżjoni u tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tar-rikorrenti […] l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi sostnut” (l-enfasi hija tiegħi).

97.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-ġurisprudenza tagħha, “kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija tkun marbuta li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, fost liema hemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-Qrati tal-Unjoni” (39).

98.      Biex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkonstata li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, li l-importanza tiegħu għadha kkonfermata mill-ġurisprudenza riċenti Chalkor vs Il-Kummissjoni u KME Germany vs Il-Kummissjoni (imsejħa akkordju tas-“Suq ta’ tubi industrijali/sanitari tar-ram”) kif ukoll dik tal-Qorti ewr. D.B. (40), huwa fil-qalba tar-rilevanza għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, ta’ paragun tad-deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjonijiet ta’ qabel tal-Kummissjoni fejn dawn jimponu multa.

99.      L-ewwel nett, fis-sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni (41), iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 73 il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmja fil-punti 341 u 342 tas-sentenza appellata [(42)], ir-rekwiżiti tal-formalità essenzjali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tqis is-serjetà u t-tul tal-ksur. Fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, id-deċiżjoni tkun ivviżjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni”.

100. Imbagħad, fil-punt 76 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “ċertament il-Kummissjoni ma tistax, b’użu esklużiv u mekkaniku ta’ formuli aritmetiċi, iċċaħħad lilha nnifisha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Madankollu, hija libera li fid-deċiżjoni tagħha tagħmel motivazzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti msemmijin fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, fost l-oħrajn bl-indikazzjoni taċ-ċifri li ggwidaw, b’mod partikolari għall-effett dissważiv imfittex, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-iffissar tal-multi imposti kontra diversi impriżi li pparteċipaw, b’intensità varjabbli, fil-ksur” (l-enfasi hija tiegħi).

101. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 77 ta’ dik is-sentenza, li, “[fil-]fatt, jista’ jkun deżiderabbli li l-Kummissjoni tuża din il-fakultà biex tippermetti lill-impriżi li jkunu jafu fid-dettall il-mod tal-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqhom. B’mod iktar ġenerali, dan jista’ jservi għat-trasparenza tal-azzjoni amministrattiva u jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tippermettilha li tevalwa, lil hinn mil-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata], in-natura proprija tal-multa imposta. Madankollu, din il-fakultà […] ma hijiex ta’ natura li timmodifika l-estensjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni” (l-enfasi hija tiegħi).

102. Għalkemm jirriżulta b’mod ċar minn din il-ġurisprudenza li l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-mod tal-kalkolu tal-multa tirrappreżenta biss fakultà “deżiderabbli” li ma tirrigwardax stricto sensu l-obbligu ta’ motivazzjoni, li teħtieġ biss l-indikazzjoni tal-elementi tal-evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni li tkejjel is-serjetà u t-tul tal-ksur (43), wieħed għandu jistaqsi jekk dan ifissirx li l-Kummissjoni tista’ tibqa’ siekta dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multa u ma tispjegax b’mod iddettaljat żieda drastika f’multa imposta b’relazzjoni ma’ preċedenti paragunabbli ħafna u dan, fid-dawl tas-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Chalkor u KME kif ukoll Menarini, billi dawn tal-aħħar ippreċiżaw il-portata tal-obbligu ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jorbot lill-Qorti Ġenerali.

103. Fil-fatt, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett ippreċiżat, fil-punt 60 tas-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li “[i]l-Linji Gwida, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax taħrab minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [(44)], sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa

104. F’dan il-kuntest, skont il-punt 61 tas-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (kif ukoll skont il-punt 128 tas-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq), “l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni […] [f]’dan il-każ, […] jerġa’ għandu importanza partikolari. Hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari li tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni […] Il-preżenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi vverifikata ex officio mill-qorti” (l-enfasi hija tiegħi).

105. Infakkar ukoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (45) tippreċiża li “jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija parti minn prassi deċiżjonali stabblita tista’ tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari permezz ta’ riferiment għal din il-prassi, billi din tmur b’mod sinjifikattiv iktar lil hinn minn deċiżjonijiet preċedenti, huwa għall-Kummissjoni li tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu” (l-enfasi hija tiegħi). Mingħajr din l-ispjegazzjoni, l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa isir ferm iktar diffiċli.

106. Fl-aħħar nett, nikkonstata li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni tidher nettament iktar trasparenti u ddettaljata meta “tipproponi” multa jew pagament ta’ penalità [fil-proċedura għal ksur doppju (Artikolu 260(2) TFUE)] meta hija “tiddeċiedi” hija stess multa (fil-proċedura fid-dritt tal-kompetizzjoni) (46).

 β)     It-tieni parti: ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali


 αα)   It-teorija fuq is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

107. Fit-trattat ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957 (47), il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet fil-qasam ta’ sanzjonijiet, kompetenza partikolari ħafna: il-ġurisdizzjoni sħiħa. B’mod partikolari tippermettilha fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, mhux biss li tannulla jew tikkonferma multa u l-ammont tagħha imma li żżidha jew tnaqqasha.

108. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 130 tas-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, “l-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa, li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta [(48)]” (l-enfasi hija tiegħi).

109. Mingħajr ma t-testijiet tat-Trattat jew tar-regolamenti li jagħtu din il-kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja ma nbidlu (49), il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dħul fis-seħħ tal-Karta (li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, issa għandha l-istess valur legali tat-Trattati) u l-ġurisprudenza kemm tal-Qorti ewr. D.B. kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermaw li fir-rigward, b’mod partikolari, tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja (50) tobbligaha li tuża f’dan ir-rigward id-diskrezzjoni tagħha.

110. Jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti ewr. D.B. Menarini, iċċitata iktar ’il fuq, li l-istħarriġ ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” jimplika l-poter li tiġi rriformata fil-punti kollha, fil-fatt u fid-dritt, id-deċiżjoni meħuda kif ukoll il-kompetenza li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti għall-kwistjoni li tkun ġiet adita biha l-Qorti Ġenerali.

111. L-imħallef Pinto de Albuquerque, fl-opinjoni ta’ nuqqas ta’ qbil tiegħu fl-istess kawża, jirrileva ġustament li, “mil-lat tal-prinċipji, l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet pubbliċi tmur lil hinn mill-funzjonijiet tradizzjonali tal-amministrazzjoni u għandha tirrigwarda qorti. Jekk il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ fatt tal-applikazzjoni ta’ sanzjoni pubblika tista’ tiġi rriżervata għal organu amministrattiv, mingħajr stħarriġ posterjuri rigoruż min-naħa tal-qrati, dawn il-prinċipji [ta’ separazzjoni tal-poteri u tal-legalità tas-sanzjonijiet] kienu jiġu ffalsifikati għal kollox” (l-enfasi hija tiegħi).

112. Bl-istess mod, is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Chalkor u KME, ikkonstataw b’mod ċar li l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali jfisser stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt kif ukoll id-diskrezzjoni tal-evalwazzjoni tal-provi, tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u t-tibdil tal-ammont tal-multi (51).

113. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali Kokott (52), il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali eżerċitatx sew l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa hija “kwistjoni verament ta’ liġi […]. Din tirrigwarda l-portata tar-rekwiżiti legali li jirrigwardaw l-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, tal-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali tagħmel f’dan ir-rigward fil-konfront tal-Kummissjoni. Din il-kwistjoni, li tkompli toħloq diskussjoni, qiegħda fil-fatt taħt attenzjoni dejjem tikber b’mod partikolari fid-dawl tal-[Karta] […] L-Artikolu 47 ta’ din il-Karta […] jiggarantixxi d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li hija wkoll rikonoxxuta bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni [(53)]. Dan id-dritt fundamentali jinvolvi, inter alia, id-dritt li qorti indipendenti tistħarreġ id-deċiżjonijiet amministrattivi fil-kuntest ta’ smigħ xieraq” (l-enfasi hija tiegħi).

114. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta, fuq il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u l-pieni, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata li tiggarantixxi l-effettività tal-prinċipju li “[s-]severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat”.

115. Minbarra dan, il-Qorti EDB iddeċidiet ukoll li l-istħarriġ ta’ sanzjoni amministrattiva tfisser li l-qorti tivverifika u tanalizza b’mod iddettaljat l-adegwatezza tas-sanzjoni fir-rigward tal-ksur imwettaq, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri rilevanti, inkluża l-proporzjonalità tas-sanzjoni stess u, jekk ikun il-każ, li tissostitwixxiha (ara s-sentenza Menarini, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 sa 66).

116. Bl-istess mod, fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju tal-proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (u sanċit mill-Karta) jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti li huma xieraq u meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, wieħed għandu jirrikorri għal dik l-inqas stretta, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet mixtieqa (54).

117. Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tfisser li l-emenda imposta fuq kumpannija ma tkunx sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Kummissjoni u li l-ammont tagħha jkun proporzjonat mal-ksur, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-serjetà tiegħu. Għal dan l-iskop, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-elementi kollha rilevanti, bħall-aġir tal-impriża u r-rwol li hija għandha fit-twaqqif tal-prattika antikompetittiva, id-daqs tagħha, il-valur tal-merkanzija kkonċernata jew ukoll il-profitt li hija setgħet tieħu mill-ksur imwettaq kif ukoll l-għan ta’ dissważjoni mfittex u r-riskji li joħloq il-ksur ta’ dan it-tip għall-għanijiet tal-Unjoni.

118. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita kompletament il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-ammont tal-multa (55).

119. Barra minn dan, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni “jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat” (56).

120. Dan ifisser żewġ affarijiet. L-ewwel nett li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni tagħmilha possibbli għall-Qorti Ġenerali li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha tan-natura proporzjonata u mhux diskriminatorja tal-multa. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE [issa l-Artikolu 296 TFUE] għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha” (57) (l-enfasi hija tiegħi), fil-każ tagħna tal-lum, l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

121. Dan ifisser ukoll li d-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali tkun biżżejjed indipendenti minn dik adottata mill-Kummissjoni peress li ma toqgħodx biss fuq l-ammont iffissat mill-Kummissjoni – b’mod relattivament astratt, kif donnu huwa l-ammont bażiku f’din il-kawża – u lanqas ma tħossha marbuta mal-kalkoli ta’ din tal-aħħar jew il-kunsiderazzjonijiet li tkun ħadet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ din il-multa (58).

122. Kif qalet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-kawża Volkswagen vs Il-Kummissjoni (59) (fejn l-appell kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja), “fil-fatt, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha fil-kwistjoni, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa” (l-enfasi hija tiegħi). Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali – fid-dawl taċ-ċirkustanzi u l-kunsiderazzjonijiet meta ddeċidiet dwar l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa – ikkunsidrat li kien iġġustifikat li tniżżel l-ammont tal-multa minn ECU 102 000 000 għal EUR 90 000 000.

123. Kif qal ġustament l-Avukat Ġenerali Mengozzi (60), “il-kundizzjonijiet li fihom il-qrati [tal-Unjoni] jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni sħiħa ma jistgħux jiġu ddefiniti b’linji gwida tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu att ta’ organizzazzjoni interna ta’ dik l-istituzzjoni” u li tikkostitwixxi biss ‘soft law’ (61), filwaqt li, kif jikteb l-Avukat Ġenerali Bot (62), fil-verità, il-Qorti Ġenerali “tillimita ruħha ta’ spiss biex teżamina jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-metodoloġija li stabbilixxiet [hija stess] fil-linji gwida tagħha [meta] l-iffissar tal-ammont tal-multa ma jfissirx normalment evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li għandhom jiġu rriżervati għall-Kummissjoni u suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett”.

124. Spiss jitressaq l-argument kontra l-approċċ rakkomandat f’dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex jew ma tistax “tindaħal” fl-iffissar tal-multa, u minħabba dan il-fatt fil-politika tal-kompetizzjoni, li hija r-responsabbiltà biss tal-Kummissjoni. Jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament billi l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi biss fuq każ partikolari. Għalhekk il-Kummissjoni żżomm il-kompetenzi tagħha kollha biex tiddefinixxi u tapplika l-politika ġenerali tagħha f’każijiet oħrajn.

125. Nikkonkludi minn dak li ntqal u partikolarment fuq il-bażi tal-punti 62 tas-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, u 129 tas-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, li, fil-fehma tiegħi, fl-istħarriġ tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax toqgħod fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni jew l-uniku żball manifest ta’ diskrezzjoni li allegatament wettqet fir-rigward tal-għażla tal-elementi meħudin inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fil-linji gwida tal-1998 jew l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, u toqgħod lura milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm tad-dritt kif ukoll ta’ fatt jew li ma teħtieġx li l-Kummissjoni tispjega l-bidla tal-politika tagħha tal-multi f’każ speċifiku.

126. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali – anki jekk il-Qorti Ġenerali tista’ l-iktar, jekk ikun il-każ, tagħmel riferiment għas-“‘setgħa diskrezzjonali’, għall-‘marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali’ jew għall-‘marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa’ tal-Kummissjoni [li fil-fehma tiegħi ma għandhiex tagħmel iktar], tali riferimenti [ma għandhomx] [i]fixklux lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt, kif għandha tagħmel” (63) (l-enfasi hija tiegħi)

127. Fil-punt 78 tas-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti ddeċidiet li “l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għall-istħarriġ ta’ konformità mal-Linji Gwida, iżda stħarrġet hi stess, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, l-adegwatezza tas-sanzjoni”.

128. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll fis-sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni (64) li “il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tevalwa, fil-qafas tal-poter ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li huwa rrikonoxxut fil-konfront tagħha mill-Artikoli 172 tat-Trattat KE [li issa sar l-Artikolu 261 TFUE] u 17 tar-Regolament 17 [l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003], in-natura xierqa tal-ammont tal-multi. Din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi kumplimentari ta’ informazzjoni li ċ-ċitazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni bħala tali ma hijiex meħtieġa taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 190 tat-Trattat [li issa sar l-Artikolu 296 TFUE]” (l-enfasi hija tiegħi).

129. Il-Qorti Ġenerali għandha b’hekk tikkunsidra hija stess jekk il-multa hijiex adegwata u proporzjonata u hija obbligata li tikkonstata hija stess li l-elementi kollha rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa ġewx effettivament meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, peress li l-Qorti Ġenerali għandha wkoll b’dan il-mod tkun tista’ tmur għall-fatti u għaċ-ċirkustanzi mressqin mir-rikorrenti quddiemha (65).

130. Fuq kollox il-Qorti Ġenerali diġà rraġunat b’dan il-mod fir-rigward ta’ ċerti każijiet.

131. Fis-sentenza Romana Tabacchi (66) (li ma kinitx suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), hija kkunsidrat ġustament li l-“ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE [issa l-Artikolu 261 TFUE], lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors ta’ annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha. […] min-natura tiegħu stess, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-linji gwida tagħha meta hija tiddeċiedi permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha […] iżda għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (l-enfasi hija tiegħi).

132. Fil-punti 283 sa 285 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “[m]eta jitqiesu dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li multa ta’ ammont ta’ EUR 2.05 miljun, kif imposta mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2005, hija ta’ tali natura li twassal, fiha nfisha, għall-istralċ tar-rikorrenti u, bħala konsegwenza, għall-għibien tagħha mis-suq, li barra minn hekk jidher li jista’ jkollha riperkussjonijiet importanti, imsemmija mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha […]. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, meta jitqies b’mod partikolari l-effett kumulattiv tal-illegalitajiet li ġew ikkonstatati qabel kif ukoll il-kapaċità finanzjarja dgħajfa tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ billi jiġi ffissat l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 1miljun. Fil-fatt, multa ta’ tali ammont ma tippermettix li jitrażżan b’mod effikaċi l-aġir illegali tar-rikorrenti, b’mod li ma huwiex negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kull multa ogħla minn dan l-ammont tkun sproporzjonata fir-rigward tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti meta jiġi evalwat fit-totalità tiegħu […]. F’din il-kawża, multa ta’ ammont ta’ EUR 1 miljun tikkostitwixxi l-penali ġusta għall-aġir li bih hija akkużata r-rikorrenti” (l-enfasi hija tiegħi) (67).

133. Fis-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (imsejħa l-akkordju tas-“Suq Belġjan tal-birra”), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravju fl-appell ibbażat fuq l-allegat ksur, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tar-regola ne ultra petita, fil-kuntest tat-tibdil, minn din tal-aħħar, fil-modi ta’ applikazzjoni ta’ koeffiċjent minħabba ċirkustanzi attenwanti fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens, minħabba s-sempliċi raġuni li, sakemm il-kwistjoni tal-ammont tal-multa kienet suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet awtorizzata, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE (li issa huwa l-Artikolu 261 TFUE) u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, li warajh ġie r-Regolament Nru 1/2003, sabiex tneħħi, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (68).

134. Kif ġustament enfasizza l-Avukat Ġenerali Mengozzi (69), din l-evalwazzjoni tinftiehem faċilment jekk wieħed jikkonċepixxi l-funzjoni ta’ ġurisdizzjoni sħiħa bħala garanzija supplimentari għall-benefiċċju tal-impriżi għal stħarriġ intens massimu minn qorti indipendenti u imparzjali tal-ammont tal-multa li tiġi imposta fuqhom. Din id-deskrizzjoni ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali bħala “garanzija supplementari” diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-definizzjoni tal-portata tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi quddiem il-Kummissjoni fil-konfront tal-impożizzjoni tal-multi (70).

135. Jiena naqbel ukoll mal-Avukat Ġenerali Mengozzi meta jgħid fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Tomkins, iċċitata iktar ’il fuq, li din id-deskrizzjoni tista’ tfisser biss li permezz tal-kontestazzjoni tal-ammont tal-multa quddiem il-Qorti Ġenerali, l-impriżi, meta jafu sew l-ammont preċiż iffissat mill-Kummissjoni, għandhom il-possibbiltà li jqajmu kull kritika, kemm fuq il-livell tal-legalità kif ukoll tal-opportunità, fuq il-kalkolu ta’ dan l-ammont magħmul mill-Kummissjoni, b’mod li tista’ tiġi influwenzata b’kull mezz ta’ difiża, lil hinn mir-restrizzjonijiet inerenti fl-istħarriġ tal-legalità, il-konvinzjoni tal-qorti dwar l-ammont xieraq tal-multa (71). Kif iżid jgħid ġustament ukoll, sabiex din il-funzjoni ta’ garanzija supplimentari tkun effettiva, il-Qorti Ġenerali għandha tkun awtorizzata (72), li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt, inklużi, pereżempju, ċirkustanzi li jiġu wara d-deċiżjoni kkontestata quddiemha (73), fejn, fil-prinċipju, ir-restrizzjonijiet inerenti fl-istħarriġ tal-legalità ma jippermettulhiex tagħmel dan (74).

136. Insemmi wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Siemens Österreich et vs Il-Kummissjoni (imsejħa l-akkordju tas-“Switchgear insulat bil-gass”) (75) fejn hija straħet fuq il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u s-sanzjonijiet u ddeċidiet li f’dan ir-rigward “b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi l-Kummissjoni […] hija ma tistax tiddetermina liberament l-ammonti pagabbli in solidum. Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, […] jirriżulta li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi mid-deċiżjoni li timponi multa fuqha pagabbli in solidum ma’ kumpannija jew iktar, is-sehem li hija ser ikollha tħallas fir-relazzjoni mal-ko-debituri in solidum tagħha, ladarba dan ma jkunx sar mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tippreċiża l-perijodi li matulhom il-kumpanniji kkonċernati huma (ko)responsabbli għal aġir illegali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, fejn xieraq, il-livell ta’ responsabbiltà tal-imsemmija kumpanniji għal dan l-aġir […]. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet li hija għamlet, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-perijodi ta’ responsabbiltà komuni tal-kumpanniji differenti li jifformaw parti mill-impriża VA Tech sabiex tiffissa l-ammonti pagabbli in solidum minn dawk il-kumpanniji. Dawn l-ammonti għandhom jirriflettu, kemm jista’ jkun, il-piż tal-partijiet differenti tar-responsabbiltà li jikkondividu l-imsemmija kumpanniji, kif identifikati fl-imsemmija premessa”.

137. Għalhekk il-Qorti Ġenerali għamel analiżi ddettaljata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u kkritikat kemm l-għażla tad-destinatarji tal-multa kif ukoll id-determinazzjoni tal-ammonti li huma kienu dovuti jħallsu.

138. Fil-punt 166 tas-sentenza tagħha, mingħajr ma rriferiet għal ebda marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni, ikkonkludiet “billi żammet lil Reyrolle, SEHV u Magrini responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa f’ammont li jeċċedi b’mod ċar ir-responsabbilità komuni tagħhom, billi ma żammitx lil Siemens Österreich u KEG responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u billi ma żammitx lil Reyrolle responsabbli waħedha għal parti mill-multa imposta fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet”.

139. Eżempju ieħor hija s-sentenza tal-qorti Ġenerali Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni(76) fejn hija ddeċidiet li “il-Qorti Ġenerali hija obbligata li tistħarreġ jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat fir-rigward tas-serjetà u t-tul tal-ksur u li tpoġġi f’bilanċ s-serjetà tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent”.

140. Fis-sentenza tagħha Parker Pen vs Il-Kummissjoni (77), li ngħatat qabel l-eżistenza tal-linji gwida, wara analiżi tal-multa inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet “il-multa ta’ ECU 700 000 imposta fuq ir-rikorrenti [ma kinitx] adegwata meta wieħed jikkunsidra b’mod partikolari d-dħul mill-bejgħ baxx ikkonċernat mill-ksur, u li [kien] iġġustifikat, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tnaqqas għal ECU 400 000 l-ammont tal-multa imposta fuq Parker”.

141. Fil-kawża Ventouris vs Il-Kummissjoni (imsejħa l-akkordju tal-“Laneċ Griegi”), iċċitata iktar ’il fuq, li ma kinitx ġiet appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, din id-darba wara l-introduzzjoni tal-linji gwida, li l-multa inkwistjoni kellha titnaqqas għal raġunijiet ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità. Billi f’sentenza waħda, il-Kummissjoni kienet issanzjonat żewġ ksur distinti, dawn iż-żewġ raġunijiet ta’ ekwità u proporzjonalità kienu jeżiġu li impriża li ma kinitx pparteċipat ħlief fi ksur wieħed kellha tiġi kkundannata inqas severament minn dawk li kienu pparteċipaw fi tnejn. Skont il-Qorti Ġenerali, meta l-Kummissjoni kkalkulat il-multi minn ammont bażiku wieħed għall-impriżi kollha, adattati skont id-daqs rispettiv tagħhom, imma mingħajr ma ssir ebda distinzjoni skont il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur wieħed jew iżjed issanzjonat, il-Kummissjoni ssuġġettat l-impriża li kienet ġiet iddikjarata responsabbli li pparteċipat fi ksur wieħed biss għal multa sproporzjonata fir-rigward tal-importanza tal-ksur imwettaq (78).

142. Għall-kuntrarju (u dan wara s-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Chalkor u KME kif ukoll Menarini!), il-Qorti Ġenerali kkonkudiet fil-kawża Dow Chemical vs Il-Kummissjoni (imsejħa l-akkrodju tal-“Gomma ta’ kloroprene”) (79) li “f’dan il-każ, f’dan l-istadju, ma hijiex kwistjoni għall-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas ta’ kull konstatazzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni [(80)] li tikkalkula mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, imma li tistħarreġ il-legalità tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-linji gwida tal-2006 għas-sitwazzjoni tagħha” (l-enfasi hija tiegħi), approċċ li wieħed isib fis-sentenza appellata.

143. Nirrileva li stħarriġ veru tal-multa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa huwa iktar u iktar meħtieġ issa li l-ammont tal-multi impost mill-Kummissjoni qiegħed dejjem jikber. Mingħajr ma rrid ikun eżawrjenti, niċċita ftit eżempji: fil-kawża Microsoft (li ssemmiet mill-Kummissjoni fis-seduta) ġiet imposta multa fuq Microsoft ta’ EUR 497 miljun fl-2004, li magħha jiżdied pagament ta’ penalità ta’ EUR 280.5 miljun fl-2006, pagament ta’ penalità ta’ EUR 899 miljun fl-2008 kif ukoll multa ta’ EUR 561 miljun fl-2013 (81). Intel, min-naħa tagħha rċeviet multa ta’ EUR 1.06 biljun (82). Il-multa ta’ Saint-Gobain fl-2008 kienet ta’ EUR 869 miljun (b’EUR 1.38 biljun għall-akkordju “Ħġieġ tal-karozzi” fit-total) (83), dik ta’ Siemens fl-2007 kienet iktar minn EUR 396 miljun (b’EUR 750 miljun għall-akkordju “Switchgear insulat bil-gass” fit-total) (84). Fl-akkordji tal-manifatturi tal-lifts, il-multi kienu fit-total kważi ta’ biljun euro (85). Fl-aħħar nett, fl-2012 il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 1.47 biljun fuq iż-żewġ kartelli tal-produtturi ta’ tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u skrins tal-kompjuter (86).

144. Fir-rigward tal-importanza tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-kalkolu ta’ emendi rrakkomandati f’dawn il-konklużjonijiet, nista’ nfakkar li l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni(87), innota li l-eżami tagħha f’dik il-kawża “preċiżament juri li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni jippreżenta ċertu riskju mill-angolu tal-ekwità tas-sistema […]. Ma jidhirlix li huwa għal kollox koerenti mar-rekwiżiti tal-individwalizzazzjoni u l-progressività tal-‘piena’ […] li f’dawn il-kawżi, parti mill-operazzjonijiet ta’ kalkolu għandha n-natura essenzjalment formali u astratta u b’hekk ma tolqotx konkretament l-ammont finali tal-multa. Wieħed lanqas ma jista’ jinjora li, għall-istess raġuni, hemm ir-riskju li l-għan ta’ trasparenza ikbar, li jsegwu l-linji gwida, ma jitlaħaqx għal kollox […]. Barra minn hekk, dan it-tħarrix [tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi li hija iktar rigoruża u nbidlet f’żieda fil-livell tal-multi], billi huwa bbażat fuq metodoloġija ta’ kalkolu bbażat fuq ammonti mħallsa f’daqqa, joħloq ir-riskju li jolqot l-iktar l-impriżi żgħar u medji […]. Għalhekk tinħoloq sitwazzjoni ġdida u iktar problematika fir-rigward tal-fażi li matulha l-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni ma tinvolvix, fil-prinċipju, qabża, fil-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali, b’mod li hija għamlet iktar faċli u immedjat it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-ammont tal-emenda, tal-kumpless taċ-ċirkustanzi fattwali […]. Għalhekk wieħed għandu jistaqsi jekk il-konsegwenzi indikati fl-approċċ ġdid tal-politika tal-multi jirrendux opportun approċċ differenti li jippermetti li jiġu ggaranti fil-każijiet kollha riżultati li jikkonformaw mal-eżiġenzi ta’ ekwità u man-natura raġonevoli tas-sanzjoni” (l-enfasi hija tiegħi).

145. Il-kritika inċiżiva tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’dik il-kawża turi b’mod ċar li mhux biss huwa deżiderabbli jew permissibbli imma għal kollox meħtieġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita kompletament (88) u indipendentement l-istħarriġ tagħha tal-multi tal-Kummissjoni (89).

 ββ)   L-applikazzjoni tat-teorija dwar is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għall-proċess inkwistjoni

146. Għall-evalwazzjoni tal-istħarriġ tal-multa mill-Qorti Ġenerali u l-motivi tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-ammont tal-multa, hemm bżonn li mmorru lura għad-deċiżjoni kkontestata.

147. Fil-premessa 756 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-prattika abbużiva setgħet tiġi deskritta bħala ksur serju ħafna, anki għalkemm hija ma kinitx neċessarjament ta’ serjetà uniformi matul il-perijodu ta’ ksur kollu. Fil-premessa 757, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tgħid li l-ammont bażiku tal-multa li kellu jiġi impost fuq ir-rikorrenti, biex jirrifletti s-serjetà tal-ksur, għandu — “fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ” — jiġi ffissat fl-ammont ta’ EUR 90 miljun.

148. Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipji tal-individwalizzazzjoni tal-pieni, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa f’EUR 90 miljun. Fl-ewwel lok, dan l-ammont bażiku tal-multa impost fuq Telefónica fuq il-bażi tas-serjetà tal-ksur jirrappreżenta t-tieni l-ogħla ammont bażiku qatt impost fil-qasam ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Min-naħa l-oħra, dan l-ammont kien rispettivament disa’ jew għaxar darbiet ikbar mill-ammont bażiku tal-multa imposta fl-2003 fuq Deutsche Telekom u fuq Wanadoo Interactive għall-prattiċi ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fl-istess settur, meta i) dawn iż-żewġ deċiżjonijiet bħal dik li kkundannat lil Telefónica ġew adottati fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1998 u b’hekk applikat l-istess regoli ta’ kalkolu, ii) il-linji inkwistjoni fit-tliet kawżi żviluppaw b’mod parzjalment simultanju u huma ta’ natura simili, u iii) it-tliet kawżi jirrigwardaw is-swieq ta’ aċċess għall-internet fi Franza, fil-Ġermanja u fi Spanja, li għandhom xebh qawwi f’termini ta’ dimensjonijiet, ta’ importanza ekonomika u ta’ fażi ta’ tkabbir. L-isproporzjon manifest bejn l-ammont bażiku fil-konfront ta’ Telefónica u dawk ikkunsidrati fir-rigward ta̕ Wanadoo Interactive u ta’ Deutsche Telekom terġa’ huwa iktar gravi għall-fatt li, fil-każ ta’ Telefónica, l-ammont bażiku żdied b’25 % għall-effett dissważiv, żieda li ma ġietx applikata la fir-rigward ta’ Wanadoo Interactive u lanqas fir-rigward ta’ Deutsche Telekom, minkejja d-dimensjoni ta’ dawn l-impriżi. Fid-dawl tal-effett dissważiv, l-ammont tal-multa imposta fuq Telefónica inkunsiderazzjoni tas-serjetà tal-ksur (EUR 112.5 miljun) hija fl-aħħar mill-aħħar rispettivament 12.5 darbiet u 11.25 darbiet ikbar mill-multa imposta fuq Wanadoo Interactive u fuq Deutsche Telekom rispettivament għall-prattiċi ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti ta’ natura analoga, u anki iktar serja.

149. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, in-natura eċċessiva tal-ammont bażiku ta’ EUR 90 miljun tal-multa imposta fuq Telefónica kienet terġa’ iktar evidenti jekk wieħed iqabblu ma’ dak iffissat fil-kawża Deutsche Post AG fl-2001 (90). F’din il-kawża, il-Kummissjoni qabdet ammont bażiku ta’ EUR 12-il miljun biss, mentri kienet irrikonoxxiet b’mod partikolari: i) li l-ksur kien deskritt bħala “serju”; ii) li l-iskontijiet ta’ fedeltà mogħtija minn impriżi f’pożizzjoni dominanti “kienu ġew ikundannati diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja”, u iii) li “l-politika tal-iskontijiet u tal-prezzijiet li wettqet Deutsche Post AG kellha riperkussjonijiet negattivi importanti ħafna fuq il-kompetizzjoni”, li ppermetta lil [Deutsche Post AG] li tibqa’ żżomm sehem mis-suq Ġermaniż fejn jintbagħtu pakketti postali għall-bejgħ bil-korrispondenza li nżamm għal iktar minn 85 %.

150. X’qalet il-Qorti Ġenerali fuq dan?

151. L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, fil-punti 424 sa 427 tas-sentenza appellata (erba’ punti biss), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti u kkunsidrat sempliċiment li l-prattika deċiżjonali ta’ qabel tal-Kummissjoni ma tistax isservi ta’ qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u jista’ jkollha biss natura indikattiva.

152. It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-punti 428 sa 432 tas-sentenza appellata (ħames punti b’kollox), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti u llimitat ruħha biex tirrileva essenzjalment li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni kbira fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali ttenni dan il-punt bl-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq id-deskrizzjoni tal-ksur “serju ħafna” u, f’punt wieħed (432), hija “tanalizza” u tikkonkludi li l-ammont minimu ta’ EUR 90 miljun ma huwiex sproporzjonat.

153. It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, fl-(uniku) punt 433 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li biex tiġi evalwata s-serjetà ta’ ksur sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment ta’ ħsara għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni. Id-dissważjoni għandha tkun kemm speċifika kif ukoll ġenerali. Filwaqt li tirreprimi ksur individwali, il-multa tidħol ukoll fil-qafas ta’ politika ġenerali ta’ osservanza mill-impriżi tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, f’din il-kawża, il-multa kienet ġiet ikkalkulata wara li ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni proprja ta’ Telefónica. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jippretendu li l-effett dissważiv ġenerali tal-multa kien l-“ewwel u l-aħħar għan tal-multa”.

154. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fil-punti 434 u 435 tas-sentenza appellata (jiġifieri żewġ punti biss), il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti u tafferma sempliċiment li l-Kummissjoni ma injoratx ir-rekwiżiti minimi fil-qasam billi hija indikat l-elementi ta’ diskrezzjoni li huma permessi għaliha biex tkejjel is-serjetà u t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żżid tgħid għal darba oħra li, billi l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, din ma hijiex obbligata li tindika r-raġunijiet għaliex l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kien b’mod sinjifikattiv ogħla mill-ammont tal-multi imposti fuq Wanadoo Interactive u fuq Deutsche Telekom.

155. Fil-qari ta’ dawn it-tnax-il punt (minn 465!) (91), li fuq kollox ma fihom prattikament l-ebda analiżi proprja min-naħa tal-Qorti Ġenerali, naħseb li hija, fir-rigward tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-ammont tal-multa, ma eżerċitat manifestament l-ebda stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li hija obbligata tagħmel.

156. Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali kull ma għamlet hu li rriferiet għan-natura indikattiva tal-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ta’ qabel imma naqset milli tirrileva li, f’dan il-każ, ċerti deċiżjonijiet ta’ qabel tal-Kummissjoni kien fihom indikazzjonijiet partikolarment importanti. Speċjalment billi l-Kummissjoni ma kinitx żvelat (li skont il-Qorti tal-Ġustizzja kien deżiderabbli u skont jien meħtieġ hawnhekk) il-metodu tal-kalkolu tal-ammont bażiku ta’ EUR 90 miljun u lanqas immotivat biżżejjed id-differenza bejn dan l-ammont u dak impost f’deċiżjonijiet oħrajn b’karatteristiċi simili ħafna għal Deutsche Telekom u Wanadoo.

157. Il-Qorti Ġenerali nsiet ukoll il-ġurisprudenza tagħha stess għaliex kienet osservat fil-punt 31 tas-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (ikkonfermata wkoll fis-sentenza E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, punt 262, li ngħatat wara s-sentenza appellata) li, “[f]ir-rigward tal-komparazzjonijiet […] ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni mogħtija fil-qasam tal-multi, jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ħlief jekk jiġi ppruvat li l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma komparabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ” (l-enfasi hija tiegħi). Fil-fatt huwa evidenti li, għalkemm, fil-prinċipju, il-prattika deċiżjonali ta’ qabel tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, dan l-argument għandu l-limiti tiegħu fil-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni li bis-saħħa tiegħu dawn is-sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ttrattati b’mod differenti (92).

158. Il-prinċipju “ta’ ugwaljanza ta’ sanzjoni għall-istess aġir” huwa espress ukoll fil-linji gwida tal-1998 (93) u japplika b’mod partikolari meta ċ-ċirkustanzi jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, b’tali mod li s-swieq ikkonċernati, it-tip ta’ ksur, il-prodotti, l-impriżi jew il-perijodu ta’ ksur ikunu effettivament simili li jidher li huwa l-każ ċar hawnhekk, sakemm — fuq il-bażi jew le ta’ dejta komplimentari pprovduta mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali – ma jiġix ppruvat il-kuntrarju.

159. F’dan il-każ partikolari, il-Qorti Ġenerali kellha tal-inqas teħtieġ mill-Kummissjoni li din tispjega b’mod ċar ħafna għaliex imponiet ammont minimu ta’ EUR 90 miljun f’dan il-każ (u kif wasslet għal dan l-ammont), meta i) kienet multa t-tieni l-iktar għolja wara dik imposta fuq Microsoft [Deċiżjoni C(2004) 900], u li l-ammont minimu f’dan il-każ kien jaqbeż iktar minn 40 % it-tielet ammont minimu l-iktar għoli (dak ta’ AstraZeneca (94)), meta, b’mod partikoalri, f’dawn iż-żewġ każijiet tal-aħħar, is-suq ġeografiku inkwistjoni kien jestendi lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru, (ii) l-ammont kkontestat kien 4.5 darbiet ogħla mill-ammont minimu stabbilit fil-linji gwida tal-1998 għall-kalkolu tal-multi fil-każ ta’ ksur “serju ħafna”, u (iii) li dan l-ammont huwa rispettivament għaxar u disa’ darbiet ogħla mill-“ammont bażiku” impost fuq Deutsche Telekom u fuq Wanadoo Interactive, iċċitati iktar ’il fuq, għall-prattiċi, swieq, prodotti u impriżi simili.

160. Fuq il-grad ta’ serjetà tal-ksur (“serju” jew “serju ħafna”) ir-rikorrenti kienu allegaw quddiem il-Qorti Ġenerali li: i) l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti mwettqa f’suq ġeografikament limitat għat-territorju ta’ Stat Membru kienu ġew deskritti sa dakinhar bħala serji u ii) l-elementi invokati mill-Kummissjoni għall-ġustifikazzjoni tar-referenza mil-lat ġeografiku (daqs tas-suq Spanjol u diffikultà għall-operaturi barranin li jidħlu fis-suq) kienu preżenti wkoll fid-deċiżjonijiet Deutsche Telekom u Wanadoo Interactive, fejn madankollu, il-ksur ma ġiex deskritt bħala “serju ħafna” kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-fajl tagħhom u dan anki għal perijodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom. Anki hemm, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha biex tgħid li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-daqs tas-suq sabiex tiddeskrivi l-ksur bħala “serju ħafna”, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li għal swieq b’estensjoni ikbar (Franza u l-Ġermanja), hija ma kkunsidratx dan il-kriterju suffiċjenti biex tiddeskrivi l-ksur bħala “serju ħafna”?

161. Barra minn hekk, jekk il-kriterju li jippermetti d-definizzjoni ta’ ksur bħala “serju ħafna” fis-sens tal-linji gwida huwa dak jekk l-abbuż inkwistjoni huwiex serju (“clear-cut”), huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi f’dan is-sens mingħajr ma jsir riferiment tal-inqas għall-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fil-verità, il-linji gwida tal-1998huma stess jagħmlu riferiment għall-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni sabiex tiġi ċċarata l-idea ta’ ksur “serju ħafna” (95). Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika d-deskrizzjoni ta’ abbuż serju fuq il-bażi tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (96). Għalhekk il-Qorti Ġenerali tħallat il-ġurisprudenza dwar in-natura allegatament indikattiva tal-ammont tal-multi imposti fid-deċiżjonijiet ta’ qabel u l-interpretazzjoni tal-linji gwida tal-1998 sabiex tiġi stabbilita n-natura ftit serja, serja jew serja ħafna tal-ksur. Fil-fatt dawn jużaw kriterju, dak tal-“abbuż serju”, biex jissanzjonaw l-aġir fejn ma hemmx dubju fuq l-illegalità li, fir-rigward tal-prattiċi abbużivi, jista’ jiġi kkonstatat biss b’riferiment għal preċedenti

162. Barra minn hekk, jiena naqbel mar-raba’ lment tal-ewwel parti tat-tmien aggravju tar-rikorrenti (punt 414 tar-rikors), fejn huma jikkritikaw il-punti 415 sa 420 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-intensità varjabbli tas-serjetà tal-ksur matul il-perijodu ta’ ksur. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jikkritika l-konstatazzjonijiet espressi mill-Qorti Ġenerali fil-punti 418 u 419 tas-sentenza appellata, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li l-ksur kellu jiġi deskritt bħala “serju ħafna” għall-perijodu kollu kkonċernat u li, minkejja d-deskrizzjoni ta’ “serju ħafna” għal dak il-perijodu kollu, il-Kummissjoni kienet effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-intensità varjabbli tal-ksur fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa meta naqset milli tivverifika jekk l-ammont bażiku tal-multa kienx effettivament ħa inkunsiderazzjoni s-serjetà varjabbli tal-ksur għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-perijodu ta’ qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom.

163. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, il-Qorti Ġenerali taqta’ partikolarment fil-qasir u tagħmel riferiment esklużivament għal riflessjonijiet ġenerali ħafna: għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni (punt 430 tas-sentenza appellata), għal-loġika fissa tal-linji gwida tal-1998 (punt 431), għall-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-multa proporzjonatament mal-elementi meħudin inkunsiderazzjoni biex tevalwa s-serjetà tal-ksur fl-applikazzjoni ta’ dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat, imma mingħajr ma qatt ma vverifikat jekk l-applikazzjoni ta’ dawn l-elementi kinitx effettivament koerenti u oġġettivament iġġustifikata fil-kawża inkwistjoni. Hija tikkonkludi fil-punt 432 tas-sentenza appellata li “[f]ir-rigward tal-fatt, minn naħa, li l-abbuż ta’ Telefónica għandu jitqies li huwa abbuż serju li għalih jeżistu preċedenti, li jikkompromettu l-għan tal-kisba ta’ suq intern għan-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi abbuż kellu impatt sinjifikattiv fis-suq bl-imnut Spanjol (premessi 738 sa 757 tad-deċiżjoni kkontestata), ammont minimu tal-multa ta’ EUR 90 miljun ma għandux jitqies li huwa sproporzjonat”.

164. Filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (97) teħtieġ li l-multa tiġi kkalkulata billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni proprja tal-impriża kkonċernata, li jfisser li ssir il-verifika jekk, fil-fatti ta’ dan il-każ, il-prinċipju tal-effett dissważiv tal-multa kienx ipprevala indebitament fuq il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, il-Qorti Ġenerali fil-punt 433 tas-sentenza appellata kkuntentat ruħha li tikkonstata sempliċiment li l-multa kienet ġiet “ikkalkulata f’dan il-każ billi ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni proprjia ta’ Telefónica”.

165. Hija tasal għal dawn il-konklużjonijiet mingħajr ma tagħti l-ebda importanza lil diversi elementi li kellhom jiġbdu l-attenzjoni tagħha u b’mod partikolari: i) li d-deċiżjonijiet Deutsche Telekom, Wanadoo Interactive u Telefónica ġew adottati fuq il-bażi tal-linji gwida tal-1998, jiġifieri bl-applikazzjoni tal-istess regoli ta’ kalkolu; ii) li l-aġir eżaminat fit-tliet kawżi seħħ b’mod parzjalment simultanju u huma ta’ natura simili (ħafna) (98): prattiċi ta’ prezz predatorju fil-każ ta’ Wanadoo Interactive u prattiċi ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-każ ta’ Deutsche Telekom u Telefónica; iii) li t-tliet kawżi jikkonċernaw is-swieq ta’ aċċess għall-Internet fi Franza, fil-Ġermanja u fi Spanja li għandhom xebh kbir f’termini ta’ daqs u ta’ importanza ekonomika, iv) li l-impriżi ssanzjonati fit-tliet kawżi huma operaturi storiċi tat-tele­komunikazzjonijiet (jew sussidjarja ta’ waħda minnhom fil-każ ta’ Wanadoo Interactive) bi dħul mill-bejgħ paragunabbli ħafna (99), u v) li ċerti elementi jistgħu jirrikjedu, tal-inqas fit-teorija, li l-ammont bażiku jkun inqas meta mqabbel ma’ dak impost fil-kawża Deutsche Telekom jew: a) il-prezzijiet bl-ingrossa kienu ogħla mill-prezzijiet tagħha bl-imnut, li kien jippermetti lil Deutsche Telekom li tkun taf bl-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mingħajr ma jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż; b) ir-regolatur Ġermaniż ikkonstata l-eżistenza ta’ marġni negattiv; ċ) il-prodotti kkonċernati kienu tal-infrastrutturi essenzjali, u d) skont ir-rikorrenti, il-leġiżlazzjoni Spanjola kienet iktar stretta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża matul il-perijodu kkontestat (100) (anki jekk dan l-aħħar punt huwa kkontestat mill-Kummissjoni).

166. Il-Kummissjoni sostniet sew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li “l-konklużjoni li tiġbed il-Qorti Ġenerali fil-punt 432 hija bbażata fuq eżami ddettaljat tal-‘elementi tal-fajl’ u tal-allegazzjonijiet tal-partijiet” u li l-Qorti Ġenerali effettivament ivverifikat sew jekk il-multa kinitx sproporzjonata. B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta fuq dawn “l-elementi tal-fajl”, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sempliċiment qal li ħaseb “li dawn l-elementi tal-fajl, ifissru d-dokumenti, il-provi, l-eżamijiet ġudizzjarji li għamlu [l-partijiet]”, u spjega essenzjalment li l-EUR 90 miljun tal-ammont bażiku kienu fil-medja (“xorta ta’ triq tan-nofs” qal) bejn il-punt minimu ffissat fil-linji gwida tal-1998 jiġifieri EUR 20 miljun u l-ammont bażiku ta’ EUR 185 miljun fil-kawża Microsoft, iċċitata iktar ’il fuq. Diffiċli ssib f’dan l-argument spjegazzjoni konvinċenti taż-żieda enormi bażika b’relazzjoni ma’ każijiet simili u iktar u iktar għaliex huwa t-tieni l-iktar ammont bażiku għoli wara dak applikat fil-kawża Microsoft. Barra minn hekk, anki jekk dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali (kif issostni l-Kummissjoni) jibqa’ l-fatt li dan ma jirriżultax mis-sentenza appellata.

167. Għal dak li jirrigwarda ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni (punti 437 sa 443 tas-sentenza appellata), (li wassal lill-Qorti Ġenerali biex tistaqsi dwar il-ġustifikazzjoni għall-istess għan ta’ dissważjoni taż-żieda qawwija tal-ammont bażiku) il-Qorti Ġenerali, fil-punt 439, sempliċiment ivvalidat ir-raġunament tal-Kummissjoni b’sempliċi riferimenti ġenerali għall-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr b’daqshekk ma eżaminat in-natura xierqa tal-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 % u dan, għal darba oħra mingħajr ma għamlet stħarriġ veru ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma analizzat f’din il-parti l-paragun mad-deċiżjonijiet Deutsche Telekom u Wanadoo Interactive, fejn il-multa ma ġietx miżjuda abbażi tal-effett dissważiv, biex b’hekk naqset milli tapplika ġurisprudenza li tgħid li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jkun iktar espliċitu, billi “d-deċiżjoni tmur ferm iktar lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

168. Barra minn hekk, fil-punt 441 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx korrettement il-ksur eventwali tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, billi d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti kien effettivament paragunabbli ma’ dak ta’ Wanadoo Interactive u ta’ Deutsche Telekom (101), li fil-konfront tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx ħasset li kien opportun li tiġi imposta żieda tal-multa bħala dissważjoni. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qagħdet mill-ġdid wara din il-ġurisprudenza li tgħid li l-prattika deċiżjonali ma sservix ta’ qafas legali għall-multi.

169. Il-Qorti Ġenerali jidhirli li twettaq l-istess żball fl-eżami, fil-punti 444 sa 452 tas-sentenza appellata, tad-deskrizzjoni tal-aġir tar-rikorrenti bħala “ksur fit-tul”. Fil-fatt, fil-punti 448 sa 450 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddistingwietx iż-żewġ perijodi ta’ ksur (li, fil-fehma tiegħi, kien meħtieġ), wieħed qabel l-ieħor wara d-deċiżjoni Deutsche Telekom u lanqas ma evalwat is-serjetà tal-ksur fir-rigward ta’ kull perijodu. Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment fil-punti 356 sa 369 kif ukoll fil-punt 419 tas-sentenza appellata u tgħid biss li l-“ammont inizjali tal-multa […] diġà [jirrifletti] d-diversi intensitajiet tal-ksur”. Issa kif indikajt diġà, xejn ma huwa ċar li (u kif) l-ammont inizjali jirrifletti effettivament jew le dawn l-intensitajiet differenti. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx din l-analiżi. Il-Qorti Ġenerali ma tikkontestax il-fatt li, fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, il-Kummissjoni kienet kkunsidrat li l-varjazzjoni tas-serjetà tal-ksur matul il-perijodu eżaminat kien ifisser i) li tikklassifika mill-ġdid bħala “serju” il-ksur ikkunsidrat “serju ħafna” a priori, u ġġustifikat, fuq kollox ii) tnaqqis tal-multa miżjuda, minħabba t-tul tiegħu. Hija kienet effettivament ikkunsidrat li l-marġni ta’ manuvra limitat li Deutsche Telekom kellha biex taġġusta t-tariffi mis-sena 2002 kien jiġġustifika d-deskrizzjoni ta’ ksur “ftit serju” minn dik id-data, u li għalhekk ma kienx hemm lok li tiġi applikata żieda tal-multa wara dik id-data (102).

170. Fl-aħħar nett, fil-punt 461 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, fl-eżami tagħha tal-allegata natura ġdida tal-kawża, għar-raġunament tagħha dwar l-eżistenza ta’ preċedenti ċari u prevedibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju manifestament żbaljat, jiġifieri dak taċ-ċertezza legali, u injorat li waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti ddefiniti mil-linji gwida tal-1998 hija l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża fuq in-natura ta’ ksur tal-aġir tagħha. Naħseb li tali dubju raġonevoli jista’ jeżisti tal-inqas sax-xahar ta’ Ottubru 2003, data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom, billi r-rikorrenti setgħu ma kinux f’pożizzjoni li jifhmu l-limiti tal-aspettattivi leġittimi li operatur dominanti seta’ kellu fl-azzjoni tas-CMT. Hija l-Qorti Ġenerali nnifisha li rrikonoxxiet hija stess fil-punt 361 tas-sentenza appellata li “hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 735 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni Deutsche Telekom tammonta wkoll għal preċedent li jikkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE fir-rigward ta’ attività ekonomika suġġetta għal regolamentazzjoni settorjali ex ante speċifiku”.

171. L-uniku argument tar-rikorrenti f’din il-parti tal-appell li jidhirli li ma huwiex fondat jirrigwarda d-data tat-tmiem tal-ksur. Ir-rikorrenti (punt 449 tar-rikors) jikkritikaw il-punt 451 tas-sentenza appellata u jgħidu li l-Qorti Ġenerali jidher li aċċettat li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat l-eżistenza tal-ksur sal-aħħar tal-ewwel semestru tal-2006. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali allegatament qalbet l-oneru tal-prova meta ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinux ġabu l-prova li ma kienx hemm kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet matul it-tieni semestru tal-2006, meta kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Issa, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fuq dan billi l-ebda element tal-fajl li pprovdew ir-rikorrenti ma kien jindika tibdil fil-prezzijiet bejn Ġunju u Diċembru 2006. B’hekk ma kien hemm l-ebda qlib tal-piż tal-prova, imma deċiżjoni bbażata fuq dejta li tidher fil-fajl. Fil-fatt il-Kummissjoni ġabet il-prova, fid-deċiżjoni tagħha, li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma kellhom l-ebda tibdil sal-21 ta’ Diċembru 2006, u li l-prezzijiet bl-imnut baqgħu ma nbidlux mix-xahar ta’ Settembru 2001, u dan mingħajr ma r-rikorrenti sostnew ebda tibdil fl-ispejjeż meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (punt 451 tas-sentenza appellata).

172. Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-tmien aggravju kif ukoll l-għaxar aggravju jidhirli li fil-biċċa l-kbira għandhom jintlaqgħu billi l-Qorti Ġenerali ma eżerċitatx is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u għalhekk wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami tal-ksur allegat tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattatment u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

173. Ma iniex qed ngħid li kien kemm ksur ta’ dawn il-prinċipji, imma li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx korrettement skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-multa kinitx jew le tikkonforma ma’ dawn il-prinċipji.

174. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni. F’dan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

V –    Konklużjoni

175. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (T‑336/07), qed tiġi annullata billi l-Qorti Ġenerali ma eżerċitax is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fil-qafas tal-eżami tal-multa imposta mill-Kummissjoni Ewropea fuq Telefónica SA u Telefónica de España SAU,

2)      Il-kawża għandha tiġi rrivjata lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni (T‑336/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3–      Deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2007 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (Każ COMP/38.784 – Wanadoo España kontra Telefónica), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


4–      Regolament tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jwettaq l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU 1962, 13, p. 204).


5 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE, tal-21 ta’ Mejju 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu [102 TFUE] (Każi COMP/C 1/37.451, 37.578, 37.579 – Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Telekom”). F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010 Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’dik il-kawża.


6 –      F’dawn il-konklużjonijiet ser nuża esklużivament it-termini “kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet”.


7 – Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004.


8 – Huwa rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (li ma għandux ikollu ħlief argumenti ta’ dritt) li huwa itwal mir-rikors regolarizzat quddiem il-Qorti Ġenerali! Barra minn hekk, wieħed isib punti li kważi ma jiftehmux bħall-punt 298 li fih sentenza ta’ 121 kelma.


9 – “SSNIP” għal “small but significant and non-transitory increase in price” (test ta’ żieda żgħira imma sinjifikattiva u mhux tranżitorja fil-prezz).


10 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt [tal-Unjoni] tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5).


11 – Jiġifieri suq li fih il-klijenti u l-kompetituri ta’ Telefónica jistgħu jirriproduċu n-netwerk tagħha, b’mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva effettiva indipendentement mill-ishma tagħhom fis-suq.


12 – Sentenza tas-17 ta’ Frar 2011 (C‑52/09, Ġabra p. I‑527).


13 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, (C‑185/95, Ġabra p. I‑8417, punt 141).


14 –      Ninnota li l-kwistjonijiet ta’ prinċipju marbutin mal-problema tat-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ser jerġgħu jiġu deċiżi mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ġew ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2013), jiġifieri inter alia l-portata tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja naqqset il-multa fir-rigward tad-dewmien eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali), fir-rigward tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der GrünePunkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155) (fejn l-ebda multa ma kienet ġiet imposta u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat lir-rikorrenti li hija setgħet tippreżenta rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali).


15 –      Sentenza, tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punti 116 u 117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


16 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma l-validità ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element li jippermetti l-invokazzjoni ta’ aggravju ġdid, billi hija tikkonferma biss sitwazzjoni legali magħrufa tar-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 1982, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, 11/81, Ġabra p. 1251, punt 17).


17 –      Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P Ġabra p. I‑123, punti 71 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 104).


18 – Il-Kummissjoni spjegat fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali (punt 15 tar-risposta) li l-allegazzjonijiet ta’ Telefónica kienu manifestament inapplikabbli, għaliex il-punti kollha li fuqhom Telefónica affermat li ma kellhiex okkażjoni li tesprimi ruħha fuqhom kienu elementi ta’ motivazzjoni iżjed milli kien hemm bżonn.


19 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998 (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791).


20 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425)


21 – Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).


22 –      Punti 276, 289, 293, 295, 330, 336, 366, 371, 374 u 482 tar-rikors.


23 –      Punti 276, 288, 289, 295 u 298 tar-rikors.


24 –      Ara l-punti 295 u 482 tar-rikors u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2000 (T‑5/97, Ġabra p. II‑3755).


25 –      Deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni adottat miżuri protettivi u spjegat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex dan l-aġir ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala abbużiv [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 76/185/KEFA, tad-29 ta’ Ottubru 1975, li tadotta miżuri kawtelatorji li jikkonċernaw in-National Coal Board, in-National Smokeless Fuels Ltd u n-National Carbonizing Company Ltd (ĠU 1976, L 35 , p.6)].


26 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/518/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (IV/30.178 — Napier Brown — British Sugar) (ĠU L 284, p. 41), premessa 66.


27 – Jista’ jiġi osservat li skont is-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69), huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-kompressjoni tal-marġni li n-natura indispensabbli tal-prodott jista’ jkun rilevanti. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’din il-kawża.


28 – ĠU 1998, C 265, p. 2 (punti 117 sa 119).


29 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (Każ COMP/38.233 – Wanadoo Interactive, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Wanadoo Interactive”). F’dan ir-rigward ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’dik il-kawża. Madankollu, kif dan tal-aħħar innota fil-konklużjonijiet tiegħu (punt 57) fil-Kawża TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, “filwaqt li swieq dinamiċi jew li jikbru malajr ma humiex eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, jibqa’ l-fatt li, kull fejn ikun iġġustifikat, il-Kummissjoni [għandha tintervjeni] f’dawk is-swieq b’attenzjoni partikolari, u jibdlu fejn meħtieġ l-approċċ standard [tagħha] kif ġara b’suċċess fil-kawża Wanadoo [Interactive]”.


30?      Rispettivament, sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006 (C‑289/04 P, Ġabra p. I-5859), u tas-17 ta’ Ġunju 2010 (C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361).


31 ?      Ara, b’mo partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, imsejħa akkordju tal-“Kartun” (C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 91 sa 101).


32 – Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, punt 104). Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 205), u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 233).


33 – Ara s-sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq (punt 105) u, fl-istess sens, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 227).


34 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (T‑155/06, Ġabra p. II‑04361, punt 314).


35 – Ara s-sentenza ta’ Cour Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 106) u, fl-istess sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Pioneer” (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109).


36 – Ara s-sentenza ta’ Cour Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 107) kif ukoll fl-istess sens is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33).


37 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006 (T-59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 316 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (T‑360/09, punt 262). Ngħid li dik is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet li ma għandhomx x’jaqsmu xejn ma’ dan il-punt (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843).


38 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995 (T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 142).


39 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 315); tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (T‑138/07, Ġabra p.II‑4819, punt 105), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni (T‑352/09, punt 44).


40 – Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125); KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, iktar ʼil quddiem is-“sentenza KME et vs Il-Kummissjoni”), u Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085) (iktar ʼil quddiem, it-tliet sentenzi flimkien, is-sentenzi “Chalkor u KME”), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti ewr. D.B., A. Menarini Diagnostics vs L-Italja tas-27 ta’ Settembru 2011 (rikors nru 43509/08).


41 – Inżid li din il-ġurisprudenza ġiet imtennija b’mod partikolari mis-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punti 149 u 150, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra 2002 p. I‑8375, punti 463 u 464.


42 – Jiġifieri d-digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni (C‑137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 54), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni (T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 51).


43 – F’dan ir-rigward jista’ jiġi rrilevat li l-linji ta’ gwida tal-2006 jirrappreżentaw ċertu progress billi hemm fost l-oħrajn indikat li l-ammont bażiku jiġi ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ. Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), punti 12 sa 26.


44 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91.


45 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p.I‑8947, punt 155, li tiċċita, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 44). Ara, ukoll, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 15), u tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos (C‑228/99, Ġabra p. I‑8401, punt 28), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 1997, Moskof (C‑244/95, Ġabra p. I‑6441, punt 54).


46 –      Għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex problema mal-komunikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tas-sanzjoni fil-proċeduri ta’ ksur doppju – għalkemm iżżomm minkejja dan marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-koeffiċjent applikabbli għal kull kriterju – diffiċli li wieħed jiddefendi li hija tirrifjuta li tkun trasparenti waqt il-kalkolu tal-multa f’kwistjonijiet ta’ akkordji (li jippermetti lill-Qorti Ġenerali li teżerċita għal kollox is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa). Ara wkoll G.-K. De Bronett, Ein Vergleich zwischen Kartellgeldbußen gegen Unternehmen und “Pauschalbeträgen” gegen Mitgliedstaaten wegen Verstoß gegen EU-Recht, ZWeR 2013, p.38-53. Barra minn hekk, l-eżistenza stess ta’ linji gwida tal-Kummissjoni jindika sew li l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din tal-aħħar bl-ebda mod ma huwa illimitat. F’dan ir-rigward, l-approċċ li jsegwu l-Istati Uniti jidhirli li huwa l-aħjar, billi s-“sentencing guidelines” (linji gwida għall-kundanni) jippermettu li jitbassar il-livell tal-multa (u t-tul tal-piena ta’ priġunerija) bi grad għoli biżżejjed ta’ preċiżjoni (ara s-Sentencing Reform Act 1984 u l-US Sentencing Commission Guidelines Manual fuq www.ussc.gov, kif ukoll R. Whish, u D. Bailey, Competition Law, Oxford, 7 edizzjoni, ed., 2012, p. 276).


47 – Skont l-Artikolu 172, “[i]r-regolamenti preskritti mill-Kunsill bis-saħħa tad-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat jistgħu jagħtu l-kompetenza sħiħa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull piena preskritta minn dawn ir-regolamenti”. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 172 tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalita perjodiku; din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalita perjodiku impost”.


48 – Ara wkoll il-punt 63 tas-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u fl-istess sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni,iċċitata iktar ʼil fuq, punt 692.


49 – Skont l-Artikolu 261 TFUE, “[i]r-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f’dawn ir-regolamenti.”. Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.


50 – Ilum il-ġurnata tal-Qorti Ġenerali fil-qafas tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa.


51 – Ara s-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65.


52 – Ara l-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fis-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 95 et seq).


53 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punti 30 u 31); tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 49), u KME et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 92). Ara, wkoll, id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry (C‑457/09, Ġabra, p. I‑819, punt 25).


54 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13), tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, Ġabra p. I‑4863, punt 41), u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81).


55 – Hawnhekk naqbel mal-punti 103 sa 131 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, C‑89/11 P, fejn jagħmel riferiment b’mod partikolari għall-ġurisprudenza tal-Qorti ewr. D.B. (sentenzi Schmautzer vs L-Awstrija tat-23 ta’ Ottubru 1995, Serje A Nru 328‑A; Valico S.R.L. vs L-Italja tal-10 ta’ Jannar 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2006‑III, u Menarini, iċċitata iktar ’il fuq). Ċertament – filwaqt li fil-konklużjonijiet tiegħu huwa ppropona l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali billi din ma kinitx eżerċitat is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-multa imposta fuq E.ON Energie u sabiex l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-proporzjonalità ta’ dik il-multa — il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, ċaħdet l-appell. Madankollu, meta wieħed jaqra dik is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed jista’ jikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx kontra dak li qal l-avukat ġenerali Bot, fuq il-prinċipji imma wriet li – f’dak il-każ — il-Qorti Ġenerali kienet eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u setgħet tikkonstata mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-multa kienet proporzjonata. Billi kienet taf li l-Kummissjoni setgħet imponiet fuq E.ON Energie multa ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha li kieku stabbiliet l-eżistenza ta’ prattiċi antikompetittivi, il-Qorti Ġenerali kienet stmat li l-multa ta’ EUR 38 miljun imposta għall-ksur ta’ siġill, li jirrappreżenta 0.14 % tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ E.ON Energie, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv ta’ din is-sanzjoni.


56 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63).


57 – Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 147).


58 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (C‑338/00 P, Ġabra p. I‑ 9189).


59 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000 (T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 347 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


60 – Ara P. Mengozzi, “La compétence de pleine juridiction du juge communautaire”, Liber Amicorum en l’honneur de Bo Vesterdorf, Bruylant, Brussell, 2007, p. 219 sa 236.


61 –      F’dan il-kuntest, ara, ukoll, H.P. Nehl, “Kontrolle kartellrechtlicher Sanktionsentscheidungen der Kommission durch die Unionsgerichte”, f’U. Immenga, u T. Körber, (ed.), Die Kommission zwischen Gestaltungsmacht und Rechtsbindung, Nomos, 2012, p. 139 u 140 (“[d]ie mit dieser Neuorientierung einhergehende Rückbesinnung des Gerichtshofs auf das “hard law” anstelle des “soft law” zum Zweck der gerichtlichen Kontrolle der Ausübung des Ermessens der Kommission bei der Geldbußenbemessung ist sehr zu begrüßen”).


62 – Ara l-artikolu tiegħu “La protection des droits et des garanties fondamentales en droit de la concurrence” f’De Rome à Lisbonne: mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Bruylant, 2013, p. 175 sa 192.


63 – Ara s-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 136). Anki għall-istħarriġ tal-legalità u tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-punt 94 tas-sentenza KME et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jippreċiża li, “[f]ir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom […]” (l-enfasi hija tiegħi). Bl-istess mod il-Qorti EFTA, fis-sentenza tagħha Posten Norge (sentenza tat-18 ta’ April 2012, E‑15/10, punti 100 u 101) iddeċidiet li “it must be recalled that Article 6(1) ECHR requires that subsequent control of a criminal sanction imposed by an administrative body must be undertaken by a judicial body that has full jurisdiction. Thus, the Court must be able to quash in all respects, on questions of fact and of law, the challenged decision (see, for comparison, European Court of Human Rights Janosevic v. Sweden, no 34619/97, § 81, Reports of Judgments and Decisions 2002-VII, and [Menarini, iċċitata iktar ’il fuq], § 59). Therefore, when imposing fines for infringement of the competition rules, [EFTA Surveillance Authority (ESA)] cannot be regarded to have any margin of discretion in the assessment of complex economic matters which goes beyond the leeway that necessarily flows from the limitations inherent in the system of legality review […] Furthermore […] in a case which is covered by the guarantees of the criminal head of Article 6 ECHR, the question whether the evidence is capable of substantiating the conclusions drawn from it by the competition authority must be answered having regard to the presumption of innocence. Thus, although the Court may not replace ESA’s assessment by its own and, accordingly, it does not affect the legality of ESA’s assessment if the Court merely disagrees with the weighing of individual factors in a complex assessment of economic evidence, the Court must nonetheless be convinced that the conclusions drawn by ESA are supported by the facts” (l-enfasi hija tiegħi).


64 – Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000 (C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 55).


65 – Dan il-qari tas-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Chalkor u KME kif ukoll Menarini hija sostnuta wkoll, partikolarment minn R. Wesseling, u M. van der Woude, “The lawfulness and acceptability of enforcement of European cartel law”, World Competition, Vol. 35, numru 4 (2012), p. 573 sa 598.


66 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni (T‑11/06, Ġabra p. II‑6681, punti 265 u 266). Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ʼil fuq (punt 692); tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 61), kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86).


67 –      Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni (T‑59/99, Ġabra p. II‑5257) u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et Il-Kummissjoni (T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181).


68 – Ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 u 61 sa 63).


69 – Ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, punt 40). Ara wkoll P. Mengozzi, “La compétence de pleine juridiction du juge communautaire”, op. cit., p. 227.


70 –      Ara Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 445). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235) u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 200).


71 – L-Avukat Ġenerali Mengozzi jfakkar ġustament (fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 tal-konklużjonijiet tiegħu) li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fuq il-multi imposti mill-Kummissjoni huwa intiż biex tiġi vverifikata n-natura xierqa tal-ammont deċiż inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża li bihom hija adita. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni (C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 42 u 48), kif ukoll Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni (C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punti 42 u 48).


72 – Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punti 51 u 52), u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 141) kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 274), u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 227).


74 – L-Avukat Ġenerali Mengozzi jżid jgħid li dan jippermetti wkoll li wieħed jifhem għaliex, pereżempju, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 1984, Officine Bertoli vs Il-Kummissjoni (8/83, Ġabra p. 1649, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm l-aggravju invokat mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ma setax jintlaqa’, ċerti ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża kienu jiġġustifikaw tnaqqis għal-raġunijiet ta’ ekwità.


75 – Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011 (T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra p. II‑793, ara b’mod partikolari l-punti 153 u 154). Din is-sentenza bħalissa qiegħda pendenti fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawżi magħquda C‑231/11 P sa C-233/11 P (il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ġew ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2013.


76 – Sentenza tas-27 ta’ Lulju 2005 (T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 170).


77 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1994 (T‑77/92, Ġabra p. II‑549, punti 94 u 95).


78 – Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, Ġabra p. II‑3729); tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni (T‑43/92, Ġabra p. II‑441); Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il-Kummissjoni (T‑235/07, Ġabra p. II-3229), kawżi fejn il-Qorti Ġenerali ssostitwiet id-diskrezzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni jew analizzat n-natura xierqa tal-multa.


79 – Sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, T‑77/08 (punt 148). Bħalissa din is-sentenza tinsab appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Kawża C‑179/12 P).


80 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007 (T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949).


81 – Rispettivament, id-deċiżjonijiet C(2004) 900 tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] (Każ COMP/C 3/37.792 – Microsoft), C(2005) 4420 finali tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2006, C(2008) 764 finali tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Frar 2008, li jiffissa l-ammont definittiv tal-pagament ta’ penalità imposta fuq Microsoft Corp. bid-deċiżjoni “Microsoft”, iċċitata iktar ’il fuq, u C(2013) 1210 finali tal-Kummisjsoni, tas-6 ta’ Marzu 2013.


82 – Deċiżjoni C(2009) 3726 finali tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Mejju 2009, fil-Każ COMP/C-3/37.990 — Intel.


83 – Deċiżjoni C(2008) 6815 finali tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 — Ħġieġ tal-karozzi.


84 – Deċiżjoni C(2006) 6762 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2007, fil-Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass.


85 – Deċiżjoni C(2007) 512 finali tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Frar 2007, fil-Każ COMP/E-1/38.823 — Lifts u eskalators mekkaniċi.


86 – Deċiżjoni C(2012) 8839 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Diċembru 2012, fil-Każ COMP/39.437 — Tubi għal settijiet tat-televiżjoni u skrins tal-kompjuter.


87 –      Ara l-punti 129 sa 133 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża.


88 – Fil-fatt, “iż-żieda tal-Qorti tal-Prim’Istanza mal-Qorti tal-Ġustizzja u l-introduzzjoni ta’ żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni, minn naħa għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ interessi individwali, partikolarment għar-rikorsi li jeħtieġu eżami profond ta’ fatti kumplessi, u, min-naħa l-oħra, li għandhom bħala għan li jżommu l-kwalità u l-effiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarji fl-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” (Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).


89 – Bħala eżempju ta’ eżerċizzju komplet ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, jista’ jsir riferiment għall-United Kingdom Competition Appeal Tribunal (CAT), fejn huwa jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu stess tal-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ approċċ eżawrjenti ħafna, billi jikkunsidra l-każ fil-kumpless tiegħu (ara, partikolarment, is-sentenzi Nri 1114/1/1/09 Kier Group plc vs OFT [2011] CAT 3, u Nru 1099/1/2/08 National Grid plc vs Gas and Electricity Markets Authority [2009] CAT 14).


90 – Deċiżjoni 2001/354/KE tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Marzu 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 [TFUE] (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27),


91 – Huwa veru li l-“l-konċiżjoni hija ruħ il-battuta” (“brevity is the soul of wit”) (Shakespeare, Hamlet, 1602), imma l-ġurisdizzjoni sħiħa teħtieġ iktar minn battuta.


92 – Dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ara b’mod partikolari s-sentenza Nintendo vs Il-Kummissjoni (T‑13/03, Ġabra p. II‑975, punt 170).


93 – Ara l-linji gwida tal-1998, Taqsima 1, A, l-aħħar punt.


94 – Deċiżjoni C (2005) 1757 finali tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Ġunju 2005, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/A.37.507/F3 – AstraZeneca).


95 – Ara l-linji gwida tal-1998, Taqsima 1, A.


96 – “Kif ġie stabbilit fit-taqsima A.1 iktar ’il fuq, l-abbuż ta’ Telefónica ma huwiex ġdid imma huwa għall-kuntrarju abbuż serju li għalih jeżistu preċedenti. B’mod partikolari, wara l-każ Deutsche Telekom (ippubblikat f’Ottubru 2003) il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 għal attività ekonomika li tirrigwarda regolament settorjali ex ante speċifiku kienu fil-biċċa l-kbira ċċarati u magħrufa minn Telefónica” (premessa 740 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


97 – Sentenza tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 528).


98 – Kif l-Avukat Ġenerali Mazák innota fil-konklużjonijiet tiegħu (nota ta’ qiegħ il-paġna 41) fil-kawża TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, “[x]i kummentaturi akkademiċi ssuġġerew li s-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq […]) kellha tiġi ttrattata b’mod iktar xieraq bħala każ ta’ prezzijiet predatorji, filwaqt li France Télécom vs Il-Kummissjoni (Wanadoo Interactive, iċċitata iktar ’il fuq ) kellha tkun ittrattata bħala każ ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet (waqt is-seduta l-Kummissjoni ma qalitx li ma taqbilx ma’ dan l-aħħar punt; madankollu, din irrilevat li hija ddeċidiet li tittratta France Télécom bħala każ ta’ prezzijiet predatorji għax l-entità downstream (Wanadoo [Interactive]) ma kinitx 100% proprjetà ta’ France Télécom)”.


99 – Skont ir-rikorrenti, fl-2006, l-aħħar sena tal-ksur preżunt, id-dħul mill-bejgħ tal-grupp Telefónica kien ta’ EUR 52 901 miljun, dak tal-grupp France Telecom ta’ EUR 46 630 miljun fl-2002, u dak ta’ Deutsche Telekom tela’ għal EUR 55 838 miljun fl-2003.


100 –      Telefónica insistiet fir-replika tagħha fil-punt 284 li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet iktar stretta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża matul il-perijodu kkontestat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li i) is-sistema retail minus applikat mis-CMT kellha preċiżament bħala għan li tevita l-fenomenu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kuntrarjament għas-sistema tal-prezz massimu li tapplika l-Ġermanja matul il-perijodu tal-ksur, sistema li tippermetti l-applikazzjoni tal-tpaċiji bejn prodotti differenti li jappartjenu għall-istess “baskett”, u li ii) sax-xahar ta’ Novembru 2003, is-CMT kienet iffissat il-prezzijiet bl-imnut (filwaqt li l-awtorità Ġermaniża ffissat il-prezzijiet bl-imnut massimi u mhux fissi) u, imbagħad, kellha tapprova, ex ante, l-inizjattivi kollha ta’ prezz bl-imnut ta’ Telefónica applikati għas-servizzi l-ġodda u għall-promozzjonijiet u li, biex isir dan, hija vverifikat l-eżistenza ta’ marġni suffiċjenti bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut.


101 –      Il-Qorti Ġenerali għamlet biss riferiment sempliċi għas-saħħa ekonomika ta’ Telefónica. Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dħul mill-bejgħ kien paragunabbli ħafna. F’termini ta’ kapital fil-borża, Deutsche Telekom u Telefónica kienu għalhekk f’sitwazzjoni paragunabbli, skont is-sorsi ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-paġna 22 tar-rapport annwali ta’ Telefónica, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 791 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kapitalizzazzjoni fil-borża ta’ Telefónica u dik ta’ Deutsche Telekom telgħet rispettivament għal USD 74 113 u għal USD 70 034 miljun fl-2005, u għal USD 104 722 u USD 80 371 miljun fl-2006).


102 – Deċiżjoni Deutsche Telekom (punti 206, 207, u 211).