Language of document : ECLI:EU:C:2012:536

KONKLUŻJONIJIET KOKOTT — KAWŻA C-75/11

IL-KUMMISSJONI vs L-AWSTRIJA

I - 18      

            I - 17

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑75/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità — Moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Settur tat-trasport — Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Esklużjoni tal-istudenti li l-ġenituri tagħhom ma jirċievux allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali mid-dritt li jibbenefikaw mill-prezzijiet imnaqqsa tat-trasport pubbliku lokali”





I –    Introduzzjoni

1.        L-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-prezzijiet tat-trasport imnaqqsa li huma konċessi lill-istudenti għal kundizzjonijiet li l-istudenti ta’ Stati Membri oħra ma jistgħux ġeneralment jissodisfaw? Din hija d-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi f’din il-kawża.

2.        Diversi reġjuni Awstrijaċi kif ukoll il-ministeru federali kompetenti ftiehmu mal-impriżi tat-trasport lokali fuq prezzijiet tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti. Dan it-tnaqqis jingħata biss lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi minħabba l-istudji tagħhom. Huma biss il-ġenituri li jgħixu fl-Awstrija li jirċievu dawn l-allowances.

3.        Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni prevista għall-għoti ta’ dan it-tnaqqis tikkostitwixxi diskriminazzjoni li tikser l-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 (2) dwar il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni. Fil-fatt, l-istudenti ta’ Stati Membri oħra li jattendu universitajiet Awstrijaċi ġeneralment ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.

4.        L-Awstrija tiddefendi ruħha billi tispjega, essenzjalment, li t-tnaqqis huwa intiż biss sabiex jikkompleta l-allowances tal-familja u li l-għoti tat-tnaqqis huwa, konsegwentement, konformi mar-Regolament Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (3). L-Awstrija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-istudenti ta’ Stati Membri oħra jiġu megħjuna finanzjarjament mill-Istat tal-oriġini tagħhom, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu mqabbla mal-istudenti nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jippermetti li l-istudenti ta’ Stati Membri oħra jiġu esklużi mill-allowances għall-istudji.

II – Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/38

5.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jiddefenixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, […]”.

6.        Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-“d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[...]

(ċ)       — miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

— għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; [...]”.

7.        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 jirregola l-ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stati Membri oħra:

“1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. [...]

2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.

 B -   Ir-Regolament Nru 1408/71

8.        L-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li r-Regolament japplika għall-benefiċċji tal-familja.

9.        Il-benefiċċji tal-familja huma ddefiniti fl-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 bil-mod kif ġej:

“il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ [jikkumpensaw għal]l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), [...]”.

10.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tipprovdi li l-persuni li għalihom japplika r-regolament imsemmi huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss.

11.      L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jirregola l-għoti tal-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI”.

12.      L-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 ma fih l-ebda dispożizzjoni rilevanti għal din il-kawża.

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

13.      Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda l-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa konċessi lill-istudenti abbażi ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat bejn il-ministeru federali Awstrijak kompetenti, l-awtoritajiet reġjonali (Länder jew Komuni) u l-kumpanniji ta’ trasport ikkonċernati. Skont il-Land li jkun, dawn il-kuntratti jinvolvu prezzijiet u tnaqqis differenti għall-istudenti.

14.      Meta l-ministeru federali kompetenti jipparteċipa fil-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dan, huwa jipprova jissuġġetta t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport għall-kundizzjoni tar-riċeviment tal-allowances tal-familja Awstrijaċi previsti fil-liġi Awstrijaka tal-1967 dwar il-kumpens għall-piżijiet familjari (Familienausgleichsgesetz). Dawn l-allowances ma jittieħdux direttament mill-istudenti, iżda mill-ġenituri li jkunu responsabbli għall-kura u għall-manteniment tal-istudent, bil-kundizzjoni li huma jkunu affiljati mal-iskema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka. Skont l-Awstrija, tali kundizzjoni li biha l-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa jkunu suġġetti għall-fatt, li l-ġenituri jridu jkunu qegħdin jirċievu l-allowances tal-familja hija prevista fil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, ta’ Burgenland u ta’ Steiermark kif ukoll fil-belt ta’ Innsbruck.

15.      Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li din il-miżura tiddiskrimina illegalment kontra l-istudenti minn Stati Membri oħra, fl-2009 hija talbet lill-Awstrija tippreżenta osservazzjonijiet skont l-Artikolu 258 TFUE. Dejjem fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija tat opinjoni motivata fit-28 ta’ Jannar 2010, li fiha hija tat lill-Awstrija terminu finali ta’ xahrejn biex twaqqaf il-ksur li bih ġiet akkużata.

16.      Peress li baqgħet mhux sodisfatta bir-risposti tal-Awstrija, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fil-21 ta’ Frar 2011.

17.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi tat tnaqqis fuq il-prezz tat-trasport pubbliku biss lill-istudenti li fir-rigward tagħhom jingħataw allowances tal-familja Awstrija[ċ]i[ lil ġenituri tagħhom], ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE u;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

18.      Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

-        tiċħad ir-rikors u

-        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.      Il-partijiet ressqu l-argumenti tagħhom matul il-proċedura bil-miktub.

IV – Evalwazzjoni legali

20.      Qabel ma tkun tista’ tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (punt Ċ), jeħtieġ li jiġi ppreċiżat minn qabel is-suġġett tar-rikors (punt A) kif ukoll ir-regoli li japplikaw fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni (punt B).

 A - Fuq is-suġġett tar-rikors

21.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża, essenzjalment lill-Awstrija li tat tnaqqis fuq il-prezzijiet tat-trasport pubbliku biss lill-istudenti li għalihom jingħataw allowances tal-familja Awstrijaċi.

22.      Mill-motivi tar-rikors jirriżulta li din il-miżura tiġi applikata biss fil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, tal-Burgenland u ta’ Steiermark kif ukoll fil-belt ta’ Innsbruck. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ma hijiex ċara fin-Niederösterreich — hemm nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti —, filwaqt li f’reġjuni oħra, it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport ma jiddependux mill-allowances tal-familja.

23.      L-Awstrija ssostni li t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport ma għadux suġġett għal din il-kundizzjoni fil-belt ta’ Innsbruck. Madankollu, it-tnaqqis inkwistjoni f’din il-kawża kien għadu fis-seħħ fid-data li fiha skada t-terminu indikat fl-opinjoni motivata (id-data rilevanti għall-eżami ta’ dan ir-rikors).

24.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tilmentax dwar il-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport jiġi rrifjutat lil studenti ta’ pajjiż terz jew lil studenti Awstrijaċi oħra. Hija teżamina biss is-sitwazzjoni tal-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu, minħabba li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, l-allowances tal-familja Awstrijaċi.

25.      Konsegwentement, is-suġġett tar-rikors huwa limitat għas-sempliċi fatt li l-istudenti tal-Unjoni li l-ġenituri tagħhom ma jirċievux, minħabba li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, l-allowances tal-familja Awstrijaċi ma jibbenefikawx, fil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, tal-Burgenland u ta’ Steiermark kif ukoll fil-belt ta’ Innsbruck, mill-istess prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa, bħall-istudenti li għalihom jingħataw allowances tal-familja Awstrijaċi.

 B - Fuq ir-regoli li japplikaw fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni

26.      Għandu jiġi stabbilit qabel xejn jekk effettivament japplikawx ir-regoli ta’ nondiskriminazzjoni indikati mill-Kummissjoni.

27.      Il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni (l-Artikolu 18 TFUE) flimkien mal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (l-Artikoli 20 u 21 TFUE) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt tal-persuni għall-moviment liberu u d-dritt ta’ residenza.

28.      Biex il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE tapplika għall-istudenti li joriġinaw minn Stati Membri oħra u li jużaw it-trasport pubbliku lokali fl-Awstrija, jeħtieġ li dawn l-istudenti jkunu suġġetti għad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu li huma jgawdu bħala ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE.

29.      Wieħed jista’ jargumenta min-naħa l-oħra li, peress li l-miżura Awstrijaka tikkonċerna l-użu ta’ servizzi ta’ trasport, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni marbuta mal-moviment liberu ġenerali taċ-ċittadini tal-Unjoni ma għandhiex tapplika għat-tnaqqis selettiv tal-prezzijiet ta’ trasport. Fil-fatt, hemm dubju dwar kemm il-moviment liberu ġenerali taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ japplika b’mod parallel mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (punt 1). Barra minn hekk, il-miżuri li jikkonċernaw it-trasport huma rregolati mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-titolu li jirrigwarda t-trasport. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tal-moviment liberu ġenerali jkollhiex bħala effett li tevita dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi (punt 2). Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata fil-qosor ir-relazzjoni bejn il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 (punt 3).

1.      Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

30.      F’diversi sentenzi antiki, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, mingħajr ebda motivazzjoni, li ċerti miżuri kienu jiksru kemm libertà fundamentali partikolari kif ukoll il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni (4). Fil-frattemp, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, ġustament, din il-ġurisprudenza billi indikat li l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (5). Għaldaqstant, meta l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija applikabbli, l-Artikolu 18 TFUE ma jistax japplika (6).

31.      Fil-prinċipju, l-istess għandu japplika meta l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tiġi invokata flimkien mal-moviment liberu ġenerali taċ-ċittadini tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 21 TFUE. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ddikjarat diversi drabi li ma kienx hemm lok biex hija tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE, esprimiet ruħha bi prudenza dwar ir-relazzjoni bejn din il-libertà u l-libertajiet fundamentali iktar speċifiċi (7). Din il-pożizzjoni, għal darba oħra, tesprimi, madankollu, in-natura speċjali ta’ ċerti libertajiet fundamentali.

32.      L-ebda konklużjoni oħra ma tista’ tiġi misluta mill-ġurisprudenza dwar ir-relazzjoni bejn il-moviment liberu tal-kapital u l-libertajiet fundamentali l-oħra. F’dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar il-moviment liberu tal-kapital meta hija tkun diġà kkonstatat li miżura tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (8). F’dawn il-kawżi, il-moviment liberu ġenerali tal-persuni kellu japplika flimkien maż-żewġ libertajiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq, u dan peress li l-kwistjoni kienet tirrigwarda persuni li ma kinux daħlu fl-Istat ikkonċernat biex jeżerċitaw attività ekonomika (9). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrinunzjatx għall-prinċipju tal-ispeċjalità f’dawn il-kawżi. Bil-kontra, id-distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-kapital u l-libertajiet l-oħra hija bbażata fuq l-għan tal-miżura nazzjonali inkwistjoni (10). Bil-fatt li rrifjutat li teżamina l-moviment liberu tal-kapital, filwaqt li applikat madankollu, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li essenzjalment, kien iktar il-moviment liberu tal-persuni li kien ikkonċernat milli l-moviment tal-kapital.

33.      Minn dan isegwi li l-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE ma tistax tapplika flimkien mal-moviment liberu ġenerali tal-persuni previst fl-Artikolu 21 TFUE, meta l-prezzijiet imnaqqsa tat-trasport pubbliku lokali jkunu jaqgħu taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

34.      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE hijiex applikabbli. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet mhux biss lill-fornituri ta’ servizzi nfushom, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi (11). Konsegwentement, fir-rigward tal-prezz ta’ servizz, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru fi Stati Membri oħra ma għandhomx ikunu ddiskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom (12).

35.      Madankollu, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax għal ċittadin ta’ Stat Membru li jmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jistabbilixxi hemmhekk ir-residenza prinċipali tiegħu, bil-għan li jipprovdi jew jibbenefika hemmhekk minn provvisti ta’ servizzi għal perijodu determinat (13). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 56 TFUE ma setax jiġi applikat għal attivitajiet li l-elementi tagħhom kollha jkunu limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed (14).

36.      B’mod ġenerali, l-istudenti jmorru fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ żmien twil. Huwa minnu li l-perijodu tar-residenza ta’ student ma huwiex indeterminat, iżda huwa limitat għall-perijodu prevedibbli tal-istudji, u dan japplika iktar u iktar għall-programmi ta’ skambju. Għandu jiġi eżaminat jekk tali residenza hijiex limitata biss għat-territorju ta’ Stat Membru, f’liema każ ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li ġiet eżerċitata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

37.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża tistabbilixxi preċiżament differenza bejn il-ġenituri tal-istudenti li jirċievu benefiċċji tal-familja Awstrijaċi u dawk li ma jirċievuhomx, jiġifieri bejn il-ġenituri li jirrisjedu fl-Awstrija u dawk li jgħixu f’pajjiż barrani. Il-leġiżlazzjoni li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta ma hijiex limitata, għaldaqstant, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Fuq dan il-punt, din il-kawża tista’ tiġi mqabbla mas-sentenzi li jirrigwardaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-istudji għall-finijiet fiskali (fil-kuntest ta’ kors master) (15) u tal-ispejjeż tat-tagħlim (16) fl-Istat tal-oriġini — sentenzi li fihom ġiet applikata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

38.      Minn dan isegwi li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija, fil-prinċipju, applikabbli f’dan il-każ, u dan jeskludi eżami tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni b’mod konġunt mal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.

 2.     Fuq il-politika tat-trasport

39.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda madankollu l-aċċess għal servizzi ta’ trasport. Skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-moviment liberu tas-servizzi, fil-qasam ta’ trasport, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-titolu li jirrigwarda t-trasport. Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, isegwi li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax (17). Il-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jitwettqu billi tiġi implementata l-politika komuni tat-trasport (18).

40.      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-modi kollha ta’ trasport huma suġġetti għar-regoli ġenerali tat-Trattat (19) u b’mod partikolari għal-libertajiet fundamentali ħlief il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (20). Konsegwentement, il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni għandha tapplika wkoll flimkien mal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni.

41.      Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma tikkontradixxi l-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw in-natura speċjali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, il-prinċipju tal-ispeċjalità huwa intiż li japplika biss fejn tkun tapplika wkoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stess. Fil-każ invers, din il-libertà ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra. Dan ikollu bħala konsegwenza, fil-fatt, li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu preklużi milli jibbenefikaw, fil-qasam tat-trasport, mill-protezzjoni offruta permezz taċ-ċittadinanza tagħhom, meta t-Trattat ma jipprovdi għal ebda eċċezzjoni għal din il-protezzjoni u meta l-protezzjoni iktar speċifika offruta, fil-prinċipju, mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax.

42.      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-moviment liberu tal-persuni fis-sentenza Neukirchinger, iċċitata iktar ’il fuq, din tal-aħħar lanqas ma tipprekludi li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ġenerali tiġi eżaminata flimkien mal-moviment liberu ġenerali tal-persuni. Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-trasport bil-mongolfjera kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss minħabba l-moviment liberu tal-fornitur (fejn ir-residenza tkun fi Stat Membru ieħor), imma minħabba miżuri rilevanti adottati minħabba l-politika tat-trasport (21). Dan huwa spjegat, madankollu, bil-fatt li r-residenza fi Stat Membru ieħor kellha biss importanza żgħira meta mqabbla mal-provvista tas-servizz ta’ trasport f’dak l-Istat. Il-provvista u l-użu tas-servizzi ta’ trasport jistgħu jitqabblu biss sa ċertu punt.

43.      Konsegwentement, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni japplika f’din il-kawża, minkejja li l-miżuri Awstrijaċi inkwistjoni jikkonċernaw l-aċċess għal servizzi ta’ trasport.

 3.     Fuq l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt għall-moviment liberu u residenza tal-persuni

44.      Biex nikkonkludi, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni (Artikolu 18 TFUE) b’mod konġunt mal-moviment liberu tal-persuni (Artikolu 21 TFUE), iżda sempliċement jippreċiża l-effetti legali tagħha (22). Huwa b’dan il-mod li jien ikkunsidrajt, f’kawża oħra, li r-regoli ta’ nondiskriminazzjoni previsti fl-Artikoli 18 TFUE u 24(1) tad-Direttiva 2004/38 għandhom japplikaw b’mod parallel (23).

 Ċ -   Fuq l-eżami ta’ diskriminazzjoni

45.      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa huma suġġetti għall-kundizzjoni tal-għoti ta’ allowances tal-familja Awstrijaċi jiddiskrimina indirettament kontra l-istudenti ta’ Stati Membri oħra.

2.      Fuq il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE

46.      Kif tammetti l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat fis-sentenza Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-istudenti jistgħu jinvokaw id-dritt, stabbilit fl-Artikoli 18 u 21 TFUE, li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jbatu diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti bbażati fuq in-nazzjonalità tagħhom (24).

47.      Skont il-Kummissjoni, l-Awstrija tiddiskrimina indirettament kontra l-istudenti ta’ Stati Membri oħra. Sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja, meta min-natura tagħha stess hija tista’ taffettwa iktar liċ‑ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali u għandha mnjen, b’konsegwenza ta’ dan, tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (25).

48.      Il-ġenituri tal-istudenti Awstrijaċi ġeneralment jirċievu l-allowances tal-familja Awstrijaċi u dan b’kuntrast mal-parti l-kbira tal-ġenituri tal-istudenti barranin. Jeżisti, għaldaqstant, preġudizzju indirett ibbażat fuq in-nazzjonalità.

49.      L-Awstrija ssostni, minn naħa, li t-tnaqqis tal-prezzijiet tat-trasport jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 (punt a) u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni tal-istudenti barranin hija differenti minn dik tal-istudenti nazzjonali (punt b). Barra minn hekk, l-Awstrija ssostni li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni jippermetti li t-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport jiġi suġġett għall-għoti ta’ allowances tal-familja (punt ċ). Dawn l-oġġezzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw il-preġudizzju inkwistjoni.

a)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju tal-familja

50.      Fir-rigward tal-punt dwar jekk it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ trasport jistax jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tal-familja, il-partijiet għamlu riferiment kemm għar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll għar-regolament li ssostitwixxa lil dan tal-aħħar [jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 883/2004] (26).

51.      F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi ppreċiżat li huwa biss r-Regolament 1408/71 li huwa rilevanti f’dan il-każ. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 91 tiegħu, ir-Regolament Nru 883/2004 beda japplika biss mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ implementazzjoni (KE) Nru 987/2009 (27), fl-1 ta’ Mejju 2010. Issa, id-data operattiva għall-eżami ta’ dan ir-rikors hija dik li fiha jiskadi t-terminu impost mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha (28 ta’ Marzu 2010).

52.      Milli nifhem, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-regoli ta’ kompetenza previsti fir-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiddeterminaw ukoll liema studenti jistgħu jingħataw il-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa. Dan ir-regolament jistabbilixxi fil-fatt, id-dritt li japplika għall-persuni li jaqgħu taħt ir-regolament imsemmi. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, ġeneralment hija biss il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tapplika. L-Istati Membri li d-dritt tagħhom ma japplikax ma humiex obbligati, mir-Regolament, li jagħtu l-benefiċċji inkwistjoni (28).

53.      Madankollu, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun konformi mar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux bħala effett li jeskludiha mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (29). Il-punt dwar jekk tnaqqis tal-prezzijiet ta’ trasport jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 għandu, l-iktar l-iktar, rwol indirett fl-eżami tar-regoli ta’ nondiskriminazzjoni. Kollox jiddependi, f’dan ir-rigward, fuq l-argumenti mressqa biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ allowance tal-familja.

54.      Essenzjalment, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li bil-fatt li qassam il-kompetenzi fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur qassam b’mod ġust, bejn l-Istati Membri, il-piżijiet li jirrigwardaw is-sussidji lill-familji. L-Awstrija tikkunsidra, konsegwentement, li ma għandhiex tkun hi li tbati dan il-piż fir-rigward tal-istudenti ta’ Stati Membri oħra. Skont l-Awstrija, it-tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport jagħmel parti mill-benefiċċji li huma intiżi li jtaffu l-piżijiet tal-familja, u dan peress li l-istudenti li jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis ikunu għadhom megħjuna finanzjarjament mill-ġenituri tagħhom. L-Awstrija tafferma li dan it-tnaqqis jippermetti li titnaqqas l-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-ġenituri u, għaldaqstant, jissupplimenta l-allowances tal-familja attwali, liema allowances huma intiżi, huma wkoll, sabiex jgħinu lill-ġenituri fis-sostenn mogħti lill-istudenti.

55.      L-adegwatezza ta’ benefiċċju biex itaffi indirettament il-piżijiet tal-familja ma tistax, madankollu, tkun suffiċjenti biex tiġġustifika diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. Jekk xejn, jeħtieġ li jiġi żgurat li dan il-benefiċċju jingħata lill-familji kollha li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja skont ir-regoli ta’ kompetenza tar-Regolament Nru 1408/71. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tat-tnaqqis inkwistjoni f’din il-kawża.

56.      Lanqas ma huwa ċert li l-familji kollha li jirċievu benefiċċji tal-familja għall-ulied li jkunu studenti f’università Awstrijaka, effettivament, jitnaqqsulhom indirettament il-piżijiet tagħhom minħabba t-tnaqqis mogħti fil-prezzijiet. Anki jekk jingħad li dan it-tnaqqis jingħata fit-territorju Awstrijak kollu, wieħed jista’ jiddubita dwar kemm l-istudenti jibbenefikaw kollha kemm huma mill-konnessjonijiet adegwati fit-trasport pubbliku lokali. Il-persuni li jiddependu minn modi oħra ta’ trasport ma jibbenefikawx minn dan it-tnaqqis. Lanqas ma huwa stabbilit b’mod ċar li t-tnaqqis mogħti jnaqqas il-piż tal-familji kollha kkonċernati għal livell komparabbli.

57.      Iżda fuq kollox, il-kriterju magħżul biex issir din id-differenza jiddiskrimina de facto kontra l-istudenti li jeżerċitaw id-dritt, mogħti permezz taċ-ċittadinanza tagħhom tal-Unjoni, tal-libertà li jistudjaw fi Stati Membri oħra. Fil-kuntest tal-kompetenza tal-Awstrija, benefiċċju tal-familja għandu fil-prinċipju jingħata wkoll, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, lill-familji li jsostnu finanzjarjament lill-ulied li jistudjaw barra. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tat-tnaqqis inkwistjoni f’din il-kawża. Għaldaqstant, issir diskriminazzjoni kontra l-istudenti Awstrijaċi li jmorru f’pajjiż barrani kif ukoll il-familji tagħhom, meta mqabbla ma’ dawk li jibqgħu fl-Awstrija.

58.      Il-fatt li l-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa li, minħabba li huma suġġetti għall-kundizzjoni tal-għoti tal-benefiċċji tal-familja, huma intiżi li jtaffu l-piżijiet tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistgħux, fil-prinċipju, jibbenefikaw lill-familji kollha li għandhom dritt għalihom, jimmanifesta ruħu wkoll fil-każ ta’ studenti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra. L-istudenti barranin fl-Awstrija kif ukoll il-ġenituri tagħhom ma jistgħux, de facto, jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis, anki jekk l-Istat tal-oriġini tagħhom għażel huwa wkoll din il-forma ta’ benefiċċju tal-familja.

59.      Konsegwentement, il-fatt li l-prezzijiet tat-trasport imnaqqsa huma suġġetti għall-allowances tal-familja huwa ta’ natura purament formali. Dan ma għandux iwassal biex it-tnaqqis inkwistjoni jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tal-familja li l-għoti tiegħu jiddependi esklużivament fuq ir-regoli ta’ kompetenza tar-Regolament Nru 1408/71.

60.      Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni kontra l-istudenti li l-ġenituri tagħhom ma jirċievux, minħabba li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, l-allowances tal-familja Awstrijaċi ma hijiex proporzjonata mat-tnaqqis mill-piżijiet li jġib miegħu benefiċċju daqshekk ftit effikaċi. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li ma tistax tiġi ġġustifikata d-diskriminazzjoni indiretta li dawn l-istudenti huma vittmi tagħha.

b)      Fuq il-kwistjoni tal-komparabbiltà

61.      L-Awstrija ssostni wkoll li l-Kummissjoni, biex tipprova tistabbilixxi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-boroż ta’ studju u t-trattament fiskali tal-ulied studenti fi Stati Membri oħra. Skont l-Awstrija, ċerti Stati Membri jagħtu boroż ta’ studju ħafna iktar ġenerużi minn dawk li jingħataw fl-Awstrija, u l-istudenti ta’ dawk l-Istati jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-boroż anki jekk huma jkunu jixtiequ jistudjaw fl-Awstrija. L-Awstrija tafferma li ma jistax jiġi eskluż li, mill-aspett finanzjarju, l-istudenti ta’ Stati Membri oħra jistgħu jlaħħqu iktar faċilment mal-għoli tal-ħajja (bħal, b’mod partikolari, l-ispejjeż tat-trasport) mill-istudenti Awstrijaċi.

62.      Dan l-argument, inkwantu jirrigwarda l-bżonnijiet finanzjarji tal-istudenti u tal-familji tagħhom, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Awstrija, it-tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport u l-allowances tal-familja Awstrijaċi li għalihom huwa suġġett it-tnaqqis imsemmi ma jippreżumux, fil-prinċipju, insuffiċjenza ta’ riżorsi. Huwa minnu li l-allowances tal-familja ma jibqgħux jitħallsu meta l-istudent ikollu dħul proprju li jaqbeż ċertu ammont. L-insuffiċjenza tar-riżorsi tal-familja ma tiġix, madankollu, eżaminata meta jingħataw l-allowances tal-familja u meta jiġu konċessi prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa (30).

63.      Anki kieku l-argument tal-Awstrija kien intiż sabiex jipprekludi li l-istudenti barranin jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja doppja, il-kriterju magħżul jibqa’ f’kull każ mhux xieraq. Fil-fatt, waqt l-għoti tat-tnaqqis, l-Awstrija ma tieħux inkunsiderazzjoni l-benefiċċji li l-istudenti jirċievu minn Stati Membri oħra.

64.      Minn dan isegwi li l-issuġġettar tat-tnaqqis għall-kundizzjoni li jiġu rċevuti allowances tal-familja Awstrijaċi ma jistax ikun iġġustifikat mill-fatt li l-istudenti ta’ Stat Membri oħra jistgħu jirċievu għajnuna iktar ġeneruża mill-Istat tal-oriġini tagħhom.

 ċ)     Fuq l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni

65.      Fl-aħħar lok, l-Awstrija tinvoka l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Skont din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jippermettix lill-istudenti ta’ Stati Membri oħra li jitolbu fl-Istat ospitanti, qabel ma jakkwistaw id-dritt ta’ residenza permanenti, manteniment għall-istudji fil-forma ta’ boroż ta’ studju jew self.

66.      L-Awstrija ssostni li t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport hija għajnuna fil-forma ta’ manteniment għall-istudji fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, inkwantu dan huwa benefiċċju mogħti lill-istudenti. Skont l-Awstrija, it-tnaqqis għandu jiġi kklassifikat bħala borża ta’ studju, peress li ma huwiex rimborsabbli.

67.      Għandu jiġi aċċettat, insostenn tal-argument tal-Awstrija, li indipendentement mill-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 humiex sodisfatti (31), trattament differenti fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE jista’ jkun iġġustifikat skont l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (32).

68.      Barra minn hekk, huwa possibbli li l-kunċett ta’ manteniment għall-istudji jinftiehem b’mod estensiv b’mod li jinkludi l-benefiċċji kollha mogħtija lill-istudenti. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, il-leġiżlatur ddeċieda, meta adotta l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li ma jidderogax mill-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 ħlief fil-każ ta’ manteniment għall-istudji mogħti fil-forma ta’ boroż ta’ studju jew self. L-istess għandu japplika wkoll meta l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jiġi invokat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

69.      Lanqas ma hemm lok li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat b’mod estensiv. Bil-kontra, din id-dispożizzjoni tippermetti restrizzjoni għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 18 TFUE, 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Kull deroga għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata restrittivament.

70.      Il-kunċett ta’ “borża ta’ studju” jingħata sens wiesa’ jekk ikun jinkludi wkoll it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport. Ir-riferiment dirett għal dan il-kunċett f’konnessjoni mas-self mogħti lill-istudenti juri li l-leġiżlatur ma xtaqx li, fil-kuntest tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, jinkludi l-benefiċċji kollha intiżi għall-istudenti, iżda biss il-benefiċċji ta’ ċertu ammont li huma intiżi li jkopru l-ispejjeż marbutin mat-taħriġ universitarju. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li għajnuna li tirrigwarda l-ispejjeż skolastiċi ma titqiesx bħala manteniment għall-istudji fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Tali għajnuna hija fil-fatt suġġetta għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ġenerali indipendentement mill-perijodu ta’ residenza (33). Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ borża ta’ studju għandu jiġi interpretat restrittivament u ma jestendix għall-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa.

71.      Għandu wkoll jiġi nnotat li l-benefiċċju tat-tnaqqis inkwistjoni ma jiddependix, taħt id-dritt Awstrijak, fuq l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti min-naħa tal-istudenti kkonċernati. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li ċerti studenti ma jibbenefikawx mit-tnaqqis minkejja li għandhom dritt għall-manteniment għall-istudji.

d)      Fuq in-neċessità tal-integrazzjoni fl-Istat ospitanti

72.      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, nixtieq insemmi fil-qosor eventwali argument tad-difiża li l-Awstrija ma invokatx u li għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn teżamina.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-eżistenza ta’ ċerta rabta bejn is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju ta’ benefiċċju tista’ tikkostitwixxi kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li huma ta’ tali natura li jiġġustifikaw il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċju jkunu jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (34).

74.      Dan il-kriterju huwa ġġustifikat mill-fatt li, għalkemm l-Istati Membri, fl-organizzazzjoni u fl-applikazzjoni tas-sistemi tal-għajnuna soċjali tagħhom, għandhom juru ċerta solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, huwa permissibbli li Stat Membru jiżgura ruħu li l-għoti tal-għajnuna biex ikunu koperti l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti minn Stati Membri oħrajn ma jsirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (35).

75.      Madankollu, xorta għandha tiġi osservata l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità. Miżura tkun proporzjonata meta tkun adatta sabiex tilħaq l-għan tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (36). B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ domiċilju u tal-post ta’ residenza ordinarja għandhom ikunu proporzjonati għall-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (37).

76.      Minn dan isegwi li l-livell ta’ integrazzjoni meħtieġ ma għandux ikun determinat b’mod uniformi għall-benefiċċji kollha, iżda jeħtieġ li ssir distinzjoni skont l-ammont tal-benefiċċji. Għalkemm huwa proporzjonat li tiġi imposta kundizzjoni ta’ residenza għal ħames snin biex jingħata manteniment għall-istudji lill-istudenti (38), l-għoti mingħajr ħlas ta’ liċenzja tal-karozza lil persuni b’diżabbiltà għandu jkun suġġett għal kundizzjonijiet inqas stretti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura proporzjonata ta’ leġiżlazzjoni li kienet tirriżerva l-għoti mingħajr ħlas u kull sena ta’ liċenzja tal-karozza lill‑persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat indipendentement minn perijodu ta’ residenza minimu, inklużi anki dawk il-persuni li jmorru f’dan l-Istat regolarment għal raġunijiet professjonali jew personali (39).

77.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi konkluż li l-integrazzjoni pprovata permezz tar-reġistrazzjoni f’università Awstrijaka hija suffiċjenti, minnha nfisha, biex tippermetti lill-istudenti jinvokaw l-ugwaljanza fit-trattament biex jiksbu tnaqqis fit-trasport pubbliku lokali. Din il-konklużjoni tikkonferma wkoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni, fis-sens li l-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport ma jippreżumix li l-istudenti jrid ikollhom dritt ta’ residenza permanenti (40).

78.      Ma hemmx lok li jiġi deċiż, f’din il-kawża, il-punt dwar jekk l-istudenti li jmorru fi Stat Membru b’mod okkażjonali biss (pereżempju għal skopijiet turistiċi jew fil-kuntest ta’ ħarġa) jistgħux jiġu esklużi minn tali tnaqqis.

e)      Konklużjoni parzjali

79.      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-fatt li l-prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa huma suġġetti għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja jikser l-Artikolu 18 TFUE.

3.      Fuq l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment liberu u r-residenza tal-persuni

80.      Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 18 TFUE jgħoddu wkoll, fil-prinċipju, għall-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38. Skont din id-dispożizzjoni, kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont id-Direttiva 2004/38 għandu jgwadi minn ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u dan bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti espressament fit-Trattat u fid-dritt sekondarju.

81.      Skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, l-istudenti għandhom dritt ta’ residenza meta jkollhom assigurazzjoni għall-mard jew riżorsi suffiċjenti għall-għajxien tagħhom. Meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-istudenti jirrisjedu fl-Awstrija abbażi tad-Direttiva 2004/38 u jgawdu mill-istess trattament bħal dawk li huma nazzjonali ta’ dak l-Istat, skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.

82.      Madankollu, it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ trasport ma jingħatalhomx jekk il-ġenituri tagħhom ma jirċievux l-allowances tal-familja Awstrijaċi. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali sitwazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li lanqas ma hija ġġustifikata permezz tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

83.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 ġie miksur ukoll.

V –    Fuq l-ispejjeż

84.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni rebħet fil-parti l-kbira tal-motivi mressqa, is-suġġett tar-rikors kellu madankollu portata ħafna iktar wiesa’ minn dawn il-motivi. Konsegwentement, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VI – Konklużjoni

85.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej:

1.      Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE meta pprovdiet li l-istudenti tal-Unjoni li l-ġenituri tagħhom ma jirċievux, minħabba li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, l-allowances tal-familja Awstrijaċi, ma jibbenefikawx, fil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, tal-Burgenland u ta’ Steiermark kif ukoll fil-belt ta’ Innsbruck, mill-istess prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa bħall-istudenti li għalihom jingħataw allowances tal-familja Awstrijaċi.

2.      Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri meta pprovdiet li l-istudenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 u li l-ġenituri tagħhom ma jirċievux, minħabba li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, l-allowances tal-familja Awstrijaċi, ma jibbenefikawx, fil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, tal-Burgenland u ta’ Steiermark kif ukoll fil-belt ta’ Innsbruck, mill-istess prezzijiet ta’ trasport imnaqqsa bħall-istudenti li għalihom jingħataw allowances tal-familja Awstrijaċi.

3.      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4.      Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2—      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46).


3—      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35), kif emendat permezz tar-Regolament Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1).


4 —      Ara, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑45/93, Ġabra p. I‑911, punt 10) u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 28). Mill-bqija, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1978, Kenny (1/78, Ġabra p. 1489, punt 12), u tas-17 ta’ April 1986, Reed (59/85, Ġabra p. 1283, punt 29).


5 —      Sentenzi tat-12 ta’ April 1994, Halliburton Services (C‑1/93, Ġabra p. I‑1137, punt 12); tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punt 38); tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, Ġabra p. I‑487, punt 31) u tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C‑450/09, Ġabra p. I-2497, punt 28).


6 —      Sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (305/87, Ġabra p. 1461, punti 13 u 14); tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland (C‑311/97, Ġabra p. I‑2651, punt 20), u tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, Ġabra p. I‑10465, punti 44 u 45).


7 —      Sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis (C‑92/01, Ġabra p. I-1291, punti 18 et seq); tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, Ġabra p. I‑6957, punti 35 u 36); tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (C‑56/09, Ġabra p. I‑4517, punti 24 u 25), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C‑137/09, Ġabra p. I‑13019, punt 53).


8 —      Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑345/05, Ġabra p. I‑10633, punt 45), u tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑104/06, Ġabra p. I‑671, punt 37). Min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑250/08, Ġabra p. I-12341, punt 30) tikkunsidra li l-moviment liberu tal-kapital huwa iktar speċifiku miċ-ċittadinanza tal-Unjoni.


9—      Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 37) u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 30) kif ukoll is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑155/09, Ġabra p. I‑65, punt 60), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑253/09, Ġabra p. I-12391, punt 86).


10 —      Sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C‑157/05, Ġabra p. I‑4051); tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 25), u tal-15 ta’ Settembru 2011, Halley et (C‑132/10, Ġabra p. I-8353, punt 17). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punti 31 sa 33), u tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C‑452/04, Ġabra p. I‑9521, punti 34 u 44 sa 49).


11 —      Sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 10); tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 15); tas-26. ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr (C‑294/97, Ġabra p. I‑7447, punt 34); tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35) u tal-5 ta’ Lulju 2012, SIAT (C‑318/10, punt 19).


12 —      Ara, fir-rigward tal-prezz tad-dħul għal siti turistiċi, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs L-Italja (nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


13 —      Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, Ġabra p. 6159, punt 6174), u tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C‑70/95, Ġabra p. I‑3395, punt 38).


14 —      Sentenza Sodemare et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13).


15—      Sentenza Zanotti (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35).


16—      Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 72).


17 —      Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, Ġabra p. I‑13927, punt 29), u tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C‑382/08, Ġabra p. I-139, punt 22).


18 —      Sentenzi tat-22 ta’ Mejju 1985, Il-Parlament vs Il-Kunsill (13/83, Ġabra p. 1513, punt 62), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 30).


19—      Sentenzi tal-4 ta’ April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza (167/73, Ġabra p. 359, punt 32); tat-30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, Ġabra p. 1425, punt 45), u tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 21).


20 —      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 33 fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema) u Yellow Cab Verkehrsbetrieb (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 33 fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment).


21 —      Sentenza Neukirchinger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 23 et seq).


22 —      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, Ġabra p. I-11637).


23 —      Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-20 ta’ Ottubru 2009 ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Teixeira (sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, C‑480/08, Ġabra p. I‑1107, punt 122 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 101). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, Ġabra p, I‑2735, punti 34 et seq).


24—      Sentenza Bressol et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25—      Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26—      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72)


27—      Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).


28 —      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, Ġabra p. I‑3827, punt 27), u tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski (C‑611/10 u C‑612/10, punt 44).


29 —      Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 45), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C‑345/09, Ġabra p. I‑9879, punt 85).


30—      Punt 13 tar-risposta.


31 —      Fuq dan is-suġġett, ara l-punti 80 u 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 —      Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punt 55).


33 —      Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, Ġabra p. 3161, punt 16); tal-21 ta’ Ġunju 1988, Brown (197/86, Ġabra p. 3205, punt 18) u tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin (C‑357/89, Ġabra p. I‑1027, punti 27 u 28).


34 —      Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 38), u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald (C‑103/08, Ġabra p. I‑9117, punt 32).


35 —      Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56) u tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 48).


36—      Sentenza Gottwald (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 33).


37—      Ibidem (punt 38).


38—      Sentenza Föster (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 60).


39 —      Sentenza Gottwald (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 37 u 41).


40—      Ara l-punt 70 iktar ’il fuq.