Language of document : ECLI:EU:C:2017:649

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 (1)

Kawża C-265/16

VCAST Limited

vs

R.T.I. SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Torino (qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni – Riproduzzjoni għal użu privat – Provvista ta’ servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod (cloud computing) ta’ riproduzzjonijiet għal użu privat ta’ xandiriet tat-televiżjoni mingħajr il‑kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur – Intervent tal-fornitur tas-servizz mingħajr l-imsemmija reġistrazzjoni – Tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-imsemmija xandiriet”






 Introduzzjoni

1.        L-“informatika fis-sħab”, magħrufa prinċipalment bl-isem Ingliż tagħha “cloud computing”, hija ddefinita bħala l-aċċess permezz ta’ netwerk ta’ telekomunikazzjoni (internet), fuq talba u b’servizz liberu, għal riżorsi tal-informatika maqsuma konfigurabbli. Għalhekk din hija rilokazzjoni tal-infrastruttura informatika (2). Il‑partikolarità tal-cloud computing hija li, għall-kuntrarju tal-metodi klassiċi tal-użu tal-infrastruttura informatika, l-utent ma jixtrix jew ma jikrix apparat informatiku konkret, iżda juża, taħt forma ta’ servizzi, lill-kapaċitajiet tal-infrastruttura ta’ terzi, li l-pożizzjoni tagħhom ma hijiex magħrufa u li barra minn hekk tista’ tvarja. Mill-perspettiva ta’ dan l‑utent, dawn il-kapaċitajiet jinsabu għalhekk “x’imkien fis-sħaba” (mhux atmosferika, iżda s’intendi tal-informatika). Tali konfigurazzjoni tippermetti użu aħjar tar-riżorsi, kif ukoll l-adattament awtomatiku tagħhom għall-varjazzjonijiet tad-domanda.

2.        Is-servizzi pprovduti taħt il-forma ta’ cloud computing huma varji ħafna u jistgħu jvarjaw minn sempliċi provvista ta’ infrastrutturi informatiċi, ta’ softwer jew ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni (posta elettronika) sas-servizzi l-iktar soffistikati. Fost is-servizzi fis-sħaba pprovduti lill-konsumaturi, wieħed mill-iktar mifrux huwa l‑ħażna ta’ data. B’hekk diversi fornituri jipprovdu kapaċitajiet ta’ ħażna ta’ kobor differenti, b’xejn jew bi ħlas, taħt forom kummerċjali differenti. Dawn il-kapaċitajiet ta’ ħażna huma normalment intiżi għall-użu privat tal‑benefiċjarju, iżda jistgħu jinkludu wkoll funzjonijiet ta’ tqassim. Is‑servizzi ta’ ħażna joffru ħafna drabi provvisti konnessi, bħall-indiċi tad-data maħżuna jew it-trattament tagħha, pereżempju mezzi ta’ trattament ta’ ritratti.

3.        Id-data maħżuna fis-sħaba tista’ tinkludi, fost oħrajn, riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur magħmula mill-utenti ta’ dawn is-servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-eċċezzjoni msejħa kopja privata. Madankollu, għall-kuntrarju tal-użu ta’ materjal ta’ riproduzzjoni li jinsab għad-dispożizzjoni diretta ta’ min jikkopjah, fil‑każ ta’ riproduzzjoni fis-sħaba, huwa normalment neċessarju l-intervent tal-fornitur ta’ servizz ta’ ħażna jew ta’ persuna oħra. Għalhekk huwa leġittimu li ssir il-mistoqsija, jekk f’tali sitwazzjoni, ir-riproduzzjoni tibqax magħmula “mill-”benefiċjarju tal‑eċċezzjoni tal-kopja privata, kif rikjest mil-leġiżlazzjoni. Huwa fuq din il-kwistjoni li huma ffokati l-argumenti f’din il-kawża.

4.        Madankollu, jiena naħseb li fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tat-tilwima fil‑kawża prinċipali, tqum kwistjoni iktar fundamentali: dik tal-limiti tal‑eċċezzjoni tal-kopja privata għal dak li jirrigwarda l-oriġini tax‑xogħol li huwa l-oġġett tar-riproduzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà indirizzat din il-kwistjoni f’numru ta’ kawżi li jirrigwardaw it-tariffa fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-kopja privata. Jiena naħseb li l‑ġurisprudenza fil-qasam timmerita ċerti preċiżjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

5.        Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (3) tipprevedi, fl-Artikolu 3(2) u (3) tagħha:

“2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness”.

6.        L-Anness tad-Direttiva 2000/31 intitolat, “Derogi mill‑Artikolu 3”, jipprevedi fl-ewwel inċiż tiegħu:

“Bħal ma hemm disposizzjoni fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 3(1) u (2) mhuwiex applikabbli għal:

–        dritt ta’ l-awtur, drittijiet assoċjati […]”

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4) jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l‑kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita”.

8.        L-Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva 2001/29, jipprovdi:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil‑każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l‑anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas‑suġġett relatat;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”.

 Id-dritt Taljan

9.        Id-drittijiet tal-awtur huma rregolati fid-dritt Taljan mil-legge n. 633/1941 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio (Liġi Nru 633/1941, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet oħra konnessi mal-eżerċizzju tagħhom), tat-22 ta’ April 1941 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”). L-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija prevista fl-Artikolu 71e ta’ din il-liġi, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ir-riproduzzjoni privata ta’ fonogrammi u vidjogrammi fuq kull mezz magħmula minn persuni fiżiċi għal użu personali biss għandha tkun permessa, bil-kundizzjoni li ma ssirx għal profitt jew għal għanijiet li jkunu direttament jew indirettament kummerċjali, f’konformità mal‑miżuri tekniċi msemmija fl-Artikolu 102c.

2.      Ir-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax issir minn terzi. Il-provvista ta’ servizzi ntiża għar-riproduzzjoni ta’ fonogrammi u vidjogrammi minn persuna fiżika għall-użu personali tagħha tikkostitwixxi attività ta’ riproduzzjoni rregolat mill‑Artikoli 13, 72, 78a, 79 u 80.

[…]

4.      Ħlief fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jippermettu, minkejja l-applikazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 102c, li l-persuna fiżika, li tkun akkwistat il-pussess leġittimu tal-kopji tax-xogħlijiet jew tal-materjal protett jew li kellha aċċess leġittimu għalihom, tista’ tagħmel kopja privata tagħhom, anki analoga biss, għall-użu privat tagħha, bil-kundizzjoni li din il-possibbiltà ma tkunx kuntrarja għat-tgawdija normali tax-xogħol jew ta’ materjal ieħor u ma tikkostitwixxix arrikkiment indebitu bi preġudizzju għad‑detenturi tad-drittijiet”.

10.      L-Artikolu 71f ta’ din il-liġi jintroduċi l-kumpens għad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-kopja privata. Dan il-kumpens huwa ffinanzjat minn tariffa miġbura fuq il‑prezz ta’ bejgħ tal-apparat u mezzi li jippermettu li jsiru l-kopji tax‑xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. L-aħħar parti tal‑paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“Fir-rigward ta’ sistemi ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, il-kumpens imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-persuna li tagħti s‑servizz u jkun jikkorrispondi mar-remunerazzjoni miksuba sabiex jingħata dan is-servizz”.

11.      Din l-aħħar parti żdiedet bl-emenda leġiżlattiva tal-31 ta’ Diċembru 2007. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Taljan, l‑introduzzjoni tagħha wasslet għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn-naħa tal-Kummissjoni Ewropea għall-allegat ksur tal‑Artikoli 2, intitolat ‟Dritt ta’ riproduzzjoni” u tal-Artikolu 3 ‟Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet[…]” tad-Direttiva 2001/29 . Minħabba l-allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li ma jistabbilixxux tariffa fuq is-servizzi ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod. Din l-għażla kienet meqjusa legali mill-qrati Taljani. B’mod partikolari, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) kien iddeċieda li l-awtoritajiet iddeċidew “b’mod legali li jissospendu temporanjament l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-imsemmi paragrafu 1”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.      VCAST Limited hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Ingliż li tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal-utenti tagħha sistema ta’ reġistrazzjoni fis-sħaba ta’ xandiriet ta’ korpi tat-televiżjoni Taljani mxandra b’mezzi terrestri b’aċċess liberu, fosthom dawk ta’ R.T.I. SpA (iktar ’il quddiem “RTI”). Fil-prattika, l-utent jagħżel xandira fuq is-sit tal-internet ta’ VCAST, li tinkludi l-organizzazzjoni tal-programmi kollu tal-istazzjonijiet televiżivi inklużi fis-servizz. L-utent jista’ jindika jew xandira partikolari, jew ħin, b’dan illi fl-ewwel każ, huwa l-ħin li matulu x-xandira magħżula hija pprogrammata li jiġi rreġistrat. Imbagħad is-sistema ġestita minn VCAST taqbad is-sinjal tat-televiżjoni bl-għajnuna tal-antenni tagħha stess u tirreġistra l-ħin tax-xandira magħżula fuq l-ispazju ta’ ħażna tad‑data fis-sħaba indikata mill-utent. Din iż-żona ta’ ħażna hija pprovduta, mhux minn VCAST, iżda minn fornituri indipendenti (5). Id-data awdjoviżiva hekk rreġistrata titqiegħed imbagħad għad‑dispożizzjoni tal-utent skont il-modalitajiet previsti mill-fornitur tas-servizz ta’ ħażna. Is-servizz ta’ VCAST huwa disponibbli fi tliet formuli: formula b’xejn għall-utent, li hija ffinanzjata mir-reklamar, u żewġ formuli bi ħlas.

13.      VCAST ħarrket lil RTI quddiem it-Tribunale di Torino (qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, sabiex din tikkonstata l‑legalità tal-attivitajiet tagħha, jekk ikun il-każ wara li tkun qajmet kwistjoni kostituzzjonali dwar l-Artikolu 71(2) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, jew domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. VCAST issostni, essenzjalment, li l-attività tagħha taqa’ fl-eċċezzjoni ta’ kopja privata, għaliex huwa l-utent li fir-realtà jwettaq ir-reġistrazzjoni, u VCAST tipprovdi biss l-apparat neċessarju, jiġifieri s-sistema ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod. Skont VCAST, il-legalità tas-servizz tagħha huwa konformi b’mod partikolari mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 71f(1) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur li, billi tissuġġetta r-reġistrazzjoni mill-bogħod għal tariffa, tassimila dawn is-servizzi għall-eżerċizzju tal-eċċezzjoni tal‑kopja privata.

14.      RTI, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, tikkontesta n-natura legali tal-attività ta’ VCAST. Hija ppreżentat kontrotalba għall-projbizzjoni tal‑attività inkwistjoni u għall-kumpens għad-dannu subit minħabba din l-attività. B’digriet provviżorju tat-30 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tar‑rinviju adottat miżuri provviżorji, b’mod partikolari l-projbizzjoni li VCAST tkompli l-attività tagħha għal dak li jirrigwarda x-xandiriet tal‑istazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ RTI.

15.      Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża teħtieġ l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, it-Tribunale di Torino (qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u għamlet lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil imprenditur kummerċjali milli jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill‑bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, mingħajr l‑awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, hija kompatibbli mad‑dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal-Artikolu 5(2)(b) tad‑[Direttiva 2001/29] (kif ukoll mad-[Direttiva 2000/31] u mat‑Trattat fundatur)?

(2)      Dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil imprenditur kummerċjali jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill‑bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, anki jekk dan ikun jimplika intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, anki mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għal kumpens remuneratorju b’rata fissa favur id-detentur tad-drittijiet, li essenzjalment jiġi suġġett għal sistema ta’ liċenzja obbligatorja, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal‑Artikolu 5(2)(b) tad-[Direttiva 2001/29] (kif ukoll mad‑[Direttiva 2000/31], u mat-Trattat fundatur)?”

16.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2016. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis‑seduta li nżammet fid-29 ta’ Marzu 2017.

 Analiżi

 Kummenti preliminari

17.      Iż-żewġ domandi preliminari jirrigwardaw fil-fatt l-istess problema ġuridika, ikkunsidrata minn żewġ angoli differenti. Dawn jirrigwardaw essenzjalment dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni msemmija fl-imsemmija domandi jimponux li, jew għall‑kuntrarju, jipprojbixxux lill-Istati Membri li ttrasponew fid-dritt nazzjonali tagħhom l-eċċezzjoni tal-kopja privata milli, jippermettu l‑attività li tikkonsisti fil-provvista, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur, servizz ta’ reġistrazzjoni onlajn (fis‑sħaba) ta’ xandiriet ta’ televiżjoni liberament aċċessibbli b’mezzi terrestri fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

18.      Għal dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, huwa indikat biss b’mod ċar l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

19.      Fir-rigward tad-Direttiva 2000/31, id-dispożizzjoni li tista’ eventwalment tapplika għal dan il-każ hija l-Artikolu 3(2) tagħha, li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jillimitaw il-moviment liberu ta’ servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. Fil-fatt, is‑servizz ipprovdut minn VCAST donnu jissodisfa l-kriterji tad‑definizzjoni ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, moqri flimkien mal‑Anness tad-Direttiva 2000/31, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill‑protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Issa, huwa preċiżament abbażi ta’ dan li l-attività ta’ VCAST tista’ titqies illegali fid-dritt Taljan. Għalhekk, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 ma jidhirx li huwa applikabbli f’dan il-każ.

20.      Imbagħad, fir-rigward tat-“Trattat fundatur”, la l‑formulazzjoni tad-domandi preliminari u lanqas l-argumenti magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jipprovdu indikazzjonijiet preċiżi sabiex jidentifikaw id-dispożizzjoni tad-dritt primarju li għaliha qed tirreferi l-qorti tar-rinviju. Għalhekk kif issostni RTI fl-osservazzjonijiet tagħha, dan iwassal għal dubju dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari sa fejn jirrigwarda “it-Trattat fundatur”. Fi spirtu ta’ rieda tajba u fil-linja ta’ raġunament ippreżentat fil-punti preċedenti għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/31, nista’ nippreżumi li d‑dispożizzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju hija dik li tirrigwarda l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. Fil‑fatt, peress li VCAST hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, hija tipprovdi s-servizz tagħha b’mod transkonfinali, u b’hekk tibbenefika minn din il-libertà.

21.      Madankollu, fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (6). Barra minn hekk dan huwa qasam armonizzat, li fih il-konstatazzjoni ta’ natura illegali tal-attività kkonċernata fid-dawl ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r‑restrizzjoni korrelattiva għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’hekk, fid-dawl tar-risposta għad-domandi preliminari li jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eventwali restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi minn VCAST tkun b’kull mod iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur.

22.      Għalhekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li d-domandi preliminari jiġu analizzati mill-angolu tal‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 biss. Sabiex din l-analiżi tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-legalità tas‑servizz ipprovdut minn VCAST, trid tieħu inkunsiderazzjoni barra minn hekk il-metodu ta’ funzjonament partikolari ta’ dan is-servizz.

 Fuq il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni fis-sħaba fil-kuntest taleċċezzjoni tal-kopja privata

23.      Infakkar li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jiddefinixxi l‑kopja privata bħala “riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l‑anqas indirettament kummerċjali” (7). Issa huwa paċifiku li t-twettiq ta’ riproduzzjonijiet u l-ħażna tagħhom fis-sħaba l‑intervent ta’ terzi: fl-ewwel lok dak tal-fornitur tal-kapaċitajiet ta’ ħażna u eventwalment ta’ persuni oħra. Huwa għalhekk leġittimu li jistaqsu jekk u sa fejn id-dispożizzjoni fuq imsemmija tippermetti tali intervent.

24.      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-pussess u t-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-kumpens marbut mal-eċċezzjoni ta’ kopja privata donnha tagħti linji ċari. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, anki jekk il‑persuni responsabbli mill-kumpens, huma fil-prinċipju, l-utenti li jagħmlu r-riproduzzjonijiet fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, għal raġunijiet prattiċi, l-Istati Membri jistgħu jiġbru l-imsemmi kumpens mingħand il‑persuni li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mezzi jew apparat ta’ reġistrazzjoni (8). Jekk dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jsir l-iktar permezz tal-bejgħ ta’ mezzi jew apparat, peress li l-kumpens jinġabar mill-prezz ta’ dan il-bejgħ, fil-fehma tiegħi ma jeżisti ebda ostakolu ta’ prinċipju li jipprekludi li dan jieħu l-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ ħażna fis-sħaba. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l‑kumpens fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata jista’ jirrigwarda r‑riproduzzjonijiet magħmula minn persuna privata bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz (9).

25.      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-intervent ta’ terz fl-att ta’ riproduzzjoni nnifsu, jiena tal-fehma li interpretazzjoni eċċessivament rigoruża tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex ġustifikata. Huwa ċar li r-riproduzzjoni ta’ xogħol fil-kuntest tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata u r-reġistrazzjoni tagħha fil-cloud computing, jiġifieri fi spazju ta’ ħażna ta’ data li jinsab barra mill-portata diretta tal-utent li jagħmel din ir-riproduzzjoni, teħtieġ l-intervent ta’ terz, sew jekk ikun il-fornitur ta’ dan l-ispazju ta’ ħażna jew persuna oħra. Fil‑fatt, il-bidu tar-riproduzzjoni mill-utent tinvolvi numru ta’ proċessi, ftit jew wisq awtomatiċi, li jwasslu għall-ħolqien ta’ kopja tax-xogħol inkwistjoni. Jiena ma naħsibx li din il-forma ta’ riproduzzjoni għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata minħabba l-fatt biss tal-intervent ta’ terz li jmur lil hinn mis-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi jew apparat. Sakemm huwa l-utent li jieħu l-inizjattiva tar-riproduzzjoni u li jistabbilixxi l-għan u l‑modalitajiet tagħha, jiena ma narax differenza deċiżiva bejn tali att u r‑riproduzzjoni magħmula minn dan l-istess utent bl-għajnuna ta’ apparat li jħaddem hu direttament (10). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti taċċetta b’mod espliċitu li l-kumpens fir-rigward tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata jirrigwarda r-riproduzzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ riproduzzjoni (11).

26.      Il-fatt li l-intervent ta’ terz fit-twettiq tar-riproduzzjoni jista’ jsir bi ħlas ma jmurx kontra din il-konstatazzjoni, għaliex ir-rekwiżit tal-għanijiet mhux kummerċjali stabbilit fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirrigwarda mhux l-intervent eventwali ta’ terz, iżda l-użu tal-kopja mill-benefiċjarju tal-eċċezzjoni inkwistjoni.

27.      Fl-aħħar nett inżid li l-fatt, imqajjem minn RTI fis-seduta, li l-utent jista’ jaqsam il-kontenut irreġistrat fil-cloud computing ma’ utenti tal‑internet oħra, u b’hekk jaqbeż il-kuntest tal-użu privat tal-kopja, ma jidhirlix li huwa rilevanti. Fil-fatt, is-servizzi ta’ ħażna ta’ data fis-sħaba jinkludu ħafna drabi l-funzjonijiet ta’ qsim ta’ din id-data. B’hekk, ladarba kopja privata ta’ oġġett protett tkun irreġistrata fil‑kuntest ta’ tali servizz, huwa teknikament possibbli li l-utent jaqsam din il-kopja ma’ numru indefinit, u potenzjalment importanti, ta’ persuni terzi. Tali qsim jista’ jaqbeż il-kuntest tal-użu permess tal-kopja privata u jkun, minħabba f’hekk, ikklassifikat bħala tqegħid għad-dispożizzjoni mhux awtorizzat. Madankollu din il-possibbiltà ma tinstabx biss fir‑reġistrazzjoni fis-sħaba għaliex attwalment, kull kopja, b’mod partikolari diġitali, tista’ faċilment tinxtered bl-għajnuna tal‑internet, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Huwa fir-responsabbiltà tal‑utenti li ma jwettqux tali ksur. Għall-kuntrarju, m’iniex konvint li l‑eżistenza ta’ din il-possibbiltà teoretika waħedha għandha twassal sabiex teskludi r-reġistrazzjoni fis-sħaba mill-benefiċċju tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata.

28.      B’hekk, donnu ebda element ma jindika li l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 jipprekludi li r-riproduzzjoni fil-kuntest tal‑eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu ssir fi spazju ta’ ħażna fis-sħaba.

 Fuq il-kwistjoni tal-aċċess għas-suġġett tar-riproduzzjoni

29.      L-affarijiet jidhru iktar ikkumplikati għal dak li jirrigwarda l‑oriġini tal-xogħlijiet riprodotti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta, minn naħa, li l-kopji privati jsiru bl-għajnuna ta’ mezzi li jappartjenu lil terzi, min-naħa l-oħra, hija teżiġi, li l-utent ikollu aċċess għas-suġġett tar‑riproduzzjoni b’mod legali. Jiena niddubita li servizz bħal dak propost minn VCAST jista’ jissodisfa dan l-aħħar rekwiżit.

 L-aċċess għas-suġġett tar-riproduzzjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tirrispondi għal domanda dwar jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumpens fir-rigward ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti magħmula mhux biss bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz, iżda wkoll permezz ta’ tali mezz (12). Il-Qorti tal‑Ġustizzja kienet irrispondiet fin-negattiv billi kkunsidrat li din id‑dispożizzjoni bl-ebda mod ma tirregola r-rabta legali eżistenti bejn il‑persuna li twettaq ir-riproduzzjoni fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata u l-mezz użat minnha (13) u li l-mezz użat jista’ għalhekk ikun jappartjeni lil terz (14).

31.      Din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twassal sabiex jinftiehem li kull kopja magħmula għall-finijiet ta’ użu privat minn persuna fiżika taqa’ fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29. Madankollu, din il-konklużjoni għandha tiġi kkwalifikata.

32.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-benefiċċju tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata huwa kkundizzjonat bin-natura legali tas‑sors tar-riproduzzjoni (15). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 “jippresupponi neċessarjament li s-suġġett tar‑riproduzzjoni kopert [minn din id-]dispożizzjoni jkun xogħol protett, mhux iffalsifikat jew pirata” (16).

33.      Għalhekk, qabel ma jkollu dritt jagħmel riproduzzjoni għall-użu privat tiegħu, l-utent għandu jkollu aċċess legali għax-xogħol inkwistjoni. Kif rajna, dan l-aċċess ma għandux bilfors jinkiseb bix-xiri tal-mezz materjal li jinkludi x-xogħol. Dan jista’ jsir fil-kuntest ta’ komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Nippreżumi li dan l-aċċess jista’ jseħħ ukoll fil-kuntest ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal‑awtur jew drittijiet relatati previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għall‑kuntrarju, l-aċċess għall-finijiet tal-benefiċċju mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma jistax iseħħ fil-kuntest ta’ distribuzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol mingħajr il-kunsens tad‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

34.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet li fihom l-utenti għandhom aċċess għax‑xandiriet ta’ televiżjoni fil-kuntest tas-servizz ta’ reġistrazzjoni pprovdut minn VCAST.

 L-aċċess għas-suġġett tar-riproduzzjoni fil-kuntest tas-servizz ipprovdut minn VCAST

35.      Infakkar li skont id-deskrizzjoni tas-servizz ipprovdut minn VCAST, mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari u mhux ikkontestata mill-partijiet, fil-kuntest ta’ dan is-servizz, l-utent jagħżel l‑istazzjon ta’ televiżjoni u l-ħin tar-reġistrazzjoni fuq is-sit internet ta’ VCAST. Insegwitu, hija VCAST li taqbad, bl-għajnuna tal‑installazzjonijiet ta’ riċezzjoni tagħha stess, is-sinjal ta’ televiżjoni mxandar b’mezzi terrestri (jiġifieri b’linji orizzontali) u tirreġistra l-ħin magħżul mill-utent fuq is-servizz ta’ ħażna fis-sħaba li dan jindika.

36.      Għalhekk fi-fehma tiegħi, minn din id‑deskrizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-possibbiltà ta’ benefiċċju mir-riproduzzjoni magħmula minn VCAST bl-ebda mod ma hija kkundizzjonata minn aċċess minn qabel tal-utent għax-xandiriet tat-televiżjoni terrestri fl-Italja. Għalhekk l-utent jista’ ma jkollu ebda aċċess, u ma jkollu la antenna u lanqas sett tat-televiżjoni, peress li VCAST tipprovdilu dan l-aċċess billi tqiegħed għad‑dispożizzjoni tiegħu x-xandiriet magħżula. B’hekk, huwa ċar li VCAST ma tagħmilx trażmissjoni sħiħa mill-ġdid tal-programmi tal‑istazzjonijiet tat-televiżjoni Taljani. Madankollu, dan ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni li tinteressana f’din il-kawża, li ma tirrigwardax il‑possibbiltà li tara t-televiżjoni b’mod ġenerali, iżda l-aċċess għax‑xandiriet riprodotti fil-kuntest tas-servizz ipprovdut minn VCAST.

37.      Il-fatt li hija VCAST is-sors tal-aċċess tal-utenti tagħha għax‑xandiriet li huma s-suġġett tar-riproduzzjoni huwa kkorroborat bil‑fatt, ikkonfermat waqt is-seduta, li s-servizz ipprovdut minn VCAST ma huwiex (jew f’kull każ, ma kienx fl-epoka tal-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali) limitat għat-territorju Taljan. B’hekk l-utenti ta’ dan is‑servizz, sabiex ikollhom aċċess għax-xandiriet, lanqas għandhom għalfejn ikunu fiż-żona koperta mit-televiżjoni terrestri Taljan (17). Fi kliem ieħor, is-servizz ta’ VCAST ma huwiex limitat għal persuni li realment għandhom aċċess għax-xandiriet tat-televiżjoni terrestri Taljan, u lanqas għal persuni li teoretikament jista’ jkollhom aċċess għalihom.

38.      Huwa minnu li r-rappreżentant ta’ VCAST fis-seduta ddikjara li s‑servizz jista’ jkun limitat ġeografikament skont il-bżonn. Madankollu, il-problema ma hijiex dwar jekk dan is-servizz huwiex ġeografikament limitat jew le. Barra minn hekk, tali limitazzjoni tista’ tkun kuntrarja, tal‑inqas għall-ispirtu tar-regoli tas-suq nazzjonali (18). Fil-fatt, il-fatt biss li s-servizz inkwistjoni jista’ jiffunzjona barra miż-żona koperta mit‑televiżjoni terrestri Taljan juri li ma huwiex ibbażat fuq il-loġika tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata, għaliex din tippreżumi aċċess minn qabel u legali tal-utent għax-xogħol suġġett tar-riproduzzjoni. Issa, fil-każ ta’ dan is-servizz, hija r-riproduzzjoni stess li tikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ aċċess tal-utent għax-xogħol riprodott.

39.      X’inhu għalhekk ir-rwol ta’ VCAST? Ir-risposta ma hijiex inekwivoka għaliex l-irwol tagħha jgħaqqad att ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni u att ta’ riproduzzjoni. Jiena nadotta interpretazzjoni favorevoli għal VCAST, li fiha hemm lok għal kopja privata magħmula mill-utent. Għalhekk l-analiżi tiegħi hija s-segwenti.

40.      VCAST tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha x-xandiriet tal-korpi tat-televiżjoni Taljana, li hija forma ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku li taqa’ taħt l-Artikolu3 tad-Direttiva 2001/29. L-utent jaċċedi għax-xandira billi jitlob riproduzzjoni tagħha li ssir fl-ispazju ta’ ħażna tiegħu fis-sħaba. Jekk l-att ta’ riproduzzjoni nnifsu, fil‑prinċipju, jibbenefika mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata, dan ma huwiex il-każ tal-att preliminari tat-tqegħid għad-dispożizzjoni li jikkostitwixxi s-sors ta’ din ir-riproduzzjoni. Sabiex l-operazzjoni kollha tkun legali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu għalhekk ikun legali, għaliex l-illegalità tiegħu teskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni (19).

41.      VCAST tqiegħed ix-xandiriet għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Jekk dawn huma xogħlijiet li normalment jinsabu fil-kummerċ permezz ta’ remunerazzjoni mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet, bħall-fonogrammi jew vidjogrammi, fil-fehma tiegħi ma hemmx dubju li dan it-tqegħid għad‑dispożizzjoni jikkostitwixxi ksur. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li tirrigwarda xandiriet tat-televiżjoni terrestri, aċċessibbli liberament lill-utenti kollha li jinsabu fiż-żona koperta tax-xandir (20). Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk din il-partikolarità taffettwax b’mod deċiżiv is-soluzzjoni tal-problema.

 Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-korpi tat-televiżjoni b’aċċess liberu

42.      Qabelxejn irrid ninnota li fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id‑domanda hija negattiva, u dan għal numru ta’ raġunijiet.

–       L-estensjoni ġeografika tas-servizz

43.      Kif indikajt fil-punti preċedenti, is-servizz ipprovdut minn VCAST, f’kull każ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kienx limitat għat-territorju Taljan, li huwa wkoll it-territorju ta’ kopertura tat-televiżjoni terrestri Taljan. B’hekk, kull utent tal-internet fid-dinja kollha jista’ jitlob u jirċievi fl-ispazju ta’ ħażna tiegħu fis-sħaba ta’ xandira tat-televiżjoni li għaliha huwa ma kellux aċċess mingħajr is‑servizz ta’ VCAST. Fil-fehma tiegħi, dan l-element waħdu huwa suffiċjenti sabiex jeskludi tali servizz mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Il-fatt li x-xandiriet huma liberament u gratuwitament aċċessibbli ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni, għaliex din l-aċċessibbiltà, u għalhekk il-limitazzjoni eventwali tal‑monopolju tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, hija ristretta għaż‑żona ta’ kopertura tat-televiżjoni terrestri u ma jistax ikollha effetti barra minn din iż-żona.

–       Il-protezzjoni tal-korpi tax-xandir kontra l-ksur taddrittijiet tal-awtur tagħhom

44.      Irrispettivament mill-estensjoni ġeografika tas-servizz ipprovdut minn VCAST, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29 li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tipprekludi, fil-fehma tiegħi, konstatazzjoni li l-korpi ta’ televiżjoni jkunu mċaħħda mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tagħhom minħabba l-aċċessibbiltà libera għax-xandiriet tagħhom.

45.      Fil-fatt, fir-rigward tad-dritt ta’ komunikazzjoni tax-xogħlijiet lill‑pubbliku (protett mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, prinċiparjament abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Berna (21), u l-gwida ta’ spjegazzjoni tagħha, li komunikazzjoni magħmula minn korp ta’ trażmissjoni mill-ġdid li ma huwiex il-korp oriġinali għandha tkun analizzata bħala trażmissjoni lil pubbliku differenti mill-pubbliku intiż mill-att ta’ komunikazzjoni oriġinali tax-xogħol, jiġifieri pubbliku ġdid (22). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jirriżulta mill-fatt li l-awtur, meta jawtorizza x-xandir tax-xogħol tiegħu, jieħu inkunsiderazzjoni biss l‑udjenza diretta, jiġifieri dawk li għandhom apparat ta’ riċezzjoni li, individwalment jew fil-qasam privat jew tal-familja tagħhom, jirċievu t‑trażmissjonijiet. Għall-kuntrarju, meta din ir-riċezzjoni tkun intiża għall-udjenza ikbar, u xi drabi għal skopijiet ta’ qligħ, sezzjoni ġdida tal‑pubbliku tkun ammessa li tibbenefika mis-smigħ jew wiri tax-xogħol (23).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ sinjal tat‑televiżjoni mill-amministratur ta’ lukanda lejn il-kmamar tal-lukanda tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku li teħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, dejjem skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, il-klijenti ta’ dan l-istabbiliment jiffurmaw pubbliku ġdid, li fl-assenza as tal-intervent tal-imsemmi amministratur, dawn għalkemm jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tax-xandira oriġinali, ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar (24). Din il-pożizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja kienet imbagħad ikkonfermata fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ stabbilimenti (25).

47.      Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika fil-każ ta’ servizz bħal dak li tipprovdi VCAST. Din il-kumpannija hija mingħajr dubju korp differenti mill-korpi ta’ televiżjoni li minnhom joriġinaw ix-xandiriet. L-utenti ta’ dan is-servizz, irrispettivament mill-fatt li jkunu jew ma jkunux fiż-żona ta’ kopertura tax-xandiriet oriġinali, jiffurmaw għalhekk pubbliku ġdid li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għall‑finijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ dawn ix-xandiriet. Barra minn hekk, dan is-servizz huwa pprovdut bi skop ta’ lukru (26). Għalhekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xandiriet ta’ televiżjoni minn VCAST fil-kuntest tas-servizz tagħha ta’ reġistrazzjoni jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal‑awtur ta’ korpi ta’ televiżjoni, u eventwalment, ta’ oħrajn li għandhom dawn id-drittijiet, jekk dan isir mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom.

48.      Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa wkoll illegali fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ITV Broadcasting et (27). F’din il-kawża, li kienet tirrigwarda t-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet ta’ xandiriet ta’ televiżjoni u li kienet għalhekk simili għall‑kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlatur tal‑Unjoni, billi rregola s-sitwazzjonijiet li fihom xogħol partikolari jkun is-suġġett ta’ użu multiplu, ried li kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol li tuża metodu tekniku speċifiku għandha, bħala regola, tkun individwalment awtorizzata mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni. Issa, peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet permezz tat-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet ta’ xandira televiżiva terrestri ssir skont metodu tekniku speċifiku li huwa differenti minn dak tal-komunikazzjoni oriġinali, din għandha titqies bħala komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (28).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni minkejja l-fatt li l-fornitur tas-servizz inkwistjoni f’dik il-kawża kien jiżgura li l-utenti tas-servizzi tiegħu jiksbu l-aċċess biss għal kontenut li diġà kellhom id‑dritt li jaraw fl-Istat Membru kkonċernat (jiġifieri fir-Renju Unit) permezz tal-liċenzja ta’ televiżjoni tagħhom (29) u li għalhekk, skont l‑argumenti ta’ dan il-fornitur, dawn l-utenti ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala pubbliku ġdid meta mqabbla mal-pubbliku diġà milqut mit-trażmissjonijiet oriġinali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet inklużi f’xandir terrestri u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istess xogħlijiet fuq l-internet, kull waħda minn dawn iż-żewġ trażmissjonijiet għandha tkun awtorizzata individwalment u separatament mill-awturi kkonċernati, peress li kull waħda minnhom issir f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, issegwi metodu ta’ trażmissjoni differenti tax-xogħlijiet protetti u kull waħda hija intiża għall-pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi evalwata, minn qabel, il‑kundizzjoni dwar il-pubbliku ġdid, li hija rilevanti biss fis-sitwazzjonijiet fejn il-mezz tekniku ta’ komunikazzjoni huwa l-istess (30).

50.      Bħala konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29, għandu jkun interpretat fis-sens li jkopri trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiet inklużi xandiriet televiżivi terrestri:

–        li ssir minn korp differenti mix-xandar oriġinali,

–        permezz ta’ fluss internet li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ dan il-korp li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha,

–        minkejja li dawn l-abbonati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ riċezzjoni tal‑imsemmija xandira televiżiva terrestri u jistgħu jirċevuha legalment fuq riċevitur tat-televiżjoni (31).

51.      Huwa suffiċjenti li t-tieni inċiż tal-punt preċedenti jiġi ssostitwit b’ “permezz ta’ riproduzzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ dan il-korp li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-servizz ta’ ħażna tagħhom” sabiex din il‑ġurisprudenza tkun applikabbli bis-sħiħ għal din il-kawża. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li VCAST lanqas tivverifika jekk dawn l‑utenti għandhomx id-dritt u l-mezzi tekniċi sabiex jirċievu x-xandiriet televiżivi terrestri Taljani.

–       In-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-“eċċezzjoni AKM”

52.      Huwa minnu li l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja donnha nbidlet kemmxejn bis-sentenza reċenti AKM (32). Fil-fatt f’din is-sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trażmissjoni simultanja, kompleta u mhux modifikata ta’ programmi mxandra mill-korp nazzjonali tax‑xandir, permezz ta’ cables li jkunu jinsabu fit-territorju nazzjonali, jiġifieri b’mezz tekniku differenti minn dak użat waqt it-trażmissjoni mxandra inizjali, ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis‑sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għaliex il-pubbliku li għalih issir din it-trażmissjoni ma jistax ikun ikkunsidrat bħala pubbliku ġdid (33). Madankollu, jidhirli li din is-soluzzjoni hija bbażata fuq il‑kundizzjoni, li l-verifika tagħha titħalla f’idejn il-qorti tar-rinviju, li d‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur ikunu ħadu inkunsiderazzjoni t‑trażmissjoni mill-ġdid inkwistjoni fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni li jkunu taw għax-xandira inizjali (34).

53.      Is-sentenza inkwistjoni ma hijiex ċara għal kollox f’dan ir‑rigward. Madankollu, kull interpretazzjoni oħra tfisser bidla kompleta tar-regola li tirriżulta mis-sentenza ITV Broadcasting et (35), li skontha, fil-preżenza ta’ metodu tekniku differenti, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ pubbliku ġdid ma hijiex rilevanti (36). Madankollu, xejn fis-sentenza msemmija ma jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħmel din il-bidla.

54.      Barra minn hekk, regola ġenerali, li skontha trażmissjoni ta’ xogħol li kien diġà s-suġġett ta’ xandir minn korp ieħor li ma huwiex dak fl-oriġini ta’ din ix-xandira ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill‑pubbliku, donnha tmur kontra l-Artikolu 11a(1)(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, li jagħti lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw “kull komunikazzjoni pubblika […] tax-xogħol imxandar, meta din il‑komunikazzjoni ssir minn korp r dak oriġinali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2001/29 għandha ssir f’konformità mal-imsemmija dispożizzjoni konvenzjonali (37).

55.      Għandu jiġi nnotat ukoll li s-sentenza AKM (38) tirrigwarda t-trażmissjoni simultanja, kompleta u mhux modifikata ta’ programmi mxandra (39). Fil‑każ ta’ tali trażmissjoni, l-utenti jistgħu jibbenefikaw minn xandiriet fl-istess kundizzjonijiet tax-xandira inizjali. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ servizz bħal dak ipprovdut minn VCAST, huma jkollhom kopja diġitali tax-xandira li jistgħu jaraw x’ħin iridu u kemm-il darba jridu, kif ukoll jagħmlu kopji tagħha u jittrasferixxuha fuq kull apparat li jridu. Għalhekk dik is-sitwazzjoni ma hijiex komparabbli ma’ dik tas-sentenza AKM. Fi kwalunkwe każ, fil-kawża prinċipali, VCAST ma tippretendix li tibbenefika minn ebda awtorizzazzjoni min-naħa tad-detenturi tad‑drittijiet tal-awtur sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tagħha x-xogħlijiet mxandra mill-korpi tat-televiżjoni Taljani. Għalhekk ma tistax tipprevalixxi ruħha mis-sentenza AKM (40).

56.      Bħala konklużjoni għal din il-parti, fil-fehma tiegħi huwa ċar, fid‑dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ xandiriet tat-televiżjoni lill-utenti tas-servizz ipprovdut minn VCAS mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet, minkejja l-fatt li dawn huma xandiriet liberament aċċessibbli, u irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan it-tqegħid għad‑dispożizzjoni huwiex limitat għaż-żona ta’ kopertura tax-xandir ta’ dawn ix-xandiriet jew le. Ir-riproduzzjoni ta’ dawn il-programmi fil‑kuntest tal-istess servizz, imwettaq minn sors illegali, ma tistax għalhekk tibbenefika mill-eċċezzjoni ta’ kopja privata.

 It-test fi tliet stadji

–       Kummenti preliminari

57.      L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 jintroduċi limitazzjoni għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-istess artikolu, billi jipprevedi li “dawn l-eċċezzjonijiet ma għandhomx japplikaw ħlief f’ċerti każijiet partikolari f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”. Din id-dispożizzjoni toriġina mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, li tillimita l‑possibbiltà li jiġu previsti eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni (41). Din il-kundizzjoni tripla tal-applikabbiltà tal‑eċċezzjonijiet huwa ħafna drabi msejħa “test fi tliet stadji” jew “test triplu”.

58.      Huwa minnu li skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 5(5) tad‑Direttiva 2001/29 ma jimmodifikax il-kontenut tal-eċċezzjonijiet previsti fl-istess artikolu (42). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-istess ħin li din id-dispożizzjoni ssir rilevanti biss fil-mument tal‑applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet mill-Istati Membri (43). Għalhekk din isservi bħala gwida ta’ interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet waqt l‑applikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, iżda wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2001/29 mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, fir-rigward tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata, huwa b’mod partikolari abbażi tal‑Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-eċċezzjoni tapplika biss għar-riproduzzjonijiet li ġejjin minn sors legali (44).

59.      Minn dan isegwi l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll sabiex tingħata risposta dwar jekk servizz bħal dak ipprovdut minn VCAST jistax jaqa’, fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, fl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni bbażata fuq l‑Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

–       L-applikazzjoni f’każijiet partikolari u l-projbizzjoni ta’ preġudizzju inġustifikat

60.      L-ewwel u t-tielet “stadji” tat-test triplu jikkonsistu fil-verifika li l-eċċezzjoni tkun applikata f’każijiet partikolari li ma jippreġudikawx b’mod inġust lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Peress li kull eċċezzjoni għal monopolju tal-awtur, bħala limitazzjoni tad-drittijiet tiegħu, tikkawżalu ċertu preġudizzju, din ir-regola tordna li l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni partikolari tkun limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom din l‑applikazzjoni hija ġġustifikata mir-raġunament wara l-eċċezzjoni. Huwa biss dan ir-raġunament li fil-fatt jista’ jiġġustifika l-preġudizzju kkawżat bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni.

61.      Jekk il-bażi tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata tista’ tinsab f’fatturi differenti, ħafna drabi huwa wkoll aċċettat li r-raġunament prinċipali tagħha jinsab fil-fatt li huwa impossibbli, jew tal-inqas diffiċli ħafna, għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jikkontrollaw l-użu li jsir mix‑xogħlijiet protetti tagħhom mill-persuni li għandhom aċċess leġittimu għalihom. Tali kontroll jista’ għalhekk jikkostitwixxi indħil intollerabbli fil-ħajja privata tal-utenti (45).

62.      Issa, din il-ġustifikazzjoni tapplika biss fil-każ ta’ servizz bħal dak ipprovdut minn VCAST. Fil-fatt, dan is-servizz ma huwiex limitat biss għall-isfera privata ta’ utenti, għaliex il-fażi preliminari għall-ħolqien tar‑riproduzzjoni, jiġifieri l-provvista minn VCAT ta’ aċċess għax‑xandiriet tat-televiżjoni, issir pubblikament fil-kuntest tal-attività ekonomika ta’ dik il-kumpannija, u hija faċilment kontrollabbli mid‑detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Xejn ma jipprekludi li dawn id‑detenturi jirrikjedu li tintalab l-awtorizzazzjoni tagħhom għall‑imsemmi servizz u li VCAST titlob tali awtorizzazzjoni. Ir‑raġunament wara l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma jiġġustifikax għalhekk il-preġudizzju li ser jirriżulta, għad-detenturi tad-drittijiet tal‑awtur, mill-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għal servizzi bħal dawk ipprovduti minn VCAST.

63.      Irrid nenfasizza li s-sitwazzjoni ta’ VCAST hija differenti minn dik ta’ operaturi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ utenti apparat jew mezzi ta’ reġistrazzjoni jew li jipprovdu servizzi ta’ riproduzzjoni. Fil‑fatt, dawn l-apparat, mezzi u servizzi jistgħu jintużaw sabiex jirriproduċu xogħlijiet protetti, iżda jistgħu jservu wkoll għal finijiet oħra. Barra minn hekk, l-identità tax-xogħlijiet eventwalment riprodotti, u għalhekk tad-detenturi tad-drittijiet, ma hijiex magħrufa minn qabel. Huwa għalhekk bla sens li mill-imsemmija operaturi jkun meħtieġ li jitolbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għall-bejgħ jew kiri ta’ tali apparat jew għal provvista ta’ tali servizzi. Għall‑kuntrarju, servizz bħal dak ipprovdut minn VCAST għandu l-għan esklużiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni u tar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti li huma ddisinjati b’mod konkret minn qabel (għaliex previsti fl‑organizzazzjoni tal-programmi tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni) u li d-detenturi tad‑drittijiet tal-awtur tagħhom huma magħrufa.

64.      Fil-każ ta’ kopji ta’ xogħlijiet li ġejjin minn sors legali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata tikkawża preġudizzju inġustifikat lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, għaliex dawn ikunu obbligati jittolleraw, barra l-użu tax-xogħlijiet fl‑isfera privata ta’ utenti, atti ta’ kkuppjar illegali (46). Bl-istess mod, l‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għal servizzi li jistgħu faċilment jaqgħu fil-monopolju normali tad-detenturi tad-drittijiet tista’ twassal ukoll għal preġudizzju inġustifikat.

–       L-użu normali tax-xogħol

65.      L-analiżi tat-tieni stadju tat-test, li jirrikjedi l-assenza ta’ preġudizzju għall-użu normali tax-xogħol, tirrispondi għall-kwistjoni dwar liema huwa b’mod konkret il-preġudizzju subit mid-detenturi tad‑drittijiet.

66.      L-impossibbiltà waħedha, li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jikkontrollaw l-użu li terzi jagħmlu mix-xogħlijiet tagħhom, minħabba d‑definizzjoni wiesgħa ħafna tal-perimetru tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, tikkostitwixxi diġà preġudizzju għall-użu normali tax-xogħol, għaliex tali kontroll, ’il barra mill-kamp irriżervat b’mod leġittimu għall‑isfera privata tal-utent, jaqa’ taħt dan l-użu normali.

67.      Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ xandira tat-televiżjoni tippermetti, l-ewwel nett, li din ix-xandira tintwera barra mill-ħin li fiha hija pprogrammata, u t-tieni nett, li tinżamm kopja sabiex taraha t-tieni darba jew għat-trasferiment tagħha fuq apparat ieħor li ma huwiex is-sett tat-televiżjoni, pereżempju fuq apparat portabbli. Għalhekk dan jikkostitwixxi servizz supplimentari meta mqabbel max-xandir inizjali. Il-korpi tat‑televiżjoni jistgħu jkunu jixtiequ li jipprovdu huma stess dan is‑servizz, billi jużaw b’hekk ix-xogħlijiet li tagħhom għandhom id‑drittijiet u billi jagħmlu minnhom qligħ addizzjonali. Il-fatt li dan is‑servizz ikun ipprovdut minn VCAST mingħajr l-awtorizzazzjoni tal‑imsemmija organi ta’ televiżjoni jwassal għalhekk għal preġudizzju għal din il-forma ta’ użu tax-xogħlijiet.

68.      Barra minn hekk, il-korpi tat-televiżjoni li x-xandiriet tagħhom huma aċċessibbli b’mod liberu huma ffinanzjati prinċipalment mill‑qliegħ tar-reklami, bl-eċċezzjoni ta’ korpi pubbliċi li jistgħu jirċievu tariffa. Dan il-qligħ huwa l-korrispettiv għall-użu tax-xogħlijiet li tagħhom dawn il-korpi għandhom id-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, ix‑xandir tax-xogħlijiet jiġbed it-telespettaturi, li grazzi għal dan dawk li jirreklamaw huma lesti li jixtru. Issa, kif tinnota RTI fl‑osservazzjonijiet tagħha, VCAST tinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ dawn il-korpi fis-suq tar-reklamar. Ladarba VCAST tuża mingħajr awtorizzazzjoni xogħlijiet li tagħhom dawn l-organi ta’ televiżjoni għandhom id-drittijiet tal-awtur, din il-kompetizzjoni issir inġusta. Li tiġi awtorizzata tali kompetizzjoni permezz tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata jippreġudika neċessarjament l-użu normali ta’ dawn ix-xogħlijiet.

69.      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għal servizzi bħal dawk ipprovduti minn VCAST tkun, fil-fehma tiegħi, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5 tal-istess artikolu.

 Rimarki finali

70.      Sabiex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet tiegħi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata quddiem servizz bħal dak ipprovdut minn VCAST, din l-eċċezzjoni tippreżumi aċċess legali tal-utent għax-xogħol suġġett tar-riproduzzjoni. Issa, fil-kuntest tas-servizz inkwistjoni, hija r-riproduzzjoni nnifisha li tagħti lill-utent l‑aċċess għax-xogħol riprodott. Dan is-servizz jikkostitwixxi għalhekk forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet mill-fornitur tagħhom. Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa illegali anki jekk isir mingħajr l‑awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, li jeskludi l‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Barra minn hekk, l‑applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għal tali servizz ma tmurx kontra r‑rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

 Konklużjoni

71.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale di Torino (qorti tal-ewwel istanza ta’ Torino, l-Italja):

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal‑informazzjoni, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-attività li tikkonsisti fil-provvista, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, ta’ servizz ta’ reġistrazzjoni onlajn ta’ xandiriet tat-televiżjoni aċċessibbli b’mod liberu b’mezz terrestri fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta huwa l‑fornitur ta’ dan is-servizz, u mhux l-utent tiegħu, li jaqbad is-sinjal tax‑xandir terrestri li minnu ssir ir-reġistrazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Wikipedia, verżjoni Franċiża, entrata “cloud computing”.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


5      Dawn huma servizzi ġenerali ta’ ħażna fis-sħaba, bħal Google Drive.


6      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C-403/08 u C-429/08, EU:C:2011:631, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Enfasi miżjuda minni.


8      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, EU:C:2010:620, punti 45 u 46).


9      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C-463/12, EU:C:2015:144, punt 91).


10      Minkejja li dan ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża, inżid li interpretazzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata li teskludi kull intervent ta’ terzi llum tqajjem ukoll problemi oħra. Fil-fatt, iktar u iktar sikwit, dawn ma humiex biss spazji ta’ ħażna proposti taħt il-forma ta’ servizzi, iżda wkoll is-softwer neċessarju sabiex isiru r‑riproduzzjonijiet. B’hekk, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol permezz ta’ mezz materjali (pereżempju CD) li jappartjeni lil utent ikkonċernat fuq il-hard disk tal-kompjuter tiegħu, att li jaqa’ b’mod perfett fl-eċċezzjoni ta’ kopja privata, jista’ jsir bl-għajnuna ta’ softwer ta’ reġistrazzjoni ta’ data li ma jkunx installat fuq il-kompjuter tal‑imsemmi utent, iżda mqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu mill-bogħod minn fornitur bħala servizz. L-intervent ta’ dan il-fornitur ikun għalhekk indispensabbli sabiex tkun tista’ ssir ir-riproduzzjoni. Ma jkunx loġiku li tali riproduzzjoni tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, ladarba riproduzzjoni magħmula bl-għajnuna ta’ softwer installat fuq il-kompjuter tal-utent tibbenefika minnha.


11      Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, EU:C:2010:620, punt 46).


12      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C-463/12, EU:C:2015:144, punt 80).


13      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C-463/12, EU:C:2015:144, punt 86).


14      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C-463/12, EU:C:2015:144, punt 89).


15      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C-435/12, EU:C:2014:254, punt 41).


16      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi (C-463/12, EU:C:2015:144, punt 82).


17      Din iż-żona ta’ kopertura hija normalment limitata, bejn wieħed u ieħor, għat-territorju ta’ kull Stat. Huwa stabbilit li l-programmi jistgħu jkunu mxandra mill-ġdid, b’liċenzja, fi Stati oħra, b’mod partikolari bil-cable jew satellita. Madankollu, f’dan il-każ, l‑aċċess għax-xandiriet iseħħ permezz ta’ servizz tal-operatur li jwettaq ix‑xandira mill-ġdid, li normalment isir bi ħlas.


18      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C-429/08, EU:C:2011:631, punti 87 sa 89). M’iniex ser niżviluppa fid-dettal dan is-suġġett, peress li ma jirrigwardax il-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma f’din il-kawża.


19      Hija possibbli wkoll analiżi oħra, li tipprovdi li VCAST ma tqiegħedx għad‑dispożizzjoni preliminarjament, iżda tirriproduċi x-xandira billi titlaq minn sinjal tat-televiżjoni li hija taqbad u tqiegħed bl-att ta’ riproduzzjoni nnifsu, għal skopijiet ta’ lukru, għad-dispożizzjoni tal-utent (għaliex ir-riproduzzjoni hija rreġistrata direttament fuq is-servizz ta’ ħażna disponibbli għalih). Madankollu, f’dak il-każ, huwa ċar li hija VCAST u mhux l-utent tas-servizz tagħha li hija l-awtur reali tar‑riproduzzjoni, li jeskludi kull applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata.


20      Il-ħlas ta’ eventwali tariffa obbligatorja ma jikkostitwixxix korrispettiv dirett għas‑servizz ta’ xandir pubbliku u ma huwiex kundizzjoni sabiex isir benefiċċju minnu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C-11/15, EU:C:2016:470, punti 23 sa 27).


21      Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi tat-28 ta’ Settembru 1979.


22      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, EU:C:2006:764, punt 40).


23      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, EU:C:2006:764, punt 41).


24      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, EU:C:2006:764, punt 42).


25      Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C-117/15, EU:C:2016:379, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punt 62).


26      Skont il-formola magħżula mill-utent, dan is-servizz huwa jew imħallas jew iffinanzjat bir-reklamar.


27      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013 (EU:C:2013:147).


28      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (EU:C:2013:147, punti 24 u 26).


29      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (EU:C:2013:147, punt 10).


30      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (EU:C:2013:147, punt 39).


31      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C-607/11, EU:C:2013:147, punt 40 u punt 1 tad-dispożittiv).


32      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017 (C-138/16, EU:C:2017:218).


33      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM (C-138/16, EU:C:2017:218, punti 18, 26, 29 u 30).


34      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM (C-138/16, EU:C:2017:218, punti 28 u 29, kif ukoll l-ewwel inċiż tad-dispożittiv).


35      Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013 (C-607/11, EU:C:2013:147).


36      Din ir-regola kienet sussegwentement ikkonfermata, ara b’mod partikolari s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C-160/15, EU:C:2016:644, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara fl-aħħar lok, l-istess sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM (C-138/16, EU:C:2017:218, punt 21).


38      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017 (C-138/16, EU:C:2017:218).


39      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM (C-138/16, EU:C:2017:218, punt 18).


40      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2017 (C-138/16, EU:C:2017:218).


41      Skont din id-dispożizzjoni: “Il-fakultà li tiġi permessa r-riproduzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet f’ċerti każijiet partikolari, hija rriżervata għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [ikkostitwiti mill-Konvenzjoni ta’ Bern] sakemm tali riproduzzjoni ma tippreġudikax l-użu normali tax-xogħol u lanqas tkun ta’ preġudizzju inġustifikat għall-interessi leġittimi tal-awtur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


42      Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C-435/12, EU:C:2014:254, punti 25 u 26).


43      Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C-435/12, EU:C:2014:254, punt 25 fl-aħħar).


44      Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C-435/12, EU:C:2014:254, punti 38 sa 41).


45      Għal argumenti iktar wiesa’ kif ukoll għal diversi pożizzjonijiet tad-duttrina, ara l‑konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-Kawża EGEDA et (C-470/14, EU:C:2016:24, punt 15).


46      Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C-435/12, EU:C:2014:254, punti 31 u 40).