Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Lussemburgu) fil-11 ta’ Diċembru 2017 – Pillar Securitisation Sàrl vs Hildur Arnadottir

(Kawża C-694/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pillar Securitisation Sàrl

Konvenuta: Hildur Arnadottir

Domanda preliminari

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu li, fid-dawl tal-ammont totali tal-kreditu, ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 , persuna tista’ titqies bħala “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għal oqsma li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li l-kuntratt ġie konkluż għal użu li jista’ jitqies bħala estranju għall-attività professjonali tagħha?

____________

1  ĠU L 133, p. 66.