Language of document : ECLI:EU:C:2018:158

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bilaterali ta’ investiment konkluż fl‑1991 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u li għadu applikabbli bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑284/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Slowakische Republik

vs

Achmea BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Slowakische Republik, minn M. Burgstaller, solicitor, u K. Pörnbacher, Rechtsanwalt,

–        għal Achmea BV, minn M. Leijten, D. Maláčová, H. Bälz u R. Willer, Rechtsanwälte, kif ukoll minn A. Marsman, advocaat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u M. Hedvábná, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi u N. Grünberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, S. Papaioannou u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u A. Rubio González, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou u E. Zachariadou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u G. Bambāne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, L. Bosek, R. Szczęch u M. Cichomska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, bħala aġent, assistit minn R. Mangu u E. Gane, consilieri,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche, J. Baquero Cruz, L. Malferrari u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Slowakische Republik (ir-Repubblika Slovakka) u Achmea BV dwar sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012 mogħtija mit-Tribunal Arbitrali previst mill-Ftehim fuq l-Inċentivazzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka (iktar ’il quddiem it-“TBI”).

 Il-kuntest ġuridiku

 It-TBI

3        It-TBI, konkluż matul is-sena 1991, daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1992. Skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, il-partijiet kontraenti jobbligaw ruħhom li jiżguraw lill-investimenti tal-investituri tal-parti kontraenti l-oħra trattament ġust u xieraq kif ukoll li ma jtellfux, b’miżuri inġusti jew diskriminatorji, il-ġestjoni, l-operazzjoni, l-użu, it-tgawdija jew iċ-ċessjoni ta’ dawn l-investimenti. Skont l-Artikolu 4 tat-TBI, kull waħda mill-partijiet kontraenti għandha tiggarantixxi li l-pagamenti dwar investiment, b’mod partikolari benefiċċji, interessi u dividendi, ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti, mingħajr restrizzjoni jew dewmien mhux iġġustifikat u f’munita konvertibbli liberament.

4        L-Artikolu 8 tal-imsemmi ftehim jipprevedi:

“1)      Sa fejn possibbli, it-tilwim kollu bejn waħda mill-partijiet kontraenti u investitur tal-parti kontraenti l-oħra dwar investiment ta’ dan tal-aħħar għandu jiġi riżolt bonarjament.

2)      Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, kull waħda milll-partijiet kontraenti qiegħda tagħti l-kunsens tagħha sabiex tilwima fis-sens tas-subartikolu 1 ta’ dan l-artikolu titressaq quddiem tribunal arbitrali jekk din ma tkunx ġiet riżolta bonarjament f’perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha waħda mill-partijiet għat-tilwima tkun talbet is-soluzzjoni bonarja.

3)      It-tribunal arbitrali msemmi fis-subartikolu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun ikkostitwit bil-mod segwenti għal kull każ: kull parti fit-tilwima għandha taħtar arbitru u ż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom flimkien jagħżlu t-tielet arbitru, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu jkun il-president tat-Tribunal. Kull parti fit-tilwima għandha taħtar l-arbitru tagħha fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-investitur jinnotifika lill-parti kontraenti l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu li jissottometti t-tilwima lil tribunal arbitrali, u l-president għandu jinħatar fi żmien tliet xhur minn dik l-istess data.

4)      Jekk il-ħatriet ma jkunux saru fil-perijodi hawn fuq indikati, kull parti fit-tilwima tista’ titlob lill-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa. Jekk il-president ikun ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jew jekk huwa ma jkunx jista’ jeżerċita din il-funzjoni għal xi raġuni oħra, il-viċi president għandu jintalab sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa. Jekk il-viċi president ikun ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jew ikun ukoll impossibbli għalih li jeżerċita din il-funzjoni, il-membru l-iktar anzjan tal-Istitut tal-Arbitraġġ li ma jkollux in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet kontraenti għandu jintalab sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa.

5)      It-tribunal arbitrali għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu skont ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL).

6)      It-tribunal arbitrali għandu jiddeċiedi abbażi tad-dritt, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, imma mhux esklużivament:

–        id-dritt fis-seħħ tal-parti kontraenti kkonċernata;

–        id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim u ta’ kwalunkwe ftehim ieħor rilevanti bejn il-partijiet kontraenti;

–        id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim speċjali dwar l-investiment;

–        il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali.

7)      It-tribunal għandu jiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti; id-deċiżjoni għandha tkun finali u vinkolanti fuq il-partijiet għat-tilwima.”

 Id-dritt Ġermaniż

5        Skont l-Artikolu 1059(2) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), sentenza arbitrali tista’ tiġi annullata biss jekk ikun hemm waħda mir-raġunijiet ta’ annullament imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li fosthom hemm in-nullità tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ skont il-liġi li l-partijiet issuġġettawh għaliha u n-natura kuntrarja għall-ordni pubbliku tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fl‑1 ta’ Jannar 1993, ir-Repubblika Slovakka ssuċċediet, bħala aventi kawża tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ din tal-aħħar skont it-TBI u, fl‑1 ta’ Mejju 2004, ingħaqdet mal-Unjoni Ewropea.

7        Fil-kuntest ta’ riforma tas-sistema tas-saħħa tagħha, ir-Repubblika Slovakka, matul is-sena 2004, fetħet is-suq Slovakk lill-operaturi nazzjonali u lill-operaturi ta’ Stati oħrajn li joffru servizzi ta’ assigurazzjoni privata għall-mard. Achmea, impriża li tagħmel parti minn grupp ta’ assigurazzjonijiet Olandiż, wara li akkwistat l-approvazzjoni bħala organu ta’ assigurazzjoni għall-mard, stabbilixxiet sussidjarja fis-Slovakkja, li fiha investiet kapital u li permezz tagħha kienet toffri assigurazzjonijiet privati għall-mard fis-suq Slovakk.

8        Matul is-sena 2006, ir-Repubblika Slovakka rrevokat parzjalment il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-assigurazzjoni privata għall-mard. B’mod partikolari, permezz ta’ liġi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, hija pprojbixxiet id-distribuzzjoni tal-benefiċċji mill-attivitajiet ta’ assigurazzjoni privata għall-mard. Sussegwentement, peress li l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2011, iddeċidiet li din il-projbizzjoni kienet kuntrarja għall-Kostituzzjoni Slovakka, ir-Repubblika Slovakka awtorizzat mill-ġdid, permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2011, id-distribuzzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni.

9        Peress li qieset li l-miżuri leġiżlattivi tar-Repubblika Slovakka kienu kkawżawlha dannu, Achmea tat bidu, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2008, għal proċedura arbitrali kontra dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 8 tat-TBI.

10      Peress li Frankfurt am Mein (il-Ġermanja) intgħażel bħala l-post tal-arbitraġġ, id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għall-proċedura arbitrali inkwistjoni.

11      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura arbitrali, ir-Repubblika Slovakka qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitrali. F’dan ir-rigward, hija argumentat li, minħabba s-sħubija tagħha mal-Unjoni, ir-rikors għal Tribunal Arbitrali previst fl-Artikolu 8(2) tat-TBI kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ sentenza arbitrali qabel tat id-deċiżjoni finali tas‑26 ta’ Ottubru 2010, it-Tribunal Arbitrali ċaħad din l-eċċezzjoni. It-talbiet għall-annullament ta’ din is-sentenza ppreżentati mir-Repubblika Slovakka quddiem il-qrati Ġermaniżi fl-ewwel istanza u fl-appell ma rnexxewx.

12      Permezz ta’ sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012, it-Tribunal Arbitrali kkundanna lir-Repubblika Slovakka tħallas lil Achmea danni f’ammont prinċipali ta’ EUR 22.1 miljun. Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din is-sentenza arbitrali quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Mein, il-Ġermanja). Peress li dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, ir-Repubblika Slovakka appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

13      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Mejju 2004, it-TBI jikkostitwixxi ftehim bejn l-Istati Membri, b’mod illi, fil-każ ta’ kunflitt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprevalu, fl-oqsma li jirregolaw, fuq id-dispożizzjonijiet tat-TBI.

14      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka esprimiet xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-klawżola arbitrali fl-Artikolu 8 tat-TBI mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dawn id-dubji, madankollu hija qieset li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u peress li dawn għandhom importanza kunsiderevoli minħabba n-numru kbir ta’ trattati bilaterali ta’ investiment li għadhom fis-seħħ bejn l-Istati Membri li jinkludu klawżola arbitrali, kien meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’din il-kawża sabiex tiddeċiedi t-tilwima li hija adita biha.

15      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-applikabbiltà nfisha tal-Artikolu 344 TFUE. Qabelxejn, mill-għan u mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, minkejja li ma jirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħha, din tal-aħħar ma tirrigwardax it-tilwim bejn individwu u Stat Membru.

16      Sussegwentement, l-Artikolu 344 TFUE jirrigwarda biss it-tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li s-sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012 ittieħdet abbażi tat-TBI biss.

17      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 344 TFUE għandu l-għan li jiggarantixxi l-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha u, fl-istess ħin, huwa manifestazzjoni speċifika tad-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dan li l-Artikolu 344 TFUE jipproteġi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe tilwima li fiha d-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi applikat jew interpretat. Fir-realtà, din id-dispożizzjoni tipproteġi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biss sa fejn l-Istati Membri għandhom jirrikorru għall-proċeduri quddiemha previsti mit-Trattati. Issa, tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi deċiża fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, it-Trattati ma jipprevedu ebda proċedura ġudizzjarja li tippermetti lil investitur, bħal Achmea, jargumenta, quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dritt għal kumpens fil-konfront ta’ Stat Membru li jagħtih Trattat bilaterali ta’ investiment bħat-TBI.

18      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix klawżola arbitrali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, qabelxejn, li, fiha nfisha, il-proċedura arbitrali ma hijiex ta’ natura li tiżgura l-uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-Artikolu 267 TFUE huwa intiż li jiggarantixxi. Fil-fatt, anki jekk, skont l-Artikolu 8(6) tat-TBI, it-Tribunal Arbitrali kellu josserva d-dritt tal-Unjoni u, fil-każ ta’ kunflitt, japplikah bi prijorità, madankollu huwa ma jkollux il-possibbiltà li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, peress li ma jistax jitqies bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis, sussegwentement, li l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ madankollu titqies li hija żgurata f’dan il-każ sa fejn, qabel l-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali, qorti statali tista’ tintalab tistħarreġ il-kompatibbiltà tas-sentenza arbitrali mad-dritt tal-Unjoni u tista’, fil-każ ta’ bżonn, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, skont il-punt 2(b) tal-Artikolu 1059(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, in-natura kuntrarja għall-ordni pubbliku tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali tagħmel parti mir-raġunijiet ta’ annullament ta’ tali sentenza. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ deċiżjonijiet arbitrali li jiddeċiedu tilwim bejn individwi, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali fuq sentenza arbitrali li tirrigwarda tilwima bejn individwu u Stat Membru tista’ validament tiġi limitata għall-ksur tad-dispożizzjonijiet fundamentali biss tad-dritt tal-Unjoni. Din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha bħala effett li klawżola arbitrali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun kuntrarja għall-Artikolu 267 TFUE.

21      Il-qorti tar-rinviju żżid, fl-aħħar nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-istabbiliment, ’il barra mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni, ta’ qorti speċjali responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni peress li ma jimminax l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimietx riżervi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ sistema ġudizzjarja li kienet intiża, essenzjalment, li ssolvi tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet infushom tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni u ma kinitx taffettwa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas il-fakultà, jew l-obbligu, għal dawn tal-aħħar li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari. Issa, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preċiżament imsejjaħ sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-TBI, li huwa jkollu jinterpreta fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital.

22      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, kuntrarjament għall-investituri Olandiżi jew Slovakki, l-investituri tal-Istati Membri minbarra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka ma għandhomx il-possibbiltà li jadixxu Tribunal Arbitrali minflok qorti statali, fatt li jikkostitwixxi żvantaġġ kunsiderevoli li jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 18 TFUE. Madankollu, il-limitazzjoni, permezz ta’ ftehim bilaterali intern għall-Unjoni, tal-benefiċċju ta’ vantaġġ liċ-ċittadini tal-Istati Membri kontraenti hija diskriminatorja biss jekk iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn li ma jgawdux minn dan il-vantaġġ ikunu jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli. Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-fatt li d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi japplikaw biss għaċ-ċittadini ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri kontraenti huwa konsegwenza inerenti għall-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejniethom.

23      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 344 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ ftehim bilaterali ta’ investiment bejn Stati Membri tal-Unjoni (dak li għandu jissejjaħ ‘[trattat bilaterali ta’ investiment] intern għall-Unjoni’), li tipprevedi li investitur ta’ Stat kontraenti jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat kontraenti l-ieħor, jibda proċedura kontra dan l-Istat tal-aħħar quddiem tribunal tal-arbitraġġ, meta l-imsemmi ftehim ġie konkluż qabel l-adeżjoni ta’ wieħed mill-Istati kontraenti mal-Unjoni Ewropea, iżda meta l-proċedura ta’ arbitraġġ ser tinbeda biss wara din id-data?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      L-Artikolu 267 TFUE jostakola l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda:

3)      Fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jostakola l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni?”

 Fuq it-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

24      Wara li nqraw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2017, il-Gvern Ċek, Ungeriż u Pollakk, permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑3 ta’ Novembru, fid‑19 u fis‑16 ta’ Ottubru 2017 rispettivament, talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Insostenn tat-talbiet tagħhom, l-imsemmija Gvernijiet jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

26      Għandu madankollu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 30).

27      Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu x’ikunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Dan ingħad, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, f’dan il-każ, peress li t-talbiet huma limitati li juru n-nuqqas ta’ qbil tal-Gvern Ċek, Ungeriż u Pollakk mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u ma jagħmlu ebda argument ġdid li abbażi tiegħu din il-kawża tista’ tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-punti neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni u li dawn ġew ittrattati bejn il-persuni kkonċernati.

30      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tat-TBI, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu.

32      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika s-sistema ta’ kompetenzi stabbilita permezz tat-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha. Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari rifless fl-Artikolu 344 TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, fil-konfront kemm tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, hija ġġustifikata minħabba karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u d-dritt tagħha, dwar, b’mod partikolari, l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll in-natura nfisha tal-imsemmi dritt. Id-dritt tal-Unjoni huwa fil-fatt ikkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Dawn il-karatteristiċi taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 165 sa 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

34      Id-dritt tal-Unjoni huwa għaldaqstant ibbażat fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom. Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jieħdu, għal dan l-għan, kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 168 u 173 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

35      Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 174].

36      F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 19 TUE, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja huma responsabbli sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 68, u 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 175 kif ukoll is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 33].

37      B’mod partikolari, l-element ċentrali ta’ din is-sistema ġudizzjarja huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari.

39      Għal dan l-għan, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk it-tilwim li t-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI huwa mitlub jiddeċiedi jistax ikun dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

40      F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed jassumi li, bħalma tippretendi b’mod partikolari Achmea, dan it-Tribunal, minkejja l-formulazzjoni wiesgħa ħafna tal-Artikolu 8(1) tat-TBI, ikun imsejjaħ jagħti deċiżjoni biss fuq ksur eventwali ta’ dan il-ftehim, xorta jibqa’ l-fatt li, għal dan l-għan, huwa għandu, konformement mal-Artikolu 8(6) tat-TBI, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tad-dritt fis-seħħ tal-parti kontraenti kkonċernata kif ukoll ta’ kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-partijiet kontraenti.

41      Issa, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għandu jitqies fl-istess ħin kemm li jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll li jirriżulta minn ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri.

42      Minn dan isegwi li, fuq din il-bażi doppja, it-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI huwa, skont il-każ, mitlub jinterpreta, saħansitra anki japplika, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

43      Għandu, għaldaqstant, jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tribunal arbitrali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jekk jistax jitqies bħala qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-fatt li tribunal stabbilit minn Stati Membri jinsab fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni għandu l-effett li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu suġġetti għal mekkaniżmi ta’ natura li jiżguraw l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09, (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata].

44      F’dan ir-rigward, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet in-natura ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” tal-qorti inkwistjoni mill-fatt li din, fit-totalità tagħha, kienet element tas-sistema ta’ soluzzjoni ġudizzjarja ta’ tilwim fil-qasam fiskali previst mill-Kostituzzjoni Portugiża nfisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punti 25 u 26).

45      Issa, fil-kawża prinċipali, it-Tribunal Arbitrali ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u fis-Slovakkja. Hija barra minn hekk preċiżament in-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni ta’ dan it-Tribunal, meta mqabbla ma’ dik tal-qrati ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, li tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet prinċipali tal-Artikolu 8 tat-TBI.

46      Din il-karatteristika tat-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika li dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal “ta xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

47      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm ebda raġuni valida li tiġġustifika li qorti komuni għal diversi Stati Membri, bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, ma tkunx tista’ tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bħall-qrati fi ħdan kull wieħed minn dawn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 21, u tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 40).

48      Madankollu, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex tali qorti komuni għal diversi Stati Membri, paragunabbli mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux. Fil-fatt, filwaqt li, minn naħa, din tal-aħħar hija responsabbli biex tiżgura konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli legali komuni għat-tliet pajjiżi tal-Benelux u li, min-naħa l-oħra, il-proċedura quddiemha hija kwistjoni fi proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li wara l-eżitu tagħha tiġi stabbilita interpretazzjoni finali ta’ regoli legali komuni fil-Benelux, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux tali rabtiet mas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 41).

49      Minn dan isegwi li tribunal, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI, ma jistax jitqies bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat ukoll, fit-tielet lok, jekk is-sentenza arbitrali mogħtija minn tali tribunal hijiex, konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19 TUE, suġġetta għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiżgura li l-kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni li dan it-tribunal jista’ jintalab jittratta jkunu jistgħu, eventwalment, jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

51      Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(7) tat-TBI, id-deċiżjoni tat-Tribunal Arbitrali previst f’dan l-artikolu hija finali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(5) tat-TBI, dan it-Tribunal Arbitrali jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu konformement mar-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-UNCITRAL u, b’mod partikolari, jagħżel huwa stess is-sede tiegħu u, konsegwentement, id-dritt applikabbli għall-proċedura li tirregola l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità tas-sentenza li permezz tagħha jiddeċiedi t-tilwima miġjuba quddiemu.

52      F’dan il-każ, it-Tribunal Arbitrali adit minn Achmea għażel bħala sede Frankfurt am Main, li għamel id-dritt Ġermaniż applikabbli għall-proċedura li tirregola l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità tas-sentenza arbitrali mogħtija minn dan it-tribunal fis‑7 ta’ Diċembru 2012. Hija għaldaqstant din l-għażla li tat lir-Repubblika Slovakka, bħala parti għat-tilwima, il-possibbiltà li titlob, konformement ma’ dan id-dritt, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-sentenza arbitrali, billi adixxiet, għal dan l-għan, il-qorti Ġermaniża kompetenti.

53      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jiġi eżerċitat mill-imsemmija qorti biss sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettih. Barra minn hekk, l-Artikolu 1059(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi biss stħarriġ limitat li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-validità, fid-dawl tal-liġi applikabbli, tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew l-osservanza tal-ordni pubbliku bir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali.

54      Ċertament, f’dak li jirrigwarda l-arbitraġġ kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti relatati mal-effikaċja tal-proċedura arbitrali jiġġustifikaw li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet arbitrali eżerċitat mill-qrati tal-Istati Membri jkollu natura limitata, sakemm id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 35, 36 u 40, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 34 sa 39).

55      Madankollu, proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI, hija distinta minn proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali. Fil-fatt, filwaqt li din il-proċedura tal-aħħar issib l-oriġini tagħha fl-awtonomija tal-volontà tal-partijiet inkwistjoni, il-proċedura tal-ewwel tirriżulta minn trattat, li permezz tiegħu l-Istati Membri qablu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess u, għaldaqstant, mas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuqhom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34), tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-punt preċedenti, dwar l-arbitraġġ kummerċjali, ma jistgħux jiġu trasposti għal proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI.

56      Konsegwentement, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tat-Tribunal Arbitrali msemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI u mfakkra fil-punti 39 sa 55 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, bil-konklużjoni tat-TBI, l-Istati Membri li huma parti għalih stabbilixxew mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn investitur u Stat Membru li jista’ jeskludi l-possibbiltà li dan it-tilwim, minkejja li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ikun riżolt b’mod li jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt.

57      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti inkarigata bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu l-istituzzjonijiet, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt tali ftehim, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, kemm-il darba l-awtonomija tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha jkunu osservati [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE ‑ I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 40 u 70; 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punti 74 u 76, kif ukoll 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 182 u 183].

58      Madankollu, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li t-tilwim li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni kemm ta’ dan il-ftehim kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li dan it-tilwim jiġi suġġett għal organu li ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija prevista minn ftehim li ma ġiex konkluż mill-Unjoni, iżda minn Stati Membri. Issa, l-imsemmi Artikolu 8 huwa ta’ natura li jimmina, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, żgurat mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

59      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 8 tat-TBI jimmina l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.

60      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tat-TBI, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem Tribunal Arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu.

 Fuq it-tielet domanda

61      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tal-Ftehim fuq l-Inċentivazzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem Tribunal Arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.