Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-111/12, Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-140/15 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Recchia u S. Pardo Quintillán, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet tal-appellanti

li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-111/12, Spanja vs Il-Kummissjoni;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża minn din tal-aħħar;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-111/12. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9990 tat-22 ta’ Diċembru 2011, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond ta’ Koeżjoni mogħtija għal ċerti proġetti.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. Prinċipalment, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbiliet li l-Kummissjoni kellha tadotta d-deċiżjoni dwar korrezzjonijiet finanzjarji f’terminu, li huwa ddeterminat mill-att bażiku fis-seħħ fid-data tas-seduta bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbiliet li t-terminu impost fuq il-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja huwa terminu imperattiv, u n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali li jagħmel invalida d-deċiżjoni meħuda barra dan it-terminu.