Language of document : ECLI:EU:C:2013:519

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Appell – Xandir televiżiv – Direttiva 89/552/KEE – Artikolu 3a – Miżuri adottati mir-Renju Unit li jikkonċernaw avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru – Kampjonat Ewropew tal-futbol – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Motivazzjoni – Artikoli 49 KE u 86 KE – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża C‑201/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑27 ta’ April 2011,

Union des associations européennes de football (UEFA), irrappreżentata minn D. Anderson, QC, u D. Piccinin, barrister, b’mandat minn B. Keane u T. McQuail, solicitors,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u N. Yerrell kif ukoll minn A. Dawes, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister, b’indirizz għan-notifika il-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Belġju,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn L. Seeboruth u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn T. de la Mare, barrister,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, l-Union des associations européennes de football (UEFA) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Frar 2011, UEFA vs Il‑Kummissjoni (T‑55/08, Ġabra p. II‑271, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba tiegħu għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE, tas‑16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”), kienet tinkludi Artikolu 3a, inkluż permezz ta’ din l-aħħar direttiva, li kienet tipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.”

3        Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 huma fformulati kif ġej:

“(18) Billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa’ mill-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira għas-soċjetà, bħal-logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol [iktar ’il quddiem l-‘EURO’]; billi għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kompatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet esklussivi tax-xandir għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

(19)      Billi huwa neċessarju li jsiru arranġamenti fi ħdan il-qafas Komunitarju, sabiex jiġi evitat il-potenzjal ta’ inċertezza legali u xkiel tas-suq u sabiex iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi televiżivi tiġi rikonċiljata mal-bżonn li tiġi evitata l-possibiltà ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li jipproteġu interess ġenerali leġittimu;

(20)      Billi, b’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stipulati dispożizzjoniet f’din id-Direttiva dwar l-eżerċizzju minn xandara ta’ drittijiet esklussivi tax-xandir li huma setgħu xtraw għal avvenimenti li huma meqjusa bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà fi Stat Membru li m’huwiex dak li għandu l-ġurisdizzjoni fuq ix-xandara […];

(21)      Billi avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà għandhom, għall-iskopijiet ta din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta’ interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment;

(22)      Billi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “televiżjoni mingħajr ħlas” tfisser xandir fuq kanal [stazzjon], pubbliku jew kummerċjali, ta’ programmi li huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas apparti mill-mezzi ta’ l-iffinanzjar tax-xandir li jinsabu f’kull Stat Membru (bħall-miżata tal-liċenzja u/jew il-miżata ta’ abbonament għas-servizz bażiku ta’ sistema interkonnessa bil-fil);”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif ġej fil-punti 5 sa 15 tas-sentenza appellata:

“5      [L-UEFA] hija l‑korp diriġenti tal-futbol Ewropew. L-għan prinċipali tagħha huwa li tiżgura l‑iżvilupp tal-futbol Ewropew u li torganizza ċertu numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol fosthom il-fażi finali tal-kampjonat tal-Ewropea tal‑futbol (iktar ’il quddiem l-“EURO”), li fl-ambitu tiegħu kull erba’ snin 16-il tim nazzjonali jilgħabu kontra xulxin matul total ta’ 31 logħba. Bis-saħħa tad-dħul mill-bejgħ tad-drittijiet kummerċjali konnessi ma’ dawn il-kompetizzjonijiet hija tkun tista’ tippromwovi l-iżvilupp tal-futbol Ewropew. F’dan il-kuntest, l-UEFA ssostni li 64 % tad-dħul provenjenti mill-bejgħ tad-drittijiet kummerċjali li jirrigwardaw [il-fażi finali ta]l-EURO jirriżulta miċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal‑logħob.

6      B’deċiżjoni tal-25 Ġunju 1998, il-Ministru tal-Kultura, tax-Xandir u tal-Isports tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem il‑“Ministru”) stabbilixxa, skont it-Taqsima IV tal-Broadcasting Act 1996 (Liġi tal-1996 fuq ix-Xandir Televiżiv), lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, li fiha [kienet inkluża l-fażi finali ta]l-EURO.

7      L-adozzjoni ta’ din il-lista kienet ippreċeduta minn konsultazzjoni ta’ 42 organu differenti mnieda mill-Ministru f’Lulju 1997 dwar il-kriterji li abbażi tagħhom kellha tiġi evalwata l-importanza tad-diversi avvenimenti għas-soċjetà tar-Renju Unit. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni ta’ lista ta’ kriterji li jinsabu f’dokument tal-Ministru tal-Kultura, tax-Xandir u tal-Isports datat Novembru 1997, li l-Ministru applika sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Skont dan id-dokument, avveniment jista’ jiġi inkluż fil-lista, b’mod partikolari, meta jkollu reżonanza ġenerali speċjali fil-livell nazzjonali u mhux biss fost dawk li ġeneralment isegwu d-dixxiplina sportiva inkwistjoni. Skont l-istess dokument, jista’ jiġi kklassifikat b’dan il-mod avveniment sportiv nazzjonali jew internazzjonali li huwa prominenti jew li jinvolvi t-tim nazzjonali jew atleti tar-Renju Unit. Fost l-avvenimenti li jissodisfaw dawn il-kriterji, dawk li jattiraw ħafna telespettaturi jew li huma tradizzjonalment imxandra permezz ta’ xandira diretta fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas ikollhom iktar possibbiltà li jiġu inklużi fil-lista. Barra minn hekk, il-Ministru jieħu wkoll kont, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, fatturi oħrajn li jirrigwardaw konsegwenzi għall-isport ikkonċernat, bħall-opportunità li tiġi offruta xandira diretta ta’ avveniment kollu kemm hu, l-impatt fuq id-dħul fis-settur sportiv inkwistjoni, il-konsegwenzi għas-suq tax-xandir u l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jiggarantixxu l-aċċess għall-avveniment permezz ta’ trażmissjoni televiżiva jew radjufonika differita.

8      Sussegwentement, il-Ministru nieda, skont l-Artikolu 97 tal-Broadcasting Act 1996, proċedura ta’ konsultazzjoni li tikkonċerna l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jitniżżlu fil-lista. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, il-Ministru talab l-opinjoni ta’ diversi korpi u operaturi kkonċernati kif ukoll tat-titolari tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva, bħall-UEFA. Barra minn hekk, Kumitat Konsultattiv stabbilit mill-Ministru u intitolat “Advisory Group on listed events” (Grupp konsultattiv fuq l-avvenimenti mniżżla fil-lista) ta l-opinjoni tiegħu fuq l‑avvenimenti li għandhom jitniżżlu billi ppropona, fir-rigward tal-[fażi finali tal‑]EURO, li jitniżżlu l-finali, is-semi-finali u l-logħob li jinvolvi t-timijiet nazzjonali tar-Renju Unit.

9      Skonti l-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 196, kif emendata bit-Television Broadcasting Regulations 2000 (Regolamenti tal-2000 dwar ix-Xandir Televiżiv), ix-xandara ta’ xandir televiżiv huma maqsuma f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija tinkludi x-xandara li jipprovdu servizz mingħajr ħlas li, barra minn hekk, jista’ jiġi riċevut minn tal-inqas 95 % tal-populazzjoni tar-Renju Unit [iktar ’il quddiem ix-“xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu”]. It-tieni kategorija tinkludi x-xandara li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet [u tinkludi b’mod partikolari x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas].

10      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996, kif emendata bit-Television Broadcasting Regulations 2000, fornitur ta’ programmi televiżivi li jaqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji ma jistax ixandar permezz ta’ xandira diretta avveniment kollu kemm hu jew parti minnu ħlief meta fornitur ta’ programmi televiżi li jaqa’ taħt kategorija oħra akkwista d-dritt li jxandar l-istess avveniment kollu kemm hu jew l-imsemmija parti minnu permezz ta’ xandira diretta fl-istess, jew essenzjalment fl-istess żona. Jekk din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta, ix-xandar li jixtieq ixandar permezz ta’ xandira l-avveniment inkwistjoni kollu kemm hu jew parti minnu għandu jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Office of Communications (Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet).

11      Skont l-Artikolu 3 tal-Code on Sports and Other Listed and Designated Events (Kodiċi li jirrigwarda l-avvenimenti sportivi u oħrajn inklużi fil-lista), fil-verżjoni fis-seħħ fil-2000, l-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huma maqsuma f’żewġ gruppi. Il-“Grupp A” jinkludi l-avvenimenti li ma jistgħux jixxandru permezz ta’ xandira diretta fuq bażi esklużiva jekk ċerti kriterji ma humiex sodisfatti. Il-‛Grupp B’ jinkludi l-avvenimenti li jistgħu jixxandru permezz ta’ xandira diretta fuq bażi esklużiva biss jekk ġew adottati dispożizzjonijiet sabiex jiggarantixxu trażmissjoni differita.

12      Skont l-Artikolu 13 tal-Code on Sports and Other Listed and Designated Events, awtorizzazzjoni tal-Office of Communications tista’ tingħata għall-avvenimenti li jaqgħu taħt il-“Grupp A”, li jifforma parti minnu l-EURO, meta d-drittijiet ta’ trażmissjoni konnessi miegħu ġew offruti pubblikament taħt kundizzjonijiet xierqa u raġonevoli lix-xandara kollha ta’ xandir televiż, mingħajr ma xandar li jaqa’ taħt il-kategorija l-oħra ma esprima l-interess tiegħu sabiex jixtrihom.

13      B’ittra tal-25 ta’ Settembru 1998, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-lista ta’ avvenimenti stabbilita mill-Ministru. Wara skambju ta’ korrispondenza bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni u notifika ġdida tal-miżuri li seħħew fil-5 ta’ Mejju 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Edukazzjoni u kultura” tal-Kummissjoni informa lir-Renju Unit, b’ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, li l-Kummissjoni ma hijiex ser tqajjem oġġezzjonijiet għall-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru, li kienu ser jiġu, għaldaqstant, f’qasir żmien ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

14      Permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni (T‑33/01, Ġabra p. II‑5897), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni li kienet tinsab fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, għar-raġuni li din kienet tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, li kellha tiġi adottata mill-istess kulleġġ ta’ membri tal-Kummissjoni [...].

15      Wara [l-imsemmija sentenza], il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kontenzjuża].”

 Id-deċiżjoni kontenzjuża

5        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi:

“Il-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-[Direttiva 89/552] u nnotifikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2000, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 328, tat-18 ta’ Novembru 2000, huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.”

6        Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-imsemmija deċiżjoni “tapplika mit‑18 ta’ Novembru 2000”.

7        Il-premessi 3 sa 6, 18 sa 21 kif ukoll 24 u 25 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdu kif ġej:

“(3)      Fl-eżaminazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat id‑data disponibbli dwar ix-xena tal-midja fir-Renju Unit.

(4)      Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, li hija inkluża fil-miżuri tar-Renju Unit, kienet imfassla b’mod ċar u trasparenti u fir-Renju Unit tnediet konsultazzjoni estensiva.Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, li hija inkluża fil-miżuri tar-Renju Unit, kienet imfassla b’mod ċar u trasparenti u fir-Renju Unit tnediet konsultazzjoni estensiva.

(5)      Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit kienu jilħqu mill-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li kienu kkunsidrati bħala indikaturi ta’ min jorbot fuqhom rigward l-importanza ta’ avvenimenti għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali speċjali fl-Istat Membru, u mhux sempliċement importanza għal dawk li s-soltu jsegwu l-isport jew l-attività kkonċernata; (ii) importanza kulturali distinta rikonoxxuta b’mod ġenerali għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikolari bħala katalista ta’ identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar fuq televiżjoni bla ħlas u ġibed lejh udjenzi kbar permezz tat-televiżjoni.

(6)      Għadd sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit, inkluż il-Logħob Olimpiku tas-sajf u taxxitwa kif ukoll il-Finali tat-Tazza tad-Dinja u [l-fażijiet finali tal-EURO], jaqgħu fil-kategorija ta’ l-avvenimenti kkunsidrati tradizzjonalment bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà, kif imsemmi b’mod espliċitu fil-premessa 18 tad-Direttiva [97/36]. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali speċjali fir-Renju Unit fl-intier tagħhom, peress li dawn huma partikolarment importanti mal-pubbliku ġenerali (irrispettivament min-nazzjonalità tal-parteċipanti), u mhux ma’ dawk biss li s-soltu jsegwu avvenimenti sportivi.

[…]

(18)      L-avvenimenti elenkati, li jinkludu dawk li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali, ġew tradizzjonalment imxandra fuq televiżjoni bla ħlas u ġibdu lejhom udjenzi kbar fuq it-televiżjoni. Fejn, b’mod eċċezzjonali, dan ma kienx il-każ (il-logħob elenkat tat-Tazza tad-Dinja tal-Krikit), il-lista hija limitata (peress li tinkludi l-finali, is-semifinali u l-logħob li jinvolvi t-timijiet nazzjonali) u teħtieġ biss kopertura sekondarja adegwata, u, fi kwalunkwe każ, tilħaq tnejn mill-kriterji kkunsidrati bħala indikaturi kredibbli dwar l-importanza ta’ l-avveniment għas-soċjetà (il-premessa 13).

(19)      Il-miżuri tar-Renju Unit jidhru proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mil-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li jiġu fornuti servizzi fuq il-bażi tar-raġuni dominanti ta’ interess pubbliku, li [jiġi żgurat aċċess televiżiv tal-pubbliku wiesa’ għall-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà].

(20)      Il-miżuri tar-Renju Unit huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-[Komunità Ewropea] minħabba li d-definizzjoni ta’ xandâra kkwalifikati sabiex ixandru l-avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu l-kompetizzjoni attwali u potenzjali sabiex jinkisbu d-drittijiet li jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti elenkati mhuwiex sproporzjonat sabiex jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni bla ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

(21)      Il-proporzjonalità tal-miżuri tar-Renju Unit hija msaħħa bil-fatt li għadd ta’ avvenimenti elenkati jeħtieġu biss kopertura sekondarja adegwata.

[…]

(24)      Mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza [Infront WM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq], wieħed jikkonkludi li ddikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-[Direttiva 89/552] huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja tikkostitwixxi deċiżjoni, li għalhekk għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi ddikjarat b’din id-Deċiżjoni li l-miżuri notifikati mir-Renju Unit huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja. Il-miżuri, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 3a(2) tad-[Direttiva 89/552].

(25)      Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8        Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-UEFA invokat tmien motivi quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza appellata, din tal-aħħar ċaħdet kull waħda minn dawn il-motivi u ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. Hija ċaħdet ukoll talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ippreżentata mill-UEFA u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ dokumenti.

 Fuq l-appell

9        Fil-kuntest tal-appell tagħha, l-UEFA invokat, essenzjalment, tmien aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ dritt u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, it-tieni nett, fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, it-tielet nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, ir-raba’ nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, il-ħames nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sitt nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dritt għall-proprjetà u, is-seba’ nett, fuq żbalji ta’ liġi dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

 Osservazzjonijiet preliminari

10      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, permezz tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, il-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri jagħżlu ċerti avvenimenti bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat (iktar ’il quddiem l-“avveniment ta’ importanza kbira”) u b’hekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mit-Trattat, espliċitament aċċetta l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għall-kompetizzjoni libera u għad-dritt għall-proprjetà, li huma konsegwenza inevitabbli ta’ din il-kwalifika. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-leġiżlatur qies li tali ostakoli huma ġustifikati bl-għan intiż li jipproteġi d-dritt għal informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv tal-imsemmija avvenimenti.

11      Barra minn hekk, il-leġittimità li wieħed isegwi tali għan kien diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li osservat li l-kummerċjalizzazzjoni tan-natura esklużiva tal-avvenimenti li jippreżentaw interess kbir għall-pubbliku tista’ tirrestrinġi, b’mod kunsiderevoli, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni li tikkonċerna dawn l-avvenimenti. Issa, f’soċjetà demokratika u pluralista, id-dritt għall-informazzjoni għandu importanza partikolari li hija ferm iżjed manifesta fil-każ ta’ tali avvenimenti (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, punti 51 u 52).

12      Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, id-determinazzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza kbira ssir biss mill-Istati Membri li jgawdu, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni importanti.

13      Fil-fatt, minflok ma tarmonizza l-lista tal-avvenimenti, id-Direttiva 89/52 hija bbażata fuq il-premessa li, fi ħdan l-Unjoni, jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura soċjali u kulturali fir-rigward tal-importanza tagħhom għall-pubbliku inġenerali. Konsegwentement, l-Artikolu 3a(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-avvenimenti magħżula “li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira” għas-soċjetà tiegħu. Il-premessa 18 tad-Direttiva 97/86 tenfasizza wkoll din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri billi tipprovdi li huwa “essenzjali” li jkunu jistgħu jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira.

14      L-importanza tal-imsemmija marġni ta’ diskrezzjoni barra minn hekk tirriżulta mill-fatt li d-Direttivi 89/552 u 97/36 ma jinkludux l-eżerċizzju tagħha permezz ta’ provvediment speċifiku. Fil-fatt, l-uniċi kriterji li huma jiffissaw sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jagħżel avveniment bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà jissemmew fil-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li tipprovdi li dan għandu jkun avveniment straordinarju li jippreżenta interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni jew fl-Istat Membru speċifiku jew f’parti importanti ta’ Stat Membru speċifiku u li huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li legalment għandu d-dritt li jbigħ drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

15      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni relattiva ta’ dawn il-kriterji, huwa kull Stat Membru li għandu jagħtihom natura konkreta u li għandu jevalwa l-interess tal-avvenimenti kkonċernati għall-pubbliku inġenerali fir-rigward tal-partikolaritajiet soċjali u kulturali tas-soċjetà tiegħu.

16      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ investigazzjoni tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom jintgħażlu avvenimenti ta’ importanza kbira, li tippermettilha tiċħad il-miżuri li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

17      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, b’mod partikolari, li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ġewx issodisfatti:

–        l-avveniment ikkonċernat ġie inkluż fil-lista prevista fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 skont proċedura ċara u trasparenti, fi żmien opportun u utli;

–        tali avveniment jista’ jiġi validament ikkunsidrat bħala ta’ importanza kbira;

–        il-kwalifika tal-avveniment ikkonċernat bħala ta’ importanza kbira hija kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, mad-drittijiet fundamentali, mal-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll mar-regoli tal-kompetizzjoni libera.

18      Min-naħa l-oħra, tali setgħa ta’ investigazzjoni hija ristretta, u dan b’mod partikolari fir-rigward tal-eżami tat-tieni u tat-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

19      Minn naħa, fil-fatt mill-importanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li s-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun limitata għat-tiftix tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri meta jiġu biex jagħżlu l-avvenimenti ta’ importanza kbira. Sabiex jiġi vverifikat jekk twettaqx tali żball ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha għalhekk b’mod partikolari tistħarreġ jekk l-Istat Membru kkonċernat eżaminax, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, Ġabra p. I‑13533, punti 56 u 57).

20      Min-naħa l-oħra, b’mod iktar preċiżament fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi injorat li l-kwalifika valida ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tagħti lok għal ostakoli inevitabbli għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ kompetizzjoni u għad-dritt għall-proprjetà, intiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni u kkunsidrati minn dan tal-aħħar, hekk kif intqal fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, bħala ġustifikati minħabba l-għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiżgura aċċess wiesa’ għall-pubbliku għax-xandir mill-ġdid televiżiv tal-imsemmija avvenimenti.

21      Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/52, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat li, jekk avveniment ikun ġie kkwalifikat validament mill-Istat Membru kkonċernat bħala wieħed ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-libertà ta’ stabbiliment, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt għall-proprjetà li jmorru lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3a.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ trasparenza

 L-argumenti tal-partijiet

22      L-ewwel aggravju jsemmi l-punt 94 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 la għandu bħala għan u lanqas bħala effett li jġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma segwietx opinjonijiet jew osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni. L-UEFA ssostni li, skont dan ir-rekwiżit, Stat Membru ma jistax jiċħad mingħajr l-iċken spjegazzjoni l-opinjonijiet konverġenti ta’ numru ta’ partijiet indipendenti, inklużi dawk tal-grupp konsultattiv li barra minn hekk kienet ħolqot hija stess sabiex tingħata parir meta tiġi stabbilita l-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3a, kif ukoll dawk tal-awtorità tal-kompetizzjoni, pariri li jkunu ngħataw dwar kwistjoni importanti ħafna.

23      Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-ewwel aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24      Mill-punt 12 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni importanti. Għalhekk hija ma għandhiex l-obbligu li ssegwi l-opinjonijiet tal-korpi konsultattivi li jkunu ġew ikkonsultati minn din l-awtorità qabel id-deċiżjoni tagħha.

25      Fir-rigward tal-motivi li għalihom tali opinjonijiet ma ġewx segwiti mill-imsemmija awtorità, huwa minnu li, bħal ma huwa rikjest mill-awturi tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 166), din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet għalfejn avveniment ġie kkwalifikat bħala wieħed ta’ importanza kbira, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jsostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-qrati kompetenti jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom.

26      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-UEFA, sabiex jiġi sodisfatt tali għan, ma huwiex meħtieġ li l-imsemmija awtorità tiżvela r-raġunijiet speċifiċi għalfejn hija ma segwietx opinjonijiet ifformolati minn ċerti korpi konsultattivi, meta hija ma għandhiex l-obbligu li ssegwihom. F’dan ir-rigward, huwa mingħajr effett il-fatt li dawn l-opinjonijiet jingħataw minn numru ta’ korpi konsultattivi li jkollhom l-istess approċċ.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira

28      Fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment ta’ importanza kbira tal-fażi finali tal-EURO, il-Qorti Ġenerali għamlet ir-raġunament li ġej fil-punt 103 tas-sentenza appellata:

“[…] ebda kunsiderazzjoni valida ma tippermetti li jiġi konkluż li, fil-prinċipju, il-logħob ‛ta’ importanza primarja’ u l-logħob li jinvolvi tim nazzjonali tar-Renju Unit, jista’ għaldaqstant jiġi kklassifikat fir-rigward tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u, minħabba dan il-fatt, li jifforma parti minn tali lista. Fil-fatt, [il-fażi finali ta]l-EURO [hija] kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost li bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħob ‛ta’ importanza primarja’, f’logħob ta’ ‛mhux ta’ importanza primarja’ u f’logħob li fih jipparteċipa t-tim nazzjonali relattiv magħhom. F’dan ir-rigward, huwa nnotat li, fil-kuntest [tal-fażi finali] tal-EURO, ir-riżultati tal-logħob ta’ ‛mhux ta’ importanza primarja’ jiddeterminaw ix-xorti tat-timijiet, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom għal logħob ta’ ‛importanza primarja’ jew għal logħob li fihom jipparteċipa t-tim nazzjonali relatat magħhom tista’ tiddependi fuq dan. B’dan il-mod, il-logħob ta’ ‛mhux ta’ importanza primarja’ jiddefinixxu l-avversarji tat-tim nazzjonali relatat magħhom fil-fażi suċċessiva tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-logħob ta’ ‛mhux ta’ importanza primarja’ jistgħu wkoll jiddeterminaw il-preżenza jew in-nuqqas ta’ dan it-tim fil-fażi suċċessiva tal-kompetizzjoni.”

29      Fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li ġej:

“[…] il-fatt li [l-fażi finali ta]l-EURO [t]issemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-inklużjoni ta’ logħob ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti bħala kuntrarju għad-dritt Komunitarju għar-raġuni li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà [...]. Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-inklużjoni [tal-fażi finali] tal-EURO [kollha kemm hi] f’lista ta’ avvenimenti ta’ [importanza kbira] għas-soċjetà ta’ Stat Membru hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għar-raġuni li din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment uniku, jista’ jitqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħob ta’ ‛mhux ta’ importanza primarja’ ma humiex ta’ tali importanza għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.”

 L-argumenti tal-partijiet

30      L-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li r-Renju Unit kien validament ikkunsidra l-fażi finali tal-EURO kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza kbira. Fil-fehma tagħha, dan l-Istat Membru seta’ jagħżel bħala tali avveniment l-hekk imsejjaħ logħob “ta’ importanza primarja” biss, li huma l-finali u s-semifinali, kif ukoll il-logħob tat-timijiet ta’ dan l-Istat. B’hekk, il-lista ta’ tali avvenimenti stabbilita mir-Renju Unit ma missux inkluda l’hekk imsejjaħ logħob “mhux ta’ importanza primarja”, jiġifieri l-logħob lieħor ta’ din il-fażi finali.

31      F’dan il-kuntest, l-UEFA ssostni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni semma sempliċement l-EURO, fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, kellu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tirrikjedi mill-Istati Membri li jimmotivaw speċjalment id-deċiżjoni tagħhom li jinkludu l-kompetizzjoni kollha kemm hi fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. Tali analiżi hija intiża b’mod żbaljat li teskludi lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tivverifika jekk l-avveniment ikkonċernat huwiex effettivament avveniment ta’ importanza kbira. Din il-premessa tagħti biss lista indikattiva tat-tip ta’ avvenimenti li jistgħu jippreżentaw tali importanza, b’tali mod li ma tikkostitwixxix preżunzjoni li l-avvenimenti li hija ssemmi huma ta’ importanza kbira.

32      Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ħafna mill-konklużjonijiet tagħha fuq l-eżami ta’ elementi li l-Kummissjoni nnifisha ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni.

33      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet din l-analiżi abbażi ta’ elementi evalwati b’mod manifestament żbaljat.

34      Skont il-Kummissjoni, it-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli inkwantu jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa nieqes minn kull bażi legali, fejn din il-konklużjoni hija kondiviża mir-Renju Unit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali qalet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-EURO hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli bħala sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma f’logħob “ta’ importanza primarja”, f’logħob “mhux ta’ importanza primarja” u f’logħob li jinvolvi t-tim nazzjonali kkonċernat. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 5 tas-sentenza appellata, huwa interpreta l-kunċett ta’ “kampjonat Ewropew tal-futbol”, li għalih tirreferi l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li din tinkludi biss il-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni.

36      Madankollu, la l-imsemmija premessa u lanqas ebda element ieħor tad-Direttivi 85/552 jew 97/36 ma jinkludu ħjiel tali li jiġi stabbilit li l-kliem “kampjonat Ewropew tal-futbol” huwa intiż biss għall-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni. B’hekk, dawn il-kliem bħala prinċipju għandhom ikopru wkoll il-fażi inizjali ta’ dan il-kampjonat, jiġifieri l-logħob tal-fażi eliminatorja. Issa, huwa paċifiku li l-logħob tal-fażi eleminatorja li jippreċedi l-fażi finali ma humiex tali, b’mod ġenerali, li joħolqu interess fil-pubbliku inġenerali ta’ Stat Membru paragunabbli ma’ dak li l-pubbliku inġenerali juri meta tkun qed tiżvolġi l-fażi finali. Fil-fatt, huma biss ċerti logħbiet speċifiċi tal-fażi eliminatorja, b’mod partikolari dawk li jinvolvu lit-tim nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew dawk tat-timijiet l-oħra tal-grupp ta’ kwalifika li fih ikun qed jilgħab dan it-tim, li jistgħu jqajmu tali interess.

37      Barra minn hekk, ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat li l-importanza tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” b’mod ġenerali tirriżulta li hija ogħla minn dik li b’mod ġenerali hija attribwita lil-logħob tal-fażi finali tal-EURO li jippreċedihom, jiġifieri l-logħob ta’ selezzjoni fil-gruppi. Għalhekk ma jistax jiġi a priori sostnut li l-importanza mogħtija lil din l-aħħar kategorija ta’ logħob hija ekwivalenti għal dik tal-ewwel kategorija ta’ logħob u li, għalhekk, il-logħob kollu ta’ selezzjoni fil-gruppi huwa mingħajr distinzjoni reputat li jagħmel parti minn avveniment wieħed ta’ importanza kbira bħal-logħob “ta’ importanza primarja”. B’hekk, il-kwalifika ta’ kull logħba bħala avveniment ta’ importanza kbira tista’ tkun differenti minn Stat Membru għal ieħor.

38      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jindika li l-“kampjonat Ewropew tal-futbol”, fis-sens tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, huwa limitat biss għall-fażi finali u li dan jikkostitwixxi avveniment wieħed u indiviżibbli. Bil-kontra, l-EURO għandu jiġi kkunsidrat bħala avveniment li huwa bħala prinċipju diviżibbli f’diversi logħbiet jew stadji, fejn mhux kollha jistgħu neċessarjament jiġu kkwalifikati bħala avveniment ta’ importanza kbira.

39      Madankollu għandu jiġi speċifikat li tali interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, u b’mod partikolari tal-kunċett tal-EURO, ma kellhiex effett f’din il-kawża.

40      Qabel kollox, fir-rigward tal-esklużjoni tal-logħob tal-fażi eliminatorja mid-definizzjoni tal-EURO, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li r-Renju Unit ma inkludiex dan il-logħob fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkonċernax it-tali logħob.

41      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punti 128 sa 139 tas-sentenza appellata, abbażi tal-elementi prodotti mill-UEFA u fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku tar-Renju Unit, jekk il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO effettivament kienx iqajjem, fi ħdan dan il-pubbliku, biżżejjed interess sabiex ikun jista’ jagħmel parti minn avveniment ta’ importanza kbira. Issa, billi kkonkludiet li dan kien il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha raġun billi tikkonstata li l-logħob kollu li jaqa’ taħt il-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat, fir-Renju Unit, bħala avveniment wieħed ta’ importanza kbira. Fir-rigward tal-fatti, l-evalwazzjoni tagħha kienet għaldaqstant konformi ma’ dak li jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza.

42      Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 107 sa 114 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma kellhiex effett fuq il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 253 KE.

43      B’hekk, skont ir-raġunament espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li ebda Stat Membru ma għandu l-obbligu jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet speċifiċi li għalihom kienet intiża l-fażi finali tal-EURO, kollha kemm hi, bħala avveniment wieħed ta’ importanza kbira fl-Istat Membru kkonċernat.

44      Issa, ġaladarba l-fażi finali tal-EURO ma tistax tiġi validament inkluża, kollha kemm hi, f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira indipendentement mill-interess li jqajjem il-logħob fl-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar ma huwiex eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li fil-kuntest speċifiku tas-soċjetà ta’ dan l-Istat, il-fażi finali tal-EURO tikkostitwixxi avveniment wieħed li għandu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala ta’ importanza kbira għall-imsemmija soċjetà, pjuttost milli sekwenza ta’ avvenimenti individwali maqsuma fl-logħob ta’ diversi livelli ta’ interess.

45      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 120 tas-sentenza appellata billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis l-inklużjoni ta’ logħob tal-fażi finali tal-EURO bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw il-karatteristika tagħhom bħala avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward ta’ dan l-iżball, is-sentenza appellata għandhiex tiġi annullata.

47      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi oħra ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 47, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 136).

48      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ investigazzjoni, il-motivazzjoni li wasslet lil Stat Membru jikkwalifika avveniment bħala ta’ importanza kbira tista’ tkun fil-qosor, bil-kundizzjoni li din il-motivazzjoni tkun rilevanti. B’hekk, ma jistax jiġi rikjest, b’mod partikolari, li l-Istat Membru jindika, fin-notifika nnifisha tal-miżuri kkonċernati, informazzjoni fid-dettall u b’ċifri fir-rigward ta’ kull element jew parti mill-avveniment li kien suġġett għal notifika lill-Kummissjoni.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk il-Kummissjoni jkollha dubji, abbażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-kwalifika ta’ avveniment bħala ta’ importanza kbira, hija għandha titlob kjarifiki mingħand l-Istat Membru li jkun għamel din il-kwalifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, punt 67).

50      F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-komunikazzjoni tal-miżuri adottati mir-Renju Unit, li ġew innotifikati lill-Kummissjoni fil‑5 ta’ Mejju 2000 u li huma annessi mad-deċiżjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-Istat Membru għażel il-fażi finali tal-EURO kollha kemm hi, bħala avveniment ta’ importanza kbira minħabba l-fatt li dan il-logħob kollu, inkluż għalhekk il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellu reżonanza partikolari fuq il-livell nazzjonali u kien jippreżenta interess speċifiku wkoll għal persuni li ma humiex dawk li komunement isegwu l-futbol, li l-udjenza televiżiva hija mingħajr dubju importanti u li dan il-logħob kollu kien tradizzjonalment imxandar b’xandira diretta permezz ta’ servizzi b’xejn.

51      Tali indikazzjonijiet innotifikati mir-Renju Unit skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita l-investigazzjoni tagħha u li titlob, fil-każ li hija kienet tqis li huwa neċessarju jew opportun, kjarifiki supplimentari lil dan l-Istat Membru jew il-produzzjoni ta’ provi minbarra dawk li jinsabu fin-notifika ta’ din tal-aħħar.

52      Fit-tieni lok, xejn ma jindika li l-Kummissjoni ma eżerċitatx tali investigazzjoni, ta’ natura ristretta, u li hija ma eżaminatx, fir-rigward tal-motivi msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, jekk il-ministeru ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażel numru ta’ logħob li jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira.

53      F’dan ir-rigward, qabel kollox mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ivverifikat jekk il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO, għalhekk inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, kellux reżonanza partikolari fir-Renju Unit, jiġifieri jekk il-logħob ta’ dan it-tornew kienx popolari ħafna għall-pubbliku inġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-logħob tal-futbol fuq it-televiżjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 18 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tornew kollu kemm hu, u għaldaqstant inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, dejjem kien jiġi trażmess mill-ġdid fuq stazzjonijiet televiżivi ta’ aċċess liberu u li kien ġibed lejh bosta telespettaturi.

54      Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni annettiet mar-risposta numru ta’ dokumenti b’ċifri li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tivverifika l-legalità tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit, inklużi dawk li kienu jirriżultaw minn dan l-Istat Membru u li kienu jagħmlu distinzjoni bejn il-logħob “ta’ importanza primarja”, il-logħob “mhux ta’ importanza primarja” u dak li jinvolvi t-tim nazzjonali. Issa, l-UEFA ma kkontestatx il-fatt li dawn id-dokumenti kkostitwixxew il-bażi tad-deċiżjoni kontenzjuża u hija stess irrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni tali statistika ta’ data (ara l-punt 58 ta’ din is-sentenza).

55      Fl-aħħar nett, l-UEFA ma tistax effettivament issostni li n-natura allegatament difettuża tal-investigazzjoni eżerċitata mill-Kummissjoni tirriżulta mill-fatt li l-imsemmija dokumenti b’ċifri jikkonċernaw il-perijodu li jippreċedi s-sena 2000 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data li tikkonċerna l-perijodu 2000‑2007, meta hija jmissha bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-elementi disponibbli meta din ġiet adottata, jiġifieri s‑16 ta’ Ottubru 2007.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bil-għan li tissostitwixxi d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat‑28 ta’ Lulju 2000, indirizzata lir-Renju Unit mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Edukazzjoni u Kultura” li ġiet annullata bis-sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba l-fatt li hija ma kinitx ġiet adottata mill-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni. B’hekk sabiex tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni tat effett retroattiv lid-deċiżjoni kontenzjuża, billi eżaminat l-istess miżuri nazzjonali, jiġifieri dawk innotifikati mir-Renju Unit fil‑5 ta’ Mejju 2000, u billi pprovdiet li din id-deċiżjoni kienet tapplika mit‑18 ta’ Novembru 2000, jiġifieri mill-pubblikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

57      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tagħti tali effett retroattiv lid-deċiżjoni kontenzjuża (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punti 45 sa 47), fejn dan l-effett barra minn hekk ma ġiex ikkontestat mill-UEFA.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha l-obbligu twettaq l-eżami tagħha fir-rigward tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fl‑2000. F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-UEFA, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni li ġiet issostitwita bid-deċiżjoni kontenzjuża jew fid-data meta ġew ippubblikati l-miżuri nazzjonali nnotifikati. B’hekk, hija kellha tivverifika jekk, f’dak iż-żmien, il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO setax jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira. Issa, mill-proċess jirriżulta li l-UEFA ma pproduċiet ebda prova lill-Qorti Ġenerali li setgħet tippermettilha tikkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-provi disponibbli fl‑2000. Bil-kontra, hija rrikonoxxiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq statistika ta’ data eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet tinsab fl-ittra tat‑28 ta’ Lulju 2000.

59      Fit-tielet lok, kien permess lill-UEFA li turi quddiem il-Qorti Ġenerali li, abbażi ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li r-Renju Unit kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażlet il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira.

60      Issa, għal dan il-għan, l-UEFA ssottomettiet quddiem il-Qorti Ġenerali d-data li tikkonċerna b’mod partikolari r-rata tat-telespettaturi tal-fażijiet finali tal-EURO tal‑1996 u ta’ dak tal‑2000, filwaqt li sostniet li dawn l-elementi juru li l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” ma kellux, fir-Renju Unit, reżonanza partikolari min-naħa tat-telespettaturi li ma jsegwux regolarment il-qasam tal-futbol.

61      Il-Qorti Ġenerali eżaminat id-data fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, iżda ma kkonfermatx l-evalwazzjoni proposta mill-UEFA.

62      Hija kkonkludiet fil-punt 139 tas-sentenza appellata, billi ħadet ukoll inkunsiderazzjoni data oħra sottomessa mill-UEFA, dwar il-perijodu ta’ wara s-sena 2000 (punti 128 sa 130, 135 u 136 tal-istess sentenza), li hija ma kinitx uriet li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża u msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza huma vvizzjati bi żball u lanqas li, konsegwentement, il-Kummissjoni jmissha kkonkludiet li r-Renju Unit kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi għażlet il-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO bħala avveniment ta’ importanza kbira.

63      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li huwa tali li jinvalida s-sentenza appellata, peress li d-dispożittiv tagħha jidher li huwa fondat minħabba motivi oħra ta’ liġi. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

64      Permezz tat-tieni parti tal-istess aggravju, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha msemmija fil-punti 60 u 62 ta’ din is-sentenza, ibbażat numru mill-konklużjonijiet tagħha fuq elementi li l-Kummissjoni nnifisha ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-legalità msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-awtur tal-att ikkontestat u ma tistax timla, permezz tal-motivazzjoni tagħha stess, lakuna fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li l-eżami tagħha ma tkun torbot ma’ ebda evalwazzjoni li tinsab f’din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, punti 87 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Madankollu, f’dan il-każ, l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 126 sa 139 tas-sentenza appellata jorbot mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża u sempliċement tikkorrobora l-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn il-premessi.

67      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet l-analiżi msemmija fil-punti 60 u 62 ta’ din is-sentenza abbażi ta’ elementi li hija evalwat b’mod manifestament żbaljat.

68      L-imsemmija parti, fil-verità, hija intiża sabiex tinkiseb il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ma’ dik tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma l-UEFA tinvoka żnaturament tal-fatti u tal-provi sottomessi lill-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-parti għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients VS Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 85, kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180).

69      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-impriżi pubbliċi u mal-impriżi li lilhom l-Istati Membri jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi

 L-argumenti tal-partijiet

70      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma ddiskutietx il-kwistjoni bil-quddiem dwar jekk l-Artikolu 86(1) KE huwiex rilevanti f’dan il-każ. B’mod partikolari, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-miżuri adottati mir-Renju Unit ma kinux ekwivalenti għal għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, dan ma jsolvix il-kwistjoni, peress li l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari l-BBC u Channel 4, huma impriżi pubbliċi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

71      Permezz tat-tieni parti tal-istess aggravju, l-UEFA tqis li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tiżvela interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “drittijiet speċjali” li jinsab fl-Artikolu 86(1) KE, li minħabba fiha hija kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżuri adottati mir-Renju Unit ma kinux ekwivalenti għall-għoti ta’ drittijiet speċjali għax-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod partikolari b’mod formalistiku u teoretiku l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kinitx tagħti drittijiet speċjali lil tali xandara. Hija injorat ir-realtà ekonomika, ġaladarba din il-leġiżlazzjoni tippermetti fil-prattika lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu li jakkwistaw drittijiet esklużivi ta’ xandir ta’ logħob tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, meta x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas fil-prattika ma jistgħux jakkwistaw tali drittijiet ta’ xandir.

72      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali jmissha kkonstatat l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali għax-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu, minħabba l-fatt li r-Renju Unit kjarament tahom “privilieġġi legali”. Fil-fatt, jekk operatur li jopera stazzjon bi ħlas jixtri mill-UEFA d-dritt li jxandar logħba tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, huwa ma jiġix awtorizzat ixandar dan id-dritt, sakemm ma jkunx ippropona b’kundizzjonijiet raġonevoli d-dritt inkwistjoni lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Min-naħa l-oħra, dan l-operatur assolutament ma huwiex meħtieġ li jipproponi dawn id-drittijiet lil operaturi oħra li joperaw stazzjonijiet bi ħlas.

73      Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju huwa inammissibbli inkwantu l-UEFA tinvoka numru ta’ argumenti li hija ma kinitx qajmet fir-rikors promotur tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, dan il-motiv huwa nieqes minn bażi legali, fejn din il-konklużjoni hija kondiviża mir-Renju Unit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-UEFA, il-Qorti Ġenerali ma “evitatx milli titratta” il-kwistjoni li kellha tiġi ttrattata bil-quddiem dwar jekk l-Artikolu 86(1) KE kienx applikabbli f’dan il-każ. Hija eżaminat din il-kwistjoni fil-punti 165 sa 171 tas-sentenza appellata u kkonkludiet li din id-dispożizzjoni ma kinitx rilevanti u li għaldaqstant ma kinitx tapplika.

75      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-UEFA ma qajmet ebda motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 86(1) KE kien applikabbli minħabba l-fatt li ċerti xandara li kienu joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu kienu impriżi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE.

76      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One Internationat et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, huwa paċifiku li l-kliem tal-Artikoli 98 u 101 tal-Liġi tal‑1996 dwar ix-xandir, kif emendat bir-Regolament tal‑2000 dwar ix-xandir bit-televiżjoni, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ xandara u, b’mod partikolari, ma jagħtix lix-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu protezzjoni li tiġi rrifjutata lil dawk li joperaw stazzjonijiet bi ħlas, fejn dawn ix-xandara huma b’mod partikolari liberi li jakkwistaw id-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid mhux esklużivi tal-avvenimenti ta’ importanza kbira u li jittrażmettuhom mill-ġdid b’mod mhux esklużiv.

78      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, fil-prattika, huma biss ċerti xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu, bħall-BBC u l-ITV, li finalment jittrażmettu mill-ġdid, wara l-awtorizzazzjoni tal-Office of Communications, il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO fir-Renju Unit, peress li x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas jinteressaw ruħhom biss f’xandir mill-ġdid li jibbenefika mill-esklużività u, minħabba f’hekk, ma jissottomettux offerta sabiex jakkwistaw id-drittijiet marbuta magħhom.

79      Madankollu, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 171 tas-sentenza appellata, tali effett huwa r-riżultat tal-istrateġija kummerċjali tax-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas li għażlu mudell ta’ impriża li tiffoka fuq l-esklużività, b’tali mod li huma inqas lesti li jaċċettaw xandir mill-ġdid mhux esklużiv tal-avvenimenti ta’ importanza kbira meta mqabbla max-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu. Dan l-effett jirriżulta għalhekk prinċipalment mill-għażla kummerċjali libera ta’ din l-ewwel kategorija ta’ xandara u għaldaqstant ma jistax jiġi attribwit lil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

80      Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi osservat li l-UEFA ma qajmitx motiv quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq il-fatt li x-xandara li joperaw stazzjonijiet ta’ aċċess liberu jgawdu minn privileġġ minħabba l-fatt li x-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas għandhom l-obbligu li jipproponu d-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid tal-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tali argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

81      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

82      L-UEFA ssostni li, peress li l-Artikolu 86(1) KE hija kjarament applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri adottati mir-Renju Unit għandhomx bħala effett li jqiegħdu lill-BBC u lill-ITV f’pożizzjoni li huma ma setgħux jiksbu waħedhom mingħajr ma jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni jew li ppermettitilhom jaslu iktar faċilment sabiex jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni.

83      Skont il-Kummissjoni, ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      L-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret numru ta’ artikoli tat-Trattat li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, billi rrikonoxxiet li l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli jippresupponi, fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 86(1) KE.

85      Issa, fil-punti 165 sa 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 86(1) KE ma kienx applikabbli. Peress li l-UEFA ma waslitx tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-raba’ aggravju huwa ineffettiv u għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

86      Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-motiv tagħha dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li hija sostniet, quddiem din tal-aħħar, li, minn naħa, il-miżuri adottati mir-Renju Unit kienu jikkostitwixxu diskriminazzjoni kontra korpi ta’ xandir stabbiliti fi Stati Membri oħra u li, min-naħa l-oħra, id-definizzjoni ta’ x’inhu “korp ta’ xandir bit-televiżjoni approvat”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, kien wisq strett biex ikun proporzjonat għall-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali jmissha kkonstatat li tali miżuri kienu sproporzjonati abbażi ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ motivi.

87      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA ssostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata minħabba l-fatt li dan kien ippreżuma – mis-sempliċi fatt li l-fażi finali tal-EURO tista’ titqies bħala l-istess avveniment uniku u li, kollu kemm hu, huwa avveniment ta’ importanza kbira – li l-għan li kien jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess wiesgħa tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ dan l-avveniment ma setax raġonevolment jinkiseb permezz ta’ restrizzjoni inqas restrittiva minn dik li tirriżulta mill-miżuri adottati mir-Renju Unit, bħal lista li tinkludi biss ċerti logħbiet speċifiċi tal-fażi finali tal-EURO.

88      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, l-UEFA ssostni li, kieku kellu jitqies li l-fażi finali tal-EURO tista’ titqies bħala avveniment uniku ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li twettaq eżami fid-dettall tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżuri mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi u dwar il-kompetizzjoni.

89      Skont ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, il-ħames aggravju huwa nieqes minn kull bażi legali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, l-UEFA tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-verità, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li hija ma rrispondietx għall-argumenti invokati quddiemha u bbażati fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-miżuri adottati mir-Renju Unit u fuq definizzjoni wisq restrittiva tal-kunċett ta’ korp ta’ xandir televiżiv approvat.

91      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u individwali, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Konsegwentement, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali jista’ jkollha natura impliċita dejjem jekk tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-obbligu li tirrispondi għall-argumenti invokati minn parti li ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed, sa fejn ma humiex is-suġġett ta’ żvilupp partikolari ieħor u ma humiex akkumpanjati minn argument speċifiku li jissostanzjahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u l-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punti 91 u 96, kif ukoll tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p I‑5853, punt 64).

92      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, għandu jitfakkar li, fil-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, minn naħa, li din il-leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li, fattwalment, huwa iktar probabbli li jkun xandar li jopera stazzjon ta’ aċċess liberu, stabbilit “skont kull probabbiltà f’dan l-Istat Membru”, li jittrażmetti mill-ġdid il-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO prattikament b’esklużività, u mhux kompetitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li tali restrizzjoni setgħet tkun ġustifikata peress li hija kienet intiża tipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li tiżgura aċċess wiesgħa għall-pubbliku għax-xandir mill-ġdid bit-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà, nazzjonali jew le.

93      Meta ddeċidiet il-kawża, il-Qorti Ġenerali tat biżżejjed motivazzjoni, anki jekk impliċita, li tippermetti lill-UEFA ssir taf ir-raġunijiet li għalihom ma ntlaqgħux l-argumenti tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha.

94      Fir-rigward tal-argument dwar id-definizzjoni allegatament restrittiva tal-kunċett ta’ korp ta’ xandir televiżiv approvat, għandu jiġi osservat li dan kien is-suġġett ta’ punt wieħed biss fir-rikors promotur li kien jinkludi total ta’ 176 punt. Barra minn hekk, dan l-argument kien ibbażat biss fuq l-affermazzjoni li din id-definizzjoni hija definittivament iktar restrittiva minn dik adottata mill-Istati Membri l-oħra u li, fil-prattika, hija tillimita għal tlieta biss in-numru ta’ korpi li għandhom il-possibbiltà jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, l-UEFA ħadet ħsieb tiżviluppa l-imsemmi argument f’żewġ sentenzi qosra.

95      Konsegwentement, fir-rigward tal-fatt li l-imsemmi argument ma kien suġġett għal ebda żvilupp partikolari fis-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma kellhiex obbligu li tirrispondi.

96      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames aggravju, għandu jiġi osservat qabel kollox li din hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 152 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-preżunzjoni li l-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit aċċess wiesgħa tal-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avveniment uniku ta’ importanza kbira ma setgħetx possibbilment tinkiseb permezz ta’ restrizzjoni inqas restrittiva. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-UEFA bħala wieħed ibbażat fuq premessa żbaljata, peress li kien ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri adottati mir-Renju Unit kienu sproporzjonati inkwantu l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” tal-fażi finali tal-EURO ma kienx ta’ importanza kbira. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha raġun billi ddeċidiet kif għamlet ġaladarba hija kienet ikkonkludiet fil-punti 123 sa 141 tas-sentenza appellata, li l-fażi finali tal-EURO, kollha kemm hi u għaldaqstant inkluż il-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, setgħet tiġi kkunsidrata li hija ta’ importanza kbira għas-soċjetà tar-Renju Unit.

97      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, mill-punt 19 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha twettaq eżami ristrett, limitat għar-riċerka tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri waqt l-istabbiliment tal-listi nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza kbira.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok sabiex il-ħames aggravju kollu kemm hu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tad-dritt għall-proprjetà

 L-argumenti tal-partijiet

99      Skont l-UEFA, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-fażi finali tal-EURO tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-istess avveniment uniku ta’ importanza kbira huwa biżżejjed sabiex l-indħil fid-drittijiet ta’ proprjetà ta’ din l-assoċjazzjoni, fir-rigward ta’ kull waħda minn dan il-logħob differenti ta’ dan it-tornew, jiġi kkunsidrat bħala neċessarjament proporzjonat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball iktar fundamentali meta naqset milli tevalwa l-portata tar-restrizzjonijiet imposti fuq id-drittijiet għall-proprjetà tal-UEFA, liema fatt ipprekludiha milli tagħmel l-analiżi korretta tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvantaġġi kkawżati bil-miżuri adottati mir-Renju Unit kinux sproporzjonati jew le meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.

100    Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    Skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-użu tal-beni jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess ġenerali.

102    F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 10, 20 u 21 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, minn naħa, li l-preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tal-UEFA diġà jirriżulta mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 85/552 u li dan il-preġudizzju jista’ jkun, bħala regola, ġustifikat mill-għan intiż li jipproteġi d-dritt għall-informazzjoni u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ tal-pubbliku għax-xandiriet mill-ġdid fuq it-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira. Min-naħa l-oħra, peress li l-logħob kollu tal-fażi finali tal-EURO kien validament ikkwalifikat mir-Renju Unit bħala avveniment ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina biss l-effetti ta’ din il-kwalifika fuq id-dritt għall-proprjetà tal-UEFA li kienu jmorru lilhinn minn dawk intrinsikament marbuta mal-inklużjoni ta’ dan l-avveniment fil-lista tal-avvenimenti kkwalifikati minn dawn l-awtoritajiet.

103    Issa, l-uniċi pretensjonijiet tal-UEFA li jikkonċernaw tali effetti huma bbażati fuq il-fatt li x-xerrejja potenzjali fil-bejgħ bl-irkant tad-drittijiet ta’ xandir mill-ġdid ikkonċernati, jiġifieri l-BBC u l-ITV, jifformaw alleanza u jippreżentaw offerta komuni. Madankollu, mir-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li tali argument ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, l-UEFA ma tistax b’hekk tinvokaha fil-kuntest ta’ dan l-appell.

104    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi marbuta relatati mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

 L-argumenti tal-partijiet

105    L-UEFA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikjedietx li l-Kummissjoni tosserva l-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ fid-dawl ta’ kull wieħed mis-sitt aggravji fuq il-mertu mqajma fl-appell. Id-deċiżjoni kontenzjuża jmissha ġiet annullata, qabel kollox, għaliex ma fihiex motivazzjoni suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ avveniment ta’ importanza kbira tal-fażi finali tal-EURO. Għandu jingħad ukoll li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija wkoll difettuża fir-rigward tal-ostakolu kkawżat lil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għall-kompetizzjoni libera u għad-dritt għall-proprjetà tal-UEFA. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma jmisshiex ibbażat ruħha fuq l-allegata sitwazzjoni privileġġata li din tal-aħħar tislet mill-kwalità tagħha ta’ proprjetarja tad-drittijiet sabiex tiddetermina jekk il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kinitx biżżejjed.

106    Skont ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, is-seba’ aggravju huwa nieqes minn bażi legali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta l-adozzjoni tal-att inkwistjoni jidħol f’kuntest magħruf sew mill-persuni kkonċernati, dan l-att jista’ jiġi mmotivat fil-qosor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, għandu jitfakkar, minn naħa, li, billi adottathom, il-Kummissjoni teżerċita mhux daqstant setgħa deċiżjonali tagħha, iżda setgħa ta’ investigazzjoni li, barra minn hekk, huwa ristrett u limitat għat-tiftix ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Istati Membri fil-kwalifika ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira (ara punti 12 u 19 ta’ din is-sentenza). L-imsemmija deċiżjonijiet għandhom għalhekk jinqraw fid-dawl tal-miżuri nazzjonali nnotifikati.

110    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li tali deċiżjonijiet jikkonċernaw, minbarra l-Istat Membru li jinnotifikahom lill-Kummissjoni, b’mod partikolari x-xandara li joperaw stazzjonijiet televiżivi f’dan l-Istat u l-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir mill-ġdid għall-avvenimenti kkonċernati. Issa, ma jistax jiġi miċħud li dawn il-persuni kkonċernati prinċipali għandhom għarfien dettaljat tal-kuntest li fih ġew adottati dawn id-deċiżjonijiet, peress li, mill-inqas sabiex jiġi nnegozjat il-prezz ta’ dawn id-drittijiet, huma għandhom ikunu jafu l-elementi kollha li jaffettwaw sinjifikattivament il-valur tagħhom u, b’mod partikolari, l-interess li l-avveniment inkwistjoni jippreżenta għall-pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 tista’ tiġi mmotivata fil-qosor. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tindika biss raġunijiet fil-qosor li għalihom hija kkunsidrat avveniment bħala wieħed ta’ importanza kbira. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 20 sa 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-motivazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Renju Unit mar-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi, mal-kompetizzjoni libera u mad-dritt għall-proprjetà tista’ tkun ta’ natura impliċita. Iktar preċiżament, meta l-effetti fuq il-moviment liberu tas-servizzi, fuq il-kompetizzjoni libera u fuq id-dritt għall-proprjetà ma jmorrux lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni tal-avveniment ikkonċernat fil-lista prevista fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, bħala prinċipju ma huwiex neċessarju li tali konklużjoni tiġi speċifikament immotivata.

112    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-premessi 5, 6 u 18 tad-deċiżjoni kontenzjuża jesponu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li l-logħob kollu li jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira. B’hekk, il-premessa 6 tindika b’mod partikolari li dan l-avveniment għandu reżonanza partikolari fir-Renju Unit, peress li huwa partikolarment popolari għall-pubbliku inġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-avvenimenti sportivi fuq it-televiżjoni. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ippreċiżata bil-premessa 18, fejn jirriżulta li l-imsemmi avveniment minn dejjem ġie trażmess mill-ġdid minn stazzjonijiet ta’ televiżjoni b’xejn u li ġibed lejh, bħala tali, minn numru ta’ telespettaturi.

113    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tinkludi l-informazzjoni neċessarja li tippermetti, minn naħa, lill-UEFA ssir taf bir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-logħob kollu li kien jagħmel parti mill-fażi finali tal-EURO seta’ jiġi kkunsidrat bħala avveniment ta’ importanza kbira u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

114    Fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, xejn ma jindika f’din il-kawża, li l-effetti fuq il-moviment liberu tas-servizzi u fuq il-kompetizzjoni libera jmorru lilhinn mill-effetti intrinsikament marbuta mal-inklużjoni tal-fażi finali tal-EURO fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza kbira. Fir-rigward tal-allegat preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà li jmur lilhinn minn dak li jirriżulta minn din is-sempliċi inklużjoni, għandu jitfakkar li tali argument tqajjem mill-UEFA biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

116    Peress li ebda waħda mis-seba’ aggravji invokati mill-UEFA insostenn tal-appell tagħha ma tista’ tiġi milqugħa, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UEFA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-kawża kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-Union des associations européennes de football (UEFA) hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.