Language of document : ECLI:EU:C:2012:451

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

ippreżentati fit-12 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C-152/11

Johann Odar

vs

Baxter Deutschland GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht München (il-Ġermanja))

“Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà — Kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali li jippermettu li l-ħaddiema li qed joqorbu lejn l-età tal-irtirar jiġu esklużi minn jew li jirċievu benefiċċji mnaqqsa previsti taħt pjan soċjali ta’ kunsill tax-xogħol”





1.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Arbeitsgericht München (il-Qorti tax-Xogħol, München), il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba tiddeċiedi jekk il-miżuri nazzjonali (2) li jikkonċernaw l-allowance imħallsa lill-ħaddiema mogħtija s-sensja humiex preklużi mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (3). Taħt dawn il-miżuri, il-ħaddiema li qed joqorbu lejn l-età tal-irtirar (li hija iktar baxxa għal persuni li jbatu minn diżabbiltà) jistgħu jiġu esklużi minn (jew jirċievu allowance imnaqqsa taħt) skema ta’ benefiċċji mmirata sabiex ittaffi l-konsegwenzi tas-sensja.

I –    Id-dritt tal-UE

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) jipprojbixxi d-diskriminazzjoni, inter alia, abbażi tal-età u d-diżabbiltà.

Id-Direttiva 2000/78/KE

3.        Il-premessi li ġejjin huma rilevanti:

“(8)      Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formulazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

[…]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni..

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. [...]

[…]

(14)      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ l-irtirar.

[…]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita..”

4.        L-Artikolu 1 jipprovdi li l-iskop tad-Direttiva 2000/78 huwa “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5.        L-Artikolu 2 jistipula:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1..

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]” (5)

6.        L-Artikolu 3 jġib l-isem “Il-kamp ta’ applikazzjoni” Dan jipprovdi:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;;

[…]”

7.        Id-differenzi fit-trattament fuq kwalunkwe waħda mir-raġunijiet ipprojbiti taħt id-Direttiva jistgħu jkunu ġġustifikati jekk jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 2(5), l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) (6).

8.              L-Artikolu 6 jġib it-titlu “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”. L-Artikolu 6(1) jipprovdi:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg […]inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età […]”

9.        L-Artikolu 16 jgħid: “l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)      kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)      kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi […]

huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

10.       L-Artikolu 18 jipprovdi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva: “L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 jew jistgħu jafdaw l-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettiv. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva […]”

II – Leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-Betriebsverfassungsgesetz

11.      Il-paragrafi 111 sa 113 tal-Betriebsverfassungsgesetz (Liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ negozji) (iktar ’il quddiem “il-BetrVG”) jirrikjedu li jiġu implementati arranġamenti sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi fuq il-ħaddiema li jirriżultaw minn operazzjoni għar-ristrutturar ta’ impriża. (7) Għaldaqstant, min iħaddem u l-kunsilli tax-xogħol huma obbligati li jikkonkludu pjanijiet soċjali għal dan il-għan (8).

 L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz

12.      L-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar it-trattament ugwali) tal-14 ta’Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem “l-AGG” jew “il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”) ittrasponiet id-Direttiva fil-liġi nazzjonali.

13.      Il-paragrafu 10 jġib l-isem: “Trattament differenti permissibbli abbażi tal-età”. Dan jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8 (9), differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hija awtorizzata wkoll meta hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu. Il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji. Dawn id-differenzi ta’ trattament jistgħu b’mod partikolari jinkludu:

[…]

(6)      differenzi fil-benefiċċji fil-“pjanijiet soċjali”, skont it-tifsira tal-[BetrVG], meta l-partijiet ikunu stabbilixxew regoli differenzjati ta’ allowances li huma mfassla abbażi tal-età jew it-tul ta’ snin ta’ servizz u li jagħmlu enfasi fuq il-possibbiltajiet tal-persuni kkonċernati li jsibu impjieg fis-suq fis-suq tax-xogħol, li jiddependu essenzjalment fuq l-età, jew jekk il-partijiet ikunu eskludew mill-benefiċċji tal-pjan soċjali ħaddiema li huma finanzjament koperti għax huma intitolati għal pensjoni, wara li jirċievu allowances tal-qgħad meta jkunu applikabbli.”

 Leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali

14.      Fir-rigward tal-pensjonijiet tal-Istat, il-paragrafu 235 tal-Ktieb VI tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi Ġermaniża tas-Sigurtà Soċjali: “Ktieb SGB VI”) jipprovdi li (jekk ikun wettaq l-obbligu tal-kontribuzzjonijiet) ħaddiem ikun eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar nazzjonali sħiħa fl-età ta’ 65 sena (iktar ’il quddiem l-età standard tal-irtirar (10)). Taħt il-paragrafu 236a tal-Ktieb SGB VI (kif kien japplika fiż-żmien inkwistjoni), ħaddiema b’diżabbiltà serja kienu intitolati li jieħdu pensjoni kmieni fl-età ta’ 60 sena (11). F’ċerti ċirkustanzi oħra, ħaddiem ikun kapaċi jieħu pensjoni mnaqqsa qabel ma jilħaq l-età ta’ 65 sena. Għaldaqstant, l-irtirar kmieni jista’ jittieħed ukoll fl-età ta’ 63 sena jekk ikunu saru biżżejjed kontribuzzjonijiet.

15.      Sabiex ikun eliġibbli għal benefiċċji tal-qgħad, ħaddiem qiegħed għandu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet (inkluż ir-rekwiżit tal-kontribuzzjonijiet) u għandu jkun irreġistrat bħala li qiegħed attivament ifittex ix-xogħol. L-Istat iħallas benefiċċji tal-qgħad standard (Arbeitslosengeld I) (12) sa massimu ta’ 60% tas-salarju nett li kellu preċedentement il-ħaddiem (l-ammont jiżdied għal 67% jekk ikun qed jieħu ħsieb tfal taħt it-18–il sena). Il-ħlas isir għal perijodu limitat stabbilit skont l-età tal-ħaddiem u t-tul taż-żmien li fuqu saru l-kontribuzzjonijiet.(13).

 Il-Kündigungsschutzgesetz

16.      Il-Kündigungsschutzgesetz (il-Liġi dwar il-protezzjoni kontra s-sensja) (iktar ’il quddiem “il-KSchG”) tistabbilixxi regoli dwar l-għażla ta’ impjegati għas-sensja. Sabiex sensja tkun legali, għandha tkun “soċjalment iġġustifikata” taħt il-paragrafu 1(2) tal-KSchG. Il-paragrafu 1(3) jipprovdi li sensja ma jkollhiex ġustifikazzjoni soċjali meta min iħaddem jonqos milli jikkunsidra t-tul tas-servizz, l-età, l-obbligi ta’ manteniment u/jew diżabbiltà serja tal-impjegat waqt il-proċess tal-għażla għas-sensja.

 Il-pjan soċjali

17.      Fit-30 ta’ April 2004 Baxter Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Baxter”) u l-kunsill tax-xogħol rilevanti (14) qablu fuq Vorsorglichen Sozialplan (pjan soċjali ta’ kontinġenza — effettivament, pjan ta’ sensja), li l-paragrafu 6(1) tiegħu huwa mogħti t-titolu “Allowances mat-terminazzjoni tal-impjieg (minbarra f’każijiet ta’ “irtirar kmieni”)”. Dan jipprovdi:

“1.1      Il-ħaddiema … li jitiltqu minn [Baxter] (minħabba sensja għal raġunijiet operazzjonali jew bi ftehim reċiproku), għandhom jirċievu allowance gross taxxabbli f’euro skont il-formula li ġejja:

Allowance = (fattur tal-età x tul tas-servizz (15) x ħlas gross fix-xahar).”

Se nirreferi għas-somma ġġenerata b’dan il-kalkolu bħala “l-allowance skont il-formula standard”.

Taħt il-paragrafu 6(1.2), il-lista ta’ fatturi tal-età tiżdied gradwalment minn 0.35 fl-età ta’ 18–il sena għal 1.75 fl-età ta’ 57 sena, imbagħad taqa’ għal 1.70 fl-età ta’ 58 sena qabel ma tkompli tonqos drastikament mill-età ta’ 58 sena ’il quddiem sakemm tilħaq 0.30 fl-età ta’ 64 sena.

Il-paragrafu 6(1.5) jgħid: “Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom iżjed minn 54 sena u li jingħataw is-sensja fuq bażijiet operazzjonali jew bi ftehim reċiproku, il-[allowance skont il-formula standard] jiġi pparagunat ma’ dak iġġenerat mill-formula li ġejja:

(Xhur sal-iżjed bidu bikri possibbli tal-pensjoni x 0.85 x ħlas gross fix-xahar).”

Se nirreferi għas-somma ġġenerata minn dan il-kalkolu alternattiv bħala “l-allowance skont il-formula speċjali” u nirreferi għall-effetti tagħha bħala “il-massimu”.

Il-paragrafu 6(1.5) ikompli:

“Jekk [l-allowance skont il-formula standard] ikun ikbar mill-[allowances skont il-formula speċjali] għandu jitħallas l-iżgħar ammont. Madankollu, l-ammont iżgħar ma għandux ikun inqas minn nofs l-[allowance skont il-formula standard].

Jekk il-figura mogħtija mill-[allowance skont il-formula speċjali] tkun żero, nofs l-[allowance skont il-formula standard] ikun pagabbli.”

Ser nirreferi għal dan l-arranġament bħala l-“fattur ta’ korrezzjoni”.

18.      Pjan soċjali supplimentari ġie mitfiehem fit-13 ta’ Marzu 2008 (16). Il-paragrafu 7 ta’ dan il-pjan soċjali huwa intitolat “Allowance” u jgħid “L-impjegati koperti b’dan il-pjan soċjali u li r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom tintemm b’konsegwenza ta’ bidla operazzjonali għandhom jirċievu l-benefiċċji li ġejjin:

“7.1      Allowance: L-impjegati ser jirċievu [l-allowances skont il-formula standard]

7.2      Kjarifika: Fir-rigward tal-paragrafu 6(1.5) tal-pjan soċjali kontinġenti, il-partijiet jaqblu dwar il-kjarifika li ġejja: “l-iżjed bidu bikri possibbli tal-pensjoni” tfisser id-data li fiha l-impjegat jista’ għall-ewwel darba jitlob waħda mill-pensjonijiet tal-irtirar statutorji, inkluża pensjoni bi tnaqqis abbażi tal-fatt li ttieħdet kmieni.”

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

19.      J. Odar twieled fil-25 ta’ Lulju 1950. Huwa miżżewweġ b’żewġt itfal dipendenti. Huwa rikonoxxut bħala li għandu diżabbiltà serja (17). Kien impjegat ma’ Baxter (u/jew il-predeċessuri legali tagħha) mis-17 ta’April 1979. Dr  Odar kien id-direttur tal-marketing ta’ Baxter qabel it-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.

20.      Wara deċiżjoni biex iċċaqlaq l-operat tagħha minn Heidelberg għal München-Unterschleissheim, Baxter informat lil Dr  Odar li kien qed jingħata s-sensja permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2008. Baxter offriet lil Dr  Odar il-kontinwu tal-impjieg fl-uffiċċju l-ġdid. L-arranġamenti kienu jinkludu perijodu ta’ prova estiż, li matulu seta’ jiddeċiedi jekk l-arranġamenti l-ġodda kinux aċċettabbli jew le. J. Odar inizjalment aċċetta dik il-pożizzjoni, iżda mbagħad ta l-avviż biex jittermina l-impjieg tiegħu b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2009.

21.      Il-qorti nazzjonali tispjega li taħt il-paragrafu 236a tal-Ktieb SGB VI Dr  Odar huwa intitolat li jitlob pensjoni tal-irtirar (imnaqqsa) għal persuni b’diżabbiltà serja mhux qabel ma jilħaq l-età ta’ 60 sena (fil-każ tiegħu, mill-1 ta’ Awwissu 2010) (18).

22.      Wara t-terminazzjoni tal-impjieg ta’ J. Odar (19) Baxter ħallsitu allowance ta’ EUR 308,253.31 (gross). Skont il-qorti nazzjonali, l-allowance ġiet kkalkolata taħt il-paragrafu 6(1.1) sa (1.5) tal-pjan soċjali bil-mod segwenti (20). L-ewwel nett, l-allowance skont il-formula standard ġiet ikkalkolata kif ġej: (allowance = 1.7 (fattur tal-età) x 29.71 sena (tul tas-servizz) x 12,210.47 (salarju gross fix-xahar)). Dan iġġenera figura ta’ EUR 616 506.83. Madankollu, peress li Dr  Odar kellu 58 sena fiż-żmien inkwistjoni huwa waqa’ taħt il-paragrafu 6(1.5) tal-pjan soċjali. L-allowance skont il-formula speċjali ġiet għaldaqstant ikkalkolata kif ġej: 19 (xhur sal-iżjed bidu bikri possibbli tal-pensjoni) x 0.85 x 12,210.47 (salarju gross fix-xahar). L-applikazzjoni ta’ din il-formula ġġenerat figura ta’ EUR 197,199.09. Baxter imbagħad applikat l-elementi li kien għad fadal tal-paragrafu 6(1.5) sabiex tiżgura li J. Odar jirċievi mill-inqas 50% tal-allowance skont il-formula standard li kien ikun dovut lilu, u għaldaqstant ħallsitu EUR 308,253.31 gross.

23.      J. Odar fetaħ proċeduri kontra Baxter fit-30 ta’ Ġunju 2010. Huwa jsostni li l-kalkolu tal-allowance dovuta lilu taħt il-pjan soċjali jiddiskrimina kontrih minħabba l-età u d-diżabbiltà tiegħu. J. Odar għaldaqstant isostni li huwa intitolat għal allowance supplimentari ta’ EUR 271 988.88 (gross), li jikkorrispondi mad-differenza bejn l-allowance li fil-fatt tħallset lilu u l-ammont li kien jirċievi kieku kellu 54 sena (bil-perijodu tas-servizz li jkun l-istess) fid-data tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.

24.      L-Arbeitsgericht München tqis li t-talba tqajjem kwistjonijiet ta’ dritt tal-UE u għaldaqstant issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi trattament differenti bbażat fuq l-età [t]ista’ [t]kun legali meta, fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali [previdenza soċjali] partikolari ta’ impriża, l-imsieħba soċjali eskludew mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ħaddiema li għandhom sigurtà finanzjarja għar-raġuni li huma għandhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija wara li jkunu rċevew benefiċċji tal-qgħad, fejn ikun applikabbli, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stipulata fl-Artikoli 1 u 16 [tad-Direttiva] jew hija trattament inugwali ġġustifikat taħt l-Artikolu 6(1)(a) [tad-Direttiva]?

2)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi trattament differenti bbażat fuq l-età jista’ jkun legali meta, fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali partikolari ta’ impriża, l-imsieħba soċjali eskludew mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ħaddiema li għandhom sigurtà finanzjarja għar-raġuni li huma għandhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija wara li jkunu rċevew benefiċċji tal-qgħad, jekk ikun applikabbli, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà stipulata fl-Artikoli 1 u 16 [tad-Direttiva]?

3)      Dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali [(21)] partikolari ta’ impriża [Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża ] li għall-ħaddiema tal-imsemmija impriża, li għandhom iktar minn 54 sena u mkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, [jipprevedu] kalkolu alternattiv tal-kumpens [allowance] abbażi tal-eqreb data possibbli għall-irtirar — meta mqabbla mal-metodu iżjed normali ta’ kalkolu, li tikkunsidra b’mod partikolari t-tul tas-servizz — u l-ammont inqas tal-allowance, għalkemm tal-inqas nofs is-somma normali ta’ allowance, jitħallas, hija kuntrarja għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-età stipulata mill-Artikolu 1 u 16 tad-[Direttiva], jew huwa trattament inugwali ġġustifikat taħt l-Artikolu 6[(1)(a)] tad-[Direttiva]?

4)      Dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali partikolari ta’ impriża [Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża ] li għall-ħaddiema tal-imsemmija impriża, li għandhom iktar minn 54 sena u mkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi, [jipprevedu] kalkolu tal-ammont tal-kumpens tagħhom, skont l-eqreb data possibbli għall-irtirar, kuntrarjament għall-metodu ta’ kalkolu tas-soltu li jieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni t-tul fis-servizz tal-impriża, jekk il-kumpens [allowance] imħallas huwa inqas, tallinqas bin-nofs tal-kumpens normali, u li tieħu inkunsiderazzjoni għal dan il-metodu l-ieħor tal-kalkolu, pensjoni ta’ rtirar imħallsa minħabba disabbiltà, hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-disabbiltà, stipulata fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva [...]?

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub għan-nom ta’ J. Odar, Baxter, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet instemgħu waqt is-seduta tat-18 ta’ April 2012.

IV – Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

26.      Id-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju huma marbuta kemm ma’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (paragrafu 10(6) tal-AGG) li jista’ jagħti l-każ li hija koperta mill-Artikoli 2(2)(b)(i) u 6(1) tad-Direttiva u mal-pjan soċjali speċifiku fis-seħħ f’Baxter. Jista’ jkun utli, mill-bidu, li jiġi ċċarat b’mod preċiż x’għandu jew ma għandux jifforma parti mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari.

27.      Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, ovvjament, ristrett li tagħti deċiżjoni awtoritattiva dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE inkwistjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali tagħti livell ta’ latitudni lill-imsieħba soċjali. Id-domanda ta’ jekk l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-UE tipprekludix din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titwieġeb b’mod astratt. Għandha tikkunsidra x’jiġri meta l-imsieħba soċjali jaqblu fuq pjan soċjali speċifiku li jkollu effett fuq persuna speċifika (hawnhekk, J. Odar). Jidhirli li l-analiżi għandha, għaldaqstant, tkopri l-kwistjonijiet li ġejjin (li mhux kollha huma kwistjonijiet għall-Qorti tal-Ġustizzja).

28.      L-ewwel nett, il-pjan soċjali jipproduċi konsegwenzi li huma preklużi mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva u li ma humiex koperti mid-derogi fl-Artikoli 2(2)(b)(i) u 6(1)? Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, huwa meħtieġ li wieħed jikkunsidra d-dettalji speċifiċi ta’ dan il-pjan u r-riżultati li jiġġenera. F’dan li ġej, għaldaqstant se neżamina kif jaħdem il-pjan, inħares lejn ir-riżultati prodotti bl-applikazzjoni ta’ dan il-pjan għal J. Odar u nistaqsi jekk dawn ir-riżultati humiex preklużi mid-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompletament kompetenti li tilħaq konklużjoni u twieġeb għal din il-mistoqsija, għalkemm jista’ jkun hemm ċerti kwistjonijiet addizzjonali ta’ fatt li jeħtieġu li jiġu indirizzati jew ikkonfermati mill-qorti nazzjonali.

29.      It-tieni nett, il-pjan soċjali ta’ Baxter huwa permess mill-paragrafu 10(6) tal-AGG? Din hija, essenzjalment, kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li trid titwieġeb mill-qorti nazzjonali(22)..

30.      It-tielet nett, jekk il-pjan soċjali tat-tip implementat minn Baxter huwa permess taħt id-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE jipprekludu din il-leġiżlazzjoni nazzjonali? Hawnhekk, ir-risposta finali neċessarjament tikkombina komponenti tar-risposti għaż-żewġ passi ta’ qabel tal-analiżi. Jekk id-dritt tal-UE, korrettament interpretat, jipprekludi pjan soċjali li jipproduċi ċerti riżultati speċifiċi u jekk id-dritt nazzjonali jitratta dan il-pjan bħala legali, jirriżulta li interpretazzjoni korretta tad-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni implementattiva nazzjonali ta’ dan it-tip, peress li tippermetti livell mhux xieraq ta’ flessibbiltà lill-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-pjanijiet soċjali individwali u għaldaqstant tippermetti li jkun hemm qbil li l-pjanijiet soċjali, filwaqt li permessi taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, madankollu jiġġeneraw riżultati li huma preklużi mid-Direttiva.

 Id-domandi preliminari 3 u 4

31.      Id-domandi preliminari 3 u 4 għandhom l-għan li jaċċertaw jekk il-projbizzjoni tad-Direttiva kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-età u/jew id-diżabbiltà tipprekludix regola fi pjan soċjali li tipprovdi li l-benefiċċji mħallsa lill-ħaddiema li laħqu l-età ta’ 54 u fuqhom għandhomx jiġu determinati abbażi tal-eqreb data possibbli għal dritt għal pensjoni (il-kalkolu skont il-formula speċjali).

32.      Id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi qafas ġenerali li jikkombatti d-diskriminazzjoni fl-“impjieg u x-xogħol” abbażi ta’ raġunijiet li jinkludu l-età u d-diżabbiltà. Mill-Artikolu 3(1)(ċ) jirriżulta li dan japplika “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat […] f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”. Naqbel mal-qorti nazzjonali li l-pjan soċjali jaqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva għax jolqot il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema, b’mod partikolari fir-rigward tas-sensja u l-paga.

33.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1. L-Artikolu 2(2)(a) jgħid li, għall-finijiet tal-paragrafu 1, diskriminazzjoni diretta sseħħ meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li hija, li kienet jew ser tiġi trattata f’sitwazzjoni paragunabbli. Id-diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(b) bħala waħda li tkopri sitwazzjonijiet “fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom [...] diżabilità (23), età partikolari, […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra […]”

34.      Id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta. Id-diskriminazzjoni indiretta ma titqiesx li seħħet jekk it-trattament inkwistjoni jaqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 2(2)(b)(i). Id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età hija legali jekk taqa’ taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Ma hemmx dispożizzjoni ekwivalenti li sservi bħala ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq id-diżabbiltà (24).

35.      Dr  Odar isostni li l-pjan soċjali huwa direttament diskriminatorju fir-rigward tal-età u jwassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà.

36.      Fl-opinjoni tiegħi, il-pjan soċjali huwa applikat għal J. Odar bil-mod segwenti.

37.      L-allowance attwali ta’ Dr  Odar ġiet iddeterminata taħt il-pjan soċjali minn tliet fatturi: il-kalkolu skont il-formula standard, il-kalkolu skont il-formula speċjali u l-fattur ta’ korrezzjoni (25).

 Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

38.      Il-kalkolu tal-formula standard iwassal għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età. Fattur tal-età dejjem ikbar, li iżda qed jiżdied b’mod mhux uniformi huwa attribwit għal ħaddiema ikbar li jaħdmu sa (u inkluż) l-età ta’ 57, li f’dan ir-rigward jirċievu trattament iżjed favorevoli minn ħaddiema iżgħar. Madankollu, dan l-aspett ma huwiex il-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa t-tnaqqis sussegwenti tal-fattur tal-età li jwassal għad-differenza fit-trattament taħt il-pjan soċjali kif applikat għal J. Odar (26).. Meta t-tul tas-servizz u l-ħlas ikunu ugwali, l-allowance pagabbli tvarja direttament u biss skont l-età tal-ħaddiem, għax dawn iż-żewġ elementi huma multiplikati bil-fattur tal-età (27).

39.      Fil-każ ta’ Dr  Odar, il-ħlas tas-sensja tiegħu kien ikkalkolat fl-età ta’ 58 sena li għalih il-fattur tal-età huwa ta’ 1.7. Sa fejn kien suġġett għal fattur tal-età iktar baxx milli kieku kellu 57 sena, J. Odar ġie trattat inqas favorevolment minn kif ħaddiem ieħor sena iżgħar minnu (li kellu l-istess tul ta’ servizz u salarju) kien jiġi trattat (jekk l-affarijiet l-oħra kollha jkunu l-istess).

40.      Id-differenza bejn il-fatturi tal-età ta’ 1.75 u 1.7 hija żgħira. L-iżvantaġġ finanzjarju li jirriżulta minn din id-differenza huwa inqas milli kien ikun kieku (pereżempju) J. Odar kellu l-età ta’ 59 sena fid-data tas-sensja. Madankollu, hemm differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età taħt il-paragrafu 6(1.1) u (1.2) tal-pjan soċjali.

41.      Il-kalkolu skont il-formula speċjali (is-suġġett tad-domandi preliminari 3 u 4) ġie mbagħad applikat għall-allowance ta’ J. Odar. L-effett kien li jillimita l-allowance għal 85% tas-salarju gross li kien ikun pagabbli lilu bejn id-data tas-sensja u l-eqreb data ta’ pensjoni tal-irtirar (dejjem jekk jiġi kkunsidrat li s-salarju fix-xahar ma kienx jinbidel matul dak il-perijodu).

42.      Il-qorti nazzjonali tosserva li l-massimu japplika biss mill-età ta’ 54 sena u tistaqsi jekk dan jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Baxter offriet żewġ spjegazzjonijiet. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Baxter tgħid li r-raġuni għala l-kalkolu japplika mill-età ta’ 54 sena hija biss li huwa matematikament impossibbli li dan ikollu effett fuq l-ammont prodott mill-kalkolu tal-formula standard f’età iżgħar. Fis-seduta, Baxter spjegat li l-iżgħar età ta’ pensjoni kienet inqas (minn meta J. Odar ingħata s-sensja) fiż-żmien li fih il-pjan soċjali ta’ kontinġenza ġie konkluż. Kull waħda miż-żewġ spjegazzjonijiet tista’ tkun korretta. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni. Bħala kwistjoni ta’ matematika, sakemm ma jkunx possibbli li wieħed jibda jaħdem ma’ Baxter qabel l-età ta’ 18-il sena jew li wieħed jirċievi pensjoni tal-irtirar qabel l-età ta’ 60 sena, l-ewwel spjegazzjoni ta’ Baxter tidher korretta. Jekk waħda minn dawn il-parametri ma hijiex korretta (hija l-qorti nazzjonali li trid tivverifika dawn il-kwistjonijiet), il-kalkolu tal-formula speċjali jista’ jaffetwa l-ammont prodott mill-kalkolu tal-formula standard f’punt preċedenti. Jekk dan ikun il-każ, jerġa’ jkun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età.

43.      Fir-rigward tal-iżjed preżunzjoni (plawsibbli) li l-ispjegazzjoni ta’ Baxter hija korretta, il-fatt li ssemmiet b’mod speċifiku l-età ta’ 54 sena fil-pjan soċjali huwa irrilevanti. Il-kalkolu skont il-formula speċjali jista’ jiġi applikat fi kwalunkwe età iżda ser jiġġenera biss effett mill-età ta’ 54 sena. F’dak il-każ, il-fatt li ssemmiet l-“età ta’ 54 sena” fil-pjan soċjali ma jintroduċi l-ebda differenzjament attwali bbażat fuq l-età — hija sempliċement kwistjoni ta’ abbozzar mhux magħmul bi ħsieb li jagħti l-impressjoni li hemm differenzjament. Għaldaqstant, il-kalkolu tal-formula speċjali, fih innifsu, ma jwassalx għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età.

 Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà

44.      Issa ser inħares lejn l-effett tal-applikazzjoni tal-kalkolu skont il-formula speċjali għall-ħlas tas-sensja ta’ J. Odar (i) ibbażat fuq l-età pensjonabbli ta’ 65 sena u (ii) ibbażat fuq l-età pensjonabbli ta’ 60 sena. Fl-ewwel każ, il-kalkolu skont il-formula speċjali ma jaffettwax l-ammont tal-ħlas tas-sensja. Fit-tieni każ, l-effett tal-applikazzjoni tal-kalkolu skont il-formula speċjali huwa drastiku, b’mod li inizjalment inaqqas l-allowance pagabbli b’iżjed minn żewġ terzi, għalkemm it-tnaqqis finali huwa limitat għal nofs billi jiġi applikat il-fattur ta’ korrezzjoni. Dan huwa r-riżultat dirett tal-applikazzjoni tal-età pensjonabbli ta’ 60 sena, minflok 65 sena. Il-fatt li l-kalkolu li sar hawnhekk kien ibbażat fuq l-età pensjonabbli iżjed baxxa huwa r-riżultat dirett tad-diżabbiltà ta’ J. Odar.

45.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li ma hemmx diskriminazzjoni taħt il-pjan soċjali b’rabta ma’ ħaddiema b’diżabbiltà, peress li huma eliġibbli għal pensjoni fl-età ta’ 60 sena u għaldaqstant ma humiex paragunabbli ma’ ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà li huma intitolati għal pensjoni ta’ 65 sena. Id-differenza fl-età pensjonabbli minima bejn dawk iż-żewġ gruppi hija distinzjoni oġġettiva. Il-Gvern Ġermaniż imbagħad jibbaża fuq is-sentenzi Bird’s Eye Walls (28) u Hlozek (29) biex jikkonkludi li sitwazzjonijiet oġġettivament differenti ma għandhomx jiġu trattati bl-istess mod.

46.      Ma naqbilx mar-raġunament tal-Gvern Ġermaniż.

47.      Jidhirli li ż-żewġ gruppi jinkludu ħaddiema li jistgħu jkunu jixtiequ li jkomplu jaħdmu sal-età tal-irtirar standard (65), li iżda qed jaffaċċjaw is-sensja. Fl-opinjoni tiegħi, iż-żewġ kategoriji għaldaqstant huma paragunabbli.

48.      Barra minn hekk, il-pożizzjoni f’din il-kawża hija differenti minn dik fis-sentenzi Bird’s Eye Walls u Hlozek, sa fejn “il-pensjoni ta’ tranżizzjoni” inkwistjoni f’dawn iż-żewġ sentenzi tħallset biss lill-ħaddiema li kienu waslu viċin l-età tal-irtirar statutorja. Il-pensjoni ta’ tranżizzjoni fis-sentenza Hlozek tħallset lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja wara ristrutturar tal-impriża li kienet timpjegahom. Il-pensjoni tħallset lin-nisa sal-età ta’ 50 sena u lill-irġiel sa 55 sena. Il-ħlas tal-pensjoni ta’ tranżizzjoni kien konness mal-età tal-irtirar, sa fejn in-nisa kienu intitolati għal pensjoni tal-irtirar sal-età ta’ 55 sena filwaqt li l-irġiel kellhom jistennew sal-età ta’ 60 sena. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-iffissar tal-etajiet differenti għall-għoti ta’ pensjoni ta’ tranżizzjoni pprovda mekkaniżmu newtrali li kkonferma n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Għaldaqstant, l-irġiel u n-nisa ma kinux f’sitwazzjonijiet identiċi u l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom għaldaqstant ma tqisux li huma paragunabbli (30).

49.      F’din il-kwistjoni, l-allowance tingħata bħala prinċipju lill-ħaddiema kollha. Il-prossimità għall-irtirar hija rilevanti biss għall-applikazzjoni tal-kalkolu skont il-formula speċjali. Jirriżulta li l-paragun hawnhekk huwa bejn żewġ ħaddiema li ngħataw is-sensja. B’differenza mis-sitwazzjoni fis-sentenzi Bird’s Eye Walls u Hlozek (31), ma huwiex paragun ibbażat fuq l-età li jwassal għall-eliġibbiltà għall-għoti ta’ benefiċċju mal-għoti tas-sensja.

50.      Hekk, il-ħaddiema b’diżabbiltà huma trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà għax huma eliġibbli għal pensjoni fl-età ta’ 60 sena minflok 65 sena. Għal kwalunkwe età partikolari, l-ewwel komponent fil-kalkolu skont il-formula speċjali (xhur għall-eqreb età pensjonabbli) dejjem ikun iktar baxx għal ħaddiema b’diżabbiltà milli għal ħaddiema mhux b’diżabbiltà tal-istess età.

51.      Għaldaqstant, il-kalkolu skont il-formula speċjali apparentement newtrali jwassal għal diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-ħaddiema b’diżabbiltà. L-effett tad-diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà huwa li (i) ħaddiem b’diżabbiltà li jingħata s-sensja fl-età ta’ 58 sena jirċievi kunsiderevolment inqas minn impjegat tal-istess età, bl-istess salarju u bl-istess tul ta’ servizz, li ma għandux diżabbiltà; (ii) il-ħaddiem b’diżabbiltà aktarx li jkun inqas kapaċi fiżikament li jsib impjieg ġdid minn ħaddiem mingħajr diżabbiltà u jkollu ħtieġa finanzjarja ikbar għall-kumplament ta’ ħajtu jekk ikun obbligat li jaċċetta livell ta’ pensjoni mnaqqas (32) u (iii) ikun b’mod sinjifikattiv orħos li jingħataw is-sensja impjegati b’diżabbiltà milli dawk mingħajr diżabbiltà, u allura l-ħaddiema b’diżabbiltà huma potenzjalment iżjed suxxettibbli li jingħataw is-sensja (33).

52.      Għalhekk inqis li l-pjan soċjali jwassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà sa fejn dispożizzjoni li tidher newtrali (xhur sal-ewwel bidu possibbli tal-pensjoni) fil-paragrafu 6(1.5) tal-pjan soċjali tirriżulta fi żvantaġġ (inqas allowance) għal ħaddiema b’diżabbiltà li huma eliġibbli li jirtiraw fl-età ta’ 60 sena meta pparagunati ma’ impjegati li ma għandhomx diżabbiltà li ma humiex eliġibbli għal pensjoni sal-età standard (65).

53.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li huwa possibbli li wieħed jirtira kmieni minħabba raġunijiet oħra, pereżempju fl-età ta’ 63 sena (34). Din ma hijiex kwistjoni kkontestata fil-kawża prinċipali u tirrikjedi kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali. Għaldaqstant ma huwiex meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidraha.

 Ġustifikazzjoni għall-finijiet tad-Direttiva

54.      Taħt l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva, id-diskriminazzjoni indiretta tista’ titqies li ma sseħx jekk it-trattament inkwistjoni huwa oġġettivament iġġustifikata bi skop leġittimu u l-mezzi biex jinkiseb dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.

55.      Addizzjonalment, id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età (iżda mhux fuq raġunijiet oħra, bħad-diżabbiltà) hija permissibbli jekk tkun koperta bl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Dik id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-twaqqif tal-politika tal-impjieg tagħhom u tippermettilhom li jistabbilixxu kundizzjonijiet partikolari dwar is-sensja meta dawn jimplementaw għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw trattament li inkella jkun diskriminatorju bbażat fuq l-età (35). Il- premessa 25 fil-preambolu tad-Direttiva tenfasizza fil-fatt li huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ impjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita”.

56.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b)(i) u l-Artikolu 6(1) ma huwiex identiku (36). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li minkejja li hemm differenza fil-kliem taż-żewġ dispożizzjonijiet (l-Artikolu 2(2)(b)(i) jgħid li “[…] dispożizzjoni […] [tkun] oġġettivament [iġġustifikata] minn skop leġittimu […]” billi l-Artikolu 6(1) jipprovdi li d-differenzi fit-trattament abbażi tal-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni jekk dawn “[…] huma objettivament u raġonevolment [iġġustifikati] b’għan leġittimu [...]”), huwa inkonċepibbli li differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata b’għan leġittimu b’mezzi xierqa u meħtieġa, iżda dik il-ġustifikazzjoni ma tkunx raġonevoli (37).

–       Għan leġittimu

57.      Id-dritt għax-xogħol u l-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u/jew id-diżabbiltà huma stabbiliti bħala drittijiet fundamentali taħt il-Karta (38). Peress li l-ġustifikazzjoni taħt l-Artikoli 2(2)(b)(i) u 6(1) tad-Direttiva hija deroga mill-prinċipji ġenerali tan-nondiskriminazzjoni, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti b’mod strett (39). Barra minn hekk, minkejja d-diskrezzjoni wiesgħa tagħhom fi kwistjonijiet ta’ politika soċjali, l-Istati Membri jġorru l-piż li jistabbilixxu sa standard ta’ provi għoli l-leġittimità ta’ kwalunkwe għan (jew għanijiet) segwiti (40).

58.      Meta l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tispeċifikax l-għan segwit, elementi oħra meħuda mill-kuntest ġenerali tagħha jistgħu jintużaw biex jidentifikaw l-għan sottostanti għall-finijiet ta’ reviżjoni mill-qrati ta’ jekk ir-regola nazzjonali kkonċernata hijiex leġittima u jekk hijiex proporzjonali (41).

59.      Il-qorti nazzjonali tindika li l-għan tal-pjan soċjali huwa li jippermetti lill-imsieħba soċjali li jqassmu l-fondi limitati fost il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja. Dan huwa intiż li jiżgura li kwalunkwe allowance ittaffi l-konsegwenzi immedjati tas-sensja billi tipprovdi pagament li jgħin lill-ħaddiema jimxu lejn is-sors ta’ dħul żgur li jmiss, u li jsir għoti iżjed ġeneruż għal ħaddiema iżgħar. Dawn tal-aħħar huma meqjusa li għandhom bżonn iktar għax, b’differenza minn ħaddiema ikbar li jqarrbu l-età tal-irtirar, ma għandhomx sors ta’ dħul futuri li huwa ċarament identifikabbli.

60.      Peress li fondi limitati biss huma disponibbli li jitqassmu fost il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, l-għan li jsir għoti iżjed ġeneruż għal dawk li huma meqjusa li huma iżjed fil-bżonn huwa ċarament fl-interess ġenerali iżjed milli “motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività” (42). Għaldaqstant, naċċetta dan bħala għan leġittimu.

61.      Fid-dawl tal-leġittimità tal-għan, il-pjan soċjali huwa xieraq u meħtieġ? Fi kliem ieħor, il-pjan soċjali huwa mezz xieraq biex jinkisbu l-għanijiet segwiti (tranżizzjoni tal-perijodu bejn is-sensja u d-dħul li jmiss tal-ħaddiem, billi jkun hemm għoti iżjed ġeneruż lil ħaddiema iżgħar li (b’differenza minn impjegati ikbar li qed iqarrbu l-età tal-irtirar) ma għandhomx sors ta’ dħul żgur u identifikabbli fil-futur)? U dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu b’mezzi inqas diskriminatorji?

–       Il-pjan soċjali huwa mezz xieraq biex jintlaħqu dawn l-għanijiet?

62.      It-tliet fatturi applikati biex jiddeterminaw l-allowance taħt il-kalkolu skont il-formula standard fil-pjan soċjali (fattur tal-età, tul tas-servizz, paga gross fix-xahar) jiffavorixxu l-ħaddiema ikbar sal-età ta’ 57 sena (43). Bejn l-età ta’ 36 sena (fattur tal-età = 1.00) u l-età ta’ 57 sena (fattur tal-età = 1.75) (44), il-fattur tal-età jopera biex iżid l-ammont ta’ allowance irċevut. F’termini ġenerali, huwa probabbli li t-tul tas-servizz u l-paga t-tnejn jiżdiedu mal-età tal-ħaddiem (45), biex bl-istess mod tiġi miżjuda l-allowance pagabbli.

63.      Madankollu, l-imsieħba soċjali mbagħad ikkunsidraw il-fatt li ħaddiema ikbar li qed joqorbu lejn l-irtirar huma intitolati għal pensjoni. Għaldaqstant, il-kalkolu skont il-formula speċjali jintroduċi massimu ekwivalenti għal 8 5% ta’ kemm kien jaqla’ l-impjegat bejn is-sensja u l-eqreb żmien li fih isir intitolat għal pensjoni tal-irtirar. Mingħajr dan il-massimu, fil-fatt jidher probabbli li proporzjon ikbar tal-fondi limitati disponibbli jkun allokat għal ħaddiema ikbar li dalwaqt ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal sors tad-dħul żgur (jiġifieri pensjoni tal-irtirar), għad-dannu ta’ ħaddiema iżgħar (46).

64.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naċċetta li huwa xieraq għall-imsieħba soċjali li jimmassimizzaw il-benefiċċji mħallsa lil ħaddiema ikbar li qed iqarrbu l-irtirar meta jqassmu l-fondi limitati disponibbli taħt il-pjan soċjali. Għal dan il-għan, il-pjan soċjali jidher li huwa mezz xieraq ta’ kif jinkisbu l-għanijiet leġittimi.

65.      Madankollu, peress li ħaddiem b’diżabbiltà jista’ jirtira iżjed kmieni (għalkemm fuq pensjoni mnaqqsa) minn ħaddiem b’saħħtu, il-kalkolu skont il-formula speċjali jpoġġi l-ħaddiema b’diżabbiltà fi żvantaġġ partikolari. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-pjan soċjali, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk il-fatt li jkun hemm massimu tal-benefiċċji mħallsa lill-ħaddiema b’diżabbiltà b’dan il-mod aktarx li jkollu impatt benefiċjali suffiċjenti fuq il-fondi globali disponibbli għal pagamenti ta’ sensja sabiex ikun xieraq li jitnaqqas l-ammont li jkunu intitolati għalih. Peress li b’mod ġenerali n-numru ta’ impjegati b’diżabbiltà f’impriża huwa relattivament żgħir (47), jidher li ma huwiex probabbli li miżura li (kemm jekk deliberatament jew bi żvista) timmira l-ħaddiema b’diżabbiltà b’dan il-mod tkun xierqa.

–       L-għanijiet tal-pjan soċjali jistgħu jinkisbu b’mezzi inqas diskriminatorji?

66.      Huwa meħtieġ li ħaddiema b’diżabbiltà jiġu kkunsidrati b’mod speċifiku sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jagħmlu għotja iżjed ġeneruża lil ħaddiema oħra?

67.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ (48).

68.      Fil-kalkolu tal-benefiċċji mħallsa lill-ħaddiema li qed jaffaċċjaw is-sensja, il-formula tal-kalkolu speċjali jikkunsidra biss element wieħed — ewlieni — il-prossimità għall-età pensjonabbli. Kif indikajt, inqis li dan bħala prinċipju huwa xieraq. Meta nħares iżjed mill-qrib, madankollu, il-ġustizzja li tidher tal-massimu (jiġifieri, il-konnessjoni espressa għal meta dħul żgur alternattiv isir disponibbli) hija waħda li tiżgwida. Billi jiffoka fuq element ewlieni wieħed, il-massimu jonqos milli jagħti saħħa lill-elementi l-oħra li huma rilevanti għall-ħaddiema b’diżabbiltà. B’mod partikolari, filwaqt li kwalunkwe ħaddiem li jieħu l-pensjoni kmieni jirċievi pensjoni b’rata mnaqqsa u jista’ jkollu jaġġusta tendenzi tan-nefqa b’dan il-mod, il-formula tal-kalkolu speċjali ma tikkunsidrax il-possibbiltà li l-ħaddiema b’diżabbiltà jistgħu matul ħajjithom ikollhom rekwiżiti finanzjarji miżjuda li jirriżultaw mid-diżabbiltà tagħhom u/jew li, iżjed ma tavvanza fl-età, dawk ir-rekwiżiti finanzjarji jistgħu jiżdiedu. Jistgħu ma jkunux kapaċi li jaġġustaw it-tendenzi tan-nefqa tagħhom mingħajr ma jagħmlu sagrifiċċji sinjifikattivi li ma kinux jirriżultaw fil-każ ta’ kollega li ma għandux diżabbiltà.

69.      Għaldaqstant jidhirli li l-għanijiet leġittimi tal-pjan soċjali jistgħu jinkisbu b’mezzi inqas diskriminatorji li jagħtu l-attenzjoni dovuta liċ-ċirkustanzi partikolari tal-ħaddiema b’diżabbiltà meta jallokaw il-fondi limitati disponibbli li għandhom jitħallsu bħala allowance meta tingħata s-sensja. Għal din ir-raġuni, inqis li l-arranġamenti mdaħħla fis-seħħ mill-pjan soċjali ta’ Baxter jonqsu milli jissodisfaw it-test ta’ proporzjonalità.

 Il-kriterji għall-għażla għas-sensja

70.      Hemm kwistjoni oħra, marbuta mal-kriterji għall-għażla tal-ħaddiema għas-sensja u l-ispejjeż biex ċerti tipi ta’ ħaddiema jingħataw is-sensja, li għandi nesplora fil-qosor.

71.      Waqt is-seduta, kemm Baxter kif ukoll il-Gvern Ġermaniż enfasizzaw li min iħaddem jista’ jikkunsidra biss l-erba’ kriterji għall-għażla għas-sensja li hemm fil-paragrafi 1(2) u (3) tal-KSchG meta jidentifikaw il-ħaddiema għas-sensja (49).

72.      Anki meta dawn il-kriterji huma applikati b’mod ġust u oġġettiv, il-fatt li huwa orħos li tingħata s-sensja lil ħaddiem ikbar jew b’diżabbiltà jista’ minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi, ikollu effett fuq ir-riżultat ta’ min jintgħażel għas-sensja.

73.      Biex naraw għalfejn dan huwa hekk, ejja nħarsu lejn eżempju.

74.      Impriża li tapplika l-istess pjan soċjali bħal Baxter teħtieġ li tagħti s-sensja lil 30 ħaddiem. Bl-applikazzjoni tal-paragrafi 1(2) u (3) tal-KSchG, din “tagħti l-marki” lill-membri tal-grupp ta’ ħidma eżistenti tagħha permezz ta’ riferiment għal kull wieħed mill-erba’ kriterji tal-għażla li hemm fihom (50). Il-ħaddiema b’marka ta’ 80 jew iżjed huma ħielsa mis-sensja. Meta tħares lejn il-marki, l-impriża tagħżel 29 ħaddiem għas-sensja mingħajr wisq diffikultà — kollha għandhom marki li huma sew taħt il-livell stabbilit. Jeħtieġ li jiġi magħżul it-30 ħaddiem, u hemm tliet kandidati (A, B u C). A u B huma t-tnejn miżżewġa, b’2 persuni dipendenti. C ma huwiex miżżewweġ u għandu diżabbiltà biżżejjed biex jikkwalifika għall-irtirar kmieni bħala ħaddiem b’diżabbiltà. It-tlett ħaddiema għandhom marka ta’ 79:

Image not found

75.      Fl-assenza ta’ C, min iħaddem kien jagħżel bejn A u B. Ikun orħos għalih li jagħżel lil A. Kif C jidħol fl-istampa, madankollu, l-għażla ta’ min iħaddem loġikament taqleb fuq C u jiġi magħżul għas-sensja. Kif nifhimha, ma kienx ikun hemm ksur tar-rekwiżiti tal-KSchG. Huwa sempliċement li, meta jkun hemm għażla xi ssir bejn kandidati għas-sensja b’marki identiċi, l-għażla loġika topera għall-iżvantaġġ tal-ħaddiem ikbar u/jew il-ħaddiem b’diżabbiltà.

76.      Għaldaqstant inqis li d-Direttiva tipprekludi miżuri nazzjonali (51) bħal dawk li hemm fil-paragrafu 6(1.1) sa 6(1.5) tal-pjan soċjali. Tali dispożizzjonijiet iwasslu għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, peress li dispożizzjoni apparentement newtrali tal-pjan soċjali tirriżulta fi żvantaġġ. Il-ħaddiema b’diżabbiltà, peress li huma eliġibbli li jirtiraw fl-età ta’ 60 sena, jirċievu inqas allowance minn impjegati li ma għandhomx diżabbiltà li huma eliġibbli li jirtiraw fl-età standard ta’ 65 sena.

 Id-domandi preliminari 1 u 2

77.      Fid-domandi preliminari 1 u 2, il-qorti nazzjonali tistaqsi essenzjalment jekk il-paragrafu 10(6) tal-AGG huwiex kompatibbli mad-Direttiva sa fejn jippermetti li l-imsieħba soċjali jikkonkludu pjanijiet soċjali (bħal dawk f’dawn il-proċeduri) li jipprovdu għal trattament differenti bbażat fuq l-età u/jew fuq id-diżabbiltà.

78.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-paragrafu 10(6) tal-AGG jippermetti diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età. Madankollu, il-qorti nazzjonali ma qalitx b’mod speċifiku dwar jekk (i) il-pjan soċjali ta’ Baxter jaqax taħt l-ambitu tal-paragrafu 10(6) tal-AGG jew (ii) (mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali) jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni.

79.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tiddetermina l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-gwida meħtieġa dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mad-dritt tal-UE.

80.      Għaldaqstant, ipproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-Direttiva b’mod li tipprekludi l-pjan soċjali ta’ Baxter sa fejn dan il-pjan jiddiskrimina kontra ħaddiem b’diżabbiltà bħal J. Odar (52). Fil-każ li l-qorti nazzjonali tqis li l-pjan soċjali ta’ Baxter huwa awtorizzat mill-paragrafu 10(6) tal-AGG, imbagħad ikun kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk dik id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tistax tiġi interpetata b’mod konsistenti mad-Direttiva sabiex tipprojbixxi dawn il-pjanijiet soċjali. Jekk le, għandha tiġi diżapplikata (53).

81.      Għaldaqstant id-domandi 1 u 2 għandhom jiġu risposti li hija l-qorti tar-rinviju, sa fejn tippermettilha d-diskrezzjoni tagħha taħt id-dritt nazzjonali, li għandha tinterpreta u tapplika kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali rilevanti li tippermettilha li tieħu deċiżjoni (f’dan il-każ, il-paragrafu 10(6) tal-AGG) f’konformità mad-Direttiva 2000/78. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li huwa imposibbli li tagħmel dan, ma għandhiex tapplika dik id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjoni

82.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domanda magħmula mill-Arbeitsgericht München kif ġej:

1.      L-Artikoli 1, 2(2)(b)(i) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu miżuri nazzjonali bħal dawk li jinsabu fil-paragrafu 6(1.1) sa 6(1.5) tal-pjan soċjali konkluż minn Baxter u l-kunsill tax-xogħol li wassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà, sa fejn dispożizzjoni apparentement newtrali tirriżulta fi żvantaġġ (għotjiet iktar baxxi ta’ allowance) lil ħaddiema b’diżabbiltà li huma eliġibbli li jirtiraw fl-età ta’ 60 sena meta pparagunati ma’ impjegati li ma għandhomx diżabbiltà li ma humiex eliġibbli għal pensjoni sal-età standard ta’ 65 sena.

2.      Hija l-qorti tar-rinviju li, sa fejn tippermettilha d-diskrezzjoni tagħha taħt id-dritt nazzjonali, għandha tinterpreta u tapplika kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tippermettilha tieħu deċiżjoni skont id-Direttiva 2000/78. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dan huwa impossibbli li tagħmel dan, ma għandhiex tkompli tapplika dik id-dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Il-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma l-paragrafu 10(6) tal-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (Liġi Ġenerali dwar l-ugwaljanza fit-trattament: ara l-punti 12 u 13 iktar ’il quddiem) u pjan soċjali miftiehem bejn il-konvenut fil-kawża prinċipali u l-kunsill tax-xogħol rilevanti: ara l-punti 17 u 18 iktar ’il quddiem. Dak il-pjan partikolari huwa strutturat b’mod li jnaqqas il-benefiċċji li kienu jkunu altrimenti pagabbli lil ċerti ħaddiema, iżda ma jeskludihomx għalkollox milli jirċievu kumpens.


3–      Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattment fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”).


4–      ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).


5 –      L-Artikolu 5 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li min iħaddem jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxi konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’rabta ma’ ħaddiema b’diżabbiltà. Għaldaqstant, min iħaddem huwa meħtieġ li jippermetti li l-ħaddiema b’diżabbiltà jkollhom aċċess biex jipparteċipaw fi, jew javvanzaw fl-impjieg jew li jiġu mħarrġa. L-Artikolu 2(2)(b)(ii) jgħid li d-diskriminazzjoni indiretta ma sseħħx meta min iħaddem jikkonforma mal-obbligi nazzjonali li jimplementaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5.


6 – Eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali kontra d-diskriminazzjoni hija permissibbli taħt l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, fejn l-Istati Membri jintroduċu miżuri meħtieġa, inter alia, għas-sigurtà pubblika, iż-żamma tal-ordni pubbliku jew għall-protezzjoni tas-saħħa. Eċċezzjoni speċifika għall-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà hija prevista fl-Artikolu 3(4) fir-rigward tal-impjieg fil-forzi armati. Taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, differenza fit-trattament li hija bbażata fuq, inter alia, l-età jew diżabbiltà ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fejn, minħabba n-natura tal-attivitajiet tax-xogħol partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fih jitwettqu, tali karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit tax-xogħol ġenwin u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit ikun proporzjonali. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, Ġabra p. I-1).


7 – L-obbligu li jiġi kkonsultat il-kunsill tax-xogħol japplika meta jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet: dawn jinkludu kundizzjonijiet marbuta man-numru ta’ ħaddiema fl-impriża. It-terminu “ristrutturar” jinkludi (b’mod partikolari) twaqqif totali tal-operazzjonijiet, amalgamazzjoni jew xoljiment ta’ amalgamazzjoni jew bidla fundamentali fl-organizzazzjoni, bħal rilokazzjoni tal-intrapriża inkwistjoni.


8 – Meta tittieħed deċiżjoni fuq il-pjan soċjali, għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi tal-ħaddiema li qed jaffaċċjaw is-sensja u l-prospetti tagħhom li jiksbu impjieg ġdid, u ta’ dawk li jibqgħu fl-impriża ristrutturata, kif ukoll il-vijabbiltà finanzjarja li tkompli tal-impriża.


9 –      Il-paragrafu 8 jipprovdi eżenzjoni għall-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-rekwiżiti tax-xogħol tal-pożizzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li hemm riferiment għalih fil-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


10 – Mill-2012 l-età statutorja tal-irtirar għandha tiġi miżjuda b’mod inkrementali minn 65 sena għal 67 sena għal persuni mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1946.


11 – Mill-2012, l-età għall-eliġibbiltà għall-irtirar kmieni abbażi ta’ diżabbiltà għandha tiġi miżjuda b’mod inkrementali minn 60 sena għal 62 sena għal dawk imwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1951.


12 – Allowance iżgħar (ArbeitslosengeldII) hija pagabbli meta (inter alia) il-perijodu li fih ikun irċevut il-benefiċċju sħiħ ikun intemm.


13 – Għaldaqstant, ħaddiem li għandu l-età ta’ 50 sena li jkun għamel kontribuzzjonijiet għal mill-inqas 30 xahar jirċievi benefiċċji għal perijodu massimu ta’ 15–il xahar. Jekk ikollu l-età ta’ 55 sena u jkun għamel kontribuzzjonijiet għal mill-inqas 36 xahar, jista’ jirċievi l-benefiċċji għal perijodu massimu ta’ 18-il xahar, filwaqt li ħaddiem ta’ 58 sena li jkun għamel kontribuzzjonijiet għal 48 xahar jirċievi benefiċċji għal 24 xahar.


14 – F’din il-konklużjonit, se nirreferi wkoll għal Baxter u l-kunsill tax-xogħol bħala “l-imsieħba soċjali”.


15 –      It-tul tas-servizz jirreferi għan-numru ta’ snin fl-impjieg ma’ Baxter.


16 – Se nirreferi għall-pjan soċjali ta’ kontinġenza u l-pjan soċjali supplimentari flimkien bħala “il-pjan soċjali” f’din il-konklużjoni.


17 – Taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, livell ta’ diżabbiltà ta’ 50% huwa meħtieġ sabiex persuna tiġi kklasifikata bħala li tbati minn diżabbiltà serja u għaldaqstant eliġibbli għall-irtirar kmieni fl-età ta’ 60 sena: ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


18 – J. Odar kien eliġibbli li jirtira kmieni mhux qabel l-età ta’ 60 sena abbażi tad-diżabbiltà, b’pensjoni mnaqqsa b’10.8%. Huwa intitolat għal pensjoni sħiħa mill-età ta’ 63 sena.


19 – Il-kumpens ġie kkalkolat mill-31 ta’ Diċembru 2008, id-data effettiva ta’ tkeċċija ta’ J. Odar minn Baxter (iktar ’il quddiem “iż-żmien inkwistjoni”) stabbilita f’ittra tal-25 ta’ April 2008; ara l-punt 20 iktar ’il fuq.


20 – Il-figuri kollha huma meħuda mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali. Hemm differenzi żgħar bejn il-figuri tal-qorti nazzjonali u dawk stabbiliti fl-osservazzjonijiet tal-partijiet. Il-kalkoli tiegħi juru figuri ftit differenti: pereżempju, total ta’ EUR 616,714.20 meta tiġi applikata l-formula standard. Il-figuri kollha għandhom għaldaqstant jiġu trattati bħala approssimattivi.


21 –      Nifhem li l-iskema ta’ previdenza soċjali msemmija fit-tielet u fir-raba’ domandi hija l-pjan soċjali indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq.


22 –      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, (C‑321/07, Ġabra. p. I‑1113, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – F’din il-kwistjoni, interpretajt din il-frażi bħala “diżabbiltà”, għax inkella ma tagħmilx sens. Li huwa importanti ma huwiex id-diżabbiltà partikolari li minnha jsofri J. Odar, iżda l-fatt li huwa rikonoxxut bħala li jbati minn diżabbiltà.


24 – Ċerti forom ta’ azzjoni pożittiva fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, għalkemm jikkostitwixxu differenzjament dirett fuq dak il-bażi, huma koperti mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.


25 –      Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


26 – Il-fattur tal-età jiżdied b’mod mhux mifrux minn 0.35 fl-età ta’ 18–il sena sal-ogħla fattur possibbli (1.75) fl-età ta’ 57 sena. Minn hawn ’il quddiem jonqos b’rata mgħaġġla sal-iżgħar punt (0.3) fl-età ta’ 64 sena.


27 – Il-figuri rilevanti u l-mod ta’ kif id-data differenti tiddaħħal fl-ekwazzjonijiet għandhom jiddeterminaw x’jiġri f’kull każ partikolari. Fil-kalkolu tal-formula standard taħt il-pjan soċjali (kumpens = fattur tal-età x tul tas-servizz x salarju gross fix-xahar), il-fattur tal-età jiddetermina n-numru ta’ xhur (jew frazzjonijiet ta’ xahar) salarju li jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-kumpens. Għaldaqstant, għal ħaddiema fl-età ta’ 36 sena, salarju ta’ xahar huwa meqjus fil-valur nominali (fattur tal-età 1). Fl-età ta’ 57 sena, huma mmultiplikat b’1.75 u fl-età ta’ 64 sena huwa mmultiplikat bi 0.3. Għaldaqstant fl-età ta’ 36 sena, it-tul ta’ servizz ta’ ħaddiem huwa mmultiplikat bi 0.75 (jew ¾) ta’ salarju ta’ xahar inqas milli għal impjegat tal-età ta’ 57 sena. Fl-età ta’ 64 sena, huwa mmultiplikat bi 1.45 (kważi 1½) ta’ salarju ta’ xahar inqas milli għal ħaddiem fl-età ta’ 57 sena. Għaldaqstant, dawk il-ħaddiema li għandhom fattur tal-età ogħla u iżjed snin ta’ servizz jiksbu iżjed benefiċċji taħt il-pjan soċjali.


28 –      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1993 (C‑132/92, Ġabra p. I-5579).


29 –      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004 (C‑19/02, Ġabra p. I‑11491).


30 – Is-sentenza Bird’s Eye Walls, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna sitwazzjoni simili. Il-“pensjoni ta’ tranżizzjoni” f’dik is-sentenza kienet tħallset lil ħaddiem li kien obbligat li jirtira minħabba saħħa ħażina qabel ma kiseb l-età pensjonabbli standard, li kienet 60 sena għan-nisa u 65 għall-irġiel. Ara wkoll is-sentenza Hlozek, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq, punt 49.


31 –      Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 u 29.


32 – Suġġett għar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-pensjonijiet għal ħaddiema b’diżabbiltà li inizjalment jirċievu pensjoni mnaqqsa li tista’ sussegwentament tinbidel għal pensjoni bir-rata sħiħa wara tliet snin meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa taħt id-dritt nazzjonali.


33 –      Ara l-punti 70 sa 75 iktar ’il quddiem.


34 –      Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


35 –      Ara l-premessa 25, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 3. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 51).


36 –      Ara s-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 58.


37 – Ara s-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 65.


38 –      Ara l-Artikolu 21.


39 – B’rabta mal-interpetazzjoni tal-eċċezzjonijiet inġenerali, ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Accardo et (C‑227/09, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, Ġabra p. I‑47, punt 60) u iżjed reċenti, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, (C‑447/09 Ġabra p. I‑8003, punt 56).


40 –      Ara s-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 65.


41 –      Sentenzi magħquda tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, Ġabra p. I‑11869, punt 40).


42 – Ara s-sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 46.


43 –      Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


44 –      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 26 u 27 iktar ’il fuq.


45 –      Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


46 – Fis-seduta, il-Gvern Ġermaniż enfasizza li ħaddiem li jirtira kmieni jżomm id-dritt li jkompli jfittex impjieg ieħor. Kieku kellu jsib impjieg ġdid, il-pensjoni tiegħu tiġi sospiża. Imbagħad jista’ jkompli jaħdem sal-età standard tal-irtirar. F’dak iż-żmien, il-pensjoni tiegħu tiġi attivata mill-ġdid u aġġustata biex tirrifletti ċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. Sa fejn tali argument huwa bbażat fuq l-idea li l-ħaddiem ikbar fl-età jsib impjieg ieħor, ma kienx appoġġjat bl-ebda provi quddiem din il-qorti u jmur kontra diffikultajiet magħrufa li jiltaqgħu magħhom ħaddiema ikbar biex isibu impjieg ieħor. Filwaqt li jkun kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika l-pożizzjoni, ninsab inklinata li nqis dan l-argument bħala wieħed difettuż. Madankollu, huwa b’mod ċar veru li l-aċċess għal pensjoni (anki b’rata mnaqqsa) jagħti sigurtà ta’ dħul li ħaddiem iżgħar li jingħata s-sensja ma jgawdix minnha.


47 – Ara ‘Facts on disability in the world of work’ ippubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, disponibbli minn: http:www.ilo.org/employment/disability.


48 –      Ara l-punti 44 sa 52 iktar ’il fuq.


49 –      Ara l-punt 16 iktar ’il fuq..


50 – Fil-kawża Balaban (C‑86/10), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għażla ta’ ħaddiema għal sensja kollettiva bbażata fuq l-età kienet iġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet infurmata li sistema ta’ għoti ta’ marki tat-tip li użajt jien f’dan l-eżempju kienet metodu komuni ta’ kif jiġu applikati l-erba’ kriterji. Din il-kawża ġiet irtirata mill-qorti nazzjonali (l-Arbeitsgericht Siegburg (il-Ġermanja)) wara s-seduta, iżda qabel ma ngħatat is-sentenza (ĠU 2011 C 252, p. 27).


51 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 u l-punti 26 sa 30 iktar ’il fuq dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva, l-AGG u l-pjan soċjali ta’ Baxter.


52 –      Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.


53 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8), u iżjed reċentement is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Gertraud Kumpan (C‑109/09, Ġabra p. I‑1309, punt 51). Ara wkoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva, iċċitata fil-punt 9 iktar ’il fuq.