Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2017 minn ADR Center SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla, Awla Estiża) fl-20 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-644/14, ADR Center SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-584/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ADR Center SpA (rappreżentanti: A. Guillerme, avukat, T. Bontinck, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-20 ta’ Lulju 2017, ADR vs Il-Kummissjoni (T-644/14);

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4485 finali tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-irkupru ta’ parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lir-rikorrenti;

tiddeċiedi l-kawża, billi tilqa’ t-talbiet imresqa mill-konvenuta fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat il-prinċipju tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-Unjoni tista’ tissussidja biss spejjeż effettivament minfuqa.

Ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali żammet interpretazzjoni partikolarment stretta ta’ dan il-prinċipju li huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza preċedenti tal-qorti tal-Ġustizzja u mar-rieda tal-leġiżlatur Ewropew.

2)    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 299 TFUEm l-Artikolu 79 tar-Regolament Finanzjarju 1 , l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 299 TFUE u l-Artikolu 79(2) tar-Regolament Finanzjarju fis-sens li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta ordni ta’ rkupru eżekuttiv f’materja kuntrattwali. Barra dan, is-sentenza appellata hija inkompatibbli mal-ġurispreudenza Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE vs Il-Kummissjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, l-effettività tar-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE hija mnaqqsa drastikament b’vantaġġ għall-benefiċjarju tas-sussidju sa fejn il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tieħu miżuri bil-għan ta’ rkupru forzat qabel li l-qorti kompetenti tkun iddeċidiet fuq il-mertu.

____________

1 Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).