Language of document : ECLI:EU:C:2013:852

Kawża C‑274/12 P

Telefónica SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Rikors għal annullament — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Dritt għal azzjoni legali — Locus standi — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att li jikkonċernahom individwalment — Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni — Deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2013

1.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti regolatorji li jinkludu jew ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni — Kunċett — Proċeduri ġudizzjarji disponibbli kontra dawn l-atti — Kundizzjonijiet għall-użu ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità jew tar-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità

(Artikolu 19 TUE; paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE, Artikoli 267 TFUE, 277 TFUE u paragrafu 4 tal-Artikolu 288 TFUE)

2.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti regolatorji li jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna settorjali inkompatibbli mas-suq komuni — Inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Obbligu li tirrikorri għall-rimedji nazzjonali sabiex jiġu kkontestati dawn il-miżuri

(Artikolu 19 TUE; paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE, Artikolu 267 TFUE u paragrafu 4 tal-Artikolu 288 TFUE)

3.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess individwali fil-konfront ta’ att ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta' għajnuna settorjali — Insuffiċjenza minħabba fil-kriterju ta’ appartenenza lil impriża fis-settur inkwistjoni sabiex tkun ikkonċernata individwalment minn tali deċiżjoni

(Paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE)

4.        Drittijiet fundamentali — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ tal-legalità tad-atti tal-Unjoni — Modalitajiet — Protezzjoni ta’ dan id-dritt mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali skont in-natura ġuridika tal-att ikkontestat — Possibbiltà ta’ użu ta’ rikors għal annullament jew ta’ rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità

(Artikolu 19 TUE; paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE, Artikoli 267 TFUE u 277 TFUE)

1.        Il-kunċett ta’ atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jeħtieġ li jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fih ġiet fis-seħħ, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti. Madankollu, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq l-istatus legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tista’ tkun nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja effikaċi jekk ma kellhiex mezz ta’ rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni għall-fini li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, meta att regolatorju jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jiġux mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi. Peress li l-implementazzjoni ta’ dawn l-atti hija responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ applikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku kkonċernat. Meta din l-implementazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari.

Fit-tieni lok, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża.

Fit-tielet lok, sabiex tivverifika jekk l-att ikkontestat jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa xieraq li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors, u fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi, li għandhom skont il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 27, 31, 56-58)

2.        Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà parzjali ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni li tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali fejn dawn huma indirizzati biss lill-Istat Membru inkwistjoni u li ma tiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi li din id-dikjarazzjoni għandha għal kull persuna taxxabbli, konsegwenzi li jimmaterjalizzaw f’atti amministrattivi li jistgħu jiġu kkontestati. Minn dan jirriżulta, li impriża li hija effettwata minn tali deċiżjoni, u li minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tistax tikkontesta direttament id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, hija madankollu tista’ titlob quddiem il-qrati nazzjonali sabiex din id-deċiżjoni titqies li hija invalida u twassal lil dawn sabiex iressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari, b’mod partikolari billi tirrinvija quddiem dawn il-qrati l-att amministrattiv li jirrifjutalha l-benefiċċju ta’ amortizzazzjoni taħt l-iskema inkwistjoni.

(ara l-punti 34-36, 58, 59)

3.        Persuni oħra li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment, skont l-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta pparagunati mal-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun stabbilit li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt u ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju, impriża ma tistax tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna jekk hija kienet biss ikkonċernata minn din id-deċiżjoni minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha bħala benefiċjarju potenzjali tal-imsemmija skema.

(ara l-punti 46, 47, 49)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56, 57, 59)