Language of document : ECLI:EU:C:2014:288

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-30 ta’ April 2014 (1)

Kawża C‑338/13

Marjan Noorzia

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 4(5) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-isponsor u l-konjuġi jkunu għalqu l-età ta’ wieħed u għoxrin sena qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja”





1.        “Iż-żwieġ jista’ jiġi konkluż biss bil-kunsens ħieles u sħiħ tal-konjuġi futuri”. Hekk jgħid it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (2).

2.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressqet quddiemha mill-Verwaltungsgerichtshof Awstrijaka, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab għall-ewwel darba tieħu pożizzjoni fuq regola li tinsab fid-Direttiva 2003/86/KE (3) dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, li għandha bħala għan speċifiku li jiġu evitati ż-żwiġijiet furzati, jiġifieri dawk iż-żwiġijiet fejn tal-inqas wieħed miż-żewġ konjuġi jiżżewweġ mingħajr ma jkun ta l-kunsens ħieles u sħiħ tiegħu billi jkun suġġett għal xi forma ta’ ġegħil fiżiku jew psikoloġiku tar-rieda tiegħu bħal, pereżempju, theddid jew forom oħrajn ta’ abbuż emozzjonali jew, f’każijiet iktar gravi, fiżiku (4).

3.        Il-fenomenu taż-żwiġijiet furzati huwa prattika kemxejn mistura fl-Ewropa, imma b’daqshekk ma jfissirx li huwa ta’ portata negliġibbli (5). Huwa proprju sabiex jiġi limitat dan il-fenomenu, li jagħti lok għal ksur odjuż tad-drittijiet fundamentali tal-persuna, speċjalment tan-nisa, li ġiet introdotta fid-Direttiva 2003/86 ir-regola li l-qorti nazzjonali qed titlob l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.        Kif ser naraw iktar ’il quddiem, f’din il-kawża, madankollu, biex jintlaħaq dan l-għan b’mod leġittimu hemm bżonn li jitqiesu wkoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-koppji miżżewġin ġenwinament.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

5.        Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (6), intitolat “Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-“Karta”) intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

7.        Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti liċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. Skont il-premessa 2 ta’ din id-direttiva, hija tirrispetta d-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja li hemm f’diversi strumenti tad-dritt internazzjonali, fosthom, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta msemmijin iktar ’il fuq.

8.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jiddefinixxi ċ-ċirku ta’ persuni, membri tal-familja tal-isponsor, li jistgħu jibbenefikaw minn permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja. Skont il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, fost dawn il-persuni hemm il-konjuġi tal-isponsor.

9.        Il-paragrafu 5 tal-istess Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi dan li ġej:

“Biex tkun żgurata integrazzjoni aħjar u jkunu impeduti żwiġijiet furzati Stati Membri jistgħu jirrikjedu l-isponsor u l-mara tiegħu/r-raġel tagħha li jkunu ta’ età minima, u għal massimu ta’ 21 sena, qabel ma l-konjugi ikun jista’ jingħaqad miegħu/magħha”.

C –    Id-dritt nazzjonali

10.      In-Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz (Liġi dwar l-istabbiliment u r-residenza tal-barranin) (7) tipprovdi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti jagħtu permess ta’ residenza lil membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ Stati terzi. Skont l-Artikolu 2 tan-Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz, membru tal-familja skont dik il-liġi huwa “il-konjuġi […] kif ukoll l-imsieħba rreġistrati; il-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati jridu jkunu diġà għalqu wieħed u għoxrin sena meta jissottomettu l-applikazzjoni […]”.

II – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domanda preliminari

11.      M. Noorzia, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Afgana u twieldet fl-1 ta’ Jannar 1989.

12.      Fit-3 ta’ Settembru 2010, M. Noorzia ssottomettiet applikazzjoni lill-ambaxxata tal-Awstrija f’Islamabad (il-Pakistan) biex tikseb permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ żewġha, li twieled fl-1 ta’ Jannar 1990 u huwa wkoll ċittadin Afgan u residenti fl-Awstrija.

13.      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2011, il-Bundesministerin für Inneres (Ministru tal-Intern Awstrijak), konvenut fil-kawża prinċipali, ċaħad l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Fid-deċiżjoni tagħha, l-amministrazzjoni Awstrijaka mmotivat iċ-ċaħda tal-applikazzjoni billi kkunsidrat li, għalkemm kien veru li r-raġel ta’ M. Noorzia kien għalaq il-wieħed u għoxrin sena qabel it-teħid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, skont il-liġi Awstrijaka l-mument rilevanti għad-determinazzjoni tal-limitu ta’ età huwa dak meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni u mhux meta tittieħed id-deċiżjoni. Għaldaqstant, billi r-raġel ma kienx għalaq il-wieħed u għoxrin sena fil-mument li ġiet sottomessa l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, baqgħet ma ġietx issodisfatta kundizzjoni speċifika biex dik l-applikazzjoni tiġi sottomessa regolarment.

14.      M. Noorzia appellat mid-deċiżjoni ta’ ċaħda u l-qorti tar-rinviju ġiet adita bil-kawża.

15.      L-ewwel nett, dik il-qorti tosserva li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 ma jispeċifikax, sabiex jiġi ddeterminat il-limitu ta’ età indikat fih li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sabiex jista’ jkun hemm ir-riunifikazzjoni tal-familja, jekk huwiex rilevanti l-mument tad-deċiżjoni tal-awtorità jew dak tad-dħul konkret fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew inkella xi mument ieħor. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-leġiżlatur Awstrijak sostna espliċitament li l-limitu ta’ età ta’ wieħed u għoxrin sena jikkostitwixxi kundizzjoni formali għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza, li tali kundizzjoni trid tiġi ssodisfatta fil-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja u li l-effett tan-nuqqas li tiġi ssodisfatta tali kundizzjoni huwa li tali applikazzjoni tiġi miċħuda mingħajr ma jkun possibbli li b’xi mod tiġi “ssanata” bħala konsegwenza tal-fatt li tkun intlaħqet l-età inkwistjoni waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86. Dik il-qorti tikkunsidra li huwa possibbli li jkun hemm żewġ interpretazzjonijiet alternattivi tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Minn naħa, il-mod kif inhi fformulata din id-dispożizzjoni jimmilita favur interpretazzjoni li l-mument rilevanti biex jintlaħaq il-limitu ta’ età stabbilit fiha għandu jkun dak tal-ħruġ tal-permess min-naħa tal-awtorità u mhux dak meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni. Kieku d-dispożizzjoni tad-direttiva kellha tiġi interpretata f’dan is-sens, allura, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tista’ tkun inkompatibbli mad-Direttiva 2003/86. Iżda min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, analiżi tar-raġuni għad-dispożizzoni inkwistjoni tista’ twassal għal interpretazzjoni differenti, li jista’ jkollha bħala konsegwenza l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-direttiva msemmija.

17.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju, b’digriet tad-29 ta’ Mejju 2013, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE[…] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni li tipprevedi li l-konjugi u l-imsieħba għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sabiex jitqiesu bħala membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni?”

III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru fl-20 ta’ Ġunju 2013. Ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom M. Noorzia, il-Gvernijiet Awstrijak u Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

20.      F’dan ir-rigward nirrileva preliminarjament li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, irrikonoxxut u rregolat mid-Direttiva 2003/86, jikkostitwixxi element speċifiku tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja li, min-naħa tiegħu, jikkostitwixxi dritt fundamentali sanċit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u fl-Artikolu 7 tal-Karta u, bħala tali, huwa mħares mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (8).

21.      Ir-relazzjoni diretta bejn id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja u d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja hija rrikonoxxuta speċifikament fid-Direttiva 2003/86 fil-premessa 2 imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

22.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk affermat espressament li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u, b’mod iżjed partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif sanċit kemm fil-KEDB kif ukoll fil-Karta (9).

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li d-Direttiva 2003/86, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi ddefiniti b’mod ċar, għaliex jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (10).

24.      F’din il-perspettiva, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja hija regola ġenerali u li, għalhekk, il-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri taħt id-Direttiva 2003/86 li jimponu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (11).

25.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-marġni ta’ diskrezzjoni eventwali mogħti lill-Istati Membri mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-direttiva stess, li huwa li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja, jew l-effettività tagħha (12).

26.      Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jipprovdi li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-“Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini”, jirriżulta li l-Istati Membri huma suġġetti għal obbligu ta’ individwalizzazzjoni tal-eżami tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja (13).

27.      Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmijin iktar ’il fuq espressi fil-ġurisprudenza li jeħtieġ li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq id-domanda preliminari

28.      Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment, qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-limitu minimu ta’ età li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-isponsor u l-konjuġi tiegħu sabiex tkun tista’ sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja, għandu neċessarjament jintlaħaq minn kull wieħed minnhom fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

29.      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija riżultat tal-fatt li, minn naħa, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 ma jindikax espressament il-mument meta l-isponsor jew il-konjuġi tiegħu jridu jkunu laħqu l-limitu ta’ età stabbilit fih u, min-naħa l-oħra, li bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jiċħdu applikazzjoni magħmula qabel ma wieħed mill-persuni kkonċernati jew it-tnejn li huma jkunu laħqu tali limitu ta’ età anki jekk it-tnejn ikunu diġà qabżuh fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

30.      Il-kwistjoni mqajma fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk teħtieġ li jiġi ċċarat il-mument meta, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, għandu jintlaħaq il-limitu ta’ età ta’ massimu ta’ wieħed u għoxrin sena previst fih. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi interpretata din ir-regola.

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86

31.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tkun tifforma parti minnhom (14). Għalhekk, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 għandu jingħata interpretazzjoni letterali, teleoloġika u sistematika.

a)      Interpretazzjoni letterali

32.      Fid-digriet tar-rinviju l-qorti nazzjonali ssostni li huwa evidenti, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-mument meta għandu jintlaħaq il-limitu ta’ età previst fiha huwa dak tal-ħruġ tal-permess ta’ residenza min-naħa tal-awtorità kompetenti u mhux dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

33.      Naqbel mal-analiżi tal-qorti tar-rinviju li l-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni jiffavorixxi interpretazzjoni li minnha jirriżulta li l-mument rilevanti biex jintlaħaq il-limitu ta’ età ma jistax ikun dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

34.      Fil-fatt, meta l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jimponu limitu ta’ età “qabel (15) ma l-konjugi jkun jista’ jingħaqad miegħu/magħha”, dan jippresupponi li dan il-limitu għandu jkun intlaħaq fil-mument meta tkun tista’ ssir ir-riunifikazzjoni, jiġifieri fil-mument tal-aċċettazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, ir-riunifikazzjoni tista’ sseħħ biss mill-mument meta l-applikazzjoni tiġi aċċettata u mhux qabel.

35.      Interpretazzjoni letterali bħal din tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, fil-verżjoni Taljana tagħha, hija kkonfermata fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-istess dispożizzjoni. Fil-fatt, anki fil-verżjonijiet Franċiża, Ingliża, Ġermaniża u Spanjola tad-dispożizzjoni inkwistjoni jsir riferiment għall-fatt li l-limitu ta’ età għandu jintlaħaq qabel ma tkun tista’ sseħħ (16) ir-riunifikazzjoni tal-familja u mhux qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni (17). Dan ir-riferiment għall-possibbiltà (18) li ssir ir-riunifikazzjoni tal-familja juri li l-mument rilevanti huwa dak tal-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni.

36.      Għalhekk, l-interpretazzjoni letterali tar-regola twassal għall-konklużjoni li l-mument meta l-isponsor u l-konjuġi tiegħu jridu jkunu qabżu l-età minima skont id-dispożizzjoni inkwistjoni huwa dak meta l-konjuġi jista’ jingħaqad mal-isponsor. Minn dan isegwi li dan il-mument ma jistax jikkoinċidi ma’ dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja billi, kif osservat ukoll il-qorti tar-rinviju, f’dak il-mument ir-riunifikazzjoni tkun għadha ma tistax issir għaliex tkun għadha pendenti l-analiżi meħtieġa min-naħa tal-awtorità amministrattiva kompetenti dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għar-riunifikazzjoni tal-familja.

b)      Interpretazzjoni teleoloġika

37.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tħoss li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 tista’ twassal għal riżultat differenti.

38.      Fil-fatt, dik il-qorti ssostni li tkun iktar adatta biex tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-prevenzjoni ta’ żwiġijiet furzati interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 fis-sens li l-mument meta għandu jintlaħaq il-limitu ta’ età stabbilit fih ikun dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, il-qorti nazzjonali ssostni li r-riskji li jsiru żwiġijiet furzati jkun ikbar jekk jiġi permess li l-konjuġi jkollhom età iżgħar minn wieħed u għoxrin sena fil-mument li tiġi sottomessa l-applikazzjoni milli fil-każ fejn dan ma jkunx possibbli.

39.      Il-Gvernijiet Awstrijaku u Elleniku jaqblu ma’ dan l-approċċ u jsostnu li interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li għandu jintalab li jkunu diġà ngħalqu l-wieħed u għoxrin sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni mhux biss jippermetti li jintlaħaq aħjar l-għan tal-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati, imma jiggarantixxi wkoll l-osservanza kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ‒ billi jiġi rriżervat trattament identiku għall-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, u b’hekk jirrendi irrilevanti l-fatt li l-limitu ta’ età jista’ jintlaħaq matul il-proċedura ‒ kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għaliex jipproteġi lill-applikanti minn kwalunkwe trattament diskriminatorju possibbli mwettaq mill-awtoritajiet kompetenti.

40.      Issa ma hemmx dubju li r-raġuni fundamentali għall-introduzzjoni, permezz tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, tal-possibbiltà li jiġi stabbilit limitu minimu hija li jiġu evitati ż-żwiġijiet furzati. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa verosimili li, b’mod ġenerali, il-fatt li wieħed ikun ikbar fl-età jista’ jwassal għal livell ikbar ta’ maturità li jista’, teoretikament, jgħin lill-persuna kkonċernata tirreżisti pressjonijiet li jsirulha biex tiżżewweġ b’mod furzat u eventwalment jixprunawha tfittex l-għajnuna.

41.      Madankollu, insostni li analiżi intiża biex jiġi stabbilit jekk dan huwiex verament il-każ għandha neċessarjament tiġi individwalizzata fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sitwazzjoni speċifika. Barra minn hekk, ma nistax ma nirrilevax kif fis-soċjetà ċivili Ewropea jitqanqlu dubji dwar l-effett reali tal-istabbiliment ta’ limitu ta’ età għall-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja fuq il-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati (19).

42.      Iżda dak li huwa ċert huwa li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ età għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja għandu effett dirett fuq l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja min-naħa tal-familji ta’ għarajjes żgħażagħ li ż-żwieġ tagħhom huwa ġenwin u mhux furzat. Fil-fatt, regola bħal dik nazzjonali inkwistjoni li, skont id-Direttiva 2003/86, tissuġġetta mingħajr distinzjoni u mingħajr analiżi individwalizzata l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-fatt li tintlaħaq ċerta età timpedixxi l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minn dawk li huma miżżewġin sinċerament u ġenwinament, imma li għadhom ma laħqux il-limitu ta’ età stabbilit.

43.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, l-għan tal-limitazzjoni taż-żwiġijiet furzati, għalkemm leġittimu u opportun, għandu jiġi kkontrobilanċjat bid-dritt tal-koppji miżżewġin ġenwinament li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja, li jirriżulta direttament mid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħhom sanċit fl-Artikolu 8 tal-KEDB (20) u fl-Artikolu 7 tal-Karta (21).

44.      Barra minn dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 u 25 preċedenti li, minn naħa, fis-sistema li ħolqot d-Direttiva 2003/86, l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tikkostitwixxi r-regola ġenerali u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal tali riunifikazzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u, min-naħa l-oħra, li d-direttiva stess għandha tiġi interpretata skont l-għan ġenerali tagħha − li huwa dak li tiġi megħjuna u mhux ostakolata r-riunifikazzjoni tal-familja − kif ukoll b’mod li tiġi ggarantita l-effettività tagħha.

45.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 li timponi li wieħed jistenna li jagħlaq wieħed u għoxrin sena biex jissottometti applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun tikkonforma inqas mal-għanijiet li d-direttiva tfittex li tilħaq milli interpretazzjoni tal-istess regola li tippermetti, minflok, li tiġi sottomessa l-applikazzjoni qabel ma jitlaħaq dan il-limitu u li jinkiseb il-permess ta’ residenza fil-każ fejn dak il-limitu jkun intlaħaq fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fuq l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

46.      Fil-fatt, għalkemm din it-tieni interpretazzjoni tiggarantixxi l-effettività tad-dispożizzjoni intiża għall-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati, tiffavorixxi r-riunifikazzjoni tal-familja u tevita interpretazzjoni formalistika li tostakola t-twettiq tagħha.

47.      F’din il-perspettiva, jidhirli li għandhom jitwarrbu l-argumenti mressqin mill-Gvernijiet Awstrijak u Elleniku dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u dak ta’ ċertezza legali, rispettivament. Il-fatt li jiġi permess li jitlaħaq il-limitu ta’ età anki wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni ma jistax iwassal, fil-fehma tiegħi, għal xi forma ta’ diskriminazzjoni u ma joħloq ebda inċertezza legali. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jieħdu d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja “kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata”. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ tali limitu ta’ żmien biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni jelimina kull inċertezza legali.

48.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi espressament għan ieħor li għalih l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jistabbilixxu limitu ta’ età għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata integrazzjoni aħjar. Madankollu, f’dan ir-rigward, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħadu pożizzjoni fuq dan. Dan huwa forsi dovut għall-fatt li, fil-kuntest tar-regola inkwistjoni, tali għan huwa kkunsidrat bħala sekondarju meta mqabbel ma’ dak tal-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati.

49.      Indipendentement minn dan, nosserva f’dan ir-rigward li l-idea wara għan ta’ dan it-tip tidher li hija dik li l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru li jilqa’ l-konjuġi tal-isponsor tista’ tkun iktar sempliċi jekk il-konjuġi jkollu livell ogħla ta’ maturità dovuta għall-fatt li laħaq ċerta età. Mingħajr ma noqgħod nidħol fil-mertu tar-raġuni possibbli għad-dispożizzjoni, jidhirli, madankollu, li dan ma jippreġudika bl-ebda mod il-konklużjoni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, fis-sens li l-limitu ta’ età jista’ jintlaħaq fil-mument li sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja u mhux fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, hija iktar adatta biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tad-direttiva.

50.      F’dan ir-rigward nosserva wkoll li, minn naħa, separazzjoni fit-tul bejn membri tal-familja tista’ fir-realtà jkollha effetti negattivi fuq l-integrazzjoni, billi separazzjoni bħal dik tista’ ddgħajjef ir-rabtiet tal-familja. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ integrazzjoni tal-konjuġi tal-isponsor dovuta għall-età ma tistax tevita analiżi każ b’każ, kif stabbilit mill-Artikolu 17 tad-Direttiva fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq.

c)      Interpretazzjoni sistematika

51.      Fil-fehma tiegħi, il-qari tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 li jirriżulta mill-interpretazzjoni letterali u teleoloġika li saret fil-punti preċedenti huwa kkorroborat mill-interpretazzjoni sistematika ta’ din id-dispożizzjoni.

52.      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li minn qari komprensiv tad-direttiva inkwistjoni jirriżulta li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għall-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, għamel hekk b’mod espliċitu.

53.      L-ewwel eżempju f’dan ir-rigward huwa kkostitwit mill-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri l-paragrafu wara dak li fih tinsab ir-regola li hija s-suġġett ta’ interpretazzjoni f’din il-kawża. Din id-dispożizzjoni, fost l-oħrajn, tagħti hija wkoll il-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu limitu ta’ età, għalkemm massimu u mhux minimu, għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. F’dan il-paragrafu, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda li, f’ċirkustanzi partikolari, “Stati Membri jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ tfal minorenni għandhom ikunu sottomessi tabel l-età ta’ 15” (22).

54.      Għaldaqstant, bilfors irid jiġi kkonstatat li, f’dan il-paragrafu, kuntrarjament għal dak li jiġri fil-paragrafu preċedenti li huwa s-suġġett ta’ interpretazzjoni f’din il-kawża, il-leġiżlatur tal-Unjoni semma espliċitament li l-limitu ta’ età stabbilit fih għandu jintlaħaq qabel il-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

55.      Fl-istess perspettiva, fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, meta jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-persuna kkonċernata tipprova sensiela ta’ kundizzjonijiet dwar l-isponsor, il-leġiżlatur jirriferi espliċitament għall-mument meta l-“applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa”.

56.      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li l-limitu ta’ età stabbilit fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 kellu jintlaħaq fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, dan kien jindikah speċifikament fid-dispożizzjoni stess. Billi ma għamilx hekk, għandha tiġi ppreferuta interpretazzjoni fis-sens li l-mument meta għandu jintlaħaq l-imsemmi limitu ta’ età ma jikkoinċidix ma’ dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni imma jikkoinċidi mal-mument meta tista’ sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja, jiġifieri l-mument tal-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni.

57.      Kemm il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Gvern Elleniku jsostnu li l-fatt li jintlaħaq il-limitu ta’ età previst fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jikkostitwixxi kundizzjoni formali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Il-Gvern Elleniku jsostni, b’mod partikolari, li l-mument meta l-limitu ta’ età għandu jintlaħaq jiġi dedott mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 li jipprovdi li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandha tkun akkumpanjata bid-dokumenti li jikkorroboraw ir-rabtiet familjari u l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 4 tal-istess direttva. Issa, skont il-Gvern Elleniku, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li fost id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti lill-amministrazzjoni mill-applikant għandu jkun hemm il-prova li ntlaħqet l-età prevista fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86.

58.      Madankollu, f’dan ir-rigward, nosserva li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/86 li l-fatt li jintlaħaq il-limitu ta’ età previst fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jikkostitwixxi kundizzjoni formali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. B’mod partikolari, ma narax kif dan jista’ jiġi dedott neċessarjament minn dak li jipprovdi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 li skontu l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bil-prova li ġew osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, fil-fatt tista’ ? u fil-fehma tiegħi għandha ? tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bil-prova li l-limtu ta’ età jintlaħaq fil-mument meta sseħħ ir-riunifikazzjoni.

59.      Il-Gvern Awstrijak isostni wkoll li, sa fejn l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 ma jispeċifikax espressament il-mument meta għandu jintlaħaq il-limitu ta’ età, dan iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, u dan jippermettilhom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jiddeterminawh kif jidhrilhom l-aħjar.

60.      F’dan ir-rigward nosserva li, minn naħa, wieħed jista’ jikkonkludi mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 33 sa 36 iktar ’il fuq li, fir-realtà, minn kliem ir-regola inkwistjoni jirriżulta li hija tindika li l-mument meta għandu jintlaħaq il-limitu ta’ età għandu jkun dak meta r-riunifikazzjoni tista’ sseħħ, ħaġa li teskludi li dan il-mument ikun dak tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

61.      Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi ammess li d-dispożizzjoni inkwistjoni tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-iffissar tal-mument rilevanti biex jintlaħaq il-limitu ta’ età, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mid-Direttiva 2003/86 ma għandux jintuża minnhom b’mod tali li jippreġudika l-għan tad-direttiva li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja.

62.      Fil-fehma tiegħi, regola li tippermetti li tittieħed deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għaliex ma ntlaħaqx il-limitu ta’ età għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, minkejja li madankollu, fil-mument li tittieħed tali deċiżjoni, il-limitu ta’ età meħtieġ ikun intlaħaq, mhux biss ma tiffavorixxix ir- riunifikazzjoni tal-familja, imma tostakolaha, u dan indipendentement mill-fatt, enfasizzat mill-Gvern Awstrijak, li l-konjuġi jistgħu, sussegwentement, jerġgħu jissottomettu applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

d)      Konklużjoni

63.      Jirriżulta minn interpretazzjoni letterali, teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 li l-mument li b’riferiment għalih l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-isponsor u l-konjuġi tiegħu li jkunu laħqu limitu ta’ età, li ma jistax jeċċedi wieħed u għoxrin sena, għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja huwa dak meta tali riunifikazzjoni tista’ sseħħ. Għalhekk, dak il-mument ma jistax jikkoinċidi mal-mument meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja lill-amministrazzjoni kompetenti. Minn dan isegwi li hija inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni leġiżlazzjoni, bħal dik nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tintlaqa’ biss jekk l-imsemmi limitu ta’ età jintlaħaq fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u li għalhekk tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiċħdu tali applikazzjoni għaliex fil-mument li tiġi sottomessa tali limitu ma jkunx intlaħaq, anki jekk ikun intlaħaq fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-istess applikazzjoni.

2.      Fuq it-talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tivverifika l-validità tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86

64.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, M. Noorizia titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-validità tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86. Hija ssostni li l-kundizzjoni li jintlaħaq il-limitu minimu ta’ età ta’ għall-inqas wieħed u għoxrin sena biex teżerċita d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, indipendentement mill-fatt li din għandha tiġi ssodisfatta fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew fid-data tal-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni, ma hijiex xierqa biex timpedixxi ż-żwiġijiet furzati.

65.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tkun trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, hija l-qorti nazzjonali biss, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (23).

66.      Issa fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex biss li tikseb l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86. Hija ma tindikax li għandha dubji rigward il-validità ta’ din id-dispożizzjoni jew li tali kwistjoni tqajmet quddiemha fil-kawża prinċipali.

67.      Għaldaqstant, billi l-Artikolu 267 TFUE ma jikkostitwixxix rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-partijiet f’kontroversja pendenti quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi obbligata tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi raġuni li din il-kwistjoni tqajmet quddiemha minn waħda mill-imsemmija partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (24). Għalhekk, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet msemmijin fil-punt 41 iktar ’il fuq, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li f’din is-sede neżamina l-kwistjoni tal-validità tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86, li qajmet M. Noorizia.

V –    Konklużjoni

68.      Għaldaqstant, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof:

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-limitu minimu ta’ età li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-isponsor u l-konjuġi tiegħu sabiex tkun tista’ sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja, għandu neċessarjament jintlaħaq minn kull wieħed minnhom fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex tali applikazzjoni tkun tista’ tintlaqa’.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-10 ta’ Diċembru 1948 bir-Riżoluzzjoni 217 A (III) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Ara wkoll, bl-istess termini, l-Artikolu 23(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.


3 – Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


4 – Iż-żwiġijiet furzati huma differenti miż-żwiġijiet miftiehma fejn il-familji taż-żewġ għarajjes għandhom rwol qawwi biex jiftiehmu fuq iż-żwieġ, imma fejn l-għażla finali dwar iċ-ċelebrazzjoni tiegħu tiddependi fl-aħħar mill-aħħar mill-għarajjes. Madankollu d-differenza bejn iż-żwieġ miftiehem u ż-żwieġ furzat hija spiss pjuttost sottili.


5 – Jirriżulta mir-risposti tal-maġġoranza tal-gvernijiet tal-Istati Membri dwar il-konsultazzjoni pubblika fuq id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li saret fl-2012 (ara http://ec.europa.eu/dgs/home‑affairs/what‑is‑new/public‑consultation/2012/consulting_0023_en.htm) li ftit hemm tagħrif statistiku dwar il-portata tal-fenomenu taż-żwiġijiet furzati fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, mir-riċerka li saret, pereżempju, fir-Renju Unit, ġie stmat li każijiet irrapportati ta’ żwiġijiet furzati fl-2009 kien bejn 5 000 u 8 000 każ f’dak l-Istat Membru biss. Min-naħa l-oħra, fil-Ġermanja, fl-2008, ġew irreġistrati iktar minn 3 400 każ.


6 – Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


7 – BGBl. I, 100/2005, fil-verżjoni emendata tagħha u ppubblikata fil-BGBl. I, 111/2010.


8 – Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Sentenza Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44).


10 – Sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (EU:C:2006:429, punt 60) u Chakroun (EU:C:2010:117, punt 41).


11 – Sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (EU:C:2006:429, punt 60) u Chakroun (EU:C:2010:117, punt 41). Ara, f’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà prevista fil-parti inizjali u fil-punt (ċ) talArtikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86, il-punt 43 tas-sentenza Chakroun.


12 –      Sentenza Chakroun (EU:C:2010:117, punt 43).


13 – Sentenza Chakroun (EU:C:2010:117, punt 48).


14 –      Sentenza Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 –      Il-verżjoni Taljana ta’ din id-dispożizzjoni tuża t-terminu “perché” li għandu jinftiehem fis-sens ta’ “affinché”.


16 –      B’hekk, il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 tipprovdi li “le regroupant et son conjoint aient atteint un âge minimal […] avant que le conjoint ne puisse rejoindre le regroupant”; dik Ingliża tipprovdi li “the sponsor and his/her spouse […] be of a minimum age […] before the spouse is able to join him/her”; il-verżjoni Ġermaniża tipprovdi li “der Zusammenführende und sein Ehegatte ein Mindestalter erreicht haben müssen […] bevor der Ehegatte dem Zusammenführenden nachreisen darf”; il-verżjoni Spanjola tipprovdi li “el reagrupante y su cónyuge hayan alcanzado una edad mínima […] antes de que el cónyuge pueda reunirse con el reagrupante” (korsiv miżjud minni).


17 –      Iżda ara l-paragrafu 6 tal-istess artikolu. Ara infra punt 53 u 54.


18 –      Bil-Franċiż “puisse rejoindre”, bl-Ingliż “able to join”, bil-Ġermaniż “nachreisen darf”, bl-Ispanjol “pueda reunirse”.


19 – Ċertu numru ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika fuq id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mnedija mill-Kummissjoni u msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq fil-fatt urew li hemm assenza ta’ data fuq l-effikaċja, fir-rigward tal-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati, bl-istabbiliment ta’ età minima għar-riunifikazzjoni tal-familja, u tqajmu dubji serji fuq l-effikaċja tagħha.


20 – Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja skont l-Artikolu 8 tal-KEDB fil-każ ta’ żwieġ awtentiku fis-sentenza Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punt 58).


21 – Hija sinjifikattiva f’dan is-sens is-sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom tat-12 ta’ Ottubru 2011, fil-kawża Quila [2001] UKSC 45, fejn dik il-qorti kienet iddikjarat li kienet illegali miżura li kienet tistabbilixxi, ġewwa r-Renju Unit, iż-żieda fl-età minn tmintax sa wieħed u għoxrin sena sabiex issir ir-riunifikazzjoni tal-familja bħala mezz ta’ ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati, billi kkunsidrat dik il-miżura bħala interferenza sproporzjonata fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB. Is-Supreme Court essenzjalment ikkunsidrat li l-għan tal-prevenzjoni ta’ żwiġijiet furzati kien leġittimu, imma li l-miżura ma kinitx proporzjonata fin-nuqqas ta’ prova suffiċjenti tal-effettività tal-miżura inkwistjoni u minħabba l-fatt li kien evidenti li l-miżura inkwistjoni kellha effett fuq id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-koppji li ż-żwieġ tagħhom ma huwiex furzat.


22 – Korsiv miżjud minni.


23 – Ara s-sentenza Brünsteiner u Autohaus Hilgert, C‑376/05 u C‑377/05 (EU:C:2006:753, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 –      Ara s-sentenza Brünsteiner u Autohaus Hilgert (EU:C:2006:753, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, f’dan is-sens, anki s-sentenza Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10 (EU:C:2010:363, punt 63). Dwar, speċifikament, ir-rwol tal-partijiet fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, ara l-punt 80 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:401).