Language of document : ECLI:EU:C:2005:332

P. Jann - Projet d'arrêt du 30/05/2005

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal-31 ta’ Mejju 2005 (*)

«Artikoli 28 KE, 31 KE, 43 KE u 86(2) KE – Tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali – Stabbiliment tal-bejjiegħa bl-imnut – Monopolju nazzjonali ta' bejgħ bl-imnut ta' prodotti mediċinali – Impriża inkarigata bit-tmexxija ta' servizz fl-interess ekonomiku ġenerali»

Fil-kawża C-438/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-iStockholms tingsrätt (Żvezja), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2002, fil-proċedura kriminali kontra

Krister Hanner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta’ Jannar 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal K. Hanner, minn I. Forrester, QC, J. Killick, barrister,  A. Schulz, Rechtsanwalt, L. Hiljemarkil u R. Olofsson, advokater u A.-K. Pettersson, juris kandidat,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż,  minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,  minn L. Ström u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE, 31 KE u 43 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura kriminali imressqa kontra s-Sur Hanner wara ksur tal-leġiżlazzjoni Żvediża li tirriżerva l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti mediċinali għal Apoteket AB (iktar 'il quddiem "Apoteket").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4 tal-lag (1996:1152) om handel med läkemedel m.m. (liġi nru. 1152 ta' l-1996, fuq il-kummerċ tal-prodotti mediċinali), fl-Iżvezja, il-kummerċ bl-imnut ta' prodotti mediċinali, mingħajr riċetta mediċinali jew biha, jista' jsir biss mill-Istat jew minn persuni ġuridiċi li fuqhom huwa għandu influwenza dominanti. Il-Gvern jiddeċiedi liema persuna ġuridika tista' teżerċita dan il-kummerċ kif ukoll il-modalitajiet ta' l-eżerċizzju ta' dan il-kummerċ.

4       L-Artikolu 5 ta' l-istess liġi jipprovdi eċċezzjoni għal din ir-regola f'dak li jirrigwarda l-bejgħ bl-imnut ta' ċerti prodotti mediċinali lil sptarijiet, lil tobba u lil veterinarji. Bejgħ bħal dan jista' fil-fatt isir minn operaturi oħra sakemm dawn huma detenturi ta' liċenzja ta' kummerċ bl-ingrossa.

5       L-Artikolu 6 tal-lag om handel med läkemedel jipprovdi li d-distribuzzjoni ta' prodotti mediċinali għandha ssir b'mod razzjonali sabiex tassigura d-disponibbiltà ta' prodotti mediċinali siguri u effikaċi.

6       Skond l-Artikolu 11 ta' l-imsemmija liġi, il-ksur ta' l-Artikolu 4 ta' din l-istess liġi huwa punibbli b'ammenda jew b'piena ta' priġunerija ta' sentejn jew iktar.

7       Il-läkemedelslag (1992:859) (liġi nru. 859 ta' l-1992 fuq il-prodotti mediċinali), fl-Artikolu 1 tagħha, tiddefinixxi l-kunċett ta' "prodott mediċinali" bħala prodott li huwa intiż għall-amministrazzjoni lill-bnedmin jew lill-annimali sabiex jipprevjeni, jikkonstata, itaffi jew jikkura l-mard jew is-sintomi tal-mard jew li huwa intiż sabiex jintuża għal skop analogu.

8       Bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 ta' din il-liġi, prodott mediċinali jista', fil-prinċipju, jinbiegħ biss wara li jkun is-suġġett ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, li tingħata jew mill-awtorità Żvediża kompetenti jew inkella minn awtorità ta' Stat Membru ieħor u, f'dan l-aħħar każ, wara r-rikonoxximent fl-Iżvezja ta' l-imsemmija awtorizzazzjoni.

9       Il-Gvern Żvediż, jew, fuq l-awtorizzazzjoni tiegħu, il-Läkemedelsverket (l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-prodotti mediċinali) jista' jiddeċiedi, meta dan huwa neċessarju għal raġunijiet sanitarji, li prodott mediċinali jista' jingħata biss fuq riċetta mediċinali jew fuq ordni ta' persuna kompetenti li tippreskrivi prodotti mediċinali.

10     Fil-prinċipju, il-prodotti mediċinali soġġetti għal riċetta mediċinali huma ssussidjati mill-Istat (prodotti mediċinali ssussidjati), filwaqt li l-prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali mhumiex (prodotti mediċinali mhux issussidjati).

 Il-miżuri ta' applikazzjoni

11     Mill-1970, il-Gvern Żvediż fada lil Apoteksbolaget AB, u aktar tard lill-aventi kawża tagħha Apoteket, li hija kkonċernata mill-fatti fil-kawża prinċipali, il-kummerċ bl-imnut ta' prodotti mediċinali.

12     Apoteket hija joint stock company taħt id-dritt Żvediż, mingħajr skop ta' profitt u bl-amministrazzjoni tagħha li hija essenzjalment komposta minn persuni politiċi u uffiċjali ta' l-Istat. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Istat Żvediż għandu sehem maġġoritarju ta' żewġ-terzi tal-kapital tagħha.

13     Apoteket ma timportax prodotti mediċinali hija stess iżda tforni ruħha direttament minn manifatturi fl-Iżvezja jew inkella minn żewġ grossisti, Kronans Droghandel u Tamro. Dawn it-tnejn ta' l-aħħar ifornu ċentri loġistiċi għall-kunsinna ta' prodotti mediċinali lil Apoteket, mingħajr ma huma stess isegwu politika kummerċjali tagħhom proprja.

14     F'dak li jirrigwarda n-netwerk ta' bejgħ ta' Apoteket, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li Apoteket għandha madwar 800 spiżerija li tipposjedi u tmexxi hi stess. Is-sit ta' dawn l-ispiżeriji huwa stabbilit minn Apoteket, f'kollaborazzjoni stretta ma' l-awtoritajiet lokali u ma' l-awtoritajiet fil-qasam tas-saħħa. Fiż-żoni rurali, Apoteket imbagħad tuża s-servizzi ta' madwar 970 Apoteksombud (aġenti farmaċewtiċi), li jaqgħu taħt il-kontroll tagħha. Dawn huma operaturi privati, ġeneralment ħwienet lokali ta' l-ikel li jipprovdu prodotti mediċinali fuq riċetta mediċinali lill-konsumaturi u li jistgħu wkoll ibiegħu ċerti prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali. L-istokk ta' l-aġenti fl-ispiżeriji huwa l-proprjetà ta' Apoteket u l-assortiment tagħhom huwa stabbilit mid-direttur reġjonali tagħha flimkien mas-servizzi ta' saħħa lokali. Fl-aħħarnett, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, Apoteket kienet tbiegħ prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali minn fuq it-telefon.

15     Bis-saħħa ta' ftehim bejn l-Istat Żvediż u Apoteket ta' l-20 ta' Diċembru 1996 (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' l-1996"), li kien fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, Apoteket għandha:

–       b'kooperazzjoni stretta mas-servizzi ta' saħħa, torganizza sistema ta' distribuzzjoni ta' prodotti mediċinali li tkopri t-territorju nazzjonali u li hija adattata għall-kondizzjonijiet lokali u li tissodisfa l-eżiġenzi ta' provvista sigura, raġjonevoli u effikaċi ta' prodotti mediċinali;

–       fil-politika tagħha ta' twaqqif u tmexxija ta' postijiet ta' bejgħ, tassigura l-interessi tal-konsumaturi;

–       li żżomm stokkijiet ta' prodotti mediċinali u kapaċità ta' kunsinna suffiċjenti sabiex jissodisfaw it-talbiet leġittimi tas-sistema ta' saħħa;

–       tforni fl-iqsar żmien possibbli l-prodotti mediċinali kollha, kemm fuq riċetta mediċinali kemm le;

–       tassigura li l-provvista ta' prodotti mediċinali titwettaq bl-iċken spiża possibbli, kemm fil-katina ta' distribuzzjoni kif ukoll f'oqsma oħra:

–       tipprattika politika ta' prezz wieħed fuq it-territorju kollu, bil-prezzijiet ta' bejgħ ta' prodotti mediċinali ssussidjati li jiġu stabbiliti mill-kumitat tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali u l-prezzijiet ta' bejgħ tal-prodotti mediċinali mhux issussidjati li jiġu stabbiliti minn Apoteket stess b'mod li jippermetti remunerazzjoni ġusta għall-kapital tagħha;

–       twettaq kontinwament sforzi ta' ppjanar u ta' żieda ta' produttività; kif ukoll

–       tagħti lill-klijentelà tagħha informazzjoni indipendenti minn dik tal-manifatturi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16     L-awtoritajiet Żvediżi ressqu proċedura kriminali kontra s-Sur Hanner, bħala direttur ġenerali tal-kumpannija Żvediża Bringwell International AB; kumpannija b'parti mill-propjetarji tagħha li huma Norveġiżi u parti minnhom Żvediżi. Bejn it-30 ta' Mejju u s-27 ta' Lulju 2001, din il-kumpannija kienet qiegħdet fis-suq, bi ksur tas-sistema Żvediża li tirriserva l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti mediċinali lil Apoteket (iktar 'il quddiem is-"sistema ta' bejgħ fil-kawża prinċipali") tnax-il pakkett ta' Nicorette Plåster (patches) u ta' Nicorette Tuggummi (ċjuwing-gamm). Dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali skond il-lag om handel med läkemedel.

17     Fil-kuntest tad-difiża tiegħu, is-Sur Hammel sostna li l-imsemmija sistema tistabbilixxi monopolju nazzjonali kontra l-Artikoli 28 KE, 31 KE u 43 KE.

18     Peress li kellha dubji fuq il-kompatibbiltà tas-sistema ta' bejgħ kkontestata fil-kawża prinċipali mad-dritt Komunitarju, l-iStockholms tingsrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)    Fuq il-pjan nazzjonali teżisti sistema awtonoma ta' kontroll u ta' awtorizzazzjoni ta' prodotti mediċinali intiża li tassigura l-kwalità tajba tal-prodotti mediċinali u tipprevjeni l-effetti dannużi tal-prodotti mediċinali. Ċerti prodotti mediċinali huma sottomessi wkoll għall-obbligu ta' preskrizzjoni (riċetta mediċinali) minn tabib awtorizzat. Taħt kundizzjonijiet bħal dawn, l-Artikolu 31 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kummerċ bl-imnut ta' prodotti mediċinali jista' jitwettaq biss mill-Istat jew minn persuna ġuridika li fuqha l-Istat għandu influwenza dominanti u li għandha l-għan li tissodisfa l-bżonn ta' prodotti mediċinali siguri u effikaċi?

2)     Fid-dawl ta' dak li ġie indikat fil-kuntest ta' l-ewwel domanda, l-Artikolu 28 KE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda?

3)     Fid-dawl ta' dak li ġie indikat fil-kuntest ta' l-ewwel domanda, l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda?

4)     Fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel sat-tielet domanda, il-prinċipju tal-proporzjonalità jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda?

5)     Xi jkun l-effett, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni magħmula f'dak li jirrigwarda l-ewwel sar-raba' domanda, jekk il-prodotti mediċinali kkunsidrati li huma "f'bejgħ liberu" [prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali] kellhom jevitaw, totalment jew parzjalment, l-obbligu tad-dritt nazzjonali li l-kummerċ bl-imnut ta' prodotti mediċinali jista' jsir biss mill-Istat jew minn persuna ġuridika li fuqha l-Istat għandu influwenza dominanti?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sostanza, jekk l-Artikolu 31(1) KE jipprekludix sistema li tipprevedi dritt esklussiv ta' bejgħ bl-imnut bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

20     Is-Sur Hanner u l-Kummissjoni jsostnu li s-sistema ta' bejgħ ikkonstestata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi monopolju nazzjonali diskriminatorju li jmur kontra l-Artikolu 31 KE.

21     Sabiex isostni l-analiżi tiegħu, is-Sur Hanner jissottometti li s-sistema ta' selezzjoni fondata fuq l-iżvilupp prevedibbli tad-domanda tirrendi l-introduzzjoni ta' prodotti mediċinali ġodda mingħajr riċetta mediċinali fl-istokk u fl-assortiment ta' prodotti ta' l-ispiżeriji u l-agenti farmaċewtiċi diffiċli ħafna.

22     F'dak li jirrigwarda ċertu tipi ta' prodotti mediċinali, bħall-isprejijiet ta' l-imnieħer u l-prodotti mediċinali kontra d-deni u l-uġiegħ ta' ras, il-biċċa l-kbira tal-prodotti ppreżentati fl-assortimenti tal-prodotti ta' l-ispiżeriji huma mmanifatturati jew fl-Iżvezja inkella minn impriżi li għandhom rabtiet b'saħħithom ħafna ma' l-Iżvezja jew inkella huma kkummerċjalizzati minn impriżi Żvediżi.

23     Huwa jżid li m'hemmx biżżejjed postijiet minn fejn jinbiegħu il-prodotti mediċinali u li l-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-ispiżeriji huma qosra ħafna.

24     Is-Sur Hammer isostni wkoll li l-imsemmija sistema ta' bejgħ ikkonċernata fil-kawża prinċipali ma tistax tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta' interess pubbliku, f'dak li d-dritt esklussiv mhuwiex neċessarju u huwa, f'kull każ, sproporzjonat, peress li din is-sistema tapplika mhux biss għall-prodotti mediċinali b'riċetta mediċinali iżda wkoll għal dawk mingħajr riċetta mediċinali.

25     Il-Kummissjoni tħoss li s-sistema ta' bejgħ ikkontestata fil-kawża prinċipali tista' tkun ta' żvantaġġ għall-kummerċ ta' prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra meta kkomparat ma' dak tal-prodotti mediċinali nazzjonali u hija għaldaqstant diskriminatorja. Is-sistema ta' selezzjoni ta' prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali hija nieqsa mit-trasparenza, ma tipprevedix motivazzjoni f'każ ta' ċaħda u hija nieqsa minn kontroll eżerċitat b'mod indipendenti. In-netwerk ta' bejgħ jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-aġenti farmaċewtiċi u la n-numru ta' tali aġenti u lanqas is-siti tagħhom m'huma soġġetti għal kriterji oġġettivi jew għal possibilitajiet ta' kontroll.

26     Min-naħa l-oħra, il-Gvern Żvediż iressaq numru ta' argumenti sabiex isostni li s-sistema ta' bejgħ ikkontestata fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix monopolju nazzjonali diskriminatorju kontra l-Artikolu 31 KE.

27     Dan il-Gvern fil-fatt josserva li, f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' selezzjoni ta' prodotti mediċinali, is-selezzjoni ta' prodotti mediċinali b'riċetta mediċinali kienet essenzjalment tiddependi, fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, fuq fatturi li fuqhom Apoteket ma kellha ebda influwenza, jiġifieri l-fatt li prodott mediċinali huwiex issussidjat jew le u l-għażla tat-tabib li joħroġ ir-riċetta mediċinali. Bl-istess mod, is-selezzjoni ta' prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali hija bbażata fuq kriterju oġġettiv ta' natura purament kummerċjali, jiġifieri l-iżvilupp prevedibbli tad-domanda. Barra minn dan, Apoteket hija obbligata li tipprovdi kull prodott mediċinali meta ssir it-talba u, fil-prattika, bl-għajnuna ta' reġistru ċentrali u kompjuterizzat ta' prodotti awtorizzati bħala prodotti mediċinali għall-bejgħ fl-Iżvezja, hija tista' tagħmel dan f'24 siegħa. Minbarra dan, jintbagħat fuljett informattiv għal kull prodott ġdid awtorizzat bħala prodott mediċinali lill-ispiżeriji kollha. Għaldaqstant, il-manifatturi huma ħielsa li jinfluwenzaw kemm id-domanda tal-konsumaturi kif ukoll id-deċiżjoni ta' selezzjoni ta' Apoteket billi jagħmlu kampanji pubbliċitarji għall-prodotti mediċinali mingħajr riċetta mediċinali tagħhom.

28     F'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tan-netwerk ta' bejgħ, Apoteket hija marbuta li tassigura l-interessi tal-konsumaturi. Minbarra dan, in-numru ta' postijiet ta' bejgħ m'għandux ikun limitat b'mod li jikkomprometti l-provvista tal-prodotti mediċinali lil dawn ta' l-aħħar.

29     Barra minn dan, il-Gvern Żvediż isostni li, fil-każ tal-promozzjoni ta' prodotti mediċinali, Apoteket hija obbligata li tipprovdi informazzjoni indipendenti rigward il-prodotti. Minbarra dan, kif diġà ġie msemmi fil-punt 27 ta' din is-sentenza, il-manifatturi huma ħielsa biex jagħmlu, huma stess, kampanji pubbliċitarji fost il-konsumaturi għall-prodotti mediċinali tagħhom mingħajr riċetta mediċinali.

30     Fl-aħħar, l-istess Gvern isostni li, f'kull każ, is-sistema ta' bejgħ ikkontestata fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata safejn Apoteket tiġi inkarigata tmexxi servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri l-bejgħ ta' prodotti mediċinali bi prezzijiet uniformi fit-territorju Żvediż kollu.

31     Min-naħa tiegħu, il-Gvern Olandiż iħoss li l-qorti tar-rinviju ma tagħtix biżżejjed ħjiel rigward il-metodu ta' selezzjoni wżat minn Apoteket għall-provvista tagħha ta' prodotti mediċinali u li, għaldaqstant, ma tipprovdix elementi suffiċjenti sabiex tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar jekk u safejn is-sistema ta' bejgħ fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 31 KE.

 It-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     Mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 31(1) KE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għall-monopolji nazzjonali ta' xorta kummerċjali. Bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 31(1) KE, l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għal kull korp illi permezz tiegħu Stat Membru, de jure jew de facto, direttament jew indirettament, jikkontrolla, jmexxi jew jinfluwenza sew l-importazzjoni jew l-importazzjoni bejn l-Istati Membri.

33     Fil-kawża prinċipali, hekk kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 39 tal-Konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta' bejgħ ikkontestata tikkostitwixxi monopolju nazzjonali ta' xorta kummerċjali fis-sens ta' l-Artikolu 31(1) KE. Fil-fatt, Apoteket teżerċita attività kummerċjali, jiġifieri l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti mediċinali, li hija riżervata lilha b'mod esklussiv mill-lag om handel med läkemedel. Barra minn dan, il-Gvern Żvediż ma jikkontestax li Apoteket hija soġġetta, fil-kuntest ta' din l-attività, għall-kontroll ta' l-Istat, kemm minħabba s-sehem maġġoritajru ta' l-istess Stat fil-kapital ta' din il-kumpannija kif ukoll minħabba l-istruttura tat-tmexxija tagħha.

34     F'sitwazzjoni bħal din, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, mingħajr ma jeżiġi l-abolizzjoni totali tal-monopolji nazzjonali ta' xorta kummerċjali, l-Artikolu 31(1) KE jippreskrivi t-tmexxija tagħhom b'mod li tiġi garantita, fil-kundizzjonijiet ta' provvista u ta' opportunitajiet, l-esklużjoni ta' kull disriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta' Frar 1976, Manghera et, 59/75, Ġabra p. 91, punti 4 u 5; tat-13 ta' Marzu 1979, Hansen, 91/78, Ġabra p. 935, punt 8; tas-7 ta' Ġunju 1983, il-Kummissjoni vs l-Italja, 78/82, Ġabra p. 1955, punt 11; ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Banchero, C-387/93, Ġabra p. I-4663, punt 27 u tat-23 ta' Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 38).

35     L-Artikolu 31(1) KE fil-fatt għandu l-għan li jirrikonċilja l-possibilità, għall-Istati Membri, li jżommu ċerti monopolji ta' xorta kummerċjali, bħala strumenti sabiex jintlaħqu għanijiet ta' interess pubbliku ma' l-eżiġenzi ta' l-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq komuni. Huwa intiż għall-eleiminazzjoni tax-xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija, bl-eċċezzjoni madankollu ta' l-effetti restrittivi fuq il-kummerċ li huma inerenti fl-eżistenza tal-monopolji kkonċernati (sentenza Franzén, ċitata iktar 'il fuq, punt 39).

36     Għaldaqstant, f'dak li jirrigwarda l-monopolji ta' bejgħ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhumiex ammessi monopolji li huma mmexxija b'mod li l-kummerċ tal-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra huwa żvantaġġat, fid-dritt jew fil-fatt, meta komparat ma' dak tal-merkanzija nazzjonali (sentenza Franzén, ċitata iktar 'il fuq, punt 40).

37     Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk is-sistema ta' bejgħ ikkontestata fil-kawża prinċipali hijiex immexxija b'mod li tiġi eskluża kull diskriminazzjoni fir-rigward ta' prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

38     Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-monopolju nazzjonali kkonċernat jistgħux jiżvantaġġaw il-prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Franzén, ċitata iktar 'il fuq, punt 40) jew jekk dan il-monopolju jiżvantaġġax, fil-prattika, prodotti mediċinali bħal dawn.

39     F'dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn iż-żewġ aspetti, mis-sentenza Franzén jirriżulta li (ċitata iktar 'il fuq, punti 44 u 51), qabel kollox, is-sistema ta' selezzjoni ta' monopolju ta' bejgħ għandha tiddependi fuq kriterji indipendenti mill-oriġini tal-prodotti u għandha tkun trasparenti billi tipprovdi kemm obbligu li d-deċiżjonijiet ikunu motivati kif ukoll proċedura ta' kontroll indipendenti.

40     Imbagħad, in-netwerk ta' bejgħ ta' tali monopolju għandu jkun organizzat b'mod li n-numru tal-postijiet ta' bejgħ ma jkunux limitati sal-punt li l-provvista lill-konsumaturi tiġi kompromessa (ara, f'dan is-sens, f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 28 KE, is-sentenza Banchero, ċitata iktar 'il fuq, punt 39, u, f'dak li jirrigwarda, l-Artikolu 31(1) KE, is-sentenza Franzén, ċitata iktar 'il fuq, punt 54).

41     Fl-aħħarnett, il-miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' pubbliċità ta' tali monopolju għandhom ikunu imparzjali u indipendenti mill-oriġini tal-prodotti u jintużaw sabiex il-konsumaturi jiġu mgħarrfa fuq prodotti ġodda (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Franzén, ċitata iktar 'il fuq, punt 54).

42     Fil-kawża prinċipali, mill-elementi mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-ftehim ta' l-1996, ma jipprovdi la pjan ta' bejgħ u lanqas sistema ta' "sejħa għall-offerti", fil-kuntest ta' liema l-manifatturi tal-prodotti li ma jiġux selezzjonati jkollhom id-dritt li jirċievu komunikazzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni ta' selezzjoni. Huwa lanqas ma jipprovdi l-possibilità li din id-deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem istanza ta' kontroll indipendenti. Għall-kuntrarju, skond l-imsemmi ftehim, Apoteket tidher li, fil-prinċipju, għandha l-flessibiltà kollha li tisselezzjona assortiment skond l-għażla tagħha.

43     Għaldaqstant, il-ftehim ta' l-1996 ma jassigurax l-esklużjoni ta' kull diskriminazzjoni. Iżda l-Gvern Żvediż ma invoka l-eżistenza ta' ebda miżura oħra li tkun tista' timla' dan in-nuqqas ta' garanziji strutturali.

44     Dawn iċ-ċirkostanzi huma biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' Apoteket u, b'mod aktar partikolari, is-sistema tagħha ta' selezzjoni ta' prodotti mediċinali, jistgħu jiżvantaġġaw il-kummerċ ta' prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra meta kkomparat mal-kummerċ tal-prodotti mediċinali Żvediżi. Għaldaqstant, dan il-monopolju nazzjonali mhuwiex immexxi b'mod li jeskludi kull diskriminazzjoni kontra prodotti mediċinali li joriġinaw fi Stati Membri oħra. Konsegwentement huwa jikser l-Artikolu 31(1) KE.

45     Konsegwentement, m'hemmx għalfejn li jiġi ttrattat it-tieni aspett, jiġifieri li jiġi vverifikat jekk, fil-prattika, Apoteket tiżvantaġġax, fil-prattika, il-prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

46     Madankollu, il-Gvern Żvediż jibqa' jsostni li s-sistema ta' bejgħ ikkontestata fil-kawża prinċipali tista' tkun ġustifikata.

47     F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 86(2) KE jista' jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata l-għotja ta' drittijiet esklussivi kontra l-Artikolu 31(1) KE minn Stat Membru lil impriża inkarigata bit-tmexxija ta' servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali safejn it-twettiq tal-funzjonijiet speċifiċi li ngħatawla tista' jista' jiġi biss assigurat permezz ta' l-għotja ta' tali drittijiet u sakemm l-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex effettwat b'mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta' Ottubru 1997, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-157/94, Ġabra p. I-5699, punt 32; il-Kummissjoni vs l-Italja, C-158/94, Ġabra p. I-5789, punt 43, u l-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, Ġabra, p. I-5815, punt 49).

48     Madankollu, fl-assenza ta' sistema ta' selezzjoni li teskludi kull diskriminazzjoni fir-rigward ta' prodotti mediċinali li joriġinaw minn Stati Membri oħra, sistema ta' bejgħ bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, kif deskritta fil-punti 42 u 43 ta' din is-sentenza, ma tistax tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 86(2) KE.

49     Konsegwentement it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(1) KE jipprekludi sistema li tipprovdi għal dritt esklussiv ta' bejgħ bl-imnut immexxija skond modalitajiet bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sistema kkontestata fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni sal-ħames domanda

50     Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata tweġiba għad-domandi l-oħra.

 Dwar l-ispejjeż

51     Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajjma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 31(1) KE jipprekludi sistema li tipprovdi għal dritt esklussiv ta' bejgħ bl-imnut immexxija skond modalitajiet bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sistema kkontestata fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.