KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-30 ta’ April 2014 (1)
Kawżi magħquda C‑473/13 u C‑514/13
Adala Bero (C‑473/13)
vs
Regierungspräsidium Kassel
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]
u
Ettayebi Bouzalmate (C‑514/13)
vs
Kreisverwaltung Kleve
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München (il-Ġermanja)]
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Miżuri ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija — Kundizzjonijiet u sistema tad-detenzjoni — Artikolu 16(1) — Detenzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal detenzjoni f’ħabs fil-Land meta din tal-aħħar ma jkollhiex faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni — Kompatibbiltà”
u
Kawża C‑474/13
Thi Ly Pham
vs
Stadt Schweinfurt, Amt für Meldewesen und Statistik
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Miżuri ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija — Kundizzjonijiet u sistema tad-detenzjoni — Artikolu 16(1) — Detenzjoni f’ħabs — Obbligu ta’ separazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-priġunieri ordinarji — Nuqqas ta’ separazzjoni minħabba r-rinunzja tal-persuna kkonċernata għal din il-garanzija — Kompatibbiltà”
I – Introduzzjoni
1. Jista’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija tiegħu jinżamm f’ħabs minħabba l-fatt li fil-Land responsabbli għall-eżekuzzjoni tad-detenzjoni tiegħu ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati bħal dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE (2)?
2. Barra minn hekk, dan iċ-ċittadin jista’ jagħti l-kunsens tiegħu sabiex jinżamm mal-priġunieri ordinarji u b’hekk jirrinunzja għad-dritt li tagħtih din id-dispożizzjoni li jkun separat minn dawn tal-aħħar?
3. Dawn huma, essenzjalment, id-domandi mqajma mill-Kawżi magħquda C-473/13 u C-514/13 kif ukoll mill-Kawża C-474/13.
4. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom, l-Istati Membri, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandhom jiżguraw id-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom abbażi tad-Direttiva.
5. Skont l-Artikolu 79(2) TFUE l-għan tad-Direttiva huwa l-implementazzjoni ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards u garanziji komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu ripatrijati b’mod uman u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tagħhom (3).
6. Mill-premessi 13 u 16 kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipproċedu bit-tneħħija permezz tal-miżuri l-inqas koersivi possibbli. Sabiex tiżgura l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn, id-Direttiva tipprovdi għalhekk klassifikazzjoni tal-miżuri li jibdew minn miżuri li jħallu l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ żmien għat-tluq volontarju tiegħu, sa miżuri li l-iktar jirrestrinġuha, jiġifieri d-detenzjoni f’faċilità speċjalizzata. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija toħloq ir-riskju, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata, li dawn l-Istati jistgħu jipproċedu għall-privazzjoni tal-libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni (4).
7. Din l-aħħar miżura tikkostitwixxi l-miżura li tirrestrinġi l-libertà l-iktar gravi li tippermetti d-Direttiva fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija bil-forza (5). Hija tikkostitwixxi, fil-prinċipju, miżura li għandha tintuża fl-aħħar lok (6). Għalhekk hija strettament limitata mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-kuntest tal-Kapitolu IV tad-Direttiva b’mod li tiġi ggarantita, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati (7).
8. Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jipprovdi, fil-verżjoni Maltija tiegħu, dan li ġej:
“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji” (8).
9. L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jistabbilixxi għalhekk żewġ rekwiżiti fir-rigward tal-Istati Membri dwar il-kundizzjonijiet u s-sistema tad-detenzjoni.
10. Minn naħa, id-detenzjoni ssir f’faċilità speċjalizzata bi stil ta’ ħajja adattat u, min-naħa l-oħra, meta din ikollha b’mod eċċezzjonali issir f’ħabs, l-Istat Membru għandu jiggarantixxi s-separazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin mill-priġunieri ordinarji, fejn dan l-aħħar rekwiżit jidher li huwa sagrosant, peress li huwa obbligatorju jkun xi jkun il-post tad-detenzjoni.
11. Issa, kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa biss parzjalment issodisfatt fil-Ġermanja.
12. Fil-fatt, għandu jkun magħruf li, skont l-Artikoli 83 u 84 tal-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland, iktar ’il quddiem il-“Liġi Fundamentali”), huma l-Istati federali (Bundesländer) li għandhom jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-detenzjonijiet ordnati fid-dawl tat-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment.
13. Issa, minn sittax-il Länder li jikkostitwixxu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għaxra minnhom ma kellhomx, fil-mument li saret din it-talba għal deċiżjoni preliminari, faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati, u għalhekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija jitpoġġew f’ħabsijiet u jiġu suġġetti, f’ċerti każijiet, għall-istess regoli u restrizzjonijiet bħal dawk tal-priġunieri ordinarji (9).
14. B’hekk, fil-Kawża C-473/13, Adala Bero, li hija ċittadina Sirjana, tpoġġiet taħt detenzjoni mis-6 ta’ Jannar sat-2 ta’ Frar 2011 fil-ħabs tal-belt ta’ Francfort-am-Main, peress li l-Land ta’ Hesse ma għandha l-ebda faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni li tista’ tilqa’ n-nisa. Mill-osservazzjonijiet magħmula minn A. Bero jirriżulta li din ma kinitx separata mill-priġunieri ordinarji u mill-persuni mpoġġija taħt detenzjoni provviżorja.
15. Fil-Kawża C-514/13, Ettayebi Bouzalmate, li huwa ċittadin Marokkin, inżamm sa mill-14 ta’ Lulju 2013 f’parti distinta tal-ħabs tal-belt ta’ München, fin-nuqqas ta’ faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fil-Land ta’ Bayern u dan matul perijodu ta’ tliet xhur (10).
16. Fl-aħħar nett, fil-Kawża C-474/13, Thi Ly Pham, li hija ċittadina Vjetnamiża, tpoġġiet taħt detenzjoni mid-29 ta’ Marzu sal-10 ta’ Lulju 2012 fil-ħabs tal-belt ta’ Nürnberg (Land ta’ Bayern) u barra minn hekk, tat il-kunsens tagħha sabiex tinżamm mal-priġunieri ordinarji.
17. Mill-osservazzjonijiet mressqa minn T. L. Pham jirriżulta li hija ffirmat id-dikjarazzjoni bil-miktub ippreparata minn qabel li ġejja:
“Pham Thi Ly, taħt detenzjoni
Jiena niddikjara li nagħti l-kunsens tiegħi sabiex nitpoġġa flimkien mal-priġunieri.
Nürnberg, it-30 ta’ Marzu 2012
Firma”
18. Dawn id-detenzjonijiet kollha ġew adottati abbażi tal-Artikolu 62a(1) tal-Liġi dwar ir-residenza, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali [Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz)], tat-30 ta’ Lulju 2004 (11), li għandha l-għan li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
19. L-Artikolu 62a(1) tal-Aufenthaltsgesetz huwa fformulat kif ġej:
“Id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Meta Land ma jkollux faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, id-detenzjoni tista’ sseħħ f’ħabsijiet oħra ta’ dan il-Land; f’dak il-każ, il-persuni li jkunu detenuti sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom, għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.” (12)
20. Fil-kawżi prinċipali, il-Bundesgerichtshof (Kawżi C-473/13 u C‑474/13) u l-Landgericht München (Kawża C-514/13) jistaqsu dwar il-legalità tad-detenzjoni fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
21. Il-Kawżi C-473/13 u C-514/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza minħabba l-identità tad-domanda preliminari. Sa fejn il-Kawża C-474/13 għandha rabta mill-qrib ma’ dawn il-kawżi magħquda, jiena għażilt li nippreżenta konklużjonijiet komuni.
A – Il-Kawżi magħquda C‑473/13 u C‑514/13
22. Fil-Kawżi magħquda C-473/13 u C-514/13, il-Bundesgerichtshof u l-Landgericht München jistaqsu dwar in-natura tal-motivi li jippermettu lil Stat Membru jordna t-tpoġġija taħt detenzjoni ta’ immigrant f’sitwazzjoni irregolari f’ħabs.
23. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 62a(1) tal-Aufenthaltsgesetz mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva u jistaqsu, b’mod partikolari, jekk hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura federali tal-Ġermanja u l-kompetenzi rriżervati għal kull wieħed mill-Istati federali għall-implementazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.
24. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tawtorizza espressament lil-Land kompetenti sabiex ipoġġi ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ t-tneħħija fil-ħabsijiet meta “[huwa] ma jkollux faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”.
25. Għalhekk il-Bundesgerichtshof u l-Landgericht München it-tnejn iddeċidew li jissospendu l-proċeduri quddiemhom u jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari. Id-domandi li huma jressqu f’dan il-kuntest huma, essenzjalment, identiċi.
26. Fil-Kawża C-473/13, il-Bundesgerichtshof iressaq id-domanda preliminari segwenti:
“Mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva […] jirriżulta li Stat Membru għandu, bħala regola ġenerali, iżomm persuna għall-finijiet ta’ tneħħija f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, inkluż f’każijiet fejn tali ċentri jeżistu biss f’parti mill-istruttura federali tal-Istat, iżda mhux f’partijiet oħrajn?”
27. Fil-Kawża C-514/13, il-Landgericht München ifformula d-domanda tiegħu fit-termini li ġejjin:
“Mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva […] jirriżulta li Stat Membru għandu, bħala regola ġenerali, iżomm persuna għall-finijiet ta’ tneħħija f’ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, inkluż meta ċentri bħal dawn jeżistu biss f’parti mill-istruttura federali tal-Istat, iżda mhux f’dik fejn id-detenzjoni għandha tiġi eżerċitata konformement mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istruttura federali ta’ dan l-Istat?”
28. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Olandiż, Svediż u dak Svizzeru, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet.
B – Il-Kawża C‑474/13
29. Il-Kawża C-474/13 għandha l-istess kuntest bħall-Kawżi magħquda C-473/13 u C-514/13. Hija tqajjem, madankollu, il-kwistjoni dwae il-portata li għandu jingħata lill-obbligu ta’ separazzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari mill-priġunieri ordinarji, previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, infakkar li l-persuna kkonċernata tpoġġiet għal tliet xhur f’ħabs fil-belt ta’ Nürnberg u, barra minn hekk, tat il-kunsens tagħha sabiex tinżamm mal-priġunieri ordinarji.
30. F’din il-kawża, il-Bundesgerichtshof tistaqsi, konsegwentement, dwar il-legalità ta’ tali detenzjoni fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, fid-dawl tal-kunsens mogħti mill-persuna kkonċernata.
31. Għaldaqstant, il-Bundesgerichtshof issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva […] li persuna titpoġġa taħt detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija flimkien ma’ priġunieri, f’każ illi din il-persuna tagħti l-kunsens tagħha sabiex titqiegħed f’dan il-grupp?”
32. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet.
C – Il-kwistjoni tad-domandi
33. It-tliet rinviji għal deċiżjoni preliminari jqajmu kwistjoni verament ta’ prinċipju dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija kif stipulati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
34. Il-kwistjoni tad-detenzjoni tal-immigranti sakemm iseħħ ir-ritorn tnissel immaġini ta’ realtà spiss illustrata minn attwalità traġika. Fil-globalità tagħha, din il-kwistjoni tqajjem il-problema ta’ adegwatezza tas-sistema implementata fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi osservazzjoni ta’ din is-sistema twassal għall-konstatazzjoni li l-loġika tal-prinċipji osservati twassal għal nuqqas ta’ ekwilibriju bejn l-Istati Membri. Uħud minnhom, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, għandhom responsabbiltà ikbar minn oħrajn u l-piż ekonomiku li jirriżulta minnha ma jistax ma jiġix innotat.
35. Madankollu, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u warajha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenzi li taw kull waħda minnhom (13), fakkru li s-sistema fis-seħħ attwalment ma għandhiex twassal għal riżultat fejn il-piż kollu jintrefa’ biss mill-Istati Membri direttament iffaċċjati b’influssi qawwija ta’ immigranti.
36. Fil-fatt, qabel ma ngħataw is-sentenzi inkwistjoni, l-applikazzjoni pura u sempliċi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienet twassal, volens nolens, għal sitwazzjoni iktar komda għal ċerti Stati membri milli għal oħrajn.
37. Iż-żewġ qrati fakkru għalhekk li l-faċilità għandha tiġi wara l-ħtieġa tar-rispett tad-drittijiet fundamentali.
38. Jiena nixtieq illum nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta approċċ simili fl-ispirtu tiegħu fil-każijiet li huma attwalment sottomessi lilha.
39. Taħt l-influss tal-immigranti, id-detenzjoni sakemm isseħħ it-tneħħija saret estremament importanti. Ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni ta’ tbatija huma diversi u magħrufa. Dawn jaqgħu taħt il-politika esterna tal-Istati Membri u tal-Unjoni, qasam irriżervat għalihom.
40. Mill-banda l-oħra, il-kundizzjonijiet legali tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni u dawk, materjali, tal-eżekuzzjoni tagħha, jaqgħu taħt l-istħarriġ ġudizzjarju.
41. Il-kundizzjonijiet legali tad-deċiżjonijiet ta’ tpoġġija taħt detenzjoni ma humiex inkwistjoni hawnhekk. Mill-banda l-oħra, il-kundizzjonijiet materjali tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu l-qalba tal-kwistjoni sottomessa.
42. Id-Direttiva tiddikjara b’mod perfettament evidenti li d-deċiżjoni ta’ tpoġġija taħt detenzjoni tikkostitwixxi miżura li għandha tintuża fl-aħħar lok. Hija ssostni n-natura totalment sussidjarja marbuta man-neċessità li tiżgura t-tneħħija tal-immigrant. Id-Direttiva tistabilixxi għalhekk b’mod partikolarment tajjeb li s-sitwazzjoni ta’ immigrant li l-uniku nuqqas tiegħu jinsab fid-deprivazzjoni tiegħu u li l-uniku reat tiegħu jikkonsisti f’li jipprova jaħrab minnha, anki bi prezz ta’ riskji eċċessivi b’riżultat totalment inċert, hija l-oppost ta’ dik ta’ kriminal. Din il-karatteristika fundamentali għandha tiġi riflessa fis-sistema ta’ eżekuzzjoni tal-miżura li, hija wkoll, għandha tkun distinta mill-eżekuzzjoni ta’ piena.
43. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat, minn issa, li l-ħabsijiet, li huma jew stabbilimenti għal piena li jissodisfaw għanijiet preċiżi marbuta mal-kunċett ta’ piena stess jew post ta’ arrest, ma jistgħux jiġu mfixkla mal-faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati previsti mid-Direttiva. Individwu jiġi detenut f’ħabs biss għal żewġ raġunijiet, jew qabel ma tingħata sentenza, jew għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni kriminali fejn kull wieħed minn dawn il-każijiet jaqa’ fi proċedura marbuta ma’ ksur kriminali gravi.
44. Qabel is-sentenza, id-detenzjoni hija maħsuba biss għal raġunijiet preċiżi li jippreżumu bħala rekwiżit bażiku li wieħed jikkristallizza fuqu l-elementi li jrendu possibbli, jekk mhux probabbli, it-twettiq ta’ ksur ta’ ċertu livell ta’ gravità u li magħhom jiżdiedu provi relatati kemm man-natura tal-att imwettaq, kif ukoll maċ-ċirkustanzi tat-twettiq tiegħu, fin-nuqqas ta’ garanziji ta’ rappreżentazzjoni tal-persuna akkużata, mal-bżonn li jiġu ppreservati l-provi u li jiġu evitati pressjonijiet fuq ix-xhieda kif ukoll provi relatati mal-personalità tal-persuna akkużata, li jrendu indispensabbli d-dispożizzjoni tagħhom għall-ġustizzja.
45. It-tpoġġija taħt detenzjoni qabel sentenza tirrispondi għalhekk, b’mod partikolari, għan-neċessità li jiġu evitati kuntatti ma’ terzi persuni, jew li tiġi evitata l-ħarba. Minn dan neċessarjament jirriżulta li, anki fir-rigward tal-istabbilimenti jew it-taqsimiet ta’ stabbiliment irriżervati għal persuni li għadhom ma ngħatawx sentenza, is-sistema ta’ detenzjoni applikata tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet bażiċi. L-obbligi li jirriżultaw minnhom ma jistgħu fl-ebda każ jippermettu, fi ħdan dawn l-istrutturi, il-moviment liberu tal-persuni li jinsabu hemm kontra l-volontà tagħhom, kif ukoll l-aċċess liberu għal terzi persuni jew il-libertà ta’ kuntatti mal-estern, għaliex huwa ġustament sabiex jiġu pprojbiti tali kuntatti li kienu pew ikkonċepiti s-sistemi ta’ detenzjoni.
46. Dan japplika iktar u iktar għall-istabbilimenti jew taqsimiet tal-istabbilment irriżervati għad-detenuti kkundannati li wieħed mill-preokkupazzjonijiet prinċipali, leġittimu fil-fatt, tal-amministrazzjoni tal-ħabs huwa li tiġi evitata l-ħarba kif ukoll il-movimenti kollettivi u l-aggressjoni kontra l-persunal. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi huwa tradott evidentement fis-sistema applikabbli għad-detenuti u l-mod ta’ ġestjoni ta’ dawn il-faċilitajiet.
47. Irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-regola ġenerali tal-funzjonament ta’ tali stabbilimenti hija bbażata fuq is-separazzjoni — riflessa bl-assenjazzjoni fl-istabbilimenti jew taqsimiet distinti tal-istess stabbiliment — tal-irġiel, nisa u minuri.
48. Fir-rigward tal-minuri, għandu jżomm f’moħħu li d-detenzjoni tagħhom hija dejjem miżura, fil-prinċipju, eċċezzjonali li tippreżumi għalhekk li tiġi applikata għal minuri li jew huma qrib l-età adulta, jew għandhom profil psikoloġiku diffiċli u, f’kull każ, minħabba twettiq ta’ fatti gravi.
49. Huwa għalhekk fid-dawl, minn naħa, ta’ din l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ tali sistemi għall-immigranti mpoġġija taħt detenzjoni sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom tirrispettax id-drittijiet li huma mogħtija lilhom fl-Unjoni.
50. F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nesponi r-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tiegħi, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jistenna t-tneħħija tiegħu ma jistax jinżamm f’ħabs minħabba l-fatt li fil-Land responsabbli mill-eżekuzzjoni tad-detenzjoni tiegħu ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati bħal dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
51. Jiena ser insostni wkoll li dan iċ-ċittadin ma jistax jinżamm flimkien mal-priġunieri ordinarji bil-pretest li huwa rrinunzja għad-dritt mogħti lilu mill-imsemmija dispożizzjoni li jkun separat minn dawn tal-aħħar.
II – Il-qafas ġuridiku
52. Il-premessi 11, 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva jipprovdu:
“(11) Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. […]
[…]
(13) L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l‑objettivi segwiti. […] L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattwaw diversi possibilitajiet biex jissorveljaw ir-ritorn furzat.
[…]
(16) L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.
(17) Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.
[…]
(24) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta]”.
53. L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.
54. L-Artikolu 4 tad-Direttiva intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, dan li ġej:
“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.
55. L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva jippreċiża li “[i]ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali”.
56. L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”.
57. L-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva jipprovdi:
“2. Familji miżmumin f’detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.
3. Minuri f’detenzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ħin liberu, inkluż attivitajiet ta’ logħob u rikreazzjoni adatti għall-età tagħhom, u għandu jkollhom, skond it-tul tas-soġġorn tagħhom, aċċess għall-edukazzjoni”.
58. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18 tad-Direttiva, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, jipprovdi dan li ġej:
“1. F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi […] li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).
2. Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.
3. L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva”.
III – Osservazzjonijiet preliminari
59. Preliminarjament, jiena nirrileva li, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-Bundesgerichtshof fil-Kawża C-476/13, id-Direttiva ma kinitx trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż meta A. Bero tpoġġiet taħt detenzjoni fis-6 ta’ Jannar 2011.
60. Fil-fatt, l-Artikolu 62a tal-Aufenthaltsgesetz daħal fis-seħħ fis‑26 ta’ Novembru 2011, jiġifieri wara li l-persuna kkonċernata kienet irrilaxxata. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-kuntest tal-proċedura mibdija kontra A. Bero. Mill-banda l-oħra, hija tista’ tipprevalixxi ruħha mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva sa fejn, fid-data li fiha tpoġġiet taħt detenzjoni, it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20(1) tagħha fl-24 ta’ Diċembru 2010 kien skada.
61. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jonqos milli jittrasponi direttiva fit-terminu stabbilit jew jittrasponiha b’mod żbaljat, l-individwi jistgħu jinvokaw kontra dan l-Istat id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jkunu jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkondizzjonati u preċiżi biżżejjed. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-kawża El Dridi (14), dan japplika għall-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva, li huma inkondizzjonati u preċiżi biżżejjed b’mod li ma jeħtiġux elementi partikolari oħra sabiex jiġu implementati mill-Istati Membri (15).
IV – L-analiżi tiegħi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva
62. Kull domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreżumi, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, interpretazzjoni komuni tat-terminu u l-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
A – It-termini tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva
63. Jiena ser nagħti attenzjoni partikolari għall-verżjonijiet tal-lingwa Franċiża u Ġermaniża tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, teżisti differenza sostanzjali bejn dawn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi, li b’mod evidenti twassal għal konsegwenzi dwar it-termini użati mil-leġiżlatur Ġermaniż fil-liġi ta’ traspożizzjoni nazzjonali tiegħu.
64. Dwar l-ewwel frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, din tipprovdi l-prinċipju segwenti li “[i]d-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni”.
65. Il-prinċipju huwa fformulat f’termini ċari u omeġenji, fil-lingwi kollha tal-Unjoni (16). Jiena għalhekk konvint li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri għandhom joħolqu faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni għall-finijiet tad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija, b’ċerti eċċezzjonijiet partikolari.
66. Fil-fatt, is-saħħa ta’ dan il-prinċipju titnaqqas bl-użu tal-espressjoni “bħala regola”, li tippreżumi eċċezzjonijiet.
67. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jintroduċi eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju fit-tieni frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (17).
68. B’hekk, fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija jistgħu jinżammu f’ħabsijiet “[l]orsqu’un État membre ne peut les placer dans un centre de rétention spécialisé ([m]eta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni) (18) jew fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża tiegħu, “[w]here a Member State cannot provide accomodation in a specialised detention facility” (19).
69. Issa, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tal-imsemmija tintroduċi differenza sostanzjali fir-rigward taċ-ċirkustanzi fejn Stat Membru jista’ jidderoga għall-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-direttiva. Fil-fatt, hija tawtorizza d-detenzjoni f’ħabs “[m]eta ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fi Stat Membru” (20) (“Sind in einem Mitgliedstaat solche speziellen Hafteinrichtungen nicht vorhanden”).
70. Din il-verżjoni hija riflessa, f’parti biss, fit-test tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li titrasponi l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Fil-fatt, infakkar li l-Artikolu 62a(1) tal-Aufenthaltsgesetz jipprovdi dan li ġej:
“Id-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija għandha sseħħ, bħala regola, f’faċilitajiet ta’ detenzjoni speċjalizzati. Meta Land ma jkollux faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, id-detenzjoni tista’ isseħħ f’ħabsijiet oħra ta’ dan il-Land” (21).
71. Għandu jiġi kkonstatat li l-portata tal-motivi li għalihom Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju stabbilit u, konsegwentement, il-portata tal-eċċezzjoni stess ġew emendati b’mod sostanzjali bl-effett konġunt il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża u tat-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż tat-tieni frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
72. Qabel ma tiġi eżaminata l-konformità tal-liġi ta’ traspożizzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, għandu, għalhekk, jiġi eżaminat jekk il-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, ikkaratterizzata mill-użu tal-espressjoni “meta ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni” (22), tistax leġittimament isservi bħala bażi għal interpretazzjoni li tiġġustifika l-miżuri meħuda fil-kawżi prinċipali.
73. Fl-opinjoni tiegħi, huwa evidenti li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tat-tieni frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva hija żbaljata.
74. Minn naħa, il-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-espressjoni “meta Stat Membru ma jkunx jista’” (23), fil‑lingwi l-oħra tal-Unjoni huma omoġeniċi u mmudellati fuq il‑verżjonijiet tal-lingwa Franċiża u Ingliża tagħha. Issa, kif ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, verżjoni lingwistika diverġenti waħda ma tistax tipprevali kontra l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (24).
75. Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni, li l-verżjoni tagħha f’lingwa waħda tal-Unjoni tkun differenti minn dawk stabbiliti fil-lingwi l-oħra, din għandha tkun interpretata fid-dawl mhux biss tal-istruttura ġenerali tat-test li fiha tinsab, iżda wkoll tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni (25).
76. Issa, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tat-tieni frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-użu tal-espressjoni “meta ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni” (26), tneħħi l-effett utli kollu tal-prinċipju li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa fl-ewwel frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva u ċertament tikkomprometti l-għanijiet li dan għandu jilħaq.
77. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iġiegħel lill-Istati Membri joħolqu faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni sabiex issir effettiva l-iskema individwali l-iktar favorevoli li jimponi favur immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom. Għaldaqstant u għall-kuntrarju tal-opinjoni espressa mill-Gvern Ġermaniż, huwa assolutament evidenti li dan ma kellux l-intenzjoni li jippermetti li dawn l-Istati jinvokaw l-assenza ta’ dawn il-faċilitajiet fit-territorju tagħhom sabiex jidderogaw mill-prinċipju stabbilit.
78. Kieku dan kien il-każ, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet adattati għall-ispeċifiċità tad-detenzjoni kienet tkun kundizzjoni purament potestativa li tħalli libertà ta’ evalwazzjoni totali lill-Istati Membri. Minn din il‑perspettiva, l-espressjoni “meta Stat Membru ma jkunx jista’” (27), prevista fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, għandha għalhekk tkun interpretata bħala li tipprovdi għal sitwazzjonijiet li fihom “Stat Membru ma jridx”, li huwa għalhekk is-sens li konkretament tieħu din il-frażi.
79. Dan iwassal ukoll sabiex jiskoraġġixxi l-Istati Membri milli jibnu faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni u b’hekk jippermettilhom li jordnaw it-tpoġġija ta’ immigranti f’sitwazzjoni irregolari f’ħabsijiet — li hija biss soluzzjoni eċċezzjonali fl-istruttura tad-Direttiva — u finalment, li jiskużaw nuqqas gravi tal-Istati Membri mill-obbligu impost fuqhom mhux biss skont id-Direttiva, iżda wkoll mill-impenji internazzjonali tagħhom.
80. Għaldaqstant, jiena nqis li l-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tat-tieni frażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, li tipprovdi li Stat Membru jista’ jordna t-tpoġġija f’ħabs meta ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fit-territorju tiegħu, għandha tkun skartata għall-finijiet tal-analiżi ta’ dawn id-domandi.
B – L-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva
81. L-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva huwa dedott mil-linji gwida espressi fl-Artikolu 1 tagħha li ma jistax jinftiehem ħlief b’konformità u koerenza mal-Artikolu 1 tal-Karta. Dan it-test ta’ dritt primarju, li l-applikabbiltà tiegħu hawnhekk, ma hijiex indiskussjoni, jipprovdi li “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli [u hija] għandha tkun irrispettata u protetta”. Dan ir-riferiment għad-dinjità tal-bniedem huwa għalhekk bilfors inkluż fir-riferimenti għad-drittijiet fundamentali magħmula fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.
82. Għaldaqstant, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva u, b’mod iktar ġenerali, id-dispożizzjonijiet li jitrattaw b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-barranin sakemm isseħħ it-tneħħija ma jistgħu jkunu applikati b’mod konkret u b’konformità ma’ dawn it-testi biss jekk jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-valuri.
83. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, huwa sabiex jissodisfa dawn ir-regoli li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jibbaża d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija fuq żewġ prinċipji maġġuri relatati mal-kundizzjonijiet u mas-sistema ta’ detenzjoni. Minn naħa, id-detenzjoni għandha sseħħ f’faċilità speċjalizzata bi stil ta’ ħajja xieraq, u min-naħa l-oħra, meta b’mod eċċezzjonali sseħħ f’ħabs, l-Istat Membru għandu jiggarantixxi s-separazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin mill-priġunieri ordinarji, fejn dan l-aħħar rekwiżit jidher li huwa sagrosant, għaliex huwa obbligatorju jkun x’ikun il-post tad-detenzjoni.
84. Barra minn hekk, u dejjem skont ir-riferimenti li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jittrasponi, hawn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, huwa jeżiġi li l-post, is-sistema u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari jkunu “adegwati” sabiex ma jikkompromettux id-drittijiet mogħtija fl-Artikoli 3, 5 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (28).
85. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ttraspona wkoll l-għaxar u l-ħdax linja gwida tal-“għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat” li l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta fl-4 ta’ Mejju 2005 u li għalihom id-Direttiva tirreferi fil-premessa 3.
86. Fil-fatt l-għaxar linja gwida teżiġi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-persuni miżmuma qabel it-tneħħija huma “normalment” impoġġija f’bini assenjat b’mod speċifiku għal dan il-għan, li joffru kundizzjonijiet materjali u sistema adattata għall-istatus ġuridiku tagħhom (29). Hija timponi wkoll, fil-paragrafu 4 tagħha, li dawn il-persuni jkunu mifruda mill-persuni akkużati u kkundannati. Il-ħdax-il linja gwida teżiġi, fil-paragrafi 2 u 4 tagħha, li l-familji jibbenefikaw minn akkomodazzjoni separata sabiex tkun ippreżervata l-privatezza tagħhom u b’persunal u installazzjonijiet meħtieġa għall-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal, li tippermetti, b’mod partikolari, li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni (30).
87. Għal dan il-għan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji li fid-dawl tagħhom hija tevalwa n-natura adegwata tal-post, tal-kundizzjonijiet u tas-sistema tad-detenzjoni (31).
88. Qabel xejn, id-disinn u l-qsim tal-bini għandu, sa fejn huwa possibbli, jevita li jagħti l-impressjoni ta’ ambjent ta’ ħabs. Għalhekk dan il-bini għandu jkollu persunal li għandu kwalifiki xierqa, u b’mod partikolari xi konoxxenzi lingwistiċi u mediċi. L-imsemmi bini għandu jkun nadif u joffri spazju għall-għajxien suffiċjenti għan-numru ta’ persuni li jitpoġġew fih. B’mod partikolari, huwa għandu jkollu kmamar kollettivi mhux mħallta kif ukoll tagħmir sanitarju b’aċċess liberu u f’numru suffiċjenti. Barra minn hekk, huwa għandu jkollu l-ispazju u l-materjal neċessarju għall-ikel kif ukoll telefon b’aċċess liberu. Il-faċilità għandha jkollha wkoll tagħmir mediku kif ukoll kamra rriżervata sabiex tospita familji u awtoritajiet konsolari. Barra minn hekk, huwa għandu jkollu spazju għall-edukazzjoni u rikreazzjoni u b’mod partikolari spazju għal mixi fl-arja libera. Fl-aħħar nett, fil-każ fejn il-faċilità jkollha tilqa’ familji, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi li l-kmamar ikunu mgħammra b’mod speċjali b’infrastrutturi essenzjali meħtieġa għad-detenzjoni ta’ tfal żgħar b’ materjal tat-tfal adattat u sigur (32).
89. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li ħabs ma huwiex post “xieraq” u “adegwat” sabiex jilqa’ u għad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija.
90. Ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li ttraspona l-leġiżlatur tal-Unjoni huma bbażati fuq in-natura u l-iskop tal-miżura ta’ detenzjoni.
91. Din hija distinta b’mod ċar ħafna, fis-sustanza tagħha, minn miżura ta’ sanzjoni. Dan ma huwiex każ ta’ sanzjoni ta’ immigrant għar-reat jew delitt li huwa wettaq, iżda preparazzjoni għat-tneħħija tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-kuntest tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni joqgħod attent li ma jużax it-termini “detenzjoni” u “priġunerija” fir-rigward ta’ dan l-immigrant. Huwa jippreċiża, barra minn hekk, fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, li d-detenzjoni għandha tkun ordnata kontra persuni li huma suġġetti għal proċeduri ta’ tneħħija u għandha tikkontribwixxi unikament għat-twettiq ta’ din it-tneħħija (33). Fl-aħħar nett, fil-kuntest tad-Direttiva 2003/9/KE (34), huwa jiddefinixxi d-detenzjoni bħala li tinkludi “restrizzjoni ta’ min ifittex ażil minn Stat Membru għal post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha” (35).
92. Għalhekk id-detenzjoni ma tikkostitwixxix sanzjoni mogħtija wara t-twettiq ta’ ksur kriminali u l-għan tagħha ma huwiex li tikkoreġi l-aġir tal-persuna kkonċernata sabiex tidħol mill-ġdid, wara t-terminu, fis-soċjetà. Kull idea ta’ sanzjoni ta’ aġir hija, barra minn hekk, nieqsa mill-motivi li jiffurmaw il-bażi legali tal-miżura ta’ detenzjoni. Ma għandux jintesa li, f’dan l-istadju, l-immigrant li jistenna t-tneħħija ma jaqa’ taħt l-ebda status kriminali u lanqas li, anki jekk Stat Membru jikkwalifika, bħal ma l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxietlu d-dritt leġittimu, bħala “reat kriminali” il-fatt li jidħol b’mod irregolari fit-territorju tiegħu, din madankollu ddeċidiet li n-natura kriminali eventwali ta’ dan l-aġir għandha tispiċċa quddiem il-prijorità li għandha tingħata lit-tneħħija (36).
93. Għaldaqstant, ma teżisti ebda raġuni leġittima li għaliha din id-detenzjoni għandha tkun eżerċitata f’kundizzjonijiet u taħt sistema ta’ ħabs.
94. Jekk l-ewwel obbligu impost fuq l-Istati Membri huwa li jiggarantixxu l-osservanza tad-dinjità tal-bniedem, skont l-Artikolu 1 tal-Karta, allura, dan jimplika, fl-ewwel lok li l-irġiel, nisa u tfal li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija ma jingħatawx l-apparenza ta’ kriminali, li fiha nnifisha tikser din id-dinjità, billi jittrattawhom bħala tali.
95. Fit-tieni lok dan jeżiġi li jiġi ggarantit, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità (37), li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-detenzjoni ma jissuġġettawhomx għal restrizzjonijiet inerenti għas-sistema ta’ ħabs, li jrendu evidentement impossibbli l-osservanza tar-regoli u tal-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva u mit-testi li hija tittrasponi kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali li minnhom hija ispirata din tal-aħħar. Dan ifisser li jiġu stabbiliti skema u kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni li jkunu adatti għall-istatus ġuridiku tagħhom u li jkunu kapaċi jirrispondu għall-bżonnijiet individwali tagħhom, u b’mod partikolari ta’ dawk l-iktar vulnerabbli. Dan huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva li jipprovdu li l-familji miżmumin f’detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni adegwata u li l-minuri għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u jkunu jistgħu jipprattikaw attivitajiet xierqa, dispożizzjonijiet li għalhekk ma huma xejn ħlief riflessjoni tal-Artikoli 7, 14(1) u 24 tal-Karta.
96. B’konsegwenza loġika, u neċessarja, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta r-rekwiżit ta’ tpoġġija f’faċilitajiet addattati b’mod speċjali għan-natura tad-detenzjoni. F’dan ir-rigward, id-Direttiva tiddeskrivi l-kundizzjonijiet minimi li għandha tissodisfa din id-detenzjoni, u ma ssemmiex kundizzjonijiet inqas stretti.
97. Huwa evidenti li l-ħabs ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, għaliex huwa sempliċement intiż għal użu ieħor li ma huwiex dak tad-detenzjoni sakemm isseħħ it-tneħħija. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet materjali huma ċertament inadegwati, b’mod partikolari sabiex jintlaqgħu familji u ta’ tfal. Ir-regoli interni ta’ funzjonament jrendu s-sentiment ta’ ħabs omnipreżenti, għaliex il-ħarġiet huma bil-ħin, il-presenza tal-pulizija hija kbira, is-sorveljanza hija stretta u r-responsabbiltà hija totali (38). Ma’ dan għandhom jiżdidu l-prekarjarità, il-promiskwità, l-istress, in-nuqqas ta’ sigurtà u l-ambjent ostili li jirrappreżentaw il-ħabsijiet u ma jintesewx ir-restrizzjonjiet amministrattivi inerenti għal dan it-tip ta’ stabbiliment li jillimitaw l-approċċi amministrattivi u legali li jistgħu jieħdu l-immigranti.
98. Skont l-istess loġika u f’każ fejn id-detenzjoni b’mod eċċezzjonali jkollha sseħħ f’ħabs, id-Direttiva teżiġi li l-immigranti jkunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.
99. Min-naħa tiegħu, dan l-obbligu ta’ separazzjoni jipparteċipa direttament fl-osservanza tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali ta’ dak li ma wettaq ebda reat u ebda delitt. Huwa jiggarantixxi li, fi ħdan l-istruttura tal-ħabs stess, id-detenzjoni ta’ immigrant sakemm isseħħ it-tneħħija tkun distinta mill-eżekuzzjoni ta’ piena. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ separazzjoni jiżgura li din d-detenzjoni titwettaq f’kundizzjonijiet u taħt sistema adattata għall-istatus ġuridiku ta’ dan l-immigrant u li tkun proporzjonata mal-iskop tad-detenzjoni. Fl-aħħar nett, huwa jipprevjeni r-riskji marbuta mal-kriminalizzazzjoni ta’ ċerti immigranti u jevita l-vjolenzi marbuta mal-ambjent tal-ħabs li jistgħu jippreġudikaw il-persuni l-iktar vulnerabbli.
100. Fl-opinjoni tiegħi, dan jimplika separazzjoni stretta tal-immigranti mill-priġunieri ordinarji bl-istabbiliment ta’ unità totalment distinta iżolata mill-bqija tal-ħabs, li ma toffri ebda possibbiltà ta’ komunikazzjoni mal-persuni kkundannati jew li jkunu f’detenzjoni qabel ma tingħata sentenza dwarhom. Barra minn hekk, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15(2) tal-abbozz tad-Direttiva, tal-1 ta’ Settembru 2005 (39), il-Kummissjoni kienet teżiġi, li l-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “jkunu dejjem miżmuma fiżikament separati mill-priġunieri normali” (40). Bir-raġun.
101. Ir-regoli ta’ funzjonament tal-amministrazzjoni tal-ħabs jidhirli li jipprekludu l-implementazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva, għal raġunijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti leġittimi ta’ sigurtà, inerenti għall-funzjonament ta’ tali stabbilimenti. Jekk jitħalla jsir kuntatt bejn il-priġunieri ordinarji u l-barranin taħt detenzjoni waqt li tiġi żgurata lil dawn tal-aħħar il-flessibbiltà tas-sistema li t-testi jimponu, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kuntatt mal-estern, jittieħed hekk ir-riskju li, permezz tal-intermedjarji tagħhom, l-ikkundannati stess jibbenefikaw sabiex jagħmlu direttament jew permezz tal-intermedjarju tal-immigranti kuntatti esterni bil-konsegwenzi li nistgħu faċilment nimmaġinaw. Barra minn hekk, ma huwiex ta’ sorpriża li jiġi kkonstatat, mill-osservazzjonijiet sottomessi b’mod partikolari mill-ħabs ta’ München – jekk fihmthom sew – li fil-verità l-barranin taħt detenzjoni huma suġġetti għas-sistema tal-ħabs u mhux għal sistema speċjalment addattata u konformi għall-preskrizzjonijiet tad-Direttiva. Fil-fatt, dan ma jistax jiġi kkritikat lill-amministrazzjoni tal-ħabs stess, għaliex, għar-raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ sigurtà, li għadni kemm fakkart, hija ma tistax tagħmel mod ieħor. Dawn huma għalhekk il-loġika u l-obbligi tas-sistema stess li huma, min-natura tagħhom, inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva u jirrenduha inapplikabbli f’ambjent ta’ ħabs.
102. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi ma hemm l-ebda dubju li, fid-dawl tal-għan tar-rekwiżiti pprovduti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, dan ried ineħħi ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija mis-sistema tal-ħabs billi jitlob li kull Stat Membru, minn naħa, jistabbilixxi faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fit-territorju tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu s-separazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija mill-priġunieri ordinarji meta huma jordnaw b’mod eċċezzjonali detenzjoni f’ħabs.
103. Dan stabbilit, issa għandha tiġi analizzata fid-dettall kull domanda magħmula fil-kuntest tal-Kawżi magħquda C-473/13 u C-514/13 kif ukoll tal-Kawża C-474/13.
V – L-analiżi tad-domandi
A – Rimarki preliminari
104. Sabiex jinftiehem tajjeb il-kuntest li fih saru dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, għandhom jissemmew l-elementi li ġejjin.
105. Jiena nfakkar, fl-ewwel lok, li skont l-Artikoli 83 u 84 tal-Liġi Fundamentali, huwa l-Länder li għandu jiżgura l-eżekuzzjoni tad-detenzjonijiet ordnati fid-dawl tat-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment.
106. Issa, minn sittax-il Länder li jikkostitwixxu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għaxra minnhom ma għandhomx faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni (41). F’dawn iċ-ċirkustanzi u bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom ċerti Länder jirrikorru għall-assistenza amministrattiva, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija jitpoġġew f’ħabsijiet u ċertament ikunu suġġetti għall-istess regoli u restrizzjonijiet li huma rriżervati għall-priġunieri ordinarji jew għal persuni mpoġġija taħt detenzjoni provviżorja.
107. Din is-sitwazzjoni kienet ġiet ikkundannata mill-Kumitat Ewropew għall-projbizzjoni ta’ tortura u ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem is-“CPT”) fil-kuntest ta’ rapport magħmul fit-22 ta’ Frar 2012 (42).
108. Fit-tieni lok, is-separazzjoni tal-immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija mill-priġunieri ordinarji ma hijiex iggarantita fil-ħabsijiet kollha tat-territorju u, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda d-detenzjoni tan-nisa u t-tfal (43). Dan jirriżulta mhux biss mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż, iżda wkoll mill-ġurisprudenza nazzjonali.
109. Għalhekk, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2011, il-Landgericht Leipzig (Land ta’ Sachsen) annullat, abbażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, it-tpoġġija taħt detenzjoni ta’ ċittadin Tuneżin sa fejn dan kien jaqsam iċ-ċella flimkien ma’ persuna kkundannata (44). Skont ir-rapport stabbilit mis-CPT, tat-22 ta’ Frar 2012, dak iż-żmien ma kinux jeżistu fil-ħabs ta’ Leipzig unitajiet partikolari rriżervati għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija (45).
110. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Awwissu 2012, il-Landgericht Traunstein (Land ta’ Bayern) ukoll annullat it-tpoġġija taħt detenzjoni ta’ minuri sakemm isseħħ it-tneħħija għar-raġuni li dan inżamm f’faċilità ta’ delinkwenza tal-minorenni (46). Fil-fatt, il-ħabs tal-belt ta’ München għandu biss unità separata li tilqa’ adulti tas-sess maskili. Kif indika l-Gvern Ġermaniż fil-kuntest tar-risposta tagħha lis-CPT, il-minuri jinżammu, għalhekk, fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni għal minuri, flimkien mal-kriminali minuri (47). Fir-rigward tal-immigranti nisa, dawn jinżammu fit-taqsima tal-ħabs irriżervata għan-nisa. Din is-sitwazzjoni tinsab ukoll fil-Länder ta’ Baden-Württemberg, ta’ Hesse (48) u ta’ Sachsen (49).
111. Lil hinn mill-illegalità ta’ tali sitwazzjoni, dan huwa xokkanti. Fil-fatt, in-nisa tqal u l-minuri huma partikolarment vulnerabbli u jeħtieġu attenzjoni partikolari min-naħa tal-awtoritajiet minħabba l-istat tagħhom, l-età tagħhom u d-dipendenza tagħhom, li dwarha la l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva, u lanqas il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-ġurisprudenza tagħha, ma huma lesti li jittransiġu (50).
112. Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-unitajiet, għalkemm jiġu ppreparati taqsimiet speċjali, xorta jibqa’ l-fatt li ħafna drabi, waqt l-ikel, passiġġati jew anki kura fl-infermerija, l-immigranti jistgħu jitħalltu mal-priġunieri ordinarji. B’hekk, skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-ħabs ta’ München fil-kuntest tal-Kawża C-514/13, il-persuni taħt detenzjoni amministrattiva ma humiex mifruda mill-priġunieri ordinarji waqt il-proċedura tal-wasla u ż-żjarat, fis-swali differenti ta’ stennija (żjara medika, trasferiment) jew meta huma joqogħdu fl-infermerija. E. Bouzalmate dam tnax-il jum fl-infermerija komuni tal-ħabs wara t-tentattiv tiegħu ta’ suwiċidju.
113. Fl-aħħar nett, fil-biċċa l-kbira tal-Länder, id-detenzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari tidher li titwettaq skont il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti mil-Liġi dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni u ta’ prevenzjoni li jċaħħdu l-libertà, tas-16 ta’ Marzu 1976, u b’mod partikolari, skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 3 sa 49, 51 sa 121, 171, 173 sa 175 (regoli dwar il-ħwejjeġ, ix-xiri u x-xogħol), 178(3) (regoli speċjali għal minuri), u 179 sa 187 (51).
114. Wara din l-analiżi fattwali, issa għandha tingħata ħarsa lejn il-każijiet differenti inkwistjoni.
B – Il-Kawżi magħquda C‑473/13 u C‑514/13
115. Permezz tad-domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li, fid-dawl tal-istruttura federali tiegħu, jawtorizza lill-Istati federali jpoġġu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija f’ħabs meta ma jkunux jeżistu faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fit-territorju tal-Istati federali kompetenti.
116. Nippreċiża, minn issa, li l-kwistjoni dwar jekk id-direttiva timponix, u skont il-każ, sa liema terminu, il-bini immedjat ta’ numru minimu ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni, ma tinsabx, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest ta’ dawn id-domandi. Il-problema li jqajjmu dawn id-domandi hija kkonċentrata fuq il-każijiet individwali suġġetti lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma dwar, fil-fatt, jekk Stat Membru jistax, mingħajr ma jinvoka sitwazzjonijiet sraordinarji, jrendi l-eċċezzjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, ir-regola.
117. Fil-fatt, infakkar li A. Bero nżammet f’ħabs għar-raġuni li fil-Land ta’ Hesse ma kinux jeżistu faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni sabiex jilqgħu n-nisa. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn A. Bero jirriżulta wkoll li hija ma kinitx mifruda mill-priġunieri ordinarji taħt detenzjoni provviżorja.
118. Fir-rigward ta’ E. Bouzalmate, huwa kien miżmum f’taqsima separata tal-ħabs tal-belt ta’ München, peress li l-Land ta’ Bayern ma għandhiex faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.
119. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħhom, il-Bundesgerichtshof u l-Landgericht München jistaqsu jekk tali raġuni, ibbażata fuq l-istruttura federali tal-Ġermanja, tistax leġittimament tkun invokata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
120. Minn naħa huma jsostnu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw id-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija f’faċilitajiet speċjalizzati irrispettivament mil-lokalizzazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali. Huma jiddeċiedu li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi rriżervati għal kull Stat federali għall-implementazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. F’dan il-każ, it-tpoġġija taħt detenzjoni tal-persuni kkonċernati hija għalhekk kuntrarja għar-rekwiżiti tad-Direttiva.
121. Min-naħa l-oħra, il-qrati tar-rinviju jirrilevaw li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-istruttura federali tal-Istati Membri.
122. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ifakkar li l-Artikolu 4(2) TUE jobbliga effettivament lil-leġiżlatur tal-Unjoni li josserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, inkluż dak li jirrigwarda l-awtonomija lokali u reġjonali. Għaldaqstant, huwa jqis li, skont it-tqassim tal-kompetenzi organizzati mil-Liġi Fundamentali, il-Länder għandhom ikunu liberi li jiddeterminaw jekk, u sa fejn, huma għandhom joħolqu u jamministraw faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, fid-dawl tal-kobor tagħhom, is-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u n-numru tal-persuni detenuti għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom u għandhom ukoll ikunu liberi li jiddeċiedu, jekk ikun il-każ, li jistabbilixxu kooperazzjoni amministrattiva mal-Länder l-oħra. Għaldaqstant, il-Gvern Ġermaniż isostni li s-sovranità amministrattiva ta’ Land tiġi ppreġudikata jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jpoġġi l-immigranti sakemm isseħħ it-tneħħija ġewwa ħabs tiegħu minħabba li fit-territorju nazzjonali tiegħu ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.
123. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Gvern Ġermaniż iqis, għaldaqstant, li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva għandha tkopri s-sitwazzjoni fejn Stat Membru ma jkollux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fit-territorju tal-Istat federali kompetenti, iżda huwa obbligat, madankollu, josserva t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mir-regoli istituzzjonali tal-Istat.
124. Huwa minnu li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, Stat Membru jista’ jordna t-tpoġġija ta’ immigrant f’sitwazzjoni irregolari f’ħabs meta “ma jkunx jista’” jpoġġih f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax ulterjorment ir-raġunijiet li għalihom Stat Membru jkun jinsab f’din l-impossibbiltà.
125. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-dmir li jiddefinixxi r-raġunijiet li għalihom individwu jista’ jitpoġġa mhux f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, iżda f’ħabs?
126. Il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż jagħtu risposta pożittiva għal din id-domanda. Fl-interpretazzjoni tagħhom, jevitaw li jorbtu l-Artikolu 16 tad-Direttiva mal-Artikolu 18 tagħha li, madankollu, jitfa’ dawl b’mod singolari sal-punt li jidher li ż-żewġ artikoli għandhom jinqraw flimkien b’mod konġunt, peress li, it-tieni wieħed jesprimi b’mod ċar fit-test tiegħu li jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-ewwel wieħed.
127. B’hekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva jistabbilixxi prinċipju, l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni f’faċilità speċjalizzata, u jipprovdi eċċezzjoni, meta l-Istat Membru ma jistax jagħmel dan.
128. L-Artikolu 18 tad-Direttiva jipprovdi espressament is-sitwazzjoni li fiha hija prevista tali deroga, jiġifieri meta l-Istat Membru jkollu “sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, espressjoni li hija t-titolu ta’ dan l-artikolu.
129. Fil-fatt, f’dan l-istadju, nista’ diġà nistaqsi lili nnifsi dwar ir-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi espressament deroga bbażata fuq l-emerġenza tas-sitwazzjoni, jekk tali deroga hijiex daqshekk naturali u normali bħal ma huwa allegat mill-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż. Dak li huwa permissibbli minħabba raġunijiet ta’ amministrazzjoni faċli għandu jkun hekk biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza mingħajr ma d-Direttiva tippreċiża x’inhu.
130. Huwa għalhekk tajjeb li, fl-ispirtu tad-Direttiva, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti b’mod strett ir-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri sabiex tiġi ordnata detenzjoni f’ħabs mhux biss f’każ ta’ miżura restrittiva tal-libertà l-iktar gravi li tippermetti d-Direttiva, iżda wkoll għax huwa każ ta’ eċċezzjoni u huwa, għalhekk, indispensabbli li jitfakkru l-limiti għall-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri li d-Direttiva stess tipprovdi sabiex tiżgura l-effett utli tagħha.
131. Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva jikkostitwixxu għalhekk l-unika raġuni espressament prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tidderoga mill-obbligu ta’ tqegħid f’faċilità speċjalizzata. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri urġenti li jidderogaw mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2) tad-Direttiva f’każ ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu minħabba għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura. L-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà ħafna ikbar li ċerti Stati Membri għandhom iġestixxu minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Flussi massivi ta’ immigranti, bħal dawk li jistgħu jesperjenzaw l-Istati Membri fil-fruntiera tal-Mediterran, jaqgħu, fil-fehma tiegħi, taħt din l-eċċezzjoni.
132. Hija din l-unika raġuni li tista’ tiġi invokata?
133. It-test tad-Direttiva ma jidhirx li jippermetti li tingħata risposta affermattiva għal din il-mistoqsija.Mill-banda l-oħra, minn dan it-test, jistgħu jiġu dedotti l-karatteristiċi li għandu jkollhom l-eventwali ċirkustanzi li Stat Membru jista’ jinvoka għal dawn il-finijiet.
134. Mill-banda l-oħra, minn dan it-test, jistgħu jiġu dedotti l-karatteristiċi li għandu jkollhom l-eventwali ċirkustanzi li Stat Membru jista’ jinvoka għal dawn il-finijiet.
135. Fil-fatt, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva jikkwalifika espressament id-derogi previsti fil-paragrafu 1 tiegħu bħala “miżuri eċċezzjonali” u jimponi, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni tiġi infurmata bil-bidu u t-tmiem tal-miżuri inkwistjoni.
136. Għaldaqstant, jiena naħseb li, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza marbuta mal-fluss ta’ immigranti, Stat Membru jista’ jordna d-detenzjoni f’ħabs ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija tiegħu biss jekk ikunu jeżistu raġunijiet eċċezzjonali u leġittimi, bħal dawk li huma bbażati mill-istat ta’ neċessità, li jesprimu mingħajr kontestazzjoni possibbli li l-bilanċ tal-interessi jimponi din is-soluzzjoni. Meta Stat Membru jkollu diffikultajiet marbuta mat-tpoġġija f’detenzjoni ta’ immigrant sakemm isseħħ it-tneħħija, jidhirli li dan għandu jikkaratterizza, abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ individwali, ir-raġunijiet li għalihom it-tpoġġija kellha ssir f’ħabs peress li din it-tpoġġija għandha tiggarantixxi s-separazzjoni tal-immigrant mill-priġunieri ordinarji. Barra minn hekk, huwa għandu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-każ u josserva l-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 18(2) tad-Direttiva. Jidhirli wkoll, u dan minkejja li l-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-idea matul is-seduta, li din id-deċiżjoni ta’ tqegħid għandha tkun tista’ tiġi appellata, tal-inqas fil-kuntest amministrattiv, min-naħa tal-immigrant.
137. Għalhekk huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ispirati minn qari sempliċi tat-test stess li jiena ser neżamina waħda wara l-oħra r-raġunijiet invokati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-kawżi prinċipali u dawk imqajma mill-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom.
1. Ir-raġunijiet invokati mir-Regierungspräsidium Kassel (Kawża C‑473/13) u mill-Kreisverwaltung Kleve (Kawża C‑514/13)
138. Fil-Kawżi magħquda C-473/13 u C-514/13, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bbażaw ruħhom fuq il-kompetenzi rriżervati għal kull Länder u fuq it-termini stess tal-Artikolu 62a(1) tal-Aufenthaltsgesetz sabiex jiġġustifikaw id-detenzjonijiet inkwistjoni. Kif rajna, din id-dispożizzjoni tagħti lil kull Länder id-dritt li jordna d-detenzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari f’ħabsijiet, meta dawn il-Länder ma jkollhomx fit-territorji tagħhom faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.
139. Issa, jiena nfakkar li sa issa għaxar Länder ma għandhomx dawn il-faċilitajiet speċjalizzati. B’hekk, mid-dokumenti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-514/13 jirriżulta li l-persuni mpoġġija taħt detenzjoni amministrattiva fil-Land ta’ Bayern huma awtomatikament miżmuma, mill-1 ta’ Jannar 2012, fil-ħabsijiet ta’ Aschaffenburg, ta’ München u ta’ Nürnberg (52).
140. Issa, li żżomm immigrant f’sitwazzjoni irregolari f’ħabs għax ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni f’parti mit-territorju tal-Istat Membru ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, raġuni aċċettabbli, għax fi kwalunkwe każ ma tidħolx fil-kriterji ddefiniti preċedentement. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni bl-ebda mod ma hija r-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal dik espressament deskritta fl-Artikolu 18 tad-Direttiva jew tippreżenta kriterji ta’ emerġenza jew ta’ gravità simili għal dawk previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Fir-realtà, huwa ċar is-sentiment li faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni ma jeżistux sempliċement għax dawn ma nbnewx f’ċerti Länder u ma ssemmewx il-kapaċitajiet li għandhom il-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni eżistenti.
141. Barra minn hekk, ma jidhirlix li l-istruttura federali tal-Istat Membru hija ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-prinċipji tad-Direttiva.
142. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkru żewġ prinċipji essenzjali tal-ġurisprudenza tagħna.
143. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jirriżultaw mill-organizzazzjoni federali tiegħu sabiex eventwalment jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi preskritti minn direttiva (53). B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni u lanqas jiddikjaraw ruħhom dwar it-tqassim tal-kompetenzi mir-regoli istituzzjonali ta’ kull Stat Membru u dwar l-obbligi li jista’ jkollhom l-awtoritajiet tal-Istat federali u fuq dawk tal-Istati federati rispettivament (54).
144. Għaldaqstant, sa mill-mument li fih Stat Membru jkollu faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fit-territorju tiegħu, li jkollu kapaċità suffiċjenti sabiex jospita, huwa għandu jordna t-tpoġġija tal-persuni kkonċernati f’din il-faċilità, u ma hijiex wisq importanti l-organizzazzjoni federali ta’ dan l-Istat u l-lokalizzazzjoni ġeografika ta’ din il-faċilità.
145. Fit-tieni lok, l-Istati Membri għandhom jimmodifikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b’mod li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi. B’mod partikolari, l-imsemmija Stati ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni, anki jekk fil-qasam kriminali, li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet intiżi minn direttiva u jipprivawha mill-effettività tagħha. Fil-fatt, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal‑Artikolu 4(3) TUE, l‑Istati Membri, b’mod partikolari “għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” u “għandhom [...] joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l‑objettivi ta’ l-Unjoni”, inkluż dawk intiżi mid-direttiva. Din id-dispożizzjoni hija imposta fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri (55), kemm fuq l-awtoritajiet tal-Istat federali kif ukoll fuq dawk tal-Istati federati fil-każ fejn l-Istat Membru għandu organizzazzjoni federali.
146. Fil-Ġermanja, il-kompetenzi relattivi għall-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma maqsuma bejn l-Istat federali u l-Istati federati. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li skont l-Artikolu 35(1) tal-Liġi Fundamentali, l-awtoritajiet kollha tal-Istat federali u tal-Istati federati għandhom jagħtu assistenza ġudizzjarja u amministrattiva reċiproka, mingħajr ma din tippreġudika s-sovranità amministrattiva tal-Länder invokata mill-Gvern Ġermaniż fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu.
147. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 5(1)(2) tal‑Liġi tal-Ġermanja dwar il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża (Verwaltungsverfahrensgesetz) jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati federati jippreżentaw talbiet għal assistenza amministrattiva meta wieħed ikun ipprojbit milli jadotta miżuri amministrattivi b’mod partikolari minħabba, in-nuqqas ta’ stabbilimenti neċessarji jew nuqqas ta’ persunal.
148. Il-Land ta’ Sarre kkonkluda għalhekk ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva sabiex ipoġġi ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija fil-faċilità speċjalizzata ta’ Ingelheim li tinsab fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz. Mill-152 post li għandu dan iċ-ċentru, 50 tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Land ta’ Sarre (56). Il-Land ta’ Hamburg ikkonkluda wkoll ftehim ta’ kooperazzjoni sabiex jiżgura t-tpoġġija f’detenzjoni tan-nisa u tal-minuri fil-faċilitajiet speċjalizzati li jinsabu fit-territorju tal-Land ta’ Brandebourg (57). Dan donnu huwa l-każ ukoll fil-Länder ta’ Sachsen u ta’ Schleswig-Holstein li, abbażi tal-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż mal-Land ta’ Brandebourg, ipoġġu l-immigranti fil-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni ta’ Berlin-Köpenick u ta’ Eisenhüttenstadt (58).
149. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Kawża C-514/13, il-qorti tar-rinviju espressament semmiet l-użu tal-assistenza amministrattiva. Fil-fatt, mill-atti proċedurali tal-10, 12 u 13 ta’ Settembru 2013 jirriżulta, li hija talbet espressament lill-awtoritajiet tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz sabiex ġentilment ipoġġu lill-persuna kkonċernata fil-faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni ta’ Ingelheim. Għandu jiġi rrilevat li din it-talba ġiet aċċettata qabel ma ġiet miċħuda wara t-tentattiv ta’ suwiċidju tal-persuna kkonċernata.
150. Għaldaqstant, jidhirli li l-istruttura federali tal-Ġermanja ma tipprekludix it-tpoġġija tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari fil‑faċilitajiet ta’ speċjalizzati ta’ detenzjoni, anki fil-każ fejn il-Land kompetenti ma jkollux tali faċilitajiet fit-territorju tiegħu.
151. Fil-fatt, f’każ bħal dan, jidhirli li l-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati federati differenti, li ċertament huma volontarji, jippermettu li tkun żgurata l-osservanza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva filwaqt li tkun irrispettata l-istruttura federali tal-Ġermanja.
2. Ir-raġunijiet invokati mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom
a) L-interess u l-benesseri tal-immigrant
152. Skont il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż, jeżistu ċirkustanzi li fihom l-interess u l-benesseri tal-immigrant jitolbu t-tpoġġija tiegħu f’ħabs, u b’hekk jiġġustifikaw deroga mill-prinċipji stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Din it-tpoġġija tikkostitwixxi “miżura aktar favorevoli” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu “soluzzjoni personalizzata” fl-interess tal-immigrant fis-sens tal-premessa 6 tad-Direttiva (59).
153. Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż jippreċiża li minħabba t-tul medju ta’ detenzjoni tal-priġunieri ordinarji, li b’mod ċar huwa itwal minn dak tal-immigranti, il-ħabsijiet joffru varjetà ta’ attivitajiet, rikreazzjoni u kura iktar estiżi u frekwenti minn dawk proposti fil-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni kif ukoll qafas aħjar f’termini ta’ sigurtà. Il‑minuri mpoġġija f’faċilitajiet ta’ delinkwenza tal-minorenni jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kuri u tagħlim speċifiku wiesa’ f’dawn il‑faċilitajiet ta’ detenzjoni għall-minuri u jipparteċipaw, jekk iridu, f’attivitajiet ma’ persuni tal-istess età. Fir-rigward tal-persuni li jbatu minn mard partikolari, dawn jistgħu jibbenefikaw mill-kura medika li ma hijiex neċessarjament ipprovduta fil-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Fl-aħħar nett, il-persuni li huma ta’ riskju għas-sigurtà tal‑oħrajn jistgħu jkunu kkontrollati aħjar grazzi għall-istruttura tal-ħabs u sorveljati minn persunal ikkwalifikat.
154. Barra minn hekk, skont il-Gvern Ġermaniż, it-tpoġġija ta’ immigrant f’ħabs tal-lokalità tevita l-inkonvenjenzi marbuta mad-distanza ġeografika tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Qabel xejn, din it-tpoġġija tippermetti li tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura ta’ tneħħija. Sussegwentement, hija tippermetti li jiġu evitati distanzi twal lill-immigrant u tiffaċilita mhux biss iż-żamma ta’ kuntatt mal-familja u l-ħbieb, iżda wkoll il-proċeduri legali. Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn membru tal-familja jitpoġġa f’ħabs, it-tpoġġija ta’ immigrant fl-istess ħabs tippermetti r-riunifikazzjoni tal-istess membri tal-familja.
155. Jiena nirrileva li xi argumenti minn dawn tqajmu mill-Gvern Ġermaniż fir-risposta li hija ppreżentat lis-CPT wara r-rapport ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2012 (60).
156. Mingħajr dubju, bl-eċċezzjoni tal-persuni li huma ta’ riskju għas-sigurtà tal-oħrajn u li għalihom jidher li japplika r-riferiment għat-teorija tal-istat ta’ bżonn, jiena għandi dubji kbar fir-rigward ta’ dawn l‑argumenti.
157. Għalkemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva jeżiġi effettivament li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal, il-ħajja familjari u l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata meta jimplementaw id-Direttiva, huwa evidenti li dan ma huwiex fis-sens li jissuġġerixxu l-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż fl-osservazzjonijiet tagħhom.
158. Ċertament hemm sitwazzjonijiet li fihom huwa preferibbli li persuna tkun tinsab f’ħabs pjuttost milli f’faċilità ta’ detenzjoni. Dawn huma preċiżament dawk deskritti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl‑Artikolu 18 tad-Direttiva jew oħrajn li huma simili għalihom fil-gravità u fl-urġenza tagħhom. Minbarra dawn il-każijiet, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi sostnut li d-detenzjoni f’ħabs tista’ tikkostitwixxi “miżura aktar favorevoli” jew tirrappreżenta “soluzzjoni personalizzata” għal dak li jkun qiegħed jistenna t-tneħħija, kemm jekk dan huwa minuri jew persuna marida. Jekk isir dan tkun għal darb’oħra qed tiġi omessa l-funzjoni tal-priġunerija li hija maħsuba bħala l-istrument ta’ sanzjoni intiża sabiex tiżgura piena għall-ksur imwettaq.
159. F’dan ir-rigward, huwa evidenti li l-Istati Membri ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq it-termini tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva sabiex jordnaw tali tpoġġija f’detenzjoni.
160. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l‑fakultà li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment minn dawk tad-Direttiva, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli magħha, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza El Dridi (61), li d-Direttiva ma tippermettix lill-imsemmija Stati li japplikaw normi iktar severi fil-qasam irregolat mid-Direttiva (62).
161. Issa, huwa evidenti li t-tpoġġija f’detenzjoni f’ħabs mhux biss tikkostitwixxi miżura iktar severa minn dawk previsti fil-kuntest tat-tneħħija forzata, iżda wkoll tikser il-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva jekk din it-tpoġġija ma tkunx marbuta mal-garanziji rikjesti mill‑Artikolu 16(1) tagħha.
162. Ser nirreferi għall-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom.
163. Fl-ewwel lok, il-minuri mpoġġija f’faċilità ta’ delinkwenza tal-minorenni jistgħu jibbenefikaw minn kura u tagħlim speċifiku u jipparteċipaw f’attivitajiet ma persuni tal-istess età. Dwar liema kura qegħdin jitkelmu? Għalkemm il-minuri mpoġġija f’faċilità ta’ delinkwenza tal-minorenni, u għalhekk delinkwenti, għandhom bżonn ċertament kura psikoloġika ma narax għalfejn, l-immigranti minuri għandu jkollhom bżonnha, ladarba ma humiex delinkwenti.
164. Hawnhekk nara assimilazzjoni ta’ immigrant ma’ delinkwent, li twassal minħabba l-fatt stess tat-tpoġġija tiegħu f’taqsima tal-minuri, għal separazzjoni tal-minuri minn mal-ġenituri tiegħu, li huwa dak li d-Direttiva trid ġustament tevita. Jiena ma nsibx ir-riflessjoni tal-Artikoli 1 u 24 tal-Karta u b’mod partikolari tal-paragrafu 3 ta’ dan l-aħħar artikolu li jipprovdi li “[i]t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom regolarment, relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri”.
165. Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva tipprovdi li l-minuri għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn attivitajiet adattatti għall-età tagħhom, b’mod partikolari sportivi u rikreattivi, għandi dubji kbar dwar kemm il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ppreveda li dawn jipparteċipaw għall-attivitajiet komuni mad-delinkwenti minuri, u dan minħabba r-riskji ta’ kriminalizzazzjoni li tali sitwazzjoni tista’ toħloq.
166. Fit-tielet lok, immigrant jista’ jżomm il-kuntatt mal-familja u l-ħbieb tiegħu jekk huwa jinżamm fil-ħabs tal-lokalità. F’dan ir-rigward, jiena nistaqsi kemm mill-immigranti li qed jistennew it-tneħħija għandhom familja stabbilita fit-territorju tal-Unjoni.
167. Fit-tielet lok, id-detenzjoni f’ħabs tal-lokalità jew tal-Länder kompetenti tippermetti lill-immigrant li jżomm kuntatt mal-familja u l-ħbieb tiegħu. Issa tali qtugħ ta’ kuntatt bilfors jeżisti sa fejn l-immigrant qiegħed fuq it-triq tat-tneħħija, u l-preżenza evantwali ta’ qraba fuq il-post ma tippermettilux li jibbenefika minn dispożizzjonijiet li jawtorizzawh jibqa’ fuq it-territorju tal-Unjoni.
168. Fil-raba’ lok, il-fatt li l-immigrant jitqiegħed f’faċilità speċjalizzata ’l bogħod jimmina l-effettività tal-proċedura ta’ tneħħija. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma huwiex ammissibbli peress li l-għan stess tal-faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni huwa li jiġu ffaċilitati l-proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-ritorn rapidu u effettiv tal-persuna sal-pajjiż ta’ oriġni tagħha fl-osservanza tad-drittijiet rikonoxxuti lilu.
169. Fil-ħames lok, immigrant jista’ jitpoġġa fl-istess ħabs li fih hemm il-membri l-oħra tal-familja tiegħu. Ma narax għalfejn din it-tpoġġija ma hijiex possibbli f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fejn ir-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva. Din l-eżiġenza li l-familjari jinġabru flimkien, jidhirli li, għall-kuntrarju, timmarka d-differenza essenzjali tas-sistema ta’ detenzjoni meta mqabbla mal-ħabs u, konsegwentement, tipprojbixxi r-rikors għal dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-restrizzjonijiet marbuta mas-sistema tal-ħabs li huma dawk tal-priġunerija f’ċella b’ikliet u dmirijiet stabbiliti, ħinijiet ta’ “mixi” estremament imnaqsa u xi kultant l-ilbies ta’ uniformi jidhruli perfettament illustrati mill-osservazzjonijiet tal-ħabs ta’ München.
170. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet ma kinux parti mit-trasformazzjoni xierqa lill-ħabsijiet sabiex irendu s-sistema tagħhom kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Sabiex jiġu ssodisfatti għandu jkun hemm trasformazzjoni arkitettonika sħiħa. Fin-nuqqas, is-sitwazzjoni tibqa’, b’mod evidenti, inkompatibbli mal-istandards stabbiliti mit-testi u mill-ġurisprudenza. Familji huma mifruda, tfal imċaħħda mill-ġenituri tagħhom, persuni li ma wettqu ebda reat kriminali huma ttrattati bl-istess mod bħal kriminali u delinkwenti u jitpoġġew f’kuntatt ma’ dawn tal-aħħar. Dawn il-prattiki huma totalment ipprojbiti mid-dritt nazzjonali u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, u jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.
b) L-ispejjeż relatati mal-istabbiliment ta’ faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni u l-ispejjeż marbuta mat-trasferiment lejn faċilitajiet ta’ detenzjoni fil-bogħod
171. Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li tkun spiża eċċessiva sabiex f’kull Land jiġu stabbiliti faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni għall-persuni kkonċernati kollha, jiġifieri l-irġiel, in-nisa u l-minuri, fid-dawl b’mod partikolari tan-numru relattivament żgħir ta’ dawn il-persuni, u b’mod partikolari tan-nisa u t-tfal (63). Huwa jqis ukoll li l-Istat Membru għandu jkollu ċerta flessibbiltà dwar l-organizzazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet sa fejn in-numru ta’ persuni li għandhom ikunu suġġetti għat-tpoġġija f’detenzjoni ma huwiex stabbli u fejn it-tul tad-detenzjoni tagħhom ma taqbiżx ftit ġimgħat sa ftit xhur.
172. Jiena nifhem li Stat Membru jista’ jkollu problema ta’ ffullar fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni tiegħu f’epoka fejn id-detenzjoni amministrattiva żdiedet b’mod qawwi u li huwa jkun ukoll obbligat li jagħlaq ftit minnhom pereżempju minħabba xogħolijiet ta’ trasformazzjoni jew rinnovazzjoni. Għaldaqstant, wieħed ma għandux jinsa li d-detenzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni irregolari f’ħabsijiet toħloq bl-istess mod ir-riskju ta’ sovraffollament ta’ dawn il-faċilitajiet, li, huwa stess, iwassal għal spejjeż kbar. Issa, sa fejn naf jien, huma ħafna l-Istati Membri li jilmentaw sitwazzjoni endemika ta’ sovraffollament fil-ħabsijiet.
173. Jiena nifhem ukoll li t-trasferiment lejn faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni jista’ jwassal għal spejjeż u jeħtieġ organizzazzjoni, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-proċedura tat-tneħħija għandha sseħħ fi żmien qasir. Issa, l-ebda Stat Membru ma seta’ jimmaġina jew anki jippretendi, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Direttiva, li l-obbligi u l-prinċipji li hija tistabilixxi għandhom jitwettqu mingħajr spejjeż. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li t-tpoġġija tal-immigranti fil-ħabsijiet hija, hi stess, għolja ħafna f’termini ta’ spazju u ta’ tqassim tal-ispazju. Hija teħtieġ restrutturazzjoni sħiħa ta’ ċerti taqsimiet ta’ dawn il-faċilitajiet b’mod li l-iskema ta’ detenzjoni tkun kompatibbli mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva. Konsegwentement, l-ekonomiji allegati mill-Istati Membri jidher li huma illużorji. Fl-aħħar nett, huwa interessanti li tkun magħrufa l-ispiża rispettiva, għal numru ta’ postijiet identiċi, ta’ ħabs u ta’ faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni.
174. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena nikkunsidra li, bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza previsti espressament fl-Artikolu 18 tad-Direttiva, ċirkustanzi eċċezzjonali li jippreżentaw kriterji ta’ emerġenza jew ta’ gravità simili għal dawk previsti fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni jew li jaqgħu taħt l-istat ta’ neċessità biss jistgħu jiġġustifikaw li Stat Membru jkollu jidderoga mill-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva u jordna t-tpoġġija f’ħabs ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija.
175. Fl-opinjoni tiegħi, ebda waħda mir-raġunijiet imqajma fil-kuntest tal-kawżi prinċipali ma għandha dawn il-karatteristiċi.
176. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nqis li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fid-dawl tal-istruttura federali tiegħu, tawtorizza lill-Istati federati jpoġġu ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija f’ħabs meta fit-territorju tal-Istat federat kompetenti ma jeżistux faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.
C – Il-Kawża C-474/13
177. Fil-Kawża C-474/13 il-Bundesgerichtshof jitlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, Stat Membru jistax ma jifridx ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum f’ħabs għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu mill-priġunieri ordinarji minħabba li l-immigrant ikun ta l-kunsens tiegħu sabiex jitqiegħed f’dan il-grupp (64).
178. Fi kliem ieħor, immigrant impoġġi f’detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu jista’ jagħti l-kunsens tiegħu sabiex jiġi ttrattat bl-istess mod bħal delinkwent jew kriminal?
179. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesgerichtshof tqis li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tagħti l-kunsens tagħha sabiex tinżamm flimkien mal-priġunieri ordinarji għar-raġuni li hija “opportunità li tkun f’kuntatt ma’ persuni oħra tal-istess nazzjonalità jew tal-istess età”. Barra minn hekk, hija ssostni li l-obbligu ta’ separazzjoni huwa intiż biss sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u li r-rinunzja għal tali obbligu ma taffettwax il-kontenut essenzjali tad-dinjità tal-bniedem, peress li l-eżekuzzjoni ta’ sanzjoni ma tippreġudikax fiha nnifisha d-dinjità tal-bniedem.
180. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovda ebda eċċezzjoni għall-obbligu ta’ separazzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk jeżistix ir-riskju li jiġi evitat dan l-obbligu meta “b’mod regolari l-awtoritajiet ikkonċernati jġiegħlu lill-persuni kkonċernati jiffirmaw dikjarazzjonijiet ta’ kunsens ifformulati minn qabel jew iġiegħluhom jagħtu l-kunsens tagħhom”.
181. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-iStadt Schweinfurt, l-Amt für Meldewesen und Statistik kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż iqisu li tali prattika hija kompatibbli mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
182. Huma jibbażaw ruħhom, essenzjalment, fuq l-interess u l-benesseri tal-immigrant, li f’ċerti ċirkustanzi jeħtieġu deroga mill-obbligu ta’ separazzjoni preskritt minn din id-dispożizzjoni. Il-fatt li jitpoġġew mal-priġunieri ordinarji jippermetti, fil-fatt, titjib tas-sitwazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, li jiġi ssodisfatt l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni.
183. Skont il-Gvern Ġermaniż, dan il-ġbir ta’ persuni f’dan il-grupp jippermetti, b’mod partikolari, lill-persuna kkonċernata “tistabilixxi kuntatti soċjali mal-persuni tal-istess nazzjonalità tagħha matul id-detenzjoni”, ħaġa li magħha jaqbel il-Gvern Olandiż, u tiffaċilita ż-żjarat tal-ġenituri u l-qraba. Il-ġbir ta’ dawn il-persuni f’dan il-grupp jippermetti għalhekk li jiġi evitat l-iżolament soċjali li għalih il-persuna kkonċernata tkun suġġetta f’faċilità ta’ detenzjoni minħabba t-tneħħija ġeografika tagħha u n-numru żgħir ta’ persuni li għandhom l-istess nazzjonalità u li jitkellmu l-istess lingwa fil-faċilitajiet. Skont il-Gvern Ġermaniż, tali sitwazzjoni tkun iktar diffiċli li wieħed jgħixha mill-inkonvenjenzi marbuta mat-tqegħid fl-istess grupp ma’ persuni kkundannati. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-osservanza tad-dinjità tal-bniedem ma tipprekludix li immigrant li jkun qiegħed jistenna t-tneħħija jinżamm ma’ priġunieri ordinarji, fl-istess kundizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. Għall-kuntrarju, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teżiġi r-rispett tax-xewqa tal-persuna kkonċernata li titpoġġa flimkien ma’ priġunieri tal-istess nazzjonalità.
184. Fl-aħħar, kollha jsostnu li tali prattika tista’ tikkostitwixxi miżura iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata mill-obbligu strett ta’ separazzjoni. Skont il-Gvern Olandiż, din il-prattika hija, għaldaqstant, konformi mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva u tippermetti, fis-sens tal-premessa 6 tad-Direttiva li “jitfasslu soluzzjonijiet xierqa fl-interess tal-barrani”.
185. Jiena niċħad b’qawwa din l-interpretazzjoni u naħseb li evidentement ir-risposta għad-domanda tal-Bundesgerichtshof għandha tkun fin-negattiv.
186. Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata “tagħti l-kunsens” sabiex titpoġġa fl-istess grupp ma’ priġunieri ordinarji billi tiġi ppreparata dikjarazzjoni ta’ kunsens bil-miktub. Issa, il-verb “tagħti l-kunsens” (“einwilligen” fil-lingwa Ġermaniża) jimplika talba minn qabel. Fil-kuntest tal-Kawża C‑474/13, huwa preżunt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti “talbu” minn qabel lill-persuna kkonċernata, b’mod jew ieħor, li tirrinunzja għal din il-garanzija.
187. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn T. L. Pham jirriżulta li hija ffirmat id-dikjarazzjoni bil-miktub ifformulata minn qabel li ġejja:
“Pham Thi Ly, taħt detenzjoni
Jiena niddikjara li nagħti l-kunsens tiegħi sabiex nitpoġġa flimkien mal-priġunieri.
Nürnberg, it-30 ta’ Marzu 2012
Firma”
188. Fid-dawl tal-elementi li jiena għandi quddiemi, jiena nħoss li l-approċċ tal-awtoritajiet nazzjonali ma huwiex immotivat mill-interess ta’ T. L. Pham u lanqas mix-xewqa eventwali li hija wriet dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħha. Ebda element fil-proċess, u lanqas id-dikjarazzjoni ffirmata minn T. L. Pham ma jippermetti li jiġi ddikjarat li hija talbet espressament li tinżamm flimkien ma’ persuni tal-istess nazzjonalità tagħha. Eżattament il-kuntrarju. Mill-provi li jiena għandi quddiemi jirriżulta li hija ma tafx il-lingwa Ġermaniża u li, fil-31 ta’ Marzu 2012, 3 Vjetnamiżi biss kienu taħt priġunerija f’wieħed mis-37 ħabs tal-Land ta’ Bayern. Jiena naħseb, fil-verità, li l-approċċ tal-awtoritajiet ġie impost minħabba n-nuqqas ta’ strutturi li jistgħu jilqgħu lil T.L. Pham, fejn fil-fatt dawn tal-aħħar ma pproponew ebda alternattiva għat-tpoġġija f’detenzjoni tagħha.
189. Issa, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ammess, li lil hinn mill-istress li jkun jinsab fih immigrant minħabba t-tneħħija furzata tiegħu u tal-pożizzjoni fraġli tiegħu, Stat Membru jista’, b’mod jew ieħor, jitolbu li jirrinunzja għal garanzija li d-dritt tal-Unjoni jagħti espressament minħabba l-fatt li dan l-Istat ma għandux l-infrastrutturi neċessarji sabiex jinżamm f’faċilità speċjalizzata jew, jekk ikun il-każ, mifrud mill-priġunieri ordinarji.
190. Jekk jiġi ammess li l-Istati Membri jistgħu ma jifirdux immigrant mill-priġunieri ordinarji għar-raġuni li tal-ewwel ta l-kunsens tiegħu għal dan, ikun qed jiġi permess li l-awtoritajiet nazzjonali jevitaw l-obbligu previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva u, fl-aħħar nett, li jiġi skużat nuqqas gravi ta’ dawn l-Istati tal-obbligi imposti fuqhom mid-Direttiva u d-dmirijiet internazzjonali tagħhom.
191. Fil-kuntest tal-Kawża C-474/13, jidhirli għalhekk evidenti li tali kunsens ma jistax jikkostitwixxi raġuni valida li tippermetti lill-Istat Membru jidderoga mill-obbligu ta’ separazzjoni previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva.
192. It-termini tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva huma perfettament ċari u nfakkar li huma bbażati fuq obbligu inkundizzjonat u preċiż. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma introduċa ebda eċċezzjoni għall-obbligu ta’ separazzjoni, b’tali mod li Stat Membru ma jistax, abbażi tad-Direttiva, jidderoga minn dan il-prinċipju, anki, fil-fehma tiegħi, fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 18 tagħha.
193. Għaldaqstant, l-għanijiet tad-Direttiva, li mhux ser nerġa’ nsemmi, jipprekludu b’mod manifest tali prattika.
194. Meta Stat Membru ma jisseparax l-immigranti li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija mill-priġunieri ordinarji, huwa jadotta aġir mhux biss kuntrarju għall-għan tad-Direttiva, jiġifieri dak ta’ ritorn b’mod uman u dinjituż, b’rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom (65), iżda wkoll sproporzjonat meta mqabbel mal-għan tad-detenzjoni.
195. Fil-fatt, dan l-Istat ikun qed jassimila d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ miżuri ta’ sanzjoni, b’tali mod li l-immigrant f’sitwazzjoni irregolari huwa ttrattat bl-istess mod bħal kriminal, għaliex jinżamm f’post, f’kundizzjonijiet u taħt sistema identika għal dawk irriżervati għall-priġunieri ordinarji.
196. Ċertament, jiena nista’ naqbel mal-opinjoni tal-Bundesgerichtshof li bħala prinċipju l-eżekuzzjoni ta’ piena, fiha nnifisha, ma tippreġudikax id-dinjità tal-bniedem. L-eżekuzzjoni mill-ikkundannat tal-piena legalment imposta u legalment mogħtija hija anki għalih stess, filwaqt li jħallas id-dejn li huwa għandu lejn is-soċjetà, mezz kif jerġa’ jsib id-dinjità ta’ ċittadin tiegħu. Iżda tista’ tingħata l-istess opinjoni mingħajr riżerva fir-rigward ta’ T. L. Pham, li tpoġġiet f’sitwazzjoni ta’ persuna li qed teżegwixxi piena meta hija innoċenti minn kull ksur tad-dritt komuni? Hawnhekk jidhirli li l-paralleliżmu ma huwiex possibbli.
197. Barra minn hekk, jidhirli li huwa riskjuż, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li jiġi sostnut li d-detenzjoni fi ħdan ħabs tippermetti it-“titjib tas-sitwazzjoni” ta’ immigrant bi ksur ukoll tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva li huma bbażati fuq il-preżervazzjoni tal-interessi tal-immigrant f’sitwazzjoni irregolari u tad-dinjità tiegħu. Fil-fatt, kif jiena indikajt fil-punti 159 sa 161 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva ma jippermettix li tali prattika tkun iġġustifikata, għaliex tirrigwarda, fiha nfisha, miżura ħafna iktar severa minn dik prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
198. Għaldaqstant, jiena ma naqbel xejn mal-idea esposta mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, li l-persuna kkonċernata tista’ tirrinunzja għal din il-garanzija meta jkunu jeżistu, pereżempju, “opportunitajiet li tkun f’kuntatt ma’ persuni tal-istess nazzjonalità tagħha jew tal-istess età”, idea li jaqbel magħha wkoll il-Gvern Olandiż. Ħabs mhux klabb ta’ btala u lanqas klabb fejn wieħed jiltaqa’ ma’ oħrajn. Barra minn hekk, meta jiena eżaminajt l-istatistiċi stabbiliti mil-Land ta’ Bayern dwar in-nazzjonalità tal-persuni taħt priġunerija fil-31 ta’ Marzu 2012, data li fiha T. L. Pham tpoġġiet taħt detenzjoni, fit-territorju kollu (66) (jiġifieri 37 ħabs li 9 minnhom huma prinċiparjament tan-nisa) (67), jiena kkonstatajt li 3 detenuti biss għandhom nazzjonalità Vjetnamiża, 7 għandhom oriġini Afrikana — li tinkludi 57 pajjiż u daqshekk ieħor lingwi u djaletti — u ħadd ta’ oriġini Ċiniża, Iraqija, Lebaniża jew Albaniża. Jidhirli li fi kwalunkwe każ l-opportunitajiet huma rari.
199. Fl-aħħar nett, jiena niddubita l-valur tal-kunsens ta’ T. L. Pham fid-dawl tal-kuntest li ngħata fih.
200. Qabel xejn, mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn T. L. Pham jirriżulta li din ma kellhiex konoxxenzi lingwistiċi biżżejjed tal-Ġermaniż sabiex tifhem id-dikjarazzjoni li ffirmat u kollox jagħti x’jifhem li din id-dikjarazzjoniji ta’ kinitx ġiet tradotta.
201. Barra minn hekk, ir-rinunzja inkwistjoni saret f’sitwazzjoni bi sfond mhux ibbilanċjat bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-implementazzjoni tad-detenzjoni u l-immigrant f’sitwazzjoni irregolari. Ma għandux jintesa li persuna mpoġġija taħt detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija tinsab f’pożizzjoni sensittiva fil-konfront tal-awtoritajiet u jiena ma nistax neskludi li hija tat il-kunsens tagħha meta tpoġġiet taħt pressjoni, anki jekk minima. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, “b’mod regolari l-awtoritajiet ikkonċernati jġiegħlu lill-persuni kkonċernati jiffirmaw dikjarazzjonijiet ta’ kunsens ifformulati minn qabel jew iġiegħluhom jagħtu l-kunsens tagħhom”.
202. Fl-aħħar nett, għandha tiġi kkunsidrata l-qagħda psikoloġika li fiha jista’ jinsab immigrant meta jitpoġġa taħt detenzjoni u tad-diffikultajiet li huwa stess jaffaċċja, minħabba l-lingwa tiegħu pereżempju, sabiex jagħraf id-drittijiet mogħtija lilu. B’hekk mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn T. L. Pham jirriżulta li hija ma kellhiex konoxxenzi lingwistiċi biżżejjed tal-lingwa Ġermaniża sabiex tifhem id-dikjarazzjoni li hija ffirmat u xejn ma jindika li din id-dikjarazzjoni ġiet tradotta. F’dan ir-rigward, huma ħafna dawk li f’dan l-istadju ma jkollhomx il-mezzi ta’ assistenza legali u li ma jkunux konxji b’mod sħiħ tad-drittijiet tagħhom fil-mument li fih huma jiġu mistiedna jirrinunzjaw għalihom. Ħafna ma jifhmux il-portata u l-konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni f’dan is-sens. Huwa għalhekk li jiena ma nistax nieħu r-riskju li jingħata valur legali lil kunsens mogħti f’dawn it-tip ta’ ċirkustanzi.
203. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni proposta minn T. L. Pham tikkostitwixxi, għar-raġunijiet esposti, aggravju tad-destin tagħha, u jidher li sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tagħha, hija kellha tkun assistita minn avukat. Issa, mill-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta jirriżulta li din ġiet assistita minn avukat fi stadju sussegwenti tal-proċedura.
204. Għaldaqstant u fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nqis li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru ma jisseparax ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu f’ħabs mill-priġunieri ordinarji għar-raġuni li huwa ta l-kunsens sabiex jitqiegħed f’dan il-grupp.
VI – Konklużjoni
205. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof et le Landgericht München kif ġej:
1) Fil-Kawżi magħquda C‑473/13 u C‑514/13:
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li, fid-dawl tal-istruttura federali tiegħu, tawtorizza lill-Istati federati jpoġġu ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz sakemm isseħħ it-tneħħija f’ħabs meta ma jeżistux fit-territorju tal-Istat federat kompetenti faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.
2) Fil-Kawża C-474/06:
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru ma jisseparax ċittadin ta’ pajjiż terz miżmum għal-finijiet tat-tneħħija tiegħu f’ħabs mill-priġunieri ordinarji għar-raġuni li dan ta l-kunsens tiegħu sabiex jitqiegħed f’dan il-grupp.